Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Pass 3: Iċċekkja l-kundizzjonijiet finanzjarji

Forom ta’ għotja

L-għotja tista’ tieħu l-forma li ġejja:

  1. għotja tal-kostijiet reali mħallta:
    1. rimborż ta’ perċentwal tal-kostijiet rimborżabbli effettivament imġarrba: eż. il-kostijiet eċċezzjonali taħt azzjonijiet tal-mobbiltà tal-Azzjoni Ewlenija 1.
    2. rimborż abbażi tal-kostijiet unitarji, li jkopru ċerti kategoriji speċifiċi ta’ kostijiet eliġibbli li huma identifikati b’mod ċar minn qabel permezz ta’ referenza għal ammont għal kull unità: eż. l-appoġġ individwali taħt proġetti ta’ mobbiltà tal-Azzjoni Ewlenija 1;
  2. kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa: Dan ifisser li l-għotja tirrimborża ammont fiss, ibbażat fuq somma f’daqqa jew finanzjament mhux marbut mal-kostijiet. L-ammonti ta’ somma f’daqqa huma kkalkulati skont il-metodoloġija stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu ta’ somom f’daqqa u kostijiet unitarji taħt il-Programm Erasmus+ 2021-20271 u bl-użu tat-tabella/kalkulatur tal-baġit dettaljata pprovduta (jekk ikun hemm). Din tista’ tkun:
    1. Għotjiet ta’ Somma f’Daqqa bbażati fuq il-baġit: L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultat tal-evalwazzjoni u rata ta’ finanzjament stabbilita fis-Sejħa (Parti B ta’ din il-Gwida).  Il-baġit stmat irid jikkonforma mal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ eliġibbiltà għall-għotjiet tal-kostijiet attwali tal-UE (għal azzjonijiet ġestiti mill-EACEA, ara l-AGA — Ftehim ta’ Għotja Annotat, l-Artikolu 6);
    2. Għotjiet ta’ Somma f’Daqqa prestabbiliti: L-ammont huwa prefiss mill-awtorità tal-għoti fis-Sejħa (il-Parti B ta’ din il-Gwida);
  3. taħlita ta’ dawn ta’ hawn fuq.

Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament applikat fil-qafas tal-Programm Erasmus+ fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jipprovdi għotjiet ibbażati fuq ir-rimborż fuq il-bażi tal-kostijiet unitarji jew tas-somom f’daqqa. Dawn it-tipi ta’ għotjiet jgħinu lill-applikanti biex jikkalkulaw faċilment l-ammont tal-għotja mitlub u biex jiffaċilitaw ippjanar finanzjarju realistiku tal-proġett.

Sabiex issir taf liema tip ta’ għotja hija applikata għal kull element ta’ finanzjament skont kull Azzjoni tal-Erasmus+ koperta minn din il-Gwida, jekk jogħġbok irreferi għad-deskrizzjoni ta’ kull azzjoni fil-Parti B, it-taqsima “X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?”.

Prinċipji li japplikaw għall-għotjiet tal-UE

Nonretroattività

Ma tista’ tingħata l-ebda għotja mill-UE b’mod retroattiv għal proġetti li diġà tlestew.

Tista’ tingħata għotja tal-UE għal proġett li jkun diġà beda, biss meta l-applikant ikun jista’ juri, fil-proposta tal-proġett, il-ħtieġa li jibda l-proġett qabel ma jkun ġie ffirmat il-ftehim ta’ għotja. F’każijiet bħal dawn, il-kostijiet eliġibbli għall-finanzjament ma jridux ikunu ġġarrbu qabel id-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-għotja.

Jekk l-applikant jibda jimplimenta l-proġett qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja, dan isir b’riskju għall-applikant.

Sottomissjonijiet multipli

L-applikanti jistgħu jissottomettu aktar minn proposta waħda għal proġetti differenti taħt l-istess sejħa (u jingħataw finanzjament għalihom). L-organizzazzjonijiet jistgħu jipparteċipaw f’diversi proposti. 

Għal azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, jekk ikun hemm diversi proposti għal proġetti simili ħafna, proposta waħda biss tiġi aċċettata u evalwata; l-applikanti jintalbu jirtiraw l-oħrajn (jew tiġi rrifjutata).

Il-proposti jistgħu jinbidlu u jiġu sottomessi mill-ġdid sal-iskadenza għas-sottomissjoni.

Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali, fil-każ ta’ sottomissjonijiet multipli tal-istess applikazzjoni mill-istess applikant għal Aġenziji differenti, l-applikazzjonijiet kollha jiġu miċħuda. Jekk jiġu sottomessi applikazzjonijiet kważi identiċi jew simili mill-istess applikant jew applikanti differenti għall-istess Aġenziji jew Aġenziji differenti, dawn kollha jkunu soġġetti għal valutazzjoni speċifika u jistgħu jiġu miċħuda kollha. 

Kontenut oriġinali u xogħol ta’ awturi

L-applikazzjonijiet kollha għal proġetti u akkreditazzjonijiet iridu jinkludu kontenut oriġinali miktub mill-applikant jew minn organizzazzjonijiet oħra li japplikaw b’mod konġunt għal għotja. Jekk jitqies l-użu ta’ għodod ġenerattivi tal-intelliġenza artifiċjali (IA) għat-tħejjija tal-applikazzjoni, l-applikanti għandhom ikunu konxji tal-potenzjal tal-plaġjariżmu u għandhom jeżerċitaw kunsiderazzjoni bir-reqqa biex jiżguraw l-adegwatezza u l-preċiżjoni tal-applikazzjoni, il-konformità tagħha mar-regolamenti dwar il-proprjetà intellettwali, kif ukoll il-kontenut oriġinali tagħha. Fl-abbozzar tal-applikazzjoni tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li japplikaw għal attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali jistgħu jinvolvu wkoll l-HEIs sħab tagħhom minn pajjiżi mhux assoċjati mal-programm. L-ebda organizzazzjoni jew individwi esterni oħra ma jistgħu jitħallsu jew jiġu kkumpensati b’xi mod ieħor għall-abbozzar tal-applikazzjoni. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tirrifjuta lill-applikant mill-proċess tal-għażla jew tista’ ttemm proġett/akkreditazzjoni mogħtija fi kwalunkwe ħin jekk tiddetermina li dawn ir-regoli ma jkunux ġew irrispettati. 

Għotja mhux kumulattiva

Kull proġett jista’ jagħti lok għall-għoti ta’ għotja waħda biss mill-baġit lil kwalunkwe benefiċjarju wieħed. Fl-ebda ċirkustanza ma għandhom l-istess kostijiet jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit tal-Unjoni.

Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ finanzjament doppju, l-applikant irid jindika s-sorsi u l-ammonti ta’ kull finanzjament ieħor li rċieva jew li applika għalih fis-sena, kemm jekk għall-istess proġett kif ukoll għal kwalunkwe proġett ieħor, inklużi l-għotjiet operattivi. Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali, dan se jiġi indikat fil-formola tal-applikazzjoni. Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, dan se jiġi ċċekkjat permezz tad-dikjarazzjoni fuq l-unur.

Nonprofitt

Għotja ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni ma jridx ikollha l-iskop jew l-effett li tipproduċi profitt fi ħdan il-qafas tal-proġett imwettaq mill-benefiċjarju. Il-profitt huwa definit bħala surplus ikkalkulat mal-pagament tal-bilanċ, ta’ riċevuti fuq il-kostijiet eliġibbli tal-azzjoni, fejn l-irċevuti jkunu limitati għall-għotja tal-Unjoni u d-dħul iġġenerat minn dik l-azzjoni jew2

Il-prinċipju ta’ nonprofitt ma japplikax għal:

  • azzjonijiet li għandhom l-objettiv li jsaħħu l-kapaċità finanzjarja ta’ benefiċjarju, jew azzjonijiet li jiġġeneraw introjtu biex jiżguraw il-kontinwità tagħhom wara l-perijodu ta’ finanzjament mill-Unjoni previst fil-ftehim tal-għotja;
  • appoġġ għal studju, riċerka, taħriġ jew edukazzjoni mħallas lil persuni fiżiċi jew appoġġ ieħor dirett imħallas lil persuni fiżiċi li huma l-aktar fil-bżonn, bħall-persuni qiegħda u r-refuġjati;
  • azzjonijiet implimentati minn organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ;
  • għotjiet ipprovduti fil-forma ta’ unità jew kontribuzzjoni ta’ somom f’daqqa;
  • għotjiet ta’ valur baxx, definiti bħala għotjiet ta’ EUR 60,000 jew inqas.

Fejn isir profitt, il-Kummissjoni għandha tkun intitolata tirkupra l-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-kostijiet eliġibbli li jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju meta wettaq l-azzjoni.

Bl-iskop li jiġi kkalkulat il-profitt iġġenerat mill-għotja, mhux se jitqies il-kofinanzjament f’għamla ta’ kontribuzzjonijiet in natura.

Kofinanzjament

L-għotjiet għandhom jinvolvu kofinanzjament. B’riżultat ta’ dan, ir-riżorsi meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni ma għandhomx jiġu pprovduti kompletament mill-għotja. Il-kofinanzjament jista’ jiġi pprovdut fil-forma tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarju, ta’ dħul iġġenerat mill-azzjoni jew fil-forma ta’ kontribuzzjoni in natura minn partijiet terzi.

Meta l-għotja tal-UE tingħata fil-forma ta’ kost unitarju, somma f’daqqa jew finanzjament b’rata fissa – dan huwa l-każ għall-biċċa l-kbira tal-Azzjonijiet koperti minn din il-Gwida – il-prinċipji ta’ nonprofitt u kofinanzjament huma żgurati mill-Kummissjoni għall-Azzjoni kollha kemm hi bil-quddiem meta tiddefinixxi r-rati jew il-perċentwali ta’ tali unitajiet, somom f’daqqa u rati fissi. Ir-rispett tal-prinċipji ta’ nonprofitt u kofinanzjament huwa ġeneralment preżunt u għalhekk, l-applikanti ma għandhomx għalfejn jiġġustifikaw il-kostijiet imġarrba mill-proġett. .

Madankollu, il-pagament tal-għotja abbażi tar-rimborż fuq il-bażi ta’ kostijiet unitarji, somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess għar-rekords statutorji tal-benefiċjarji. Jekk kontroll jew awditu jiżvela li ma jkunx seħħ l-avveniment ta’ ġenerazzjoni (eż. attivitajiet ta’ proġett li ma twettqux kif approvat fl-istadju tal-applikazzjoni, parteċipanti li ma ħadux sehem fl-attivitajiet, eċċ.) u jkun sar pagament mhux dovut lill-benefiċjarju fuq għotja bbażata fuq ir-rimborż abbażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, somom f’daqqa, jew finanzjament b’rata fissa, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva għandha tkun intitolata tirkupra l-ammont tal-għotja. Bl-istess mod, jekk l-attivitajiet imwettqa jew l-outputs prodotti ma jiġux implimentati jew jiġu implimentati ħażin (inkluż in-nuqqas ta’ konformità ma’ obbligu kuntrattwali), l-għotja tista’ titnaqqas, filwaqt li jitqies il-punt sa fejn l-azzjoni tkun tlestiet. Barra minn hekk, għall-iskopijiet ta’ statistika u monitoraġġ, il-Kummissjoni Ewropea tista’ twettaq stħarriġ fuq kampjuni tal-benefiċjarji li jkollhom l-għan li jikkwantifikaw il-kostijiet reali mġarrba fil-proġetti ffinanzjati abbażi tar-rimborż fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji, għas-somom f’daqqa, jew għall-finanzjament b’rata fissa.

Regoli dwar l-eliġibbiltà tal-kostijiet

Sabiex ikunu eliġibbli, il-kostijiet u l-kontribuzzjonijiet iridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja u kif indikat hawn taħt3 :

Kostijiet eliġibbli – kundizzjonijiet ġenerali

Għall-kostijiet attwali/reali:

  • iridu jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju;
  • iridu jiġġarrbu matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni stabbilit fil-ftehim tal-għotja, bl-eċċezzjoni tal-kostijiet relatati mar-rapporti finali u ċ-ċertifikati tal-awditjar, li jistgħu jiġġarrbu wara;
  • iridu jiġu ddikjarati taħt waħda mill-kategoriji tal-baġit stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja;
  • iridu jsiru b’rabta mal-azzjoni kif deskritta fil-ftehim ta’ għotja u meħtieġa għall-implimentazzjoni tiegħu;
  • iridu jkunu identifikabbli u verifikabbli, u b’mod partikolari jkunu rreġistrati fir-rekords kontabilistiċi tal-benefiċjarju u kalkulati skont l-istandards kontabilistiċi applikabbli tal-pajjiż fejn ikun stabbilit il-benefiċjarju u skont il-prattiki kontabilistiċi komuni tal-kostijiet tal-benefiċjarju;
  • iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-taxxi applikabbli, ix-xogħol u s-sigurtà soċjali;
  • ikunu raġonevoli, ġustifikati, u jikkonformaw mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari rigward l-ekonomija u l-effiċjenza.

Għall-kostijiet unitarji u għall-kontribuzzjonijiet:

  • iridu jiġu ddikjarati taħt waħda mill-kategoriji tal-baġit stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja;
    • l-unitajiet iridu:
      • fil-fatt jintużaw jew jiġu prodotti mill-benefiċjarju fil-perjodu tal-implimentazzjoni;
      • ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni tal-azzjoni u
    • in-numru ta’ unitajiet irid ikun identifikabbli u verifikabbli u, fejn neċessarju, appoġġat minn rekords u minn dokumentazzjoni;

Kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa:

  • iridu jiġu ddikjarati taħt wieħed mill-attivitajiet/pakketti ta’ ħidma stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja;
  • ix-xogħol irid jiġi implimentat kif suppost mill-benefiċjarju f’konformità mal-ftehim ta’ għotja;
  • ir-riżultati tanġibbli/outputs iridu jinkisbu fil-perjodu ta’ implimentazzjoni.

Għal azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva u bl-użu ta’ mudell ta’ somma f’daqqa, l-ammont ta’ Somma F’daqqa se jiġi ffissat mill-awtorità awtorizzanti (EACEA) abbażi tal-baġit stmat tal-proġett. Id-dettalji huma pprovduti fil-Parti B ta’ din il-Gwida. Barra minn hekk:

  • Peress li t-tabella dettaljata tal-baġit isservi bħala l-bażi għall-iffissar tas-somom f’daqqa għall-għotjiet (u peress li s-somom f’daqqa jridu jkunu prokuri affidabbli għall-kostijiet reali ta’ proġett), il-kostijiet inklużi jridu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet bażiċi ta’ eliġibbiltà għall-għotjiet ta’ kostijiet reali tal-UE (ara AGA – Ftehim ta’ Għotja Annotat, l-Artikolu 6). Dan huwa partikolarment importanti għax-xiri u s-sottokuntrattar, li jridu jikkonformaw mal-aħjar valur għall-flus (jew jekk xieraq l-aktar prezz baxx) u jkunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interessi. Jekk it-tabella tal-baġit ikun fiha kostijiet ineliġibbli, l-għotja tista’ titnaqqas (aktar tard matul l-implimentazzjoni tal-proġett jew wara t-tmiem tagħhom);
  • jekk il-kostijiet għall-kostijiet unitarji għall-voluntiera4 jistgħu jiġu inklużi fit-tabella dettaljata tal-baġit għal azzjoni konkreta ta’ somma f’daqqa jekk jogħġbok iċċekkja l-Parti B ta’ din il-Gwida. Il-kostijiet tal-voluntiera mhumiex kategorija ta’ kostijiet klassiċi. Ma hemm l-ebda kost minħabba li l-voluntiera jaħdmu mingħajr ħlas, iżda xorta waħda jistgħu jiddaħħlu fil-baġit fil-forma ta’ kost unitarju prestabbilit (għal kull voluntier) u b’hekk jippermettulek tibbenefika mill-ħidma tal-voluntiera għall-għotja (billi żżid l-ammont ta’ rimborż sa 100 % tal-kostijiet normali, jiġifieri l-kategoriji tal-kostijiet minbarra l-voluntiera). Aktar informazzjoni hija disponibbli fil- AGA – Ftehim ta’ Għotja Annotat, Artikolu 6.2.A.5. ;
  • jekk il-kost unitarju ta’ sid ta’ SME/persuna fiżika huwa5 permess f’għotja ta’ somma f’daqqa u jista’ jiġi inkluż fit-tabella dettaljata tal-baġit għal azzjoni konkreta jekk jogħġbok iċċekkja l-Parti B;
  • il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza taħt għotja ta’ somma f’daqqa jekk jogħġbok uża l-kost tal-unità tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza6
  • jekk il-kostijiet għall-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi huma permessi u jistgħu jiġu inklużi fit-tabella tal-baġit dettaljata għal azzjoni konkreta ta’ somma f’daqqa jekk jogħġbok iċċekkja l-Parti B. L-ammont massimu għal kull parti terza huwa ta’ EUR 60,000 sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-Parti B;
  • jekk hemm reġim speċifiku għall-kostijiet tat-tagħmir, jekk jogħġbok iċċekkja l-Parti B;
  • il-kostijiet tal-komunikazzjoni għall-preżentazzjoni tal-proġett fuq is-siti web tal-parteċipanti jew fuq il-kontijiet tal-media soċjali huma eliġibbli; il-kostijiet għal siti web separati ta’ proġetti ma humiex eliġibbli.

Kostijiet eliġibbli - Kundizzjonijiet speċifiċi

Il-kostijiet eliġibbli/reali jistgħu jkunu diretti jew indiretti.

Kostijiet diretti 

Il-kostijiet diretti eliġibbli huma kostijiet speċifiċi marbuta direttament mat-twettiq tal-azzjoni u li għalhekk jistgħu jitniżżlu direttament lilha. Jekk jogħġbok ara l-Parti B ta’ din il-Gwida għall-kategoriji tal-baġit rimborżati bħala kostijiet attwali. 

Il-proċeduri kontabilistiċi interni u tal-awditjar tal-benefiċjarju jridu jippermettu rikonċiljazzjoni diretta tal-kostijiet u tad-dħul iddikjarati fir-rigward tal-proġett mar-rapporti korrispondenti tal-kontabbiltà u d-dokumenti ta’ sostenn.

Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT)

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhux deduċibbli u mhux rimborżabbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli dwar il-VAT hija eliġibbli7 . L-unika eċċezzjoni hija relatata ma’ attivitajiet jew tranżazzjonijiet li fihom l-istati, l-awtoritajiet tal-gvern reġjonali u lokali u korpi pubbliċi oħrajn ikunu involuti bħala awtoritajiet pubbliċi8 . Id-Direttiva dwar il-VAT ma tapplikax għall-pajjiżi mhux tal-UE. Organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jiġu eżentati mit-taxxi (inkluża l-VAT), dazji u tariffi, jekk ikun ġie ffirmat ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni.

Kostijiet indiretti eliġibbli

Il-kostijiet indiretti huma kostijiet li ma jkunux marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-azzjoni u għaldaqstant ma jistgħux jiġu attribwiti direttament għaliha.

Għal proġetti ta’ mobbiltà tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żagħżagħ (għad-dettalji dwar ir-regoli dwar il-finanzjament għall-Azzjonijiet, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta’ din il-Gwida), huwa eliġibbli ammont b’rata fissa li ma jaqbiżx is-7% tal-kostijiet diretti eliġibbli tal-proġett taħt il-kostijiet indiretti, li jirrappreżentaw il-kostijiet amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li mhumiex diġà koperti bil-kostijiet diretti eliġibbli (eż. il-kontijiet tad-dawl jew tal-Internet, il-kost għall-bini, eċċ.) iżda li jistgħu jitqiesu bħala debitabbli lill-proġett.

Il-kostijiet indiretti jistgħu ma jinkludux il-kostijiet li jiddaħħlu taħt kategorija baġitarja oħra. Il-kostijiet indiretti ma humiex eliġibbli meta l-benefiċjarju diġà jkun qiegħed jirċievi għotja operattiva mill-baġit tal-Unjoni (pereżempju fil-qafas tas-sejħa għal proposti dwar il-Kooperazzjoni tas-Soċjetà Ċivili fil-qafas tal-Programm Erasmus+).

Kostijiet ineliġibbli

Il-kostijiet li ġejjin ma għandhomx jitqiesu bħala eliġibbli:

  • il-kostijiet jew il-kontribuzzjonijiet li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Parti B ta’ din il-Gwida;
  • kostijiet relatati mar-redditu fuq il-kapital u d-dividendi mħallsa minn benefiċjarju;
  • id-dejn u t-tariffi tas-servizz tad-dejn;
  • id-dispożizzjonijiet għat-telf jew għad-djun;
  • l-imgħax dovut;
  • telf mill-kambju;
  • kostijiet bankarji ddebitati mill-bank tal-benefiċjarju għat-trasferimenti mill-awtorità tal-għoti;
  • nefqa eċċessiva jew imprudenti;
  • VAT deduċibbli jew rimborżabbli (inkluża l-VAT imħallsa minn korpi pubbliċi li jaġixxu bħala awtorità pubblika) (ara l-paragrafu hawn fuq dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud);
  • kostijiet imġarrba jew kontribuzzjonijiet għal attivitajiet implimentati matul is-sospensjoni tal-ftehim ta’ għotja;
  • kontribuzzjonijiet in natura minn partijiet terzi;
  • kostijiet jew kontribuzzjonijiet iddikjarati mill-benefiċjarju taħt għotjiet oħrajn tal-UE (jew għotjiet mogħtija minn Stat Membru ieħor tal-UE, pajjiż mhux tal-UE jew korp ieħor li jimplimenta l-baġit tal-UE), ħlief għall-każijiet li ġejjin:
    • jekk l-għotja għal azzjoni tiġi kkombinata ma’ għotja operattiva matul l-istess perjodu u l-benefiċjarju jkun jista’ juri li l-għotja operattiva ma tkopri ebda waħda mill-kostijiet (diretti jew indiretti) tal-għotja għal azzjoni;
  • kostijiet jew kontribuzzjonijiet għall-persunal ta’ amministrazzjoni nazzjonali (jew reġjonali/lokali), għal attivitajiet li huma parti mill-attivitajiet normali tal-amministrazzjoni (jiġifieri mhux imwettqa biss minħabba l-għotja);
  • kostijiet jew kontribuzzjonijiet (speċjalment tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza) għall-persunal jew ir-rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet, korpi jew aġenziji tal-UE;
  • f’każ ta’ kiri jew il-lokazzjoni ta’ tagħmir, il-kost ta’ kwalunkwe opzjoni ta’ akkwiżizzjoni fi tmiem il-perjodu ta’ lokazzjoni jew kiri;
  • kostijiet għall-ftuħ u t-tħaddim ta’ kontijiet tal-bank (inklużi l-kostijiet tat-trasferimenti minn/lejn in-Nazzjonali ddebitati mill-bank tal-benefiċjarju).
Sorsi ta’ finanzjament

Fil-formola ta’ applikazzjoni tiegħu l-applikant jeħtieġlu jindika l-kontribuzzjoni minn sorsi oħrajn apparti l-għotja tal-UE. Il-kofinanzjament jista’ jieħu l-forma, pereżempju, tar-riżorsi proprji jew tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-benefiċjarju minn partijiet terzi. Jekk, fiż-żmien tar-rapport finali u t-talba għall-ħlas tal-bilanċ, ikun hemm evidenza li hemm surplus, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsimiet ta’ hawn fuq dwar in-Nonprofitt u l-Kofinanzjament).

Il-kontribuzzjonijiet in natura minn terzi ma jitqisux bħala sors possibbli ta’ kofinanzjament.

  1. Id-Deċiżjoni li tawtorizza l-użu ta’ somom f’daqqa u kostijiet unitarji taħt il-Programm Erasmus+ 2021-2027:  https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/erasmus/guidance/ls-and-unit-cost-decision_erasmus_en.pdf ↩ back
  2. Għal dan l-għan, l-irċevuti huma limitati għall-introjtu ġġenerat mill-proġett, kif ukoll għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji assenjati speċifikament mid-donaturi għall-finanzjament tal-kostijiet eliġibbli. Il-profitt (jew it-telf) kif definit hawn fuq huwa għalhekk id-differenza bejn: 

    • l-ammont tal-għotja aċċettat b’mod proviżorju u l-introjtu ġġenerat mill-azzjoni u
    • il-kostijiet eliġibbli mġarrba mill-benefiċjarju. 

    Barra minn hekk, kull meta jsir profitt, dan jiġi rkuprat. L-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva huma intitolati jirkupraw il-perċentwal tal-profitt li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni mill-Unjoni għall-kostijiet eliġibbli li jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju biex iwettaq l-azzjoni. Se jiġu pprovduti aktar kjarifiki dwar il-kalkolu tal-profitt għal azzjonijiet li l-għotjiet tagħhom ikunu fl-għamla ta’ rimborż għal proporzjon speċifikat tal-kostijiet eliġibbli. ↩ back

  3. Għal azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, id-dispożizzjonijiet finanzjarji applikabbli dettaljati huma ppreżentati fil-Mudell tal-Ftehim ta’ Għotja ppubblikat fil-Portal tal-Opportunitajiet għall-Finanzjament u għall-Offerti. ↩ back
  4. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 2019 li tawtorizza l-użu ta’ kostijiet unitarji għad-dikjarazzjoni tal-kostijiet tal-persunal għax-xogħol imwettaq minn voluntiera taħt azzjoni jew programm ta’ ħidma (C(2019)2646). ↩ back
  5. Id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Ottubru 2020 li tawtorizza l-użu ta’ kostijiet unitarji għall-kostijiet tal-persunal tas-sidien ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u benefiċjarji li huma persuni fiżiċi li ma jirċevux salarju għax-xogħol imwettaq minnhom infushom taħt programm ta’ azzjoni jew ta’ ħidma (C(2020)7115). ↩ back
  6. Id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2021 li tawtorizza l-użu ta’ kostijiet unitarji għall-kostijiet tal-ivvjaġġar, tal-akkomodazzjoni u tas-sussistenza taħt programm ta’ azzjoni jew ta’ ħidma taħt il-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 (C(2021)35). ↩ back
  7. Fl-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-VAT tittrasponi d-Direttiva 2006/112/KE dwar il-VAT. ↩ back
  8. Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva. ↩ back