Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Skambji Virtwali fl-edukazzjoni għolja u ż-żgħażagħ

Il-proġetti ta’ skambji virtwali jikkonsistu f’attivitajiet online bejn il-persuni li jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-iżvilupp ta’ ħiliet personali. Dawn jagħmluha possibbli għal kull żagħżugħ li jkollu aċċess għal edukazzjoni internazzjonali u transkulturali ta’ kwalità għolja (kemm formali kif ukoll mhux formali) mingħajr mobbiltà fiżika. Filwaqt li d-dibattitu jew it-taħriġ virtwali ma jissostitwixxix bis-sħiħ il-benefiċċji tal-mobbiltà fiżika, il-parteċipanti fi skambji virtwali għandhom igawdu xi wħud mill-benefiċċji tal-esperjenzi edukattivi internazzjonali. Il-pjattaformi diġitali jirrappreżentaw għodda siewja biex jirrispondu parzjalment għar-restrizzjonijiet globali fuq il-mobbiltà kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. L-iskambji virtwali jgħinu wkoll fit-tixrid tal-valuri Ewropej. Barra minn hekk, f’xi każijiet dawn jistgħu jħejju, japprofondixxu u jestendu l-iskambji fiżiċi, kif ukoll iżidu d-domanda ġdida għalihom.

L-iskambji virtwali jsiru fi gruppi żgħar u dejjem jiġu mmoderati minn faċilitatur imħarreġ. Dawn għandhom jiġu integrati faċilment fi proġetti taż-żgħażagħ (edukazzjoni mhux formali) jew f’korsijiet ta’ edukazzjoni għolja. L-iskambji virtwali jistgħu jattiraw parteċipanti miż-żewġ setturi, anke jekk, skont proġetti speċifiċi, dawn jistgħu jinvolvu parteċipanti minn wieħed minnhom biss jew mit-tnejn li huma. Il-proġetti kollha fil-qafas ta’ din is-sejħa se jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti li ġejjin kemm mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm f’reġjuni eliġibbli. 

Objettivi tal-azzjoni

L-azzjoni se jkollha l-għan li:

  • Tħeġġeġ djalogu interkulturali ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u żżid it-tolleranza permezz ta’ interazzjonijiet online bejn il-persuni, li jibnu fuq teknoloġiji diġitali u favur iż-żgħażagħ;
  • Tippromwovi diversi tipi ta’ skambji virtwali bħala komplement għall-mobbiltà fiżika tal-Erasmus+, filwaqt li tippermetti lil aktar żgħażagħ jibbenefikaw minn esperjenza interkulturali u internazzjonali;
  • Issaħħaħ il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku, b’mod partikolari fl-użu tal-internet u tal-media soċjali, bħall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-indottrinazzjoni, il-polarizzazzjoni u r-radikalizzazzjoni vjolenti;
  • Trawwem l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u personali1 tal-istudenti, taż-żgħażagħ u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ2 , inkluża l-prattika tal-lingwi barranin u tal-ħidma f’tim, b’mod partikolari sabiex tissaħħaħ l-impjegabbiltà;
  • Tippromwovi ċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni;
  • Issaħħaħ id-dimensjoni taż-żgħażagħ fir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi.

Oqsma tematiċi/objettivi speċifiċi

L-Iskambji Virtwali tal-Erasmus+ huma inizjattiva minn isfel għal fuq. F’din is-sejħa, l-organizzazzjonijiet parteċipanti huma liberi li jagħżlu s-suġġetti li se jiffokaw fuqhom, iżda l-proposti jridu juru l-impatt mistenni tagħhom fir-rigward ta’ wieħed mill-objettivi jew aktar msemmija hawn fuq (ara wkoll it-taqsima “Impatt mistenni” hawn taħt). L-aspetti tal-ġeneru għandhom jitqiesu kif meħtieġ, skont il-kamp ta’ applikazzjoni u t-temi tal-proġetti (eż. billi jiġu introdotti aspetti tas-sensittività tal-ġeneru fit-taħriġ). Jeħtieġ tingħata attenzjoni speċjali lill-inklużjoni ta’ persuni soċjalment u ekonomikament vulnerabbli u ta’ persuni li ma jistgħux japplikaw għall-mobbiltà fiżika. Peress li hu aktar faċli li l-iskambji virtwali jiġu organizzati mal-istudenti u l-universitajiet, l-applikanti huma mħeġġa jinvolvu liż-żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet mhux irreġistrati fl-edukazzjoni għolja.

Attivitajiet

Il-proġetti se jiġu ffinanzjati abbażi ta’ pjanijiet ta’ ħidma li jistgħu jintegraw firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ kooperazzjoni online, inkluż pereżempju:

  • Diskussjonijiet iffaċilitati online bejn iż-żgħażagħ ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ibbażati f’pajjiżi differenti, bħala parti minn proġetti taż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jinkludu simulazzjonijiet ta’ logħob ta’ rwol;
  • Taħriġ għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jixtiequ jiżviluppaw proġett ta’ skambju virtwali ma’ kollegi minn pajjiżi oħrajn;
  • Diskussjonijiet iffaċilitati online bejn studenti ta’ istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja bbażati f’pajjiżi differenti, bħala parti minn lawrji tal-edukazzjoni għolja;
  • Taħriġ għall-professuri/persunal tal-università li jixtiequ jiżviluppaw proġett ta’ skambju virtwali ma’ kollegi minn pajjiżi oħrajn; Korsijiet online miftuħa interattivi li jinkludu materjali tradizzjonali tal-kors bħal lekċers bil-films, qari, u settijiet ta’ problemi (bħall-MOOCs magħrufa sew, Korsijiet Online Miftuħa Massivi, iżda li jagħmlu enfasi fuq fora interattivi tal-utenti fi gruppi żgħar sabiex jappoġġaw l-interazzjonijiet tal-komunità fost l-istudenti, il-professuri, l-assistenti tat-tagħlim, iż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ).

Stabbiliment ta’ proġett

Il-proġetti kollha ta’ skambju virtwali jeħtieġ ikunu:

  • Moderati minn faċilitaturi mħarrġa;
  • Siguri u protettivi mill-perspettiva tal-parteċipanti u l-ospitanti, f’konformità sħiħa mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data3 ;
  • Politikament sodi u kulturalment rilevanti: l-attivitajiet ta’ skambju virtwali jridu jkunu integrati bis-sħiħ fis-setturi taż-żgħażagħ u tal-edukazzjoni għolja u jkunu aġġornati mal-kulturi online u offline taż-żgħażagħ fil-pajjiżi parteċipanti;
  • Miftuħa u aċċessibbli fil-livell tal-esperjenza tal-utenti u tal-interazzjoni. Ir-reġistrazzjoni u l-interazzjonijiet mal-pari, il-faċilitaturi, l-amministraturi, u partijiet ikkonċernati oħrajn għandhom ikunu sempliċi u faċli;
  • Prinċipalment sinkroniċi, b’komponenti asinkroniċi possibbli (eż. qari, filmati); u
  • fl-aħħar nett, iridu jipprevedu metodu ta’ rikonoxximent tal-parteċipazzjoni u l-apprendiment għaż-żgħażagħ fi tmiem l-iskambju.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jridu jorganizzaw skambji virtwali għal persuni li għandhom bejn 13 u 30 sena. Jekk proġett ikun jinvolvi persuni taħt it-18-il sena, l-organizzazzjonijiet parteċipanti huma meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel ta’ parteċipazzjoni mill-ġenituri tagħhom jew mingħand dawk li jaġixxu f’isimhom. Il-parteċipanti individwali jeħtiġilhom ikunu bbażati fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-proġett.

Sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, il-proġetti għandhom jiddependu, kemm jista’ jkun, minn għodod u pjattaformi eżistenti.

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal Skambji Virtwali fi proġetti tal-edukazzjoni għolja u taż-żgħażagħ?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti tal-proġett għal Skambji Virtwali fl-Edukazzjoni Għolja u ż-Żgħażagħ iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin jistgħu jkunu involuti bħala koordinatur:

  • Organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja jew taż-żgħażagħ (edukazzjoni mhux formali);
  • Istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali tar-retturi, tal-għalliema jew tal-istudenti li jkunu legalment rikonoxxuti;

L-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett u trid tkun stabbilita legalment u tinsab fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jkunu stabbiliti jew fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz eliġibbli mhux assoċjat mal-Programm. Kull proposta ta’ proġett tista’ tinvolvi biss organizzazzjonijiet u parteċipanti minn wieħed mir-reġjuni eliġibbli ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Ir-reġjuni eliġibbli koperti minn din l-azzjoni huma r-Reġjuni 1, 2, 3 u 9 (ara t-taqsima “Pajjiżi eliġibbli” fil-parti A ta’ din il-Gwida).

L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

  • Organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ4 ;
  • Istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll organizzazzjonijiet nazzjonali jew internazzjonali tar-retturi, tal-għalliema jew tal-istudenti li jkunu legalment rikonoxxuti;
  • Vetturi tal-bidla fis-sistema edukattiva (maniġers tal-università, dipartimenti internazzjonali, dekani, aġenziji ta’ kwalità, eċċ.); organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja jew taż-żgħażagħ u stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’wieħed mill-pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm.

Entitajiet oħrajn jistgħu jipparteċipaw fi rwoli oħrajn ta’ konsorzju, bħal sħab assoċjati, subkuntratturi, partijiet terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet in natura, eċċ. L-entitajiet affiljati ma humiex eliġibbli għal finanzjament.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Il-proposti jridu jiġu sottomessi minn konsorzju ta’ mill-inqas erba’ organizzazzjonijiet. Il-konsorzji jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Minimu ta’ żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ minn żewġ Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ minn żewġ pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm li jappartjenu għall-istess reġjun eliġibbli; u
  • In-numru ta’ organizzazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm ma jistax ikun ogħla min-numru ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.
  • Fil-każ tal-Afrika sub-Saħarjana, l-applikanti huma mħeġġa jinvolvu parteċipanti minn firxa wiesgħa ta’ pajjiżi fil-proposta tagħhom, inklużi l-pajjiżi l-inqas żviluppati5 u/jew sħab li għandhom inqas esperjenza fl-Erasmus+.

L-entitajiet affiljati ma jgħoddux għall-kriterji minimi tal-eliġibbiltà għall-kompożizzjoni tal-konsorzju.

Post tal-attivitajiet

L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti.

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti għandhom idumu 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).

ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2023-VIRT-EXCH

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sas-26 ta’ April fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Impatt mistenni

L-attivitajiet u l-outputs tal-proġetti differenti se jkollhom l-għan li jilħqu impatt pożittiv fir-rigward tal-objettivi tas-sejħa li, filwaqt li jvarjaw f’konformità mal-ispeċifiċitajiet tal-proġetti, għandhom ikunu marbuta mill-qrib mad-dimensjoni tal-apprendiment tal-iskambji virtwali. Kull proposta ta’ proġett għandha tinkludi informazzjoni dwar dan l-impatt mistenni. L-applikanti huma mħeġġa jipprevedu feedback minn individwi u organizzazzjonijiet parteċipanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-valur tal-apprendiment, meta jirrapportaw dwar l-impatt tal-proġetti.

Kriterji għall-għoti

Rilevanza tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • L-applikazzjoni hija rilevanti għall-objettivi ġenerali u speċifiċi magħżula tas-sejħa. Il-proposta tal-proġett hija konsistenti mar-rekwiżiti tas-sejħa. Il-proposta hija spjegata b’mod ċar. 
  • Konsistenza: Il-komponenti differenti tal-applikazzjoni huma koerenti u konsistenti. L-applikazzjoni hija bbażata fuq analiżi adegwata tal-isfidi u l-ħtiġijiet; l-objettivi huma realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-gruppi fil-mira diretti u indiretti. Hija pprovduta evidenza tal-effettività tal-approċċ propost għall-iskambju virtwali.
  • Żieda: L-applikazzjoni turi l-potenzjal li żżid il-prattika/i tagħha f’livelli differenti (eż. lokali, reġjonali, nazzjonali, UE) u t-trasferibbiltà tagħha għal setturi differenti. Iż-żieda x’aktarx li tiġġenera impatt mhux biss fil-livell tal-organizzazzjonijiet sħab differenti iżda wkoll fil-livell tas-sistema u/jew tal-politika. Il-proposta għandha l-potenzjal li tiżviluppa fiduċja reċiproka u ssaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera.
  • Valur miżjud Ewropew: L-applikazzjoni ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE, permezz ta’ riżultati li ma jintlaħqux fil-livell tal-pajjiż biss, u hemm potenzjal għat-trasferiment tar-riżultati lejn pajjiżi mhux involuti fil-proġett. L-eżiti tal-proġett għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-aġendi ta’ politika rilevanti tal-UE. 

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Pjan strateġiku: L-applikazzjoni tistabbilixxi strateġija ċara li tibni fuq analiżi tal-fattibbiltà u tidentifika l-attivitajiet meħtieġa għall-ittestjar, l-adattament, u/jew iż-żieda tal-prattika/i ta’ skambju virtwali fil-kuntest il-ġdid tas-sħubija tal-proġett. 
  • Ħtiġijiet: Il-ħtiġijiet differenti tas-sħab differenti ġew identifikati u jitqiesu sew. Ġie żviluppat kunċett ċar ta’ kif se jiġu ġestiti dawn il-ħtiġijiet differenti. L-approċċ(i) pedagoġiku(pedagoġiċi) magħżul(a) huwa/huma wkoll konformi ma’ dawn il-ħtiġijiet differenti.
  • Struttura: Il-programm ta’ ħidma huwa ċar u intelliġibbli, u jkopri l-fażijiet kollha tal-proġett. L-indikaturi tal-kisba u l-mezzi ta’ verifika ġew definiti b’mod ċar għal kull eżitu.
  • Ġestjoni: Il-pjan ta’ ġestjoni tal-proġett huwa sod, b’riżorsi adegwati allokati għall-kompiti differenti. Ġew stabbiliti proċessi effettivi ta’ kooperazzjoni u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, li jinftiehmu mill-partijiet ikkonċernati kollha. Il-baġit juri l-kosteffettività u l-valur għall-flus. Hemm koerenza bejn il-kompiti, ir-rwoli u r-riżorsi finanzjarji allokati lis-sħab. L-arranġamenti ta’ ġestjoni finanzjarja huma ċari u xierqa.
  • Evalwazzjoni: Miżuri speċifiċi għall-proċessi ta’ monitoraġġ u r-riżultati tanġibbli (jiġifieri l-indikaturi tal-kisba u l-mezzi ta’ verifika) jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja. L-eżiti tal-apprendiment jiġu evalwati u rikonoxxuti. Hemm pjan ċar ta’ assigurazzjoni tal-kwalità li jkopri wkoll il-ġestjoni tal-proġett b’mod adegwat. L-istrateġija ta’ monitoraġġ tinkludi l-identifikazzjoni tar-riskju u pjan ta’ azzjoni ta’ mitigazzjoni. Dawn l-elementi huma inklużi u dettaljati wkoll fil-qafas loġiku (mudell obbligatorju tas-Sejħa).

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni - (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Konfigurazzjoni: Is-sħubija hija kapaċi tiżgura l-ilħuq sħiħ tal-objettivi tal-proġett. Il-konsorzju għandu l-ħiliet, l-għarfien espert u l-esperjenza kollha meħtieġa fl-oqsma koperti mill-proġett. Hija żgurata allokazzjoni adegwata ta’ ħin u ta’ input fost is-sħab. Il-ħiliet u l-kompetenzi tas-sħubija huma komplementari.
  • Impenn: Kull organizzazzjoni parteċipanti turi l-involviment sħiħ korrispondenti għall-kapaċitajiet u l-qasam speċifiku ta’ għarfien tagħha.
  • Kooperazzjoni: L-arranġamenti ta’ kooperazzjoni huma bbilanċjati. Huma proposti mekkaniżmi effettivi biex jiġu żgurati koordinazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet u komunikazzjoni tajbin bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-partijiet kkonċernati u kwalunkwe parti rilevanti oħra.

Impatt - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Tixrid: Strateġija ċara ta’ sensibilizzazzjoni, tixrid u komunikazzjoni tiżgura li jintlaħqu l-gruppi fil-mira rilevanti, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati ġenerali u l-pubbliku matul il-ħajja tal-proġett. Din l-istrateġija tinkludi pjanijiet biex kwalunkwe materjal prodott isir aċċessibbli permezz ta’ liċenzji miftuħa.
  • Sfruttament: L-applikazzjoni turi li l-approċċ(i) ta’ skambju virtwali magħżul(a) jista’/jistgħu jinxtered/jinxterdu u/jew jiġi/u estiż/i b’suċċess, li joħloq impatt usa’ u jinfluwenza l-bidla sistemika. L-approċċ ta’ sfruttament huwa deskritt b’mod ċar u l-miżuri proposti biex jiġu sfruttati r-riżultati tal-proġett huma potenzjalment effettivi.
  • Impatt: L-impatt prevedibbli, b’mod partikolari għall-gruppi fil-mira identifikati huwa definit b’mod ċar u hemm fis-seħħ miżuri biex jiġi żgurat li l-impatt ikun jista’ jinkiseb u jiġi evalwat. L-eżiti tal-apprendiment huma ddefiniti b’mod ċar qabel kull attività ta’ skambju virtwali u jitkejlu wara kull attività, il-progress jiġi rreġistrat u l-kisbiet jiġu rrikonoxxuti. Ir-riżultati tal-attivitajiet x’aktarx ikunu sinifikanti. L-eżiti tal-proġett għandhom il-potenzjal li jappoġġaw bidliet, titjib, jew żviluppi fit-tul għall-benefiċċju tal-gruppi u s-sistemi fil-mira kkonċernati. L-applikazzjoni tispjega wkoll kif l-impatt tal-apprendiment (eżiti tal-apprendiment) permezz tal-iskambju virtwali se jiġi evalwat biex isiru rakkomandazzjonijiet informati (tad-data) ħalli jittejbu t-tagħlim u l-apprendiment tal-iskambju virtwali lil hinn mill-proġett. Dawn l-elementi huma inklużi u dettaljati wkoll fil-qafas loġiku (mudell obbligatorju tas-Sejħa)
  • Sostenibbiltà: L-applikazzjoni tinkludi miżuri u riżorsi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji jistgħu jiġu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 60 punt. Barra minn hekk, iridu jiksbu tal-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn fuq (jiġifieri tal-inqas 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “impatt”; Għaxar punti għall-kategoriji “kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”).

F’każ ta’ ex aequo, il-prijorità se tingħata lil proġetti li jkollhom l-ogħla punteġġ taħt il-kriterju “rilevanza tal-proġett” u mbagħad “impatt”.

Miri ġeografiċi

L-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE qegħdin jikkontribwixxu għal din l-azzjoni. Il-baġit disponibbli huwa maqsum bejn reġjuni differenti u d-daqs ta’ kull pakkett baġitarju huwa differenti. Aktar informazzjoni dwar l-ammonti disponibbli taħt kull pakkett baġitarju se tiġi ppubblikata fuq il-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

L-Afrika sub-Saħarjana: Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati f’dan ir-reġjun; għandha ssir ukoll enfasi speċjali fuq il-pajjiżi prijoritarji tal-migrazzjoni6 ; l-ebda pajjiż mhu se jkollu aċċess għal aktar minn 8 % tal-finanzjament previst għal dan ir-reġjun.

Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta se tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità tal-għoti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.

L-għotja tal-UE għal kull proġett se tkun ta’ massimu ta’ EUR 500,000, b’EUR 200 bħala investiment massimu għall-organizzazzjonijiet għal kull parteċipant (jiġifieri proġett ta’ EUR 500,000 ikollu jilħaq mill-inqas 2 500 parteċipant).L-għotja li tingħata tista’ tkun inqas mill-ammont mitlub.

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti jridu jimlew tabella tal-baġit dettaljata fil-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin: 

  1. Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.); 
  2. Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  3. Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  4. Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Il-valur tas-somma f’daqqa se jkun limitat għal massimu ta’ 95 % tal-baġit stmat iddeterminat wara l-evalwazzjoni

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja. Mhuwiex permess appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi. Il-kostijiet tal-voluntiera u tal-SMEs huma permessi. Jekk jogħġbok irreferi għall-Parti C ta’ din il-Gwida tal-Programm, għat-taqsima dwar “Kostijiet Diretti Eliġibbli”. Il-proposta trid tinkludi kostijiet għal żewġ laqgħat (sa żewġ persuni għal kull applikazzjoni) fis-sena organizzati mill-Kummissjoni Ewropea jew fuq l-inizjattiva tagħha.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

  • 1 Il-ħiliet personali jinkludu l-kapaċità ta’ ħsieb kritiku, il-kurżità u l-kreattività, it-teħid ta’ inizjattiva, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħidma kollaborattiva, il-kapaċità ta’ komunikazzjoni effiċjenti f’ambjent multikulturali u interdixxiplinarju, l-abbiltà ta’ adattament għall-kuntest, l-immaniġġjar tal-istress u tal-inċertezza. Dawn il-ħiliet huma parti mill-kompetenzi ewlenin, kif deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja (ĠU C 189/1 tal-4.6.2018).
  • 2 Il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ huma professjonisti jew voluntiera involuti f’apprendiment mhux formali li jappoġġa liż-żgħażagħ fl-iżvilupp soċjoedukattiv u professjonali personali tagħhom.
  • 3 https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/eu-data-protection-rules_mt.
  • 4 Jiġifieri kwalunkwe organizzazzjoni, pubblika jew privata, li taħdem għaż-żgħażagħ barra mill-ambjenti formali jew li taħdem magħhom. Organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu, pereżempju, ikunu: organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ); Kunsill nazzjonali taż-Żgħażagħ; awtorità pubblika fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali; istituzzjoni tal-edukazzjoni jew tar-riċerka; jew fondazzjoni.
  • 5 Skont il-lista tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati: DAC-List-of-ODA-Recipients-for-reporting-2022-23-flows.pdf (oecd.org).
  • 6 Il-pajjiżi mhux assoċjati mal-Programm li ġejjin huma ewlenin f’termini tal-migrazzjoni: Il-Burkina Faso, il-Burundi, l-Etjopja, il-Gambja, il-Kosta tal-Avorju, il-Guinea, il-Mali, il-Mauritania, in-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, l-Afrika t’Isfel, is-Sudan t’Isfel u s-Sudan.