Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Bini tal-kapaċità fil-qasam tal-Isport

Il-proġetti tal-bini tal-kapaċitajiet huma proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-isport fil-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm fir-Reġjun 1 (il-Balkani tal-Punent) u r-Reġjun 2 (il-Viċinat tal-Lvant). Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw l-attivitajiet u l-politiki tal-isport f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm bħala mezz biex jiġu promossi l-valuri kif ukoll bħala għodda edukattiva biex jiġi promoss l-iżvilupp personali u soċjali tal-individwi u ħalli jinbnew komunitajiet aktar koeżivi.

Objettivi tal-azzjoni

L-azzjoni se jkollha l-għan li:

  • issaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet sportivi għad-dilettanti;
  • tħeġġeġ il-prattika tal-isport u tal-attività fiżika f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
  • tippromwovi l-inklużjoni soċjali permezz tal-isport;
  • tippromwovi valuri pożittivi permezz tal-isport (bħal logħob ġust, tolleranza, spirtu ta’ tim);
  • trawwem il-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti tad-dinja permezz ta’ inizjattivi konġunti.

Oqsma tematiċi / objettivi speċifiċi

Il-proposti għandhom jiffokaw fuq ċerti oqsma tematiċi definiti fl-istadju tal-programmazzjoni. Eżempji ta’ oqsma partikolarment rilevanti huma:

  • il-promozzjoni ta’ valuri komuni, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-isport;
  • l-iżvilupp tal-ħiliet (permezz tal-isport) meħtieġ biex jittejjeb l-involviment soċjali ta’ gruppi żvantaġġati (eż. l-indipendenza, it-tmexxija eċċ.).
  • l-integrazzjoni tal-migranti;
  • ir-rikonċiljazzjoni ta’ wara l-kunflitt;

Attivitajiet

L-attivitajiet proposti jridu jkunu marbuta direttament mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-azzjoni, jiġifieri jridu jikkorrispondu ma’ qasam tematiku wieħed jew aktar elenkati hawn fuq u jridu jkunu dettaljati f’deskrizzjoni tal-proġett li tkopri l-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni internazzjonali dinjija, l-attivitajiet tal-proġett iridu jiffokaw fuq il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet sportivi u prinċipalment fil-pajjiżi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjun 1 jew mir-Reġjun 2.

Il-proġetti ffinanzjati se jkunu jistgħu jintegraw firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni, skambju, komunikazzjoni u attivitajiet oħrajn li jinkludu pereżempju:

  • Il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ networks bejn organizzazzjonijiet/pajjiżi/reġjuni;
  • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki/ideat;
  • L-implimentazzjoni ta’ attivitajiet sportivi komuni u avvenimenti sekondarji edukattivi;
  • It-tnedija, l-ittestjar, il-kondiviżjoni u l-implimentazzjoni ta’ forom ġodda ta’ metodi, għodod, prattiki u materjali ta’ apprendiment mhux formali permezz ta’ taħriġ prattiku u mobbiltà tal-persunal tal-isport;
  • Is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fl-isport;
  • L-appoġġ għall-bini ta’ soċjetà ċivili involuta u attiva.

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett tal-Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-isport jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament1  eż. 1) Identifikazzjoni u bidu tal-proġett; 2) It-tħejjija, it-tfassil u l-ippjanar tal-proġetti; 3) L-implimentazzjoni tal-proġett u l-monitoraġġ tal-attivitajiet; 4) Ir-rieżami tal-proġett u l-valutazzjoni tal-impatt.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.

  • Identifikazzjoni u bidu; Identifika problema, ħtieġa jew opportunità li tista’ tindirizza bl-idea tal-proġett tiegħek fil-kuntest tas-sejħa; identifika l-attivitajiet ewlenin u l-eżiti prinċipali li jistgħu jkunu mistennija mill-proġett; immappja l-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sħab potenzjali; ifformula l-objettiv(i) tal-proġett; żgura l-allinjament tal-proġett mal-objettivi strateġiċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti; wettaq xi ppjanar inizjali biex il-proġett jingħata bidu tajjeb, u iġbor flimkien l-informazzjoni meħtieġa biex titkompla l-fażi li jmiss eċċ.;
  • Tħejjija, tfassil u ppjanar; speċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-approċċ xieraq; iddeskrivi b’mod ċar il-metodoloġija proposta filwaqt li tiżgura l-konsistenza bejn l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett; iddeċiedi dwar skeda għall-kompiti involuti; agħmel stima tar-riżorsi meħtieġa u żviluppa d-dettall tal-proġett eż. valutazzjoni tal-ħtiġijiet; iddefinixxi objettivi sodi u indikaturi tal-impatt (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jinkisbu, li huma rilevanti u marbuta mal-ħin); identifika l-eżiti tal-proġett u tal-apprendiment; l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, formati ta’ attività, impatt mistenni, baġit kumplessiv stmat; it-tħejjija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett u pjan ta’ komunikazzjoni sod u realistiku li jinkludi aspetti strateġiċi tal-governanza tal-proġett, il-monitoraġġ, il-kontroll tal-kwalità, ir-rapportar u t-tixrid tar-riżultati; id-definizzjoni tal-arranġamenti prattiċi u l-konferma tal-grupp(i) fil-mira għall-attivitajiet previsti; l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab u l-kitba tal-proposta eċċ.;
  • Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-attivitajiet: it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-proġett skont pjanijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-komunikazzjoni; il-monitoraġġ tal-attivitajiet li għaddejjin u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont il-pjanijiet tal-proġett; l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi biex jindirizzaw devjazzjonijiet mill-pjanijiet u biex jindirizzaw kwistjonijiet u riskji; l-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi eċċ.;
  • Rieżami u valutazzjoni tal-impatt: il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont l-objettivi tal-proġett u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni; l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, il-kondiviżjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġett, eċċ.

Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek:

Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità matul il-fażijiet differenti tal-proġett. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti tagħhom. 

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar lill-parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.

Dimensjoni diġitali

Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għal proġetti ta’ suċċess.

Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni

Il-proġetti se jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva u l-etika, kif ukoll irawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. L-enfasi se tkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea fid-dinja.

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal proġett ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-isport?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għal Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-Isport iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jeħtiġilhom:

  • ikunu entitajiet legali (korpi pubbliċi jew privati) ikunu attivi fil-qasam tal-isport
  • ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm mir-Reġjun 1 (il-Balkani tal-Punent) jew ir-Reġjun2 (il-Viċinat tal-Lvant)2 .

Il-koordinatur tal-konsorzju jeħtieġlu jkun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.         

Organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu, pereżempju, ikunu:

  • korp pubbliku li jieħu ħsieb l-isport fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
  • organizzazzjoni sportiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali;
  • Kumitat Olimpiku Nazzjonali jew konfederazzjoni Nazzjonali tal-Isport;
  • organizzazzjoni li tirrappreżenta l-moviment “sport għal kulħadd”;
  • organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-promozzjoni tal-attività fiżika;
  • organizzazzjoni li tirrappreżenta s-settur tad-divertiment attiv;

Kompożizzjoni tal-konsorzju

Il-proġetti ta’ bini tal-kapaċità huma tranżnazzjonali u jinvolvu mill-inqas erba’ organizzazzjonijiet minn minimu ta’ tliet pajjiżi:

  • Mill-inqas organizzazzjoni waħda minn żewġ Stati Membri differenti tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u
  •  mill-inqas żewġ organizzazzjoni minn mill-inqas pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm mir-Reġjun 1 (il-Balkani tal-Punent) jew mir-Reġjun 2 (il-Viċinat tal-Lvant). Organizzazzjonijiet mir-Reġjun 1 u mir-Reġjun 2 ma jistgħux jipparteċipaw fl-istess proposta (jiġifieri s-sħubijiet inklużi r-Reġjuni 1 u 2 ma humiex eliġibbli).

In-numru ta’ organizzazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm ma jistax ikun ogħla min-numru ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.L-entitajiet affiljati u s-sħab assoċjati ma jgħoddux għall-kompożizzjoni tal-konsorzju.                

Post ġeografiku (Post tal-attivitajiet)

L-attività trid issir fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-attività ħlief f’każijiet iġġustifikati kif xieraq relatati mal-objettivi tal-azzjoni.

Barra minn hekk,:

  • L-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, anke jekk fil-proġett ma jkunx hemm organizzazzjonijiet parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni. 
  • L-attivitajiet li jinvolvu l-kondiviżjoni u l-promozzjoni tar-riżultati jistgħu jsiru wkoll f’avvenimenti/konferenzi tranżnazzjonali tematiċi rilevanti fl-Istati Membri tal-UE jew fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.

Durata tal-proġett

Il-Proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet normalment idumu 12-il xahar, 24 xahar jew 36 xahar. Id-durata trid tintgħażel fl-istadju tal-applikazzjoni, abbażi tal-objettiv tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet previsti tul iż-żmien. L-estensjonijiet huma possibbli, jekk ikunu debitament iġġustifikati u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).

ID tas-Sejħa: ERASMUS-SPORT-2024-CB

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-05 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Impatt mistenni

Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-impatt mistenni tagħhom billi:

  • iżidu l-parteċipazzjoni u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet sportivi għad-dilettanti;
  • iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa f’attivitajiet sportivi u fiżiċi;
  • itejbu l-involviment soċjali ta’ gruppi żvantaġġati;
  • itejbu l-kapaċità tas-settur tal-isport biex jaħdem b’mod tranżnazzjonali bil-kura tal-inklużività, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà;
  • jippromwovu u jikkontribwixxu għall-apprendiment u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn iż-żgħażagħ sportivi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
  • ixerrdu r-riżultati tagħhom b’mod effettiv u attraenti fost iż-żgħażagħ sportivi involuti fl-organizzazzjonijiet tal-isport.

Kriterji għall-għoti

Rilevanza tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proposta għall-objettivi tal-Azzjoni;
  • Il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Kemm:
    • l-objettivi huma ddefiniti b’mod ċar, huma realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-gruppi fil-mira;
    • il-proposta tkun innovattiva u/jew komplementari għal inizjattivi oħrajn li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
    • l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità huma ddefiniti b’mod ċar u għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-programm ta’ ħidma, inkluż fażijiet xierqa għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni, għas-sorveljanza, għall-evalwazzjoni u għat-tixrid;
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-metodoloġija proposta biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati;
  • Il-konsistenza bejn l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet proposti;
  • Il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
  • Il-kwalità tal-metodi ta’ apprendiment mhux formali proposti; jekk ikun hemm;
  • L-eżistenza u r-rilevanza tal-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u tkun skont il-baġit;
  • Kemm il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni - (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Kemm:  
    • il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplimentari bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
    • id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha.
  • L-eżistenza ta’ mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn

Impatt - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-proġett;
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:  
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li ħadu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali.
  • Il-kwalità tal-pjan ta’ tixrid: l-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom;
  • Jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma jkunx fihom limitazzjonijiet sproporzjonati;
  • Il-kwalità tal-pjanijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett: il-kapaċità tiegħu li jkompli jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat għalkollox l-għotja tal-UE.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 60 punt. Barra minn hekk, irid ikollhom punteġġ ta’ mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn fuq.

Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità se tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.

Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord.

Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta se tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità tal-għoti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.

L-għotja tal-UE għal kull proġett għandha tvarja bejn  EUR 100,000 u EUR 200,000.

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin: 

  • Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.); 
  • Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  • Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  • Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 % se tiġi applikata għall-kostijiet eliġibbli totali stmati ddeterminati wara l-evalwazzjoni

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

  • 1 Jekk jogħġbok innota li filwaqt li l-attivitajiet preparatorji jistgħu jibdew qabel ma l-proposta tiġi sottomessa jew magħżula għall-finanzjament, il-kostijiet jistgħu jiġġarrbu u l-attivitajiet jiġu implimentati biss wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. ↩ back
  • 2 Organizzazzjonijiet mill-Belarussja ma humiex eliġibbli li jipparteċipaw f’din l-azzjoni. Organizzazzjonijiet mill-Armenja u mill-Ażerbajġan huma eliġibbli li jipparteċipaw, iżda mhux bħala koordinaturi. ↩ back
Tagged in:  Sport