Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

This guide is a detailed technical description of the Erasmus+ programme. It is mainly intended for organisations applying for funding.

If you are looking for a quicker overview, please read how to take part.

Search the guide

Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Fil-qafas ta’ din l-Azzjoni1 , l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu appoġġ biex iwettqu proġetti li jinkludu attività ta’ apprendiment waħda jew aktar għall-iżvilupp professjonali u l-bini tal-kapaċità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjoni tagħhom.

Objettivi tal-azzjoni

Din l-Azzjoni tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u b’hekk l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, permezz ta’ esperjenzi ta’ apprendiment mhux formali u informali f’attivitajiet ta’ mobbiltà. L-Azzjoni tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, b’mod partikolari għall-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ2 għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ.

B’mod aktar speċifiku, il-proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom l-għan li:

  • Jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment mhux formali u informali għall-iżvilupp edukattiv u professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, filwaqt li jikkontribwixxu għal prattika individwali ta’ kwalità għolja kif ukoll għall-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet u s-sistemi tal-ħidma fost iż-żgħażagħ;
  • Jibnu komunità ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li tista’ tappoġġa l-kwalità tal-proġetti u l-attivitajiet għaż-żgħażagħ fil-programmi tal-UE u lil hinn minnhom.
  • Jiżviluppaw prattiki lokali ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità għal ħidma ta’ kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ tal-parteċipanti u l-organizzazzjoni tagħhom, filwaqt li jkollhom impatt ċar fuq il-ħidma regolari maż-żgħażagħ tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ.

Kuntest tal-politika

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tistabbilixxi Qafas għal Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ”. L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-involviment soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi wkoll proċess ta’ djalogu maż-Żgħażagħ u f’dak il-kuntest, fl-2018 ġew żviluppati 11-il għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ. Dawn l-għanijiet jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ din il-viżjoni fir-rigward taż-żgħażagħ. Taħt il-qasam ewlieni “Setgħa”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ qiegħda tappoġġa l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ permezz tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. https://europa.eu/youth/home_mt

Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS)3 .

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali (PDAs)

L-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali huma attivitajiet tranżnazzjonali jew internazzjonali ta’ mobbiltà għall-apprendiment li jappoġġaw l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’:

  • Żjarat ta’ studju u tipi differenti ta’ inkarigi, bħal job shadowing, skambji ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u apprendiment bejn il-pari, f’organizzazzjonijiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ barra l-pajjiż.
  • Networking u bini tal-komunità fost il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-azzjoni u li jappoġġaw l-objettivi tagħha.
  • Korsijiet ta’ taħriġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kompetenzi (eż. ibbażati fuq mudelli ta’ kompetenza eżistenti rilevanti), biex jimplimentaw prattiki ta’ kwalità ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ jew jindirizzaw u jittestjaw metodi innovattivi (pereżempju dawk relatati ma’ ħidma diġitali u intelliġenti fost iż-żgħażagħ4 ).
  • Seminars u workshops li jappoġġaw b’mod partikolari l-bini tal-għarfien u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki marbuta mal-objettivi, il-valuri u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u tal-programmi tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha. L-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli għal għotjiet fil-qafas tal-proġetti ta’ Mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ: vjaġġi għal studji akkademiċi; attivitajiet li jkollhom l-għan li jagħmlu profitt finanzjarju; attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala turiżmu; festivals, vjaġġi ta’ btala; tours ta’ prestazzjoni, laqgħat statutorji.

Attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni

Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ jistgħu jinkludu attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni, li huma attivitajiet komplementari li għandhom l-għan li jsaħħu l-impatt tal-proġett ta’ mobbiltà fuq il-post. Dawn jinkludu dawk l-attivitajiet kollha li jikkontribwixxu għall-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ5  għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u li jġibu lura t-tagħlimiet meħuda u l-għodod lill-organizzazzjonijiet involuti fil-proġetti u lil hinn minnhom. Dawn l-attivitajiet komplementari jirrappreżentaw opportunità għall-benefiċjarji b’aktar esperjenza u riżorsi biex jittestjaw metodi u tweġibiet innovattivi għal sfidi kondiviżi, tip ta’ spazju għal “laboratorju Ewropew tal-ħidma fost iż-żgħażagħ” li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali implimentati fi ħdan il-proġetti u li jkollhom tifsira lil hinn minnhom.

Il-produzzjoni tal-għodod u l-kondiviżjoni tal-prattiki li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet u s-sistemi tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ bini tal-komunità u l-introduzzjoni ta’ metodi innovattivi li jinkludu l-użu ta’ teknoloġiji diġitali permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ huma xi eżempji. Dawn l-attivitajiet imorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ tixrid ta’ segwitu, li huma parti miċ-ċiklu tal-ħajja normali tal-proġett, madankollu, attivitajiet ta’ tixrid aktar immirati u strateġiċi jistgħu wkoll ikunu adattati taħt dawn l-attivitajiet komplementari.

Attività ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni tista’ titwettaq fil-livell tranżnazzjonali, internazzjonali jew nazzjonali.

Żjarat preparatorji

Iż-żjarat preparatorji għandhom l-għan li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiġu ffaċilitati u jitħejjew arranġamenti amministrattivi, jinbnew il-fiduċja u l-fehim, u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti. Iż-Żjarat Preparatorji jsiru fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu qabel ma tibda l-Attività tal-Iżvilupp Professjonali.

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett appoġġat minn din l-azzjoni jrid jinkludi PDA waħda jew aktar. L-attivitajiet jistgħu jiġu kkombinati b’mod flessibbli, skont l-objettivi tal-proġett u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti u l-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ.

Proġett jiġi implimentat minn tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet. Kundizzjoni fundamentali għat-twassil ta’ proġetti ta’ kwalità għolja hija li l-organizzazzjonijiet involuti kollha jeħtieġ jiġu identifikati bħala sħubija soda fl-istadju tal-applikazzjoni. L-organizzazzjonijiet involuti jassumu r-rwoli li “jibagħtu” u/jew “li jilqgħu” l-parteċipanti, jiġifieri li jospitaw l-attività. Waħda mill-organizzazzjonijiet tassumi wkoll ir-rwol ta’ koordinatur u tapplika għall-proġett kollu f’isem is-sħubija.

Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu.

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet, eċċ.)
  • It-tħejjija (arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, it-twaqqif ta’ ftehimiet ma’ sħab, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti tal-parteċipanti qabel it-tluq eċċ.);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett).

Proġett ta’ mobbiltà ta’ kwalità għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ:

  • ikollu impatt ċar fuq il-ħidma regolari maż-żgħażagħ tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ u fuq l-organizzazzjoni tagħhom;
  • jiddependi mill-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, li għandhom jassumu rwol attiv fl-istadji kollha tal-proġett, u b’dan il-mod isaħħu l-esperjenza tagħhom ta’ apprendiment u żvilupp;
  • ikun ibbażat fuq ħtiġijiet identifikati b’mod ċar għall-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ6  b’mod partikolari dwar il-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent, u jkun akkumpanjat minn miżuri xierqa ta’ għażla, tħejjija u segwitu;
  • jiżgura li l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali tal-parteċipanti jkunu rikonoxxuti kif suppost u li l-eżiti tal-proġett, inkluż kwalunkwe metodu, materjal u għodda, ikunu trasferibbli u użati fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, filwaqt li jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, u jkomplu jinxterdu b’mod wiesa’ fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • iħeġġeġ lill-parteċipanti biex jirriflettu dwar suġġetti u valuri Ewropej u jipprovdi lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ b’għodod u metodi sabiex jippromwovu r-rispett u jiġġestixxu d-diversità fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
  • jippromwovi l-użu ta’ prattiki u metodi innovattivi bħall-inklużjoni ta’ attivitajiet ta’ ħidma diġitali fost iż-żgħażagħ bil-ħsieb li jkun strument għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diżinformazzjoni online u aħbarijiet foloz.

Proċess ta’ Apprendiment

Proġett ta’ Mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ jeħtieġ jipprevedi appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz tal-Youthpass, biex jappoġġa r-rikonoxximent u l-impatt tal-eżiti tal-proġett, il-prattiki tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, il-metodoloġiji u l-materjali li jirriżultaw fil-qasam taż-żgħażagħ.

Protezzjoni u Sikurezza tal-parteċipanti

Matul l-ippjanar u t-tħejjija ta’ proġett, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji.

Standards ta’ Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ

L-implimentazzjoni tal-proġetti kollha appoġġati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards tal-Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll prattiki ta’ implimentazzjoni konkreti għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġetti, eċċ. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus+ għaż-Żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_en 

Dimensjonijiet orizzontali

Fit-tfassil ta’ proġett ta’ mobbiltà, id-dimensjonijiet li ġejjin komuni għall-Programm Erasmus+ kollu għandhom jiġu integrati fil-proġett:

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. 

  • Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li jaħdmu maż-Żgħażagħ huma partikolarment adattati biex isaħħu s-sensibilizzazzjoni dwar id-diversità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ kif ukoll biex itejbu l-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa ħalli jinvolvu b’suċċess lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet fil-prattika tal-ħidma fost iż-żgħażagħ. L-involviment tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-istadji kollha tal-proġett irawwem gwida bir-reqqa permezz tal-proċess ta’ apprendiment u żvilupp u jippermetti segwitu aktar mill-qrib;
  • Il-preżenza ta’ ħarrieġa u faċilitaturi f’ħafna mill-attivitajiet tiżgura approċċ aktar mill-qrib u adattat, imfassal apposta għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti;
  • Il-proġett kollu għandu jieħu approċċ konxju lejn l-inklużjoni u d-diversità. Dawn l-aspetti għandhom jitqiesu fl-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. Il-mod ta’ kif il-proġett isaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet parteċipanti biex jindirizzaw kwistjonijiet ta’ inklużjoni u diversità fl-attivitajiet regolari tagħhom huwa ta’ importanza partikolari.
  • Il-format huwa xieraq ukoll sabiex jinvolvi parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Il-flessibbiltà offruta mill-azzjoni fil-format tal-attivitajiet (eż. id-durata, it-tip eċċ…) tagħmilha adattabbli għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti. Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ huma adatti wkoll biex issir ħidma fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, pereżempju l-iskambju ta’ prattiki u metodi inklużivi. 

Sostenibbiltà Ambjentali

Proġett għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, filwaqt li jqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dan għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kuxjenza ambjentali billi eż. jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ, il-mezzi sostenibbli ta’ trasport.

Trasformazzjoni diġitali

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u ħalli jtejbu l-kwalità tal-attivitajiet. Hija mħeġġa l-introduzzjoni ta’ elementi diġitali u online biex jitnaqqas il-limitu għall-parteċipazzjoni tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Permezz ta’ proġetti u attivitajiet li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ħiliet diġitali, irawmu l-litteriżmu diġitali u/jew jiżviluppaw fehim tar-riskji u l-opportunitajiet tat-teknoloġija diġitali, il-programm jista’ jibdel il-mentalità u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi diġitali u mħallta fl-attivitajiet taż-żgħażagħ.

Skont it-tfassil u l-objettivi tal-attivitajiet, l-iżvilupp tal-kompetenzi u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, jistgħu jiġu introdotti fil-mobbiltajiet għall-apprendiment.

L-Aġenziji Nazzjonali joffru firxa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u għall-mexxejja taż-żgħażagħ permezz tal-Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni tagħhom, inkluż dwar l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali fil-qasam taż-żgħażagħ. Dawn l-offerti huma ppubblikati fil-Kalendarju Ewropew tat-Taħriġ https://www.salto-youth.net/tools/european-training-calendar/ Tista’ tittieħed ispirazzjoni wkoll mill-għodod tas-SALTO https://www.salto-youth.net/tools/

Parteċipazzjoni

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fit-titjib tal-kwalità tal-proġetti tagħhom billi jintegra dimensjoni parteċipattiva, filwaqt li joffri opportunitajiet rilevanti lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ ħalli jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħolqien u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ proġetti bħala l-perkors biex jiġu skoperti l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. Ir-riżorsi għat-tisħiħ tad-dimensjoni parteċipattiva tal-proġetti appoġġati jistgħu jiġu aċċessati, fost l-oħrajn, permezz tas-sit web participationpool.eu. Huma mħeġġa wkoll ir-rabtiet ma’ inizjattivi u pjattaformi nazzjonali, internazzjonali jew (oħrajn) eżistenti tal-UE li huma fformati madwar il-parteċipazzjoni u l-involviment ċiviku, kif ukoll l-involviment fihom.

Kriterji użati għall-valutazzjoni tal-proġetti standard ta’ mobbiltà tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Kriterji tal-eliġibbiltà

Il-kriterji ġenerali ta’ hawn taħt japplikaw għall-proġetti standard ta’ mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ. Għall-applikanti akkreditati, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima rilevanti ta’ din il-Gwida.

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm tista’ tkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett7 .

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:

  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;
  •  grupp ta’ żgħażagħ attivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ iżda mhux neċessarjament fil-kuntest ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ (jiġifieri grupp informali ta’ żgħażagħ) 8

stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

L-istess organizzazzjoni (OID wieħed) ma tistax tkun involuta f’aktar minn 5 applikazzjonijiet għal kull skadenza f’din l-azzjoni, jew bħala applikant jew bħala sieħeb.

Durata tal-proġett

Minn 3 xhur sa 24 xahar

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:

20 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena

l-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Ċiklu addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu ċiklu addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinformaw lill-applikanti dwar il-ftuħ taċ-ċiklu addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat ċiklu addizzjonali, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sal-7 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa dikjarazzjoni fuq l-unur tar-rappreżentant legali.

Kull proġett irid jinkludi mill-inqas Attività waħda ta’ Żvilupp Professjonali.

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa skeda ta’ żmien għal kull waħda mill-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali, iż-żjarat preparatorji u l-attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni ppjanati fil-proġett.

Kriterji tal-Eliġibbiltà addizzjonali għall-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali

Durata tal-attivitajiet

Minn jumejn sa 60 jum, esklużi l-jiem tal-ivvjaġġar. Il-minimu ta’ jumejn iridu jkunu konsekuttivi.

Post(ijiet) tal-attivitajiet

L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż ta’ waħda (jew diversi, f’każ ta’ attivitajiet itineranti) mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività. 

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

L-attivitajiet fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm: l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jkunu minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

L-attivitajiet ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm li huma ġirien tal-UE: l-attività trid tinvolvi mill-inqas organizzazzjoni parteċipanti waħda minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm u organizzazzjoni parteċipanti waħda minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-reġjuni 1-4).

Parteċipanti eliġibbli

L-ebda limitu ta’ età.

Il-parteċipanti jeħtiġilhom ikunu residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat jew li tilqa’ tagħhom.

Il-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi ma għandhomx jitqiesu bħala parteċipanti tal-attività, iżda huma eliġibbli għall-appoġġ taħt ċerti kategoriji tal-baġit.

Numru ta’ parteċipanti

Numru of parteċipanti: Sa 50 parteċipant f’kull attività ppjanata mill-proġett. Il-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi ma għandhomx jingħaddu fin-numru ta’ parteċipanti F’kull attività jridu jkunu involuti parteċipanti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tilqa’.

Kriterji oħrajn

Mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet li tibgħat jew waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’ fl-attività trid tkun mill-pajjiż tal-Aġenzija Nazzjonali li lilha tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

Kriterji tal-Eliġibbiltà addizzjonali għaż-Żjarat Preparatorji

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’. 

Parteċipanti eliġibbli

Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, ħarrieġa u faċilitaturi li jieħdu sehem fl-attività ewlenija.

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-ponderazzjonijiet ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti

Rilevanza, raġunament u impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-profil, l-esperjenza u l-attivitajiet tal-applikant huma rilevanti għall-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ
  • il-proġett se jindirizza waħda jew aktar mill-prijoritajiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jew l-Għanijiet dwar iż-Żgħażagħ;
  • il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għad-dimensjonijiet tal-inklużjoni u d-diversità, ekoloġiċi, diġitali u parteċipatorji tal-Programm;
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-objettivi tal-Azzjoni;
  • il-proġett huwa rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • il-proġett u l-attivitajiet proposti jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-iżvilupp tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ parteċipanti;
  • il-proġett huwa adattat għal:
    • tisħiħ jew trasformazzjoni tal-prattika tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, fir-rigward tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, kif ukoll l-ambitu tagħhom, minn dak lokali għal dak globali kif xieraq.
    • għall-produzzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ;l-involviment ta’ parteċipanti attivi fil-ħidma fost iż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet parteċipanti kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet li jwettqu ħidma konkreta fost iż-żgħażagħ u ħidma regolari maż-żgħażagħ fil-livell lokali.
    • ħolqien ta’ impatt fuq il-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett.
    • Ħolqien ta’ impatt barra l-organizzazzjonijiet u fuq individwi li ma jieħdux sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew jew globali.(jekk applikabbli) l-attivitajiet proposti ta’ żvilupp u ta’ sensibilizzazzjoni tas-sistema qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ambjent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ
  • il-proġett jintroduċi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-Azzjoni.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • Il-proposta turi konsistenza bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi tal-proġett, il-profili tal-parteċipanti u l-attivitajiet proposti
  • Il-proposta tiddeskrivi b’mod ċar u konvinċenti l-fażijiet kollha tal-proġett (it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu) u l-involviment attiv tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha;
  • Ir-rappreżentanza bbilanċjata tal-parteċipanti f’termini ta’ pajjiżi u ġeneru rrispettata
  • il-miżuri għall-għażla tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ huma xierqa u f’konformità mad-definizzjoni tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-bażi legali
  • l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti bi sfondi u kapaċitajiet differenti. 
  • l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;
  • Il-metodi ta’ apprendiment proposti, inklużi l-għodod diġitali jew il-komponenti virtwali, huma xierqa għall-attivitajiet
  • il-miżuri ta’ appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu tal-għodod ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari l-Youthpass, huma xierqa;
  • (jekk applikabbli) L-għodod u l-prattiki proposti taħt “attivitajiet ta’ żvilupp u ta’ sensibilizzazzjoni tas-sistema” huma xierqa u jistgħu jiġu rreplikati u jispiraw organizzazzjonijiet oħrajn.

Kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ huma sodisfaċenti;
  • il-miżuri previsti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti huma adegwati u effettivi;
  • Il-kompiti u r-responsabbiltajiet għall-attivitajiet huma ddefiniti b’mod ċar f’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus;
  • Il-pjan għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-parteċipanti tal-grupp(i), l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jipprovdi qafas ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-proġett; 
  • L-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett fir-rigward tal-objettivi tiegħu
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu mxerrda l-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom.
  • il-proġett fih miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu r-riżultati tiegħu sostenibbli lil hinn mill-ħajja tal-proġett

Regoli ta’ finanzjament

Kategorija tal-baġit – Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni:  L-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi ma humiex eliġibbli għall-appoġġ organizzazzjonali.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant f’Attività ta’ Żvilupp Professjonali.

Kategorija tal-baġit – Vjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-ħarrieġa, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Taħt 500 km, il-parteċipant, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġa b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni.

L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività9  billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea10 .

Għall-attivitajiet itineranti, l-applikant għandu jżid id-distanzi bejn il-postijiet individwali u jagħżel il-medda ta’ distanza li tikkorrispondi għat-total.11

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar ekoloġiku

Vjaġġar mhux ekoloġiku

10 – 99 km

EUR 56

EUR 28

100 – 499 km

EUR 285

EUR 211

500 – 1999 km

EUR 417

EUR 309

2000 – 2999 km

EUR 535

EUR 395

3000 – 3999 km

EUR 785

EUR 580

4000 – 7999 km

EUR 1188

EUR 1188

8000 km jew aktar

EUR 1735

EUR 1735

Kategorija tal-baġit – Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mas-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni:  abbażi tad-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant, l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi (jekk ikun meħtieġ), inkluż ukoll jum ta’ vjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta’ vjaġġar ieħor wara l-attività, u sa 4 ijiem addizzjonali għall-parteċipanti, għall-ħarrieġa, għall-faċilitaturi u għall-akkumpanjaturi li jirċievu għotja għall-ivvjaġġar ekoloġiku.

Ammont

Tabella A2.2 għal kull parteċipant għal kull jum. 

Din it-tabella tapplika wkoll għal ħarrieġa, faċilitaturi u akkumpanjaturi.

Massimu ta’ EUR 1,100 għal kull parteċipant, ħarrieġ, faċilitatur u akkumpanjatur

Kategorija tal-baġit – Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, esklużi l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi tagħhom (inklużi kostijiet iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit – Appoġġ għaż-żjara preparatorja

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni taż-żjara preparatorja li jinkludu l-ivvjaġġar u s-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: esklużi l-parteċipanti mill-organizzazzjoni li tilqa’. Jistgħu jiġu ffinanzjati massimu ta’ żewġ parteċipanti għal kull organizzazzjoni parteċipanti għal kull attività. Barra minn hekk, jista’ jiġi ffinanzjat ukoll faċilitatur wieħed għal kull żjara preparatorja. Kundizzjonali: il-ħtieġa ta’ Żjara Preparatorja, l-objettivi u l-parteċipanti jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal proġetti ffinanzjati taħt is-sistema ta’ akkreditazzjoni.

Ammont

EUR 680 għal kull parteċipant għal kull żjara preparatorja.

Kategorija tal-baġit – Attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet komplementari.

Kostijiet indiretti: Ammont b’rata fissa, li ma jaqbiżx 7 % tal-kostijiet diretti eliġibbli tal-attivitajiet komplementari, huwa eliġibbli taħt kostijiet indiretti, u jirrappreżenta l-kostijiet amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu debitabbli għall-attivitajiet komplementari (eż. il-kontijiet tad-dawl jew tal-internet, il-kostijiet għall-post, il-kost tal-persunal permanenti, eċċ.).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: il-ħtieġa u l-objettivi jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Massimu ta’ 10 % tal-kostijiet totali tal-proġett jistgħu jiġu allokati għal dawn l-attivitajiet.

Ammont

Massimu sa 80 % tal-kostijiet eliġibbli.

Kategorija tal-baġit – Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.

Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti, tal-akkumpanjaturi, tal-ħarrieġa u tal-faċilitaturi li ma jistgħux jiġu appoġġati bil-kategorija standard ta’ “Vjaġġar” minħabba bogħod ġeografiku jew ostakli oħrajn (jiġifieri meta l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa u b’livell aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jirriżulta f’kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin).  Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar abbażi ta’ kostijiet unitarji.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali. L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.  Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku.

Ammont

Garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli

Tabella A2.2 Appoġġ individwali għall-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali

 

Appoġġ Individwali (euro għal kull jum)

L-Awstrija

84

Il-Belġju

88

Il-Bulgarija

60

Il-Kroazja

75

Ċipru

81

Iċ-Ċekja

65

Id-Danimarka

95

L-Estonja

76

Il-Finlandja

93

Franza

85

Il-Ġermanja

77

Il-Greċja

80

L-Ungerija

77

L-Iżlanda

99

L-Irlanda

91

L-Italja

85

Il-Latvja

66

Il-Liechtenstein

84

Il-Litwanja

65

Il-Lussemburgu

84

Malta

77

In-Netherlands

92

Il-Maċedonja ta’ Fuq

57

In-Norveġja

94

Il-Polonja

68

Il-Portugall

78

Ir-Rumanija

64

Is-Serbja

59

Is-Slovakkja

67

Is-Slovenja

78

Spanja

81

L-Iżvezja

87

It-Turkija

68

Pajjiżi terzi ġirien mhux assoċjati mal-Programm

62 

  1. Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Madankollu, sa 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja l-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, li huma ġirien tal-UE (ir-reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida). ↩ back
  2. Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar il-Qafas għall-istabbiliment ta’ Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħhttp://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT. Aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fost iż-Żgħażagħ tinsab fuq www.bonn-process.net. ↩ back

  3. L-istrateġiji jinsabu hawn: https://www.salto-youth.net/ ↩ back
  4. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XG1207(01) ↩ back
  5. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT u www.bonn-process.net ↩ back
  6. Irreferi għall-“Mudell ta’ Kompetenza tal-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ biex jaħdmu internazzjonalment”, https://www.salto-youth.net/rc/training-and-cooperation/trainingstrategy/ ↩ back
  7. L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jeħtieġ li jiffirmaw formola ta’ adeżjoni lill-organizzazzjoni applikanti. Il-formoli ta’ adeżjoni għandhom jiġu pprovduti fl-istadju tal-applikazzjoni u mhux aktar tard miż-żmien tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida. ↩ back
  8. Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali. ↩ back
  9. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  10. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  11. Pereżempju, jekk parteċipant minn Madrid (Spanja) ikun qiegħed jieħu sehem f’attività itineranti li sseħħ l-ewwel f’Ruma (l-Italja) u mbagħad f’Ljubljana (is-Slovenja), l-applikant l-ewwel jikkalkula d-distanza bejn Madrid u Ruma (1365.28 KM), imbagħad bejn Ruma u Ljubljana (489.75 KM) u jżid iż-żewġ distanzi flimkien (1855.03 KM) b) jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 KM) u c) jikkalkula l-għotja tal-UE li se tipprovdi l-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipant minn Madrid għal Ljubljana (b’waqfa f’Ruma) u r-ritorn (EUR 275). ↩ back
Tagged in:  Youth