Pass 4: Imla u ssottometti l-formola tal-applikazzjoni
Biex titlob għal għotja mill-UE taħt il-Programm Erasmus+, l-applikanti jridu jużaw il-formoli speċifiċi għal kull azzjoni:
Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, l-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi b’mod elettronikupermezz tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti lis-Sejħa għall-proposti rilevanti1 . L-applikazzjonijiet (inklużi l-annessi u d-dokumenti ta’ sostenn) iridu jiġu sottomessi bl-użu tal-formoli pprovduti fis-Sistema ta’ Sottomissjoni. Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ sottomissjoni (inklużi aspetti tal-IT), ikkonsulta l-Manwal Online disponibbli fuq:https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/common/guidance/om_mt.pdf.
Għal azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, l-applikazzjonijiet (inklużi l-annessi u d-dokumenti ta’ sostenn) iridu jiġu ppreżentati b’mod elettronikupermezz tal-formoli ta’ applikazzjoni disponibbli fit-taqsima Opportunitajiet tas-sit web tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà2 . Għal aktar informazzjoni dwar il-proċess ta’ sottomissjoni, ikkonsulta l-gwidi tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà disponibbli fuqhttps://wikis.ec.europa.eu/display/NAITDOC .
F’każ ta’ proġetti sottomessi minn konsorzju, il-koordinatur jissottometti applikazzjoni waħda għall-proġett f’isem il-membri kollha. L-applikazzjoni trid tiġi sottomessa lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva xierqa (ara t-taqsimiet “Fejn napplika” għal kull azzjoni, fil-Parti B ta’ din il-Gwida).
L-applikazzjonijiet mibgħuta bil-posta, b’servizz ta’ kurrier, bil-faks jew bil-posta elettronika mhux se jiġu aċċettati.
Fil-każ ta’ azzjonijiet ġestiti minn Aġenzija Nazzjonali, il-formola elettronika trid timtela b’waħda mil-lingwi uffiċjali użati fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. F’każ ta’ azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, l-applikanti jeħtiġilhom jimlew il-formola f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE. Madankollu, l-astratt/is-sommarju tal-proġett dejjem għandu jkun bl-Ingliż.
L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi biss lil Aġenzija Nazzjonali waħda jew lill-Aġenzija Eżekuttiva. F’każ ta’ aktar minn sottomissjoni waħda tal-istess applikazzjoni fl-istess ċiklu ta’ għażla lill-istess Aġenzija Nazzjonali jew lill-Aġenzija Eżekuttiva, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva dejjem se jqisu l-aħħar verżjoni sottomessa qabel ma tkun skadiet id-data ta’ skadenza bħala valida. F’każ ta’ aktar minn sottomissjoni waħda tal-istess applikazzjoni jew ta’ applikazzjonijiet li huma simili ħafna mill-istess organizzazzjoni jew konsorzju applikanti lil Aġenziji Nazzjonali differenti, l-applikazzjonijiet kollha jistgħu jiġu rrifjutati awtomatikament (ara t-taqsima dwar l-għotja mhux kumulattiva).
Irrispetta l-iskadenza
L-applikazzjoni trid tiġi sottomessa sal-iskadenza stabbilita għal kull Azzjoni. Id-dati ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-proġetti huma speċifikati għal kull Azzjoni fil-Parti B “Kriterji tal-Eliġibbiltà” ta’ din il-Gwida.
Nota bene:
Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, irrispettivament mill-jum tal-iskadenza, id-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tal-formoli elettroniċi hija dejjem stabbilita għal 12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).
Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva EACEA u koperti f’din il-Gwida tal-Programm, f’konformità mar-rekwiżiti tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE, l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-proposti lill-EACEA hija fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).
L-applikanti stabbiliti f’pajjiżi li għandhom żona tal-ħin differenti għandhom iqisu b’attenzjoni d-differenzi fil-ħin sabiex jevitaw li jiġu rrifjutati.
- Jekk jogħġbok aċċessa l-formoli tal-applikazzjoni permezz tat-taqsima tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE dwar Sejħiet għal proposti fuq https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/opportunities/calls-for-proposals?order=DESC&pageNumber=1&pageSize=50&sortBy=startDate&isExactMatch=true&status=31094501,31094502&frameworkProgramme=43353764 . ↩ back
- Jekk jogħġbok aċċessa l-formoli tal-applikazzjoni permezz tat-taqsima Opportunitajiet tal-paġna tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà fuq https://webgate.ec.europa.eu/erasmus-esc/index/ . ↩ back