Avvenimenti Sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ
Objettivi tal-azzjoni
Din l-Azzjoni għandha l-għan li tappoġġa l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi b’dimensjoni Ewropea fl-oqsma li ġejjin:
- Il-volontarjat fl-isport;
- L-inklużjoni soċjali permezz tal-isport;
- Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-isport, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
- Inkoraġġiment ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa għal kulħadd: il-proġetti fil-qafas ta’ din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq: a) l-implimentazzjoni tat-tliet pilastri tal-inizjattiva HealthyLifestle4All, b) l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attività fiżika favur is-saħħa u l-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika c) l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport d) il-promozzjoni tal-isport u tal-attività fiżika bħala għodda għas-saħħa e) il-promozzjoni tal-attivitajiet kollha li jħeġġu l-prattika tal-isport u tal-attività fiżika f) il-promozzjoni tal-isport u tal-logħob tradizzjonali.
Il-proġett għandu jiffoka fuq wieħed minn dawn l-objettivi. Jista’ jiffoka wkoll fuq l-objettivi li jifdal iżda l-objettiv ewlieni jrid ikun identifikabbli b’mod ċar u prevalenti fil-proposta.
Dan jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjoni ta’ avveniment sportiv wieħed madwar l-Ewropa kollha fi Stat Membru wieħed tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti lokali Ewropej f’diversi Stati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal Avvenimenti Sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ?
Kriterji tal-eliġibbiltà
Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-UE+, il-proposti ta’ proġetti għal Avvenimenti Sportivi Ewropej Mingħajr Skop ta’ Qligħ iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:
Min jista’ japplika?
Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jeħtiġilhom:
- ikunu entitajiet legali (korpi pubbliċi jew privati)
- ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
- ikunu attivi fil-qasam tal-isport
Pereżempju, tali organizzazzjoni tista’ tkun (lista mhux eżawrjenti):
- korp pubbliku li jieħu ħsieb l-isport fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
- organizzazzjoni sportiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali;
- Kumitat Olimpiku Nazzjonali jew konfederazzjoni Nazzjonali tal-Isport;
- organizzazzjoni li tirrappreżenta l-moviment “sport għal kulħadd”;
- organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-promozzjoni tal-attività fiżika;
- organizzazzjoni li tirrappreżenta s-settur tad-divertiment attiv;
- organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ.
Kompożizzjoni tal-konsorzju
Avveniment Sportiv Ewropew Mingħajr Skop ta’ Qligħ huwa tranżnazzjonali u jinvolvi:
Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip I): jinvolvi bejn tlieta u ħames organizzazzjonijiet. Kull organizzazzjoni jeħtiġilha tiġi minn Stati Membri tal-UE differenti u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip II): minimu ta’ sitt organizzazzjonijiet minn sitt Stati Membri differenti tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
Għall-avveniment madwar l-Ewropa kollha: minimu ta’ 10 organizzazzjonijiet (applikant wieħed + disa’ organizzazzjonijiet parteċipanti ppreżentati bħala sħab assoċjati) li jkunu ġejjin minn 10 Stati Membri tal-UE differenti u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
Attivitajiet eliġibbli
Għall-avvenimenti lokali Ewropej (Tip I u II), l-attivitajiet iridu jsiru f’kull Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm involut fl-Avveniment Sportiv Ewropew Mingħajr Skop ta’ Qligħ.
Għall-avveniment madwar l-Ewropa kollha, l-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż ta’ stabbiliment tal-organizzazzjoni applikanti.
Durata tal-proġett
Il-proġetti normalment idumu 12 jew 18-il xahar, abbażi tal-objettiv tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet previsti maż-żmien. Jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu debitament iġġustifikati u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja.
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).
ID tas-Sejħa: ERASMUS-SPORT-2024-SNCESE.
Meta napplika?
L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-5 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).
L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
Stabbiliment ta’ proġett
L-għotja tal-UE se tingħata lill-organizzazzjonijiet inkarigati mit-tħejjija, l-organizzazzjoni u s-segwitu tal-avvenimenti sportivi.
L-attivitajiet standard li ġejjin huma appoġġati (lista mhux eżawrjenti):
- it-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-avveniment;
- l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi għal atleti, kowċis, organizzaturi u voluntiera fit-tħejjija għall-avveniment;
- l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sekondarji għall-avveniment sportiv (konferenzi, seminars);
- it-taħriġ tal-voluntiera;
- l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet istituzzjonali (evalwazzjonijiet, abbozzar ta’ pjanijiet futuri);
- attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mas-suġġett tal-avveniment.
L-avvenimenti sportivi li ġejjin ma humiex appoġġati fil-qafas ta’ din l-azzjoni:
Kompetizzjonijiet sportivi organizzati minn federazzjonijiet/assoċjazzjonijiet/kampjonati sportivi nazzjonali, Ewropej jew internazzjonali fuq bażi regolari (Kampjonati Nazzjonali, Ewropej jew Dinjija) sakemm l-appoġġ finanzjarju ma jintalabx għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet sekondarji mmirati lejn popolazzjoni kbira.
Impatt mistenni
L-impatt mistenni ta’ din l-azzjoni huwa:
- żieda fl-għarfien fir-rigward tar-rwol tal-isport fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-attività fiżika favur is-saħħa (HEPA);
- żieda fil-parteċipazzjoni fl-isport, l-attività fiżika u l-attività volontarja.
Kriterji għall-għoti
Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
Kemm:
- il-proposta hija rilevanti għall-objettivi u l-prijoritajiet tal-Azzjoni;
- il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
- il-proposta hija bbażata fuq analiżi ġenwina u xierqa tal-bżonnijiet;
- il-proposta hija innovattiva;
- il-proposta hija komplementari għal inizjattivi oħrajn li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
- il-proposta ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE permezz ta’ riżultati li ma kinux jinkisbu minn attivitajiet imwettqa minn pajjiż wieħed
Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
Kemm:
- il-pjan ta’ ħidma tal-proġett huwa ċar, komplet u effettiv, inklużi l-fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett;
- il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività;
- il-metodoloġija proposta hija ċara, adegwata u fattibbli;
- il-proġett jipproponi miżuri ta’ kontroll tal-kwalità rilevanti biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett hija ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u tkun skont il-baġit;
- il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod u metodi ta’ apprendiment diġitali biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u ħalli jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab.
Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
Kemm:
- il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti f’termini ta’ profil u għarfien espert sabiex l-objettivi kollha tal-proġett jitlestew b’suċċess;
- l-allokazzjoni proposta tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
- il-proposta tinkludi mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn
- jekk ikun applikabbli, kemm l-involviment ta’ organizzazzjoni parteċipanti minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm iġib valur miżjud għall-proġett.
Impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
Kemm:
- il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u loġiċi biex jiġu integrati r-riżultati tal-proġett fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni parteċipanti;
- il-proġett għandu l-potenzjal li jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti tiegħu, kif ukoll fuq il-komunità usa’;
- ir-riżultati mistennija tal-proġett għandhom il-potenzjal li jintużaw barra l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-proġett matul u wara l-ħajja tal-proġett, u fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew;
- il-proposta tal-proġett tinkludi pjanijiet u metodi xierqa sabiex jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett;
- il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut pubblikament il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea;
- il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett, il-kapaċità tiegħu li jkompli jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat għalkollox l-għotja tal-UE.
Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti jridu jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt. Barra minn hekk, irid ikollhom punteġġ ta’ mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn fuq.
Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.
Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord.
X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?
Il-kontribuzzjonijiet għal Avvenimenti Sportivi Ewropej Mingħajr Skop ta’ Qligħ jieħdu l-forma ta’ somom f’daqqa. L-ammont tas-somma f’daqqa fissa jiddependi fuq in-numru ta’ avvenimenti u n-numru ta’ organizzazzjonijiet involuti fil-proġett.
L-applikanti se jagħżlu bejn it-tliet ammonti definiti minn qabel skont in-numru ta’ avvenimenti u n-numru ta’ organizzazzjonijiet involuti fil-proġett.
Kategorija ta’ Avvenimenti Sportive
Avvenimenti lokali Ewropej
Mill-inqas avveniment wieħed għal kull pajjiż.
- Tip I: minn minimu ta’ tliet organizzazzjonijiet minn tliet pajjiżi eliġibbli differenti sa massimu ta’ ħames organizzazzjonijiet minn ħames pajjiżi eliġibbli differenti.
- Somma f’daqqa fissa: EUR 200,000
- Tip II: minimu ta’ sitt organizzazzjonijiet minn sitt pajjiżi eliġibbli differenti.
- Somma f’daqqa fissa: EUR 300,000
L-avvenimenti madwar l-Ewropa kollha
Avveniment wieħed b’mill-inqas għaxar organizzazzjonijiet parteċipanti minn tal-inqas minn għaxar pajjiżi eliġibbli differenti (inkluża l-organizzazzjoni applikanti)
Somma f’daqqa fissa: EUR 450,000
a) Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip I): EUR 200,000
Il-proposti jikkonċernaw proġetti multibenefiċjarji li fihom l-ispejjeż kollha jridu jiġu koperti mill-Applikant u mill-Organizzazzjonijiet sħab. L-organizzazzjonijiet parteċipanti identifikati (minn tlieta sa ħamsa) jitqiesu bħala kobenefiċjarji u l-avvenimenti u l-attivitajiet sekondarji organizzati se jseħħu f’kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm involut.
Il-proposti għandhom jinkludu taqsima speċifika bid-distribuzzjoni tal-kompiti u tal-għotja tal-UE fost is-sħab. L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull attività tal-proġett u l-iskadenza għall-produzzjoni tar-riżultati tanġibbli tal-proġett għandhom jiġu indikati wkoll.
L-applikanti jeħtiġilhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”. Kull pakkett ta’ ħidma għandu jkun marbut ma’ objettivi speċifiċi, u l-applikanti jeħtiġilhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu l-valutazzjoni tal-livell ta’ kisba ta’ dawk l-objettivi.
b) Għall-avveniment lokali Ewropew (Tip II): EUR 300,000
Il-proposti jikkonċernaw proġetti multibenefiċjarji li fihom l-ispejjeż kollha jridu jiġu koperti mill-Applikant u mill-Organizzazzjonijiet sħab. L-organizzazzjonijiet parteċipanti identifikati (minimu ta’ sitta) jitqiesu bħala kobenefiċjarji u l-avvenimenti u l-attivitajiet sekondarji organizzati se jsiru f’kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm involut.
Il-proposti għandhom jinkludu taqsima speċifika bid-distribuzzjoni tal-kompiti u tal-għotja tal-UE fost is-sħab. L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull attività tal-proġett u l-iskadenza għall-produzzjoni tar-riżultati tanġibbli tal-proġett għandhom jiġu indikati wkoll.
L-applikanti jeħtiġilhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”. Kull pakkett ta’ ħidma għandu jkun marbut ma’ objettivi speċifiċi, u l-applikanti jeħtiġilhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu l-valutazzjoni tal-livell ta’ kisba ta’ dawk l-objettivi.
c) Għall-avveniment madwar l-Ewropa kollha: EUR 450,000
Il-proposti jikkonċernaw proġetti monobenefiċjarji li jfisser li l-ispejjeż kollha jridu jiġu koperti mill-Organizzazzjoni Applikanti. Għall-aspetti ta’ ġestjoni kuntrattwali, l-organizzazzjoni parteċipanti ma hijiex meqjusa bħala sħab tal-proġett. Bħala sħab assoċjati, ma jirċievu l-ebda finanzjament mill-Programm bħala parti mill-proġett.
L-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni ta’ kull attività tal-proġett u l-iskadenza għall-produzzjoni tar-riżultati tanġibbli tal-proġett għandhom jiġu indikati.
L-applikanti jeħtiġilhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”. Kull pakkett ta’ ħidma għandu jkun marbut ma’ objettivi speċifiċi, u l-applikanti jeħtiġilhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu l-valutazzjoni tal-livell ta’ kisba ta’ dawk l-objettivi.
Pagament tal-Għotja
Il-kundizzjonijiet għall-pagament sħiħ tal-għotja huma t-tlestija tal-pakketti ta’ ħidma f’konformità mal-kriterji tal-kwalità deskritti fl-applikazzjoni. F’każ li pakkett ta’ ħidma wieħed ma jkunx tlesta, ikun parzjalment komplut jew ivvalutat bħala mhux sodisfaċenti fil-valutazzjoni tal-kwalità, jista’ jiġi applikat tnaqqis xieraq tal-ammont tal-għotja kif deskritt fil-ftehim ta’ għotja.
Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).