Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Mobbiltà tal-persunal fil-qasam tal-isport

Din l-azzjoni għandha l-għan li tgħin fl-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet sportivi billi tappoġġa l-mobbiltà għall-apprendiment tal-persunal tagħhom.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jippromwovu b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà ambjentali, l-edukazzjoni diġitali kif ukoll l-involviment u l-parteċipazzjoni ċivika permezz tal-attivitajiet tagħhom. Għandhom jagħmlu dan billi jużaw l-opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament ipprovduti mill-Programm għal dawn l-iskopijiet, billi jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti tagħhom, billi jikkondividu l-aħjar prattiki, u billi jagħżlu disinn xieraq għall-attivitajiet tagħhom.

L-objettiv ġenerali ta’ din l-azzjoni huwa li tagħti l-opportunità lill-persunal tal-organizzazzjonijiet sportivi, primarjament fl-isport għad-dilettanti, li jtejbu l-kompetenzi, il-kwalifiki u jiksbu ħiliet ġodda permezz tal-mobbiltà għall-apprendiment billi jqattgħu perjodu ta’ żmien barra mill-pajjiż, u b’hekk jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità u għall-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet sportivi. 

Din l-azzjoni tappoġġa l-iżvilupp professjonali ta’ kowċis u persunal ieħor (kemm persunal imħallas kif ukoll voluntiera) fl-isport għad-dilettanti. Il-persunal fl-isport mhux għad-dilettanti, inkluż dak involut f’karrieri doppji fl-isport u mhux fl-isport, jista’ jtejjeb ukoll l-impatt tat-tagħlim u t-trasferiment tal-għarfien għall-persunal u l-organizzazzjonijiet tal-isport għad-dilettanti. L-opportunitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-persunal fl-isport mhux għad-dilettanti jistgħu jiġu appoġġati meta l-parteċipazzjoni ta’ tali persunal tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-isport għad-dilettanti.

L-Azzjoni tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport 2024–20271

B’mod speċifiku, il-proġetti ta’ mobbiltà fil-qasam tal-isport għandhom l-għan li:

  • jenfasizzaw l-isport għad-dilettanti, filwaqt li jqisu r-rwol importanti li l-isport għandu fil-promozzjoni tal-attività fiżika u ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa, ir-relazzjonijiet interpersonali, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza;
  • jiżviluppaw id-dimensjoni Ewropea fl-isport u l-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-mobbiltà għall-apprendiment fl-isport;
  • jibnu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ta’ bażi;
  • itejbu l-għarfien u l-kompetenzi tal-persunal tal-isport;
  • jippromwovu l-valuri Ewropej komuni permezz tal-isport, il-governanza tajba u l-integrità fl-isport, l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet fl-isport u permezz tiegħu.
  • Jippromwovu stil ta’ ħajja attiv u favur l-ambjent u ċittadinanza attiva;
  • Jistabbilixxu networks Ewropej tal-kowċis u l-persunal tal-isport.

Prijoritajiet orizzontali

Il-proġetti kollha ta’ mobbiltà għandhom jintegraw id-dimensjonijiet li ġejjin komuni għall-programm Erasmus+ kollu:

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jiżguraw li joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà b’mod inklużiv u ġust, lill-parteċipanti minn kull sfond. L-għażla tal-parteċipanti għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-iżvilupp professjonali tagħhom ikunu trasferibbli bis-sħiħ fl-organizzazzjoni emittenti tagħhom.

Matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti għandhom jinvolvu lill-parteċipanti f’deċiżjonijiet ewlenin sabiex jiġu żgurati benefiċċji u impatt massimi għal kull parteċipant.

Sostenibbiltà Ambjentali

Proġett għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, filwaqt li jqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dan għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kuxjenza ambjentali, eż. billi jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu riflessi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-Programm, speċjalment permezz tal-użu ta’ appoġġ speċifiku ta’ finanzjament ipprovdut mill-Programm biex jiġu promossi mezzi sostenibbli tal-ivjaġġar.

Tranżizzjoni diġitali

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u ħalli jtejbu l-kwalità tal-attivitajiet.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika

Il-programm għandu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. L-attivitajiet ta’ mobbiltà appoġġati għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipattivi f’oqsma differenti tas-soċjetà ċivika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali. Dawn għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

Stabbiliment ta’ proġett

L-organizzazzjoni applikanti hija l-attur ewlieni fi proġett tal-Azzjoni Ewlenija 1. L-applikant jabbozza u jissottometti l-applikazzjoni, jiffirma l-ftehim ta’ għotja mal-Aġenzija Nazzjonali ta’ Erasmus+, jimplimenta l-attivitajiet tal-mobbiltà, u jirrapporta lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Erasmus+ tiegħu. Iż-żewġ tipi ta’ attivitajiet appoġġati huma attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa. Dan ifisser li l-organizzazzjoni applikanti se taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat: se tagħżel il-parteċipanti u tibgħathom f’organizzazzjoni ospitanti barra l-pajjiż. 

Proġett jista’ jinkludi attività waħda jew aktar. L-attivitajiet jistgħu jiġu kkombinati, skont l-objettivi tal-proġett u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti u l-parteċipanti nfushom.

Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. 

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet tal-apprendiment, metodoloġija ċara, eċċ.)
  • It-tħejjija (l-arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u mal-kompiti tal-parteċipanti qabel it-tluq, laqgħat preparatorji virtwali, eċċ.); Il-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti għandhom jiġu indirizzati kif xieraq u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskji.
  • Implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-apprendiment;
  • Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-isfruttar tal-eżiti tal-proġett, il-laqgħat ta’ segwitu virtwali).

Attivitajiet

Huma appoġġati l-attivitajiet li ġejjin:

  • Job shadowing u perjodi ta’ osservazzjoni (jumejn sa 14-il jum)
  • Inkarigi ta’ kkowċjar jew taħriġ (7 tijiem sa 45 jum)

Job shadowing huwa meta l-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien (jumejn sa 14-il jum) f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor bil-għan li jitgħallmu prattiki ġodda u jiġbru ideat ġodda permezz ta’ osservazzjoni u interazzjoni mal-pari, mal-kowċis, mal-voluntiera jew ma’ membri oħrajn tal-persunal fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom fl-organizzazzjoni ospitanti.

L-inkarigi ta’ kkowċjar jew ta’ taħriġ huma meta l-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien (7 tijiem sa 45 jum) jikkowċjaw jew jipprovdu taħriġ f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor, bħala mod kif jitgħallmu permezz tat-tlestija tal-kompiti tagħhom u l-iskambju mal-pari. Dan jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ta’ bażi.

L-attivitajiet ma jistax ikollhom skop ta’ qligħ.

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà tal-persunal jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet ta’ apprendiment virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Għal kwalunkwe attività, jista’ jingħata appoġġ addizzjonali lill-akkumpanjaturi tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. L-akkumpanjaturi jistgħu jiġu appoġġati għad-durata sħiħa tal-attività jew għal parti minnha.

L-attendenza għal korsijiet (dawk imħallsa jew mhux imħallsa) mhijiex attività eliġibbli għall-mobbiltà tal-persunal fil-qasam tal-isport.

Żjarat preparatorji

Iż-żjarat preparatorji għandhom l-għan li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiġu ffaċilitati u jitħejjew arranġamenti amministrattivi, jinbnew il-fiduċja u l-fehim, u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti. 

L-organizzazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu żjara preparatorja għand is-sieħeb ospitanti tagħhom qabel ma sseħħ il-mobbiltà. Iż-żjarat preparatorji ma humiex attività awtonoma, iżda arranġament ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-persunal. Kull żjara preparatorja jrid ikollha motivazzjoni ċara u trid isservi biex ittejjeb il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Pereżempju, jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji biex tibda ssir ħidma ma’ organizzazzjoni sieħba ġdida, jew biex jitħejjew attivitajiet ta’ mobbiltà itwal. Jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji għaż-żewġ tipi ta’ mobbiltà tal-persunal. 

Kriterji tal-Eliġibbiltà

Min jista’ japplika?

Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:

  • Organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fil-qasam tal-isport u tal-attività fiżika u li torganizza attivitajiet sportivi u fiżiċi fil-livell lokali (eż., organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, awtorità pubblika lokali, klabb sportiv)
  • Organizzazzjoni tal-isport mhux għad-dilettanti jekk il-parteċipazzjoni tal-persunal tagħha tibbenefika lill-isport għad-dilettanti (eż., organizzazzjoni internazzjonali, federazzjoni sportiva nazzjonali).

L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Fejn napplika?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-data li ġejja:

12 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Ċiklu addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu ċiklu addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinformaw lill-applikanti dwar il-ftuħ taċ-ċiklu addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat ċiklu ieħor, l-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sal-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).

Dati tal-bidu tal-proġett

Il-proġetti jibdew bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Jekk jinfetaħ ċiklu fakultattiv, il-proġetti jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Durata tal-proġett

Minn 3 xhur sa 18-il xahar.

Numru ta’ applikazzjonijiet

Organizzazzjoni tista’ tissottometti applikazzjoni waħda biss għal kull sessjoni ta’ għażla.

L-organizzazzjonijiet li jirċievu għotja għal proġett taħt l-ewwel ċiklu ta’ applikazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għat-tieni ċiklu tal-istess sejħa għall-proposti.

Durata tal-attivitajiet

Job shadowing u perjodi ta’ osservazzjoni: jumejn sa 14-il jum konsekuttivi (minbarra l-jiem tal-ivvjaġġar)

Inkarigi ta’ kkowċjar u taħriġ: 7-tijiem sa 45 jum konsekuttivi (minbarra l-jiem tal-ivvjaġġar)

Parteċipanti eliġibbli

  • Il-kowċis u persunal tal-isport ieħor f’organizzazzjonijiet tal-isport għad-dilettanti
  • Il-persunal fl-isport mhux għad-dilettanti, inklużi dawk involuti f’karrieri doppji u f’karrieri mhux sportivi, fejn il-parteċipazzjoni ta’ tali persunal tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-isport għad-dilettanti.
  • Voluntiera (minbarra kowċis) f’organizzazzjonijiet sportivi.

Il-parteċipanti jridu jkunu qegħdin jaħdmu fl-organizzazzjoni li tibgħat, jew ikunu qegħdin jaħdmu regolarment mal-organizzazzjoni li tibgħat sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjoni.

Fil-każijiet kollha, il-kompiti li jorbtu lill-parteċipant mal-organizzazzjoni li tibgħat iridu jkunu dokumentati b’mod li jippermetti lill-Aġenzija Nazzjonali tivverifika din ir-rabta (pereżempju ma’ kuntratt ta’ xogħol jew volontarjat, deskrizzjoni tal-kompitu, jew dokument simili).

Il-parteċipanti ma jistgħux jinvolvu ruħhom f’attività ta’ mobbiltà f’kapaċità ta’ atleti.

Numru ta’ parteċipanti

Massimu ta’ 10 parteċipanti għal kull proġett

Il-parteċipanti fi żjarat preparatorji u l-akkumpanjaturi tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet ma jingħaddux f’dan il-massimu ta’ 10 parteċipanti.

Post tal-attivitajiet

L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Kull attività trid issir f’pajjiż wieħed.

Rekwiżiti minimi għaż-Żjarat Preparatorji

Post(ijiet) tal-attività

Iż-Żjarat Preparatorji jsiru fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tilqa’ qabel ma tibda l-attività.

Parteċipanti eliġibbli

Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti li jieħdu sehem fl-attività ewlenija. Iż-żjarat preparatorji jistgħu jitwettqu minn persunal involut direttament fl-organizzazzjoni ta’ proġett jew persunal li jipparteċipaw fil-mobbiltà.

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-punteġġi ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin: 

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti hawn taħt

Rilevanza u impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • Il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-isport għad-dilettanti;
  • Il-proposta tal-proġett hija rilevanti
    • għall-objettivi tal-azzjoni
    • għall-ħtiġijiet u l-iżvilupp tal-organizzazzjoni applikanti
    • għall-ħtiġijiet u l-iżvilupp tal-persunal parteċipanti
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Kemm il-proposta hi adattata:
    • għall-produzzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-persunal parteċipanti;
    • għat-tisħiħ jew it-trasformazzjoni tal-prattiki ta’ ħidma tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, għaż-żieda tal-kwalità, il-kapaċitajiet u l-innovazzjoni tagħha
    • għall-produzzjoni ta’ impatt potenzjali fuq l-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-persunal matul u wara l-ħajja tal-proġett
  • Kemm il-proġett jiddefinixxi eżiti tal-apprendiment konkreti
  • Kemm il-proġett jintroduċi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-azzjoni.

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • L-objettivi proposti tal-proġett jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni applikanti u l-persunal tagħha b’mod ċar u konkret
  • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ;
  • Il-proġett jinkorpora prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli
  • Il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u ħalli jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab
  • Kemm l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet
  • Ir-rappreżentanza bilanċjata tal-parteċipanti f’termini ta’ pajjiżi u ġeneru;
  • Għall-persunal minn organizzazzjonijiet mhux għad-dilettanti, spjegazzjoni ċara kif il-parteċipazzjoni ta’ dan il-persunal se tkun ta’ benefiċċju għall-isport għad-dilettanti

Kwalità tal-azzjonijiet ta’ segwitu (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni
  • l-applikant ippropona passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjoni applikanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u ħalli l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jiġi rikonoxxut b’mod pubbliku

Regoli ta’ finanzjament

Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà li ma humiex koperti minn kategoriji oħra ta’ kostijiet. 

Pereżempju, it-tħejjija, il-mentoraġġ, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti matul il-mobbiltà, is-servizzi, l-għodod u t-tagħmir meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett, il-komponenti virtwali f’attivitajiet imħallta, il-kondiviżjoni tar-riżultati u li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jsir viżibbli għall-pubbliku.

L-appoġġ organizzazzjonali jkopri l-kostijiet imġarrba kemm mill-organizzazzjonijiet emittenti kif ukoll minn dawk li jospitaw. Id-diviżjoni tal-għotja mogħtija se tiġi miftiehma bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti, minbarra l-akkumpanjaturi.

Ammont

EUR 350 għal kull parteċipant

Kategorija tal-baġit - Vjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-akkumpanjaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Taħt 500 km, il-parteċipant, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġa b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni.

L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività2 billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea3 .

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġarVjaġġar ekoloġikuVjaġġar mhux ekoloġiku
10 – 99 kmEUR 56EUR 28
100 – 499 kmEUR 285EUR 211
500 – 1999 kmEUR 417EUR 309
2000 – 2999 kmEUR 535EUR 395
3000 – 3999 kmEUR 785EUR 580
4000 – 7999 kmEUR 1188EUR 1188
8000 km jew aktarEUR 1735EUR 1735

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet ta’ sussistenza għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi matul l-attività.

Jekk ikun meħtieġ: il-kostijiet ta’ sussistenza huma eliġibbli għal ħin ta’ vjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta’ vjaġġar għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi li jirċievu għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku, u massimu ta’ 6 ijiem f’każ ta’ għotja għall-ivjaġġar ekoloġiku.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni:abbażi tad-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant u l-akkumpanjatur u l-pajjiż li jilqa’4

Ammont

  • Grupp ta’ pajjiżi 1: EUR 107 - 191
  • Grupp ta’ pajjiżi 2: EUR 95 - 169
  • Grupp ta’ pajjiżi 3:   EUR 84 - 148

Dawn ta’ hawn fuq huma rati bażi għal kull jum tal-attività. Kull Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi dwar ir-rati bażi eżatti fil-meded permessi. 

Ir-rata bażi hija pagabbli sal-14-il jum tal-attività. Mill-15-il jum tal-attività, ir-rata pagabbli tkun ugwali għal 70 % tar-rata bażi. Ir-rati pagabbli jiġu aġġustati għall-eqreb Euro sħiħ.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Il-kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.   

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, minbarra l-akkumpanjaturi.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u mal-akkumpanjaturi tagħhom (inklużi kostijiet relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni:  it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għaż-żjara preparatorja

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni taż-żjara preparatorja li jinkludu l-ivvjaġġar u s-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Ammont

EUR 680 għal kull parteċipant, b’massimu ta’ żewġ parteċipanti għal kull żjara preparatorja.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ lingwistiku

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet tal-provvista ta’ materjali għall-apprendiment tal-lingwi u ta’ taħriġ għall-parteċipanti li jeħtieġ itejbu l-għarfien tal-lingwa li se jkunu qegħdin jużaw biex jikkowċjaw jew biex jagħtu taħriġ matul l-attività tagħhom. 

L-appoġġ lingwistiku huwa eliġibbli għall-parteċipanti fit-tipi ta’ attivitajiet li ġejjin: f’perjodi ta’ job shadowing u osservazzjoni tax-xogħol u inkarigi ta’ kkowċjar u taħriġ. L-appoġġ jitħallas biss jekk il-parteċipant ma jkunx jista’ jirċievi Appoġġ Lingwistiku Online minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lingwa jew tal-livell meħtieġ, jew minħabba ostakli partikolari li jiffaċċjaw il-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji. 

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 150 għal kull parteċipant

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi tagħhom li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-għotja standard “Vjaġġar” minħabba l-pożizzjoni ġeografika remota jew ostakli oħrajn. Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar abbażi ta’ kostijiet unitarji.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija NazzjonaliL-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.

Ammont

Garanzija finanzjarja:80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli

  1. https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9771-2024-INIT/mt/pdf ↩ back
  2. Pereżempju , jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1,365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri ,  bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  3. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  4. Grupp ta’ pajjiżi 1 :  L-Awstrija, il-Belġju, Franza, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja Grupp ta’ pajjiżi 2 : Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja  Grupp ta’ pajjiżi 3 : Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, it-Turkija ↩ back
Tagged in:  Sport