Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

This guide is a detailed technical description of the Erasmus+ programme. It is mainly intended for organisations applying for funding.

If you are looking for a quicker overview, please read how to take part.

Search the guide

Sħubijiet fuq skala żgħira

Is-Sħubijiet fuq skala Żgħira huma mfassla biex iwessgħu l-aċċess għall-programm għal atturi fuq skala żgħira u individwi li diffiċli jintlaħqu fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport. B’ammonti ta’ għotjiet aktar baxxi mogħtija lill-organizzazzjonijiet, durata iqsar u rekwiżiti amministrattivi aktar sempliċi meta mqabbla mas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni, din l-azzjoni għandha l-għan li tilħaq lill-organizzazzjonijiet ta’ bażi, l-organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza u l-parteċipanti l-ġodda fil-Programm, u tnaqqas l-ostakli għad-dħul fil-programm għal organizzazzjonijiet b’kapaċità organizzattiva iżgħar. Din l-azzjoni se tappoġġa wkoll formati flessibbli – li jħalltu attivitajiet b’karattru tranżnazzjonali u nazzjonali għalkemm b’dimensjoni Ewropea – li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ikollhom aktar mezzi biex jilħqu lill-persuni b’inqas opportunitajiet. Is-Sħubijiet fuq skala Żgħira jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ networks tranżnazzjonali u għat-trawwim ta’ sinerġiji ma’ politiki lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali u bejniethom.

Objettivi tal-azzjoni

  • Tattira u twessa’ l-aċċess għall-parteċipanti l-ġodda, għall-organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza u għall-atturi fuq skala żgħira għall-programm. Dawn is-sħubijiet għandhom iservu bħala l-ewwel pass għall-organizzazzjonijiet fil-kooperazzjoni fil-livell Ewropew.
  • Tappoġġa l-inklużjoni ta’ gruppi fil-mira b’inqas opportunitajiet
  • Tappoġġa ċ-ċittadinanza Ewropea attiva u ġġib id-dimensjoni Ewropea fil-livell lokali

Barra minn hekk, l-objettivi ewlenin tas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni japplikaw ukoll għas-Sħubijiet fuq Skala Żgħira, proporzjonalment għall-kamp ta’ applikazzjoni u l-volum ta’ kull proġett:

  • Iżżid il-kwalità tal-ħidma u l-prattiki tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet involuti, li jinfetħu għal atturi ġodda mhux inklużi b’mod naturali f’settur wieħed;
  • Tibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet biex jaħdmu b’mod tranżnazzjonali u fis-setturi kollha;
  • Tindirizza l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet komuni fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport;
  • Tippermetti t-trasformazzjoni u l-bidla (fil-livell individwali, organizzazzjonali jew settorjali), li jwasslu għal titjib, fi proporzjon mal-kuntest ta’ kull organizzazzjoni;

X’inhuma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal sħubija fuq skala żgħira?

Is-Sħubijiet fuq skala Żgħira jridu jħarsu l-kriterji li ġejjin biex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+:

Kriterji tal-eliġibbiltà

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm tista’ tkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

Għall-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenziji Nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ, organizzazzjoni tista’ tapplika darba biss għal kull skadenza.

Liema tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

Kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata1 , stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida) tista’ tipparteċipa fi Sħubija fuq skala Żgħira.

Irrispettivament mill-qasam milqut mill-proġett, is-Sħubijiet fuq skala Żgħira huma miftuħin għal kwalunkwe tip ta’ organizzazzjoni attiva fi kwalunkwe qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-isport jew setturi soċjoekonomiċi oħrajn kif ukoll għall-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet li huma trażversali għal oqsma differenti (eż. awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, ċentri ta’ rikonoxximent u ta’ validazzjoni, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet kummerċjali, ċentri ta’ gwida, organizzazzjonijiet kulturali u sportivi).

Skont il-prijorità u l-objettivi indirizzati mill-proġett, is-Sħubijiet fuq skala Żgħira għandhom jinvolvu l-aktar firxa xierqa u diversa ta’ sħab sabiex jibbenefikaw mill-esperjenzi, il-profili u l-għarfien espert speċifiku differenti tagħhom.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Sħubija fuq skala Żgħira hija tranżnazzjonali u tinvolvi mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn żewġ Stati Membri differenti tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Ma hemm l-ebda numru massimu ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti fi sħubija waħda.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jiġu identifikati meta ssir l-applikazzjoni għal għotja.

Għall-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenziji Nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għall-adulti u għaż-żgħażagħ, l-istess organizzazzjoni (OID waħda) ma tistax tkun involuta f’aktar minn 10 applikazzjonijiet b’kollox għal kull skadenza, la bħala applikant u lanqas bħala sieħeb2 .

Prijoritajiet indirizzati

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, is-Sħubijiet fuq skala Żgħira jridu jindirizzaw jew:

  • mill-inqas prijorità orizzontali waħda

u/jew

  • mill-inqas prijorità speċifika waħda rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li hija milquta l-aktar.

Għall-proġetti fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu, fost dawn il-prijoritajiet, jagħtu aktar kunsiderazzjoni lil dawk li huma partikolarment rilevanti fil-kuntest nazzjonali tagħhom (imsejħa “prijoritajiet Ewropej fil-kuntest nazzjonali”). L-Aġenziji Nazzjonali jridu jinformaw kif xieraq lill-applikanti potenzjali permezz tas-siti web uffiċjali tagħhom.

Għall-proġetti fil-qasam tal-isport tista’ tiġi indirizzata prijorità (orizzontali jew speċifika) waħda biss. 

Post(ijiet) tal-attivitajiet

L-attivitajiet kollha ta’ Sħubija fuq skala Żgħira jridu isiru fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-proġett.

Barra minn hekk, jekk ikun iġġustifikat kif xieraq fir-rigward tal-objettivi jew l-implimentazzjoni tal-proġett, l-attivitajiet jistgħu jseħħu wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal- Unjoni Ewropea3 , anke jekk fil-proġett ma jkun hemm l-ebda organizzazzjoni parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni.

Durata tal-proġett

Bejn 6 xhur u 24 xahar.

Id-durata trid tintgħażel fl-istadju tal-applikazzjoni, abbażi tal-objettivi tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet ippjanati maż-żmien.

F’każijiet eċċezzjonali, id-durata ta’ Sħubija fuq skala Żgħira tista’ tiġi estiża, fuq talba tal-benefiċjarju u bi qbil mal-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva. F’każ bħal dan, l-għotja totali ma tinbidilx.

Fejn napplika?

Għal Sħubijiet fuq skala Żgħira fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ sottomessi minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dawn l-oqsma:

  • Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Għal Sħubijiet fuq skala Żgħira fil-qasam tal-isport:

  • Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell.

ID tas-Sejħa: ERASMUS-SPORT-2024-SSCP

Fiż-żewġ każijiet, l-istess konsorzju ta’ sħab jista’ jissottometti applikazzjoni waħda biss u lil Aġenzija waħda għal kull skadenza4 .

Meta napplika?

Għal Sħubijiet fuq skala Żgħira fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għall-adulti u ż-żgħażagħ sottomessi minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dawn l-oqsma:

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-għotja

  • sal-5 ta’ Marzu f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
  • sal-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara.

Skadenza addizzjonali possibbli għal Sħubijiet fuq skala Żgħira fil-qasam taż-żgħażagħ:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jorganizzaw ċiklu addizzjonali għall-applikazzjonijiet għal proġetti fil-qasam taż-żgħażagħ, li għalihom japplikaw ukoll ir-regoli stabbiliti f’din il-Gwida. L-Aġenziji Nazzjonali se jagħtu informazzjoni dwar din il-possibbiltà permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat iċ-ċiklu addizzjonali, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sal-7 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena

Għal Sħubijiet fuq skala Żgħira fil-qasam tal-isport:

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sat-5 ta’ Marzu fil-17:00:00

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett ta’ Sħubija fuq Skala Żgħira jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk itejbu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, il-proġett u l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iskeda eċċ.);
  • it-tħejjija (l-ippjanar tal-attivitajiet, l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, l-arranġamenti prattiċi, il-konferma tal-grupp(i) fil-mira tal-attivitajiet previsti, l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab eċċ.);
  • l-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, il-kondiviżjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġett).

Is-Sħubijiet fuq skala Żgħira jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ apprendiment, tagħlim u taħriġ tranżnazzjonali tal-individwi u gruppi ta’ individwi, diment li jġibu magħhom valur miżjud fl-ilħuq tal-objettivi tal-proġett.

Għal Sħubijiet fuq skala Żgħira fil-qasam tal-isport, huwa rrakkomandat li fil-proposti jiġi inkluż mill-inqas klabb sportiv lokali jew reġjonali wieħed.

Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek:

Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tas-sħubijiet ta’ kooperazzjoni. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu proġetti ta’ Sħubijiet fuq skala Żgħira. 

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni5  biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar ta’ parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. Is-sħubijiet fuq skala żgħira huma partikolarment adatti biex issir ħidma fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, filwaqt li jiġu żviluppati aktar prattiki u metodi inklużivi u sensittivi għad-diversità, f’konformità mal-prijorità politika korrispondenti għall-azzjoni. Barra minn hekk, indipendentement mill-aspett tematiku tal-proġetti tagħhom, l-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.

Dimensjoni diġitali

Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għas-Sħubijiet fuq skala Żgħira li jirnexxu. B’mod partikolari, il-proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika, l-eTwinning u jew l-Pjattaforma għat-tagħlim tal-adulti (EPALE) sabiex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett. Il-proġetti fil-qasam taż-żgħażagħ huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma Ewropea għall-Istrateġija għaż-Żgħażagħ sabiex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett.

Parteċipazzjoni u Involviment ċiviku

Il-Programm jappoġġa l-parteċipazzjoni u l-involviment attiv fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Is-Sħubija fuq skala Żgħira għandha toffri opportunitajiet għall-parteċipazzjoni tal-persuni fil-ħajja demokratika, fl-involviment soċjali u ċiviku. Il-fokus se jkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, notevolment fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Kriterji għall-għoti

Rilevanza (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-objettivi u l-prijoritajiet tal-Azzjoni. Barra minn hekk, il-proposta se titqies bħala rilevanti ħafna jekk:
    • tindirizza l-prijorità “inklużjoni u diversità”;
    • Fil-każ ta’ proġetti ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+: jekk tindirizza “Prijorità Ewropea fil-kuntest nazzjonali” waħda jew aktar, kif imħabbar mill-Aġenzija Nazzjonali;
  • il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • il-profil, l-esperjenza u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti huma rilevanti għall-qasam tal-applikazzjoni;
  • il-proposta ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE billi tibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet sabiex jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni u networking transfruntiera.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • l-objettivi tal-proġett huma ddefiniti b’mod ċar, realistiċi u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira tagħhom;
  • l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal persuni b’inqas opportunitajiet.
  • il-metodoloġija proposta hija ċara, adegwata u fattibbli:
    • il-pjan ta’ ħidma tal-proġett huwa ċar, komplet u effettiv, inklużi l-fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett;
    • il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, u ħalli jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab
    • Jekk applikabbli: kemm il-proġett jagħmel użu mill-pjattaformi online tal-Erasmus+ (il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika, EPALE, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Pjattaforma tal-UE tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ) bħala għodod għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-proġett.
  • Il-proġett huwa mfassal b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u jinkorpora prattiki ekoloġiċi f’fażijiet differenti tal-proġett.

Kwalità tal-arranġamenti ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Kemm:

  • il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti f’termini ta’ profil;
  • il-proġett jinvolvi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-Azzjoni;
  • l-allokazzjoni proposta tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
  • il-proposta tinkludi mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Kemm:

  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u loġiċi biex jiġu integrati r-riżultati tal-proġett fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni parteċipanti;
  • il-proġett għandu l-potenzjal li jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti tiegħu, kif ukoll fuq il-komunità usa’;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi mod xieraq sabiex jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u l-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut pubblikament il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 60 punt. Barra minn hekk, iridu jiksbu tal-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għotjiet imsemmija hawn fuq (jiġifieri minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”; 10 punti għall-kategoriji “kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “impatt”).

F’każijiet fejn żewġ applikazzjonijiet jew aktar ikunu rċevew l-istess punteġġ totali (każijiet ex aequo), se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad għall-“impatt”.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Il-mudell ta’ finanzjament propost jikkonsisti minn għażla ta’ żewġ somom f’daqqa possibbli, li jikkorrispondu għall-ammont totali tal-għotja għall-proġett. L-applikanti se jagħżlu bejn iż-żewġ ammonti definiti minn qabel skont l-attivitajiet li jridu jwettqu u r-riżultati li jridu jiksbu:

Ammonti ta’ somom waħdanin f’daqqa:

  • EUR 30,000
  • EUR 60,000

Meta jippjanaw il-proġetti tagħhom, l-organizzazzjonijiet applikanti - flimkien mas-sħab tal-proġett tagħhom - se jkollhom jagħżlu l-ammont tas-somma waħda f’daqqa li jkun aktar xieraq biex ikopri l-kostijiet tal-proġetti tagħhom, abbażi tal-ħtiġijiet u l-objettivi tagħhom. Jekk il-proġett jintgħażel għall-finanzjament, l-ammont tas-somma f’daqqa mitlub isir l-ammont kumplessiv tal-għotja.

Il-proposti jridu jiddeskrivu l-attivitajiet li l-applikanti jimpenjaw ruħhom li jwettqu bl-ammont tas-somma f’daqqa mitlub u jridu jissodisfaw il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.

L-għażla tal-ammont ta’ somma f’daqqa li għandu jintalab għandha tkun ibbażata fuq l-istima proprja tal-applikant għall-kost kumplessiv tal-proġett. Minn din l-istima, l-applikanti jeħtiġilhom jagħżlu l-ammont li huwa l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li jiżguraw użu effiċjenti tal-fondi u r-rispett tal-prinċipju ta’ kofinanzjament (jiġifieri l-baġits tal-proġetti huma mistennija jiġu kkomplementati b’sorsi oħrajn ta’ finanzjament, għalhekk, il-kost kumplessiv mistenni tal-proġett għandu jkun ogħla mill-ammont fiss ta’ somma f’daqqa mitlub).

Fil-każ ta’ dubji bejn żewġ ammonti, l-applikanti jistgħu: a) inaqqsu l-kost tal-proġett tagħhom, pereżempju billi jsibu modi aktar kosteffettivi biex jiksbu riżultati simili jew billi jadattaw l-għadd/l-iskala tal-attivitajiet tal-proġett għall-baġit; b) iżidu l-iskala tal-proġett tagħhom, pereżempju billi jimmiraw li jilħqu aktar parteċipanti bl-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jżidu l-għadd ta’ attivitajiet jew jipproduċu outputs addizzjonali tal-proġett.

L-adegwatezza tan-numru, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kumplessità tal-attivitajiet proposti tal-proġett għall-ammont mitlub, flimkien mar-rilevanza tagħhom għall-objettivi tal-proġett, se jkunu elementi importanti tal-valutazzjoni tal-kwalità, f’konformità mal-kriterji għall-għoti deskritti hawn fuq.

Rekwiżiti

Meta wieħed iqis li s-sħubijiet fuq skala żgħira huma strument għall-inklużjoni u l-aċċess ta’ parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-programm, il-livell ta’ informazzjoni meħtieġ sabiex issir applikazzjoni għal għotja fil-qafas ta’ din l-azzjoni se jkun sempliċi, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tar-Regolament Finanzjarju tal-UE. Għalhekk, id-deskrizzjoni tal-proġett għandha tinkludi:

  • Objettivi
  • Attivitajiet proposti
  • Riżultati mistennija

L-objettivi, l-attivitajiet u r-riżultati maħsuba għandhom ikunu marbuta b’mod ċar ma’ xulxin u ppreżentati b’mod koerenti. L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll skeda ta’ żmien ġenerali tal-proġett bid-data mistennija għat-tlestija tal-attivitajiet ewlenin.

L-applikanti għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-pjan tal-baġit sabiex l-evalwaturi jkunu jistgħu jivvalutaw l-adegwatezza ta’ kull attività, kif ukoll il-koerenza ta’ kull attività mal-oħrajn.

Il-baġit tal-proġett irid jelenka l-attivitajiet ippjanati tal-proġett u jindika l-porzjon tal-għotja allokat għal kull attività.

Is-subkuntrattar tas-servizzi huwa permess diment li ma jkoprix attivitajiet ewlenin li fuqhom jiddependi direttament l-ilħuq tal-objettivi tal-azzjoni. F’każijiet bħal dawn, il-kompiti sottokuntrattati jridu jiġu identifikati u deskritti b’mod ċar fl-applikazzjoni.

Pagament tal-għotja

Il-kundizzjoni għall-pagament sħiħ tal-għotja hija t-tlestija tal-attivitajiet kollha f’konformità mal-kriterji tal-kwalità deskritti fl-applikazzjoni. F’każ li attività waħda jew aktar ma tkunx kompluta, tkun parzjalment kompluta jew ivvalutata bħala mhux sodisfaċenti fil-valutazzjoni tal-kwalità, jista’ jiġi applikat tnaqqis xieraq tal-ammont tal-għotja fl-istadju tar-rapport

finali f’każijiet ta’ implimentazzjoni ħażina, parzjali jew tardiva billi ma jiġux aċċettati attivitajiet uniċi jew billi jitnaqqas l-ammont kumplessiv b’perċentwal b’rata fissa.

Il-valutazzjoni tar-rapport finali hija bbażata fuq id-deskrizzjonijiet dettaljati ta’ kull attività mwettqa, l-informazzjoni li turi l-livell tal-ilħuq tal-objettivi tal-proġett iddikjarati fl-applikazzjoni, il-kwalità tar-riżultati tal-proġett imtellgħin fuq il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġett Erasmus+ u awtovalutazzjoni tal-organizzazzjonijiet sħab.

  1. Għall-iskopijiet ta’ din l-Azzjoni, gruppi informali ta’ żgħażagħ m’għandhomx jitqiesu bħala organizzazzjoni, u għalhekk mhumiex eliġibbli biex jipparteċipaw (la bħala applikanti u lanqas bħala sħab). ↩ back
  2. Dan il-massimu jqis l-applikazzjonijiet kollha sottomessi għal dawn l-oqsma lkoll flimkien. ↩ back
  3. Is-Sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strasburgu u The Hague ↩ back
  4. Dan jinkludi kemm l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ kif ukoll l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell. ↩ back
  5. https://erasmus-plus.ec.europa.eu/document/implementation-guidelines-erasmus-and-european-solidarity-corps-inclusion-and-diversity-strategy ↩ back