Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Pass 2: Iċċekkja l-konformità mal-kriterji tal-programm

Meta jiżviluppaw il-proġett tagħhom u qabel japplikaw għall-finanzjament mill-UE, il-parteċipanti jridu jivverifikaw li huma u l-proġett tagħhom iħarsu l-kriterji li ġejjin: l-ammissibbiltà, l-eliġibbiltà, l-esklużjoni, is-selezzjoni u l-għoti.

Kriterji tal-ammissibbiltà

L-applikazzjonijiet iridu jintbagħtu mhux aktar tard mill-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet kif indikat fis-sejħa.

L-applikazzjonijiet iridu jkunu jistgħu jinqraw u jkunu aċċessibbli.

L-applikazzjonijiet iridu jkunu kompluti bil-partijiet u l-annessi obbligatorji kollha. Żbalji klerikali biss jistgħu jiġu kkoreġuti wara l-iskadenza tas-sottomissjoni fuq talba tal-aġenzija ta’ ġestjoni għall-każijiet iġġustifikati kif xieraq.

Għal azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva, l-applikazzjonijiet iridu jiġu ppreżentati b’mod elettroniku permezz tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE. L-applikazzjonijiet (inklużi l-annessi u d-dokumenti ta’ sostenn) iridu jiġu sottomessi bl-użu tal-formoli pprovduti fis-Sistema ta’ Sottomissjoni.

Il-proposti jridu jkunu kompluti u jkun fihom l-informazzjoni kollha mitluba u l-annessi u d-dokumenti ta’ sostenn kollha meħtieġa:

  • Il-Parti A tal-Formola ta’ Applikazzjoni – fiha informazzjoni amministrattiva dwar il-parteċipanti (koordinatur futur, benefiċjarji u entitajiet affiljati) u l-baġit fil-qosor għall-proġett (għandha timtela direttament online);
  • Il-Parti B tal-Formola ta’ Applikazzjoni – fiha d-deskrizzjoni teknika tal-proġett (għandha titniżżel mis-Sistema ta’ Sottomissjoni tal-Portal, mimlija u mbagħad miġbura u mtella’ mill-ġdid); u
  • Il-Parti C (għandha timtela direttament online, jekk ikun hemm) li jkun fiha data addizzjonali dwar il-proġett

L-applikazzjonijiet (Parti B) huma limitati għal 40 paġna għal sejħiet għal għotjiet ta’ valur baxx (EUR 60,000 jew inqas); 120 paġna għal sejħiet b’għotjiet ta’ valur għoli (EUR 4,000,000) u 70 għas-sejħiet l-oħra kollha. L-azzjonijiet li ġejjin jagħmlu eċċezzjoni għal din ir-regola:  40 paġna għall-“Bini tal-Kapaċità fl-Edukazzjoni Għolja” (CBHE, Capacity Building in Higher Education) u 70 paġna għall-azzjoni tal-Masters Konġunti Erasmus Mundus. L-evalwaturi mhux se jikkunsidraw paġni addizzjonali.

Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, l-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi b’mod elettroniku permezz tal-formoli disponibbli fis-sit web tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. 

Kriterji tal-eliġibbiltà

Il-kriterji tal-eliġibbiltà jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant huwiex permess jipparteċipa f’sejħa għal proposti u sabiex jissottometti proposta għal azzjoni. Dawn japplikaw għall-applikanti u għall-proġetti/attivitajiet li għalihom tintalab l-għotja (eż. il-profil, in-numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti involuti, it-tip ta’ proġett jew/u attivitajiet, id-durata tal-attivitajiet, il-profil u/jew in-numru ta’ parteċipanti involuti).

Sabiex ikun eliġibbli, l-applikant u l-proġett iridu jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà kollha relatati mal-Azzjoni taħt liema tiġi sottomessa l-proposta. Jekk il-proġett ma jissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà fl-istadju tal-applikazzjoni, dan se jiġi rrifjutat mingħajr ma kompli jiġi evalwat. Jekk fl-istadju tal-implimentazzjoni jew tar-rapport finali jidher li dawn il-kriterji ma ġewx issodisfati, l-attivitajiet jistgħu jiġu kkunsidrati ineliġibbli bl-irkupru konsegwenti tal-għotja tal-UE mogħtija inizjalment lill-proġett.

Il-kriterji tal-eliġibbiltà li japplikaw għal kull waħda mill-Azzjonijiet implimentati permezz tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ huma deskritti fil-Parti B tal-Gwida.

Kriterji tal-esklużjoni

F’konformità mal-Artikolu 137(2) tar-Regolament Finanzjarju, f’ġestjoni diretta u indiretta, is-sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni għandha tapplika għal:

  • parteċipanti u riċevituri;
  • entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom il-kandidat jew l-offerent biħsiebu jiddependi jew fuq subkuntratturi ta’ kuntrattur;
  • kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni meta l-baġit jiġi implimentat skont l-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt(c), u skont l-Artikolu 157(4) abbażi ta’ informazzjoni nnotifikata f’konformità mal-Artikolu 158(7);
  • garanti;
  • sponsors kif imsemmija fl-Artikolu 26;
  • sidien benefiċjarji u kwalunkwe affiljat tal-entità eskluża, kif imsemmi fl-Artikolu 138(6);
  • persuni fiżiċi kif imsemmija fl-Artikolu 138(5), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) sa (c).

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 157(7) u r-regoli stabbiliti fil-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni, fil-każ ta’ persuni jew entitajiet li jirċievu fondi tal-Unjoni fejn il-baġit jiġi implimentat skont l-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c).

F’konformità mal-Artikolu 138 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi persuna jew entità msemmija hawn fuq milli tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti skont il-Programm Erasmus+ jew milli timplimenta fondi tal-Unjoni meta dik il-persuna jew entità tkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni li ġejjin:

  1. il-persuna jew l-entità tkun falliet, tkun soġġetta għal proċeduri ta’ insolvenza jew ta’ stralċ, ikollha l-assi tagħha qed jiġu amministrati minn likwidatur jew minn qorti, tkun tinsab fi ftehim ma’ kredituri, ikollha l-attivitajiet kummerċjali tagħha sospiżi, jew tkun qiegħda fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista taħt il-liġi tal-Unjoni jew taħt il-liġi nazzjonali;
  2. ikun ġie stabbilit b’sentenza finali jew b’deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew l-entità tkun qiegħda tikser l-obbligi tagħha relatati mal-pagament tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont il-liġi applikabbli;
  3. ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna hija ħatja ta’ mġiba professjonali ħażina ħafna billi tkun kisret il-liġijiet jew ir-regolamenti jew l-istandards etiċi applikabbli tal-professjoni li tappartjeni għaliha l-persuna, jew billi tkun involuta fi kwalunkwe aġir illegali li għandu impatt fuq il-kredibbiltà professjonali tagħha, fejn dan it-tip ta’ aġir jindika intenzjoni ħażina jew negliġenza serja, inkluż, b’mod partikolari, kwalunkwe aġir minn dawn li ġejjin:
    1. jippreżenta b’mod skorrett bi frodi jew bi traskuraġni informazzjoni meħtieġa għall-verifika tan-nuqqas ta’ kawżi ta’ esklużjoni jew it-twettiq ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà jew għażla jew fl-eżekuzzjoni tal-impenn legali;
    2. id-dħul fi ftehim ma’ persuni jew ma’ entitajiet oħrajn bl-għan li tiġi kkawżata distorsjoni tal-kompetizzjoni;
    3. il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
    4. jinfluwenza jew jippruva jinfluwenza bla bżonn il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet biex jinkisbu fondi tal-Unjoni billi jieħu vantaġġ, permezz ta’ dikjarazzjoni falza, minn kunflitt ta’ interess li jinvolvi kwalunkwe atturi finanzjarji jew persuni oħra, imsemmija fl-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju;
    5. it-tentattiv li tinkiseb informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux xierqa fil-proċedura ta’ għoti;
    6. inċitament għal diskriminazzjoni, mibegħda jew vjolenza kontra grupp ta’ persuni jew membru ta’ grupp jew simili attivitajiet li jmorru kontra l-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, fejn tali mġiba ħażina għandha impatt fuq l-integrità tal-persuna jew tal-entità li taffettwa b’mod negattiv jew tirriskja b’mod konkret li taffettwa l-attwazzjoni tal-impenn legali;
  4. ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali li l-applikant ikun ħati ta’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
    1. frodi, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1 u l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 19952 ;
    2. korruzzjoni, kif definita fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva (UE) 2017/1371 jew korruzzjoni attiva fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imfassla mill-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 19973 , jew imġiba msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/JHA4 , jew korruzzjoni kif definita f’liġijiet applikabbli oħrajn;
    3. imġiba relatata ma’ organizzazzjoni kriminali kif imsemmi fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI5 ;
    4. ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1(3), (4) u (5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill6 ;
    5. reati terroristiċi jew reati relatati ma’ attivitajiet terroristiċi, kif definiti fl-Artikoli 3 sa 12 tad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill7 , jew inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattivi għat-twettiq ta’ tali reati, kif imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ dik id-Direttiva;
    6. tħaddim tat-tfal jew reati oħra li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin kif imsemmifl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill8 ;
  5. il-persuna jew l-entità tkun uriet nuqqasijiet sinifikanti ta’ konformità mal-obbligi ewlenin fl-implimentazzjoni ta’ impenn legali iffinanzjat mill-baġit, li jkunu:
    1. wasslu għat-terminazzjoni bikrija tal-impenn legali;
    2. wasslu għall-applikazzjoni ta’ danni likwidati jew penali kuntrattwali oħrajn; jew;
    3. ġew skoperti minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni, mill-OLAF, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), mill-Qorti tal-Awdituri wara verifiki, awditjar jew investigazzjonijiet;
  6. ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew l-entità tkun wettqet irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/959 ;
  7. ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li l-persuna jew entità ħolqot entità f’ġurisdizzjoni differenti bil-ħsieb li jiġu evitati obbligazzjonijiet fiskali, soċjali jew kwalunkwe obbligazzjoni legali oħra fil-ġurisdizzjoni tal-uffiċċju rreġistrat, amministrazzjoni ċentrali jew post prinċipali tan-negozju tagħha;
  8. ikun ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva finali li entità tkun inħolqot bil-ħsieb imsemmi fil-punt (g);
  9. l-entità jew il-persuna tkun intenzjonalment u mingħajr ġustifikazzjoni xierqa rreżistiet investigazzjoni, verifika jew awditu mwettqa minn uffiċjal tal-awtorizzazzjoni jew ir-rappreżentant jew l-awditur tiegħu, l-OLAF, l-UPPE, jew il-Qorti tal-Awdituri. Għandu jitqies li l-persuna jew l-entità tirreżisti investigazzjoni, kontroll jew awditu meta twettaq azzjonijiet bil-għan jew bl-effett li tipprevjeni, tfixkel jew iddewwem it-twettiq ta’ kwalunkwe waħda mill-attivitajiet meħtieġa biex jitwettqu l-investigazzjoni, il-verifika jew l-awditu. Tali azzjonijiet għandhom jinkludu, b’mod partikolari,ir-rifjut li tingħata l-aċċess meħtieġ għall-bini tagħha jew kwalunkwe żona oħra użata għal skopijiet ta’ negozju, il-ħabi jew ir-rifjut li tiġi divulgata informazzjoni jew l-għoti ta’ informazzjoni falza.

Fin-nuqqas ta’ sentenza finali jew, fejn applikabbli, deċiżjoni amministrattiva finali fil-każijiet imsemmija fil-punti (c) sa (i) hawn fuq, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi persuna jew entità abbażi ta’ klassifikazzjoni preliminari fil-liġi ta’ mġiba kif imsemmi f’dawk il-punti, filwaqt li jqis il-fatti stabbiliti jew konstatazzjonijiet oħra li jkunu jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143 FR. 

Il-fatti u s-sejbiet imsemmija hawn fuq għandhom jinkludu b’mod partikolari: 

  1. il-fatti stabbiliti fil-kuntest ta’ awditi jew ta’ investigazzjonijiet imwettqa mill-UPPE fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri parteċipanti f’kooperazzjoni msaħħa taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, il-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF jew l-awditur intern, jew kwalunkwe verifika, awditu jew kontroll ieħor li jitwettaq taħt ir-responsabbiltà tal-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni;
  2. deċiżjonijiet amministrattivi mhux finali li jistgħu jinkludu miżuri dixxiplinari meħuda mill-korp ta’ sorveljanza kompetenti responsabbli għall-verifika tal-applikazzjoni tal-istandards ta’ etika professjonali;
  3. il-fatti msemmija fid-deċiżjonijiet ta’ persuni u entitajiet li jimplimentaw fondi tal-Unjoni skont l-Artikolu 62(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c);
  4. deċiżjonijiet tal-Kummissjoni marbuta mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew ta’ awtorità kompetenti nazzjonali relatati mal-ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jeskludi lil persuna jew entità msemmija fl-Artikolu 135(2) FR fejn:

  1. persuna fiżika jew ġuridika li hija membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-persuna jew tal-entità msemmija fl-Artikolu 137(2) FR (ara wkoll hawn fuq), jew li għandha setgħat ta’ rappreżentazzjoni, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll fir-rigward ta’ dik il-persuna jew entità, hija f’waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-punti (c) sa (i) hawn fuq;
  2. persuna fiżika jew ġuridika li tassumi responsabbiltà bla limitu għad-djun tal-applikant imsemmi fl-Artikolu 137(2) hija f’waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-punt (a) jew (b) hawn fuq;
  3. persuna fiżika li hija essenzjali għall-għoti jew għall-implimentazzjoni tal-impenn legali hija f’waħda jew aktar mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-punti (c) sa (i) hawn fuq.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 138(3), l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’ jeskludi persuna jew entità b’mod proviżorju mingħajr ir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 143 FR, meta l-parteċipazzjoni tagħha fi proċedura ta’ għoti jew l-għażla tagħha għall-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni tkun tikkostitwixxi theddida serja u imminenti għall-interess finanzjarju tal-Unjoni. F’każijiet bħal dawn, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jirreferi l-każ b’mod immedjat lill-bord imsemmi fl-Artikolu 145 FR u għandu jieħu deċiżjoni finali mhux aktar tard minn 14-il jum wara li jkun irċieva r-rakkomandazzjoni tal-bord.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, wara li jqis, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjoni tal-bord imsemmi fl-Artikolu 145, ma għandux jeskludi lil persuna jew lil entità msemmija fl-Artikolu 137(2) milli tieħu sehem fi proċedura ta’ għoti jew milli tingħażel għall-implimentazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni fejn:

  1. il-persuna jew l-entità tkun ħadet biżżejjed miżuri ta’ rimedju, kif speċifikat fl-Artikolu 138(10) FR sabiex turi li hija affidabbli. Dan il-punt ma għandux japplika fil-każ imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 138(1);
  2. kun indispensabbli biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz, għal durata limitata u sakemm jiġu adottati miżuri ta’ rimedju msemmija fl-Artikolu 138(7) FR;
  3. tali esklużjoni tkun sproporzjonata abbażi tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 138(3) FR.

Jekk l-azzjoni tiġi implimentata minn applikant li jkollu entitajiet affiljati, jeħtieġ jikkonformaw ukoll mal-istess kriterji tal-esklużjoni bħall-applikant ewlieni.

L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli għandu jiċħad minn proċedura ta’ għoti lil applikant li:

  1. ikun f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni stabbilita f’konformità mal-Artikolu 138;
  2. ikun irrappreżenta b’mod ħażin l-informazzjoni meħtieġa bħala kundizzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura jew naqas milli jipprovdi dik l-informazzjoni;
  3. kien preċedentement involut fit-tħejjija tad-dokumenti użati fil-proċedura tal-għoti meta dan ikun jinvolvi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, inkluża d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li ma jistax jiġi rimedjat b’xi mod ieħor.

L-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva tista’ tippubblika fuq is-sit web tagħha l-informazzjoni li ġejja relatata mal-esklużjoni u, fejn applikabbli, il-penali finanzjarja fil-każijiet imsemmija fil-punti (c) sa (i) tal-paragrafu 1 hawn fuq:

  1. l-isem tal-persuna jew tal-entità kkonċernata;
  2. is-sitwazzjoni ta’ esklużjoni;
  3. id-durata tal-esklużjoni u/jew l-ammont tal-penali finanzjarja.

Dawn il-kriterji tal-esklużjoni japplikaw għall-applikanti taħt l-Azzjonijiet kollha tal-Programm Erasmus+. F’konformità mal-Artikolu 199(1)(b) FR, l-applikazzjoni għall-għotja għandu jkun fiha dikjarazzjoni fuq l-unur tal-applikant f’konformità mal-Artikolu 139(1) FR (Dikjarazzjoni u evidenza ta’ nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ esklużjoni) u dwar il-konformità mal-eliġibbiltà (ara hawn fuq) u l-kriterji tal-għażla (ara hawn taħt). Fil-każ ta’ proposti sottomessi f’isem konsorzju, il-kriterji ta’ esklużjoni deskritti hawn fuq japplikaw għall-membri parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

F’konformità mal-Artikoli 137(4) u 140 FR, jistgħu jiġu imposti penali finanzjarji fuq riċevitur ta’ fondi tal-UE li miegħu jkun sar impenn legali u li jkun f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 138(1), il-punti (c) sa (i).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidhrilha li għall-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet koperti mill-Gwida tal-Programm, l-entitajiet li ġejjin huma jew jistgħu jkunu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess u għalhekk jew huma ineliġibbli jew jistgħu jkunu ineliġibbli li jipparteċipaw:

  • L-Awtoritajiet Nazzjonali inkarigati mis-superviżjoni tal-Aġenziji Nazzjonali u l-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ fil-pajjiż tagħhom ma jistgħux japplikaw jew jipparteċipaw fi kwalunkwe Azzjoni ġestita mill-Aġenzija Nazzjonali fl-ebda pajjiż, iżda jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni (bħala applikanti jew sħab) f’Azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva jew minn DĠ EAC sakemm dan ma jkunx eskluż b’mod espliċitu għall-Azzjoni kkonċernata (kif indikat fil-Parti B tal-Gwida);
  • L-Aġenziji Nazzjonali (attività unika tal-entità legali tagħhom) jew id-dipartimenti tal-Aġenziji Nazzjonali tal-entitajiet legali b’attivitajiet barra mill-mandat tal-Aġenziji Nazzjonali ma jistgħux japplikaw jew jieħdu sehem fl-ebda Azzjoni implimentata permezz ta’ din il-Gwida;
  • Strutturi u networks identifikati jew magħżula fil-Programm Erasmus+ jew fi kwalunkwe programm ta’ Ħidma Annwali tal-Kummissjoni adottati għall-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ biex jirċievu b’mod speċifiku kontribuzzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+, li huma ospitati minn entità legali li tospita wkoll lill-Aġenzija Nazzjonali, ma jistgħux japplikaw jew jipparteċipaw fi kwalunkwe Azzjoni ġestita mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fl-ebda pajjiż, iżda jistgħu japplikaw għall-parteċipazzjoni (bħala applikanti jew sħab) fl-Azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva jew mid-DĠ EAC sakemm dan ma jkunx espliċitament eskluż għall-Azzjoni kkonċernata (kif indikat fil-Parti B tal-Gwida); għandhom ikunu jistgħu juru, qabel jingħataw għotja jew kuntratt, li huma ma humiex f’kunflitt ta’ interess jew minħabba li jkunu ttieħdu miżuri ta’ prekawzjoni minnhom jew minħabba li l-organizzazzjoni interna tagħhom tkun tali mod li jkun hemm separazzjoni ċara tal-interessi. Barra minn hekk, il-kostijiet u d-dħul ta’ kull azzjoni jew attività li għalihom jingħataw il-fondi tal-UE jridu jiġu identifikati. Id-deċiżjoni dwar l-ammissjoni li hemm assigurazzjoni biżżejjed li huma ma humiex f’kunflitt reali ta’ interess tittieħed mill-Aġenzija Eżekuttiva jew minn DĠ EAC, taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, li magħha japplikaw;
  • Entitajiet legali li jospitaw l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ iżda li jittrattaw attivitajiet oħrajn fil-mandat tal-Programm Erasmus+ jew barra minnu, kif ukoll entitajiet affiljati ma’ dawn l-entitajiet legali, ma jistgħux japplikaw jew jipparteċipaw f’xi Azzjoni ġestita minn Aġenziji Nazzjonali f’xi pajjiż, iżda jistgħu fi prinċipju japplikaw sabiex jipparteċipaw f’Azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva jew minn DĠ EAC sakemm dan ma jkunx espliċitament eskluż għall-Azzjoni kkonċernata (kif indikat fil-Parti B tal-Gwida). Madankollu, jridu juru, qabel jingħataw għotja jew kuntratt, li huma ma humiex f’kunflitt ta’ interess jew minħabba li jkunu ttieħdu miżuri ta’ prekawzjoni minnhom jew minħabba l-organizzazzjoni interna tagħhom tkun tali li hemm separazzjoni ċara tal-interessi (eż. separazzjoni minima tal-kontijiet, separazzjoni tar-rapportar u linji ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, miżuri għall-prevenzjoni tal-aċċess għal informazzjoni privileġġata). Barra minn hekk, il-kostijiet u d-dħul ta’ kull azzjoni jew attività li għalihom jingħataw il-fondi tal-UE jridu jiġu identifikati. Id-deċiżjoni dwar l-ammissjoni li hemm biżżejjed assigurazzjoni li huma ma jinsabux f’kunflitt reali ta’ interess tittieħed mill-Istituzzjoni li jkunu applikaw magħha, taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess.

Miżuri restrittivi tal-UE

Japplikaw regoli speċjali għal ċerti entitajiet (eż. entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi tal-UEskont l-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE)10 ). Tali entitajiet mhumiex eliġibbli biex jipparteċipaw fi kwalunkwe kapaċità, inklużi bħala benefiċjarji, entitajiet affiljati, sħab assoċjati, sottokuntratturi jew riċevituri ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi (jekk ikun hemm). 

Kriterji tal-għażla

Permezz tal-kriterji tal-għażla, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva tivvaluta l-kapaċità finanzjarja u operazzjonali tal-applikant biex ilesti l-proġett propost abbażi tal-informazzjoni mitluba fil-formola tal-applikazzjoni. Irrispettivament mill-ammont tal-għotja mitlub, l-aġenzija rilevanti tista’ titlob li l-applikant jissottometti dokumenti u informazzjoni addizzjonali f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt.

Kapaċità finanzjarja

Kapaċità finanzjarja tfisser li l-applikant għandu sorsi stabbli u suffiċjenti ta’ finanzjament biex iżomm l-attività tiegħu matul il-perjodu li għalih tingħata l-għotja u għandu jipparteċipa fil-finanzjament tagħha.

Il-verifika tal-kapaċità finanzjarja normalment issir għall-koordinaturi kollha (inklużi benefiċjarji uniċi tal-proġett), ħlief:

  • persuni fiżiċi li jirċievu appoġġ għall-edukazzjoni;
  • korpi pubbliċi, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri11 ;
  • organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • persuni jew entitajiet li japplikaw għal tnaqqis fir-rata tal-imgħax u sussidji ta’ tariffa ta’ garanzija fejn l-objettiv ta’ dawk it-tnaqqis u sussidji huwa li dawn isaħħu l-kapaċità finanzjarja ta’ benefiċjarju jew li jiġġeneraw introjtu;
  • l-entitajiet legali pubbliċi u l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li rċevew aktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn sorsi pubbliċi matul l-aħħar sentejn12 ;
  • organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • jekk l-ammont tal-għotja mitluba mill-proġett ma jkunx ta’ aktar minn EUR 60,000.

Jekk ikun meħtieġ, dan jista’ jsir ukoll għal entitajiet affiljati.

Fil-każ ta’ talbiet għal għotja tal-UE li ma jaqbżux EUR 60,000 u sottomessi minn tipi oħrajn ta’ entitajiet minbarra dawk imsemmija hawn fuq, l-applikanti jridu jipprovdu dikjarazzjoni fuq l-unur li tiċċertifika li għandhom il-kapaċità finanzjarja li jimplimentaw il-proġett. Din id-dikjarazzjoni fuq l-unur tikkostitwixxi taqsima speċifika tal-formola ta’ applikazzjoni. L-aġenzija rilevanti tista’ titlob li l-applikant jissottometti dokumenti u informazzjoni addizzjonali.

F’każ ta’ talbiet għal għotja tal-UE li jaqbżu EUR 60,000 u sottomessi minn tipi oħrajn ta’ entitajiet minn dawk imsemmija hawn fuq, l-applikant, flimkien mad-dikjarazzjoni fuq l-unur, irid jissottometti d-dokumenti li ġejjin permezz tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE (Reġistru tal-Parteċipanti – it-tab tal-“Kapaċità finanzjarja”) / is-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjoni:

  • Il-kont tal-profitt u t-telf tal-koordinatur;
  • Il-karta tal-bilanċ; u
  • Dokumenti oħrajn, jekk mitluba.

Għal aktar informazzjoni dwar l-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva ara “Regoli għall-Validazzjoni ta’ Entità Legali, il-Ħatra ta’ LEAR u l-Valutazzjoni tal-Kapaċità Finanzjarja”: https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/common/guidance/rules-lev-lear-fca_mt.pdf

Fejn l-applikazzjoni tikkonċerna għotjiet ta’ azzjoni għal proġett li l-ammont tiegħu jaqbeż l-EUR 750,000, minbarra dan ta’ hawn fuq, jista’ jintalab rapport tal-awditjar prodott minn awditur estern approvat fejn disponibbli, u dejjem f’każijiet fejn awditu statutorju jkun meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, li jiċċertifika l-kontijiet sal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-applikant għandu jipprovdi awtodikjarazzjoni ffirmata mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu li tiċċertifika l-validità tal-kontijiet tiegħu sal-aħħar tliet snin finanzjarji disponibbli.

Għal entitajiet li ma jistgħux jipprovdu d-dokumenti ta’ hawn fuq peress li għadhom kif jinħolqu, dikjarazzjoni tad-data finanzjarja stmata/dikjarazzjoni finanzjarja jew dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni li tiddikjara r-riskji finanzjarji tal-applikant tista’ tissostitwixxi d-dokumenti ta’ hawn fuq.

Il-koordinatur irid itella’ dawn id-dokumenti fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE (Reġistru tal-Parteċipanti – tab “Kapaċità finanzjarja”) / Sistema ta’ Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjoni biss meta jiġi kkuntattjat mis-servizzi ta’ validazzjoni ċentrali tal-UE permezz tar-Reġistru tal-Parteċipanti jew mill-Aġenzija Nazzjonali rilevanti li titlob lill-applikant jipprovdi d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa. Fil-każ ta’ azzjonijiet ġestiti direttament mill-Aġenzija Eżekuttiva, din it-talba tintbagħat permezz tas-sistema ta’ messaġġi inkorporata fis-sistema rispettiva.

Fil-każ ta’ proposti sottomessi f’isem konsorzju ta’ sħab, f’każ li l-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva jkollhom dubji dwar il-kapaċità finanzjarja tal-konsorzju, għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju li abbażi tagħha jistgħu jintalbu l-istess dokumenti kif indikat hawn fuq mill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fil-konsorzju. Dan huwa applikabbli irrispettivament mill-ammont mogħti.

Jekk, wara l-analiżi ta’ dawn id-dokumenti, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva tikkonkludi li l-kapaċità finanzjarja meħtieġa hija dgħajfa, allura jistgħu:

  • jitolbu aktar informazzjoni;
  • jirrikjedu reġim ta’ responsabbiltà finanzjarja msaħħaħ, jiġifieri responsabbiltà in solidum għall-kobenefiċjarji kollha jew obbligazzjoni in solidum tal-entitajiet affiljati;
  • jiddeċiedu li jagħtu prefinanzjament f’pagamenti parzjali;
  • jiddeċiedu li jagħtu prefinanzjament (wieħed jew aktar) kopert minn garanzija bankarja jew;
  • jiddeċiedu li ma jagħtux prefinanzjament.

Jekk il-kapaċità finanzjarja titqies insuffiċjenti, il-proposta korrispondenti għandha tiġi miċħuda.

Kapaċità operazzjonali

Il-kapaċità operazzjonali tfisser li l-applikant għandu l-kompetenzi u l-kwalifiki professjonali meħtieġa biex iwettqu l-proġett propost, bħal riżorsi adegwati f’termini ta’ persunal imħarreġ, kwalifiki speċifiċi, esperjenza professjonali u referenzi fil-qasam ikkonċernat, materjali u tagħmir. Il-valutazzjoni tal-kapaċità operazzjonali tista’ tiġi estiża wkoll għas-sħubija kollha kemm hi, peress li l-kwalità tal-implimentazzjoni se tiddependi fuq il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet sħab kollha. L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jista’, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, jirrinunzja għall-obbligu ta’ verifika tal-kapaċità operazzjonali tal-korpi pubbliċi, tal-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. 

Għall-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenziji Nazzjonali: 

L-applikanti se jkollhom juru l-kapaċità operazzjonali tagħhom permezz tal-informazzjoni li jipprovdu fil-formola tal-applikazzjoni, bħal: 

  • preżentazzjoni ġenerali tal-organizzazzjoni(jiet);
  • profili ġenerali (kwalifiki u esperjenzi) tal-persunal responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-proġett;
  • deskrizzjoni tal-kompożizzjoni tal-konsorzju (jekk applikabbli).

Barra minn hekk, l-applikanti jridu jipprovdu dikjarazzjoni fuq l-unur li tiċċertifika li għandhom il-kapaċità operazzjonali biex jimplimentaw il-proġett. 

Jekk l-għotja taqbeż EUR 60,000, l-applikanti jridu jissottomettu mal-applikazzjoni:

  • lista ta’ pubblikazzjonijiet rilevanti ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti;13
  • lista eżawrjenti ta’ proġetti u attivitajiet preċedenti u kontinwi mwettqa u konnessi mal-qasam tal-politika jew mal-azzjoni speċifika. 

F’każ ta’ dubju,14 l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tuża wkoll sorsi oħra ta’ informazzjoni, bħal sejbiet ta’ awditi preċedenti, feedback (inkluż minn Aġenziji Nazzjonali oħra) mill-ġestjoni ta’ proġetti preċedenti jew attwali, rapporti ta’ żjarat ta’ monitoraġġ jew informazzjoni mis-sit web tal-organizzazzjoni jew profili tal-midja soċjali sabiex tivvaluta l-kapaċità operattiva u l-kapaċità li tiksibha. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ titlob ukoll dokumenti ta’ sostenn u informazzjoni addizzjonali biex tivverifika l-informazzjoni inkluża fl-applikazzjoni (bħal CVs tal-persuni ewlenin involuti fil-proġett biex juru l-esperjenza professjonali rilevanti tagħhom).

L-Aġenzija Nazzjonali tista’ titlob u tivvaluta informazzjoni simili dwar l-organizzazzjonijiet sħab.

Barra minn hekk, l-applikanti għall-akkreditazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika u ż-żgħażagħ jeħtieġ ikollhom mill-inqas sentejn esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li jagħmluhom eliġibbli bħala applikanti għall-akkreditazzjoni. L-esperjenza miksuba qabel fużjonijiet jew minn bidliet strutturali simili ta’ entitajiet pubbliċi (eż. skejjel jew ċentri edukattivi) se titqies bħala esperjenza rilevanti.

Il-koordinaturi tal-konsorzju tal-mobbiltà jrid ikollhom il-kapaċità li jikkoordinaw il-konsorzju skont il-Pjan tal-Erasmus propost, l-iskop tal-konsorzju, l-allokazzjoni ppjanata tal-kompiti, u l-Istandards tal-kwalità tal-Erasmus (ippreżentati fuq is-sit web Europa: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/sites/erasmusplus2/files/eac-a02-2020-quality-standards.pdf).

Il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq se jiġu vverifikati abbażi tal-applikazzjoni (inkluża informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni preċedenti tal-applikant fil-programm Erasmus+ 2014-2020 u 2021-2027) u d-dokumenti sottomessi fis-Sistema ta’ Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjoni. L-applikanti li ma jimlewx l-informazzjoni mitluba fil-formola tal-applikazzjoni jew jonqsu milli jipprovdu informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Aġenzija Nazzjonali fil-ħin jistgħu jiġu miċħuda.

Jekk il-kapaċità operazzjonali titqies insuffiċjenti, il-proposta għandha tiġi miċħuda.

Għall-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenzija Eżekuttiva: 

Il-kapaċità operazzjonali se tiġi vvalutata b’mod parallel mal-kriterju tal-għoti tal-“Kwalità”, abbażi tal-kompetenza u l-esperjenza tal-applikanti u tat-timijiet tal-proġett tagħhom, inklużi r-riżorsi operazzjonali (umani, tekniċi u oħrajn).

L-applikanti jitqiesu li għandhom kapaċità operazzjonali suffiċjenti meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li jirreferu għall-kapaċità operazzjonali stabbilita fis-sejħa għall-proposti.

L-applikanti se jkollhom juru l-kapaċità tagħhom permezz tal-informazzjoni li ġejja fil-Formola tal-Applikazzjoni (Parti B):

  • il-profili ġenerali (kwalifiki u esperjenzi) tal-persunal responsabbli għall-ġestjoni u għall-implimentazzjoni tal-proġett
  • deskrizzjoni tal-kompożizzjoni tal-konsorzju
  • lista ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE għall-aħħar erba’ snin.

L-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva tista’ titlob dokumenti ta’ sostenn addizzjonali sabiex tivverifika l-informazzjoni inkluża fl-applikazzjoni.

Kriterji għall-għoti

Il-kriterji tal-għoti jippermettu lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva:

  • tevalwa l-kwalità tal-proposti tal-proġett/akkreditazzjoni sottomessi fid-dawl tal-objettivi u l-prijoritajiet stabbiliti fil-qafas tal-Azzjonijiet Ewlenin tal-Programm Erasmus+ u tar-riżultati mistennija;
  • tagħti għotjiet/akkreditazzjonijiet lil proġetti li jimmassimizzaw l-effettività ġenerali tal-finanzjament tal-Unjoni;
  • tevalwa l-applikazzjonijiet għal għotja/akkreditazzjoni.

Il-proposti li jissodisfaw il-livell limitu individwali u l-livell limitu kumplessiv tal-kwalità se jiġu kkunsidrati għal finanzjament, fil-limiti tal-baġit disponibbli għas-sejħa. Il-bqija tal-proposti se jitqiegħdu fuq il-lista ta’ riżerva jew jiġu ddikjarati li ma rnexxewx.

Il-kriterji għall-għoti li japplikaw għal kull waħda mill-Azzjonijiet implimentati permezz tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ huma deskritti fil-Parti B tal-Gwida.

  1. Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p 29). ↩ back
  2. ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48. ↩ back
  3. ĠU C 195, 25.6.1997, p. 1. ↩ back
  4. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2003/568/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat (ĠU L 192, 31.7.2003, p 54). ↩ back
  5. Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta’ Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (ĠU L 300, 11.11.2008, p 42). ↩ back
  6. Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p 73). ↩ back
  7. Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73). ↩ back
  8. Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p 1). ↩ back
  9. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1). ↩ back
  10. Jekk jogħġbok innota li l- Ġurnal Uffiċjali tal-UE  fih il-lista uffiċjali u, f’każ ta’ kunflitt, il-kontenut tiegħu jipprevali fuq dak tal- Mappa tas-Sanzjonijiet tal-UE  (https://www.sanctionsmap.eu). ↩ back
  11. Fosthom  skejjel, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li rċevew aktar minn 50 % tad-dħul annwali tagħhom minn sorsi pubbliċi matul l-aħħar sentejn għandhom jitqiesu li għandhom il-kapaċità finanzjarja, professjonali u amministrattiva meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet fil-qafas tal-Programm. ↩ back
  12. L-Art 21(3) tar-Regolament Erasmus (UE) 2021/817; l-għotjiet nazzjonali, Ewropej jew ta’ natura oħra għal proġetti ma għandhomx jitqiesu bħala fondi pubbliċi għall-finijiet tal-verifika tal-kapaċità finanzjarja. ↩ back
  13. Dan ir-rekwiżit huwa applikabbli biss jekk l-organizzazzjonijiet parteċipanti jkunu pproduċew pubblikazzjonijiet rilevanti għall-qasam ta’ politika jew għall-azzjoni speċifika. ↩ back
  14. Dan japplika għal kwalunkwe ammont ta’ għotja. ↩ back