Bini tal-Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ
Il-proġetti tal-bini tal-kapaċità huma proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ fil-pajjiżi tal-Programm u fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw il-kooperazzjoni internazzjonali u d-djalogu ta’ politika fil-qasam taż-żgħażagħ u l-apprendiment mhux formali, bħala xprunatur tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli u l-benesseri tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u taż-żgħażagħ innifishom.
Objettivi tal-azzjoni
L-azzjoni se jkollha l-għan li:
- żżid il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ barra mill-apprendiment formali;
- tippromwovi attivitajiet ta’ apprendiment mhux formali f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, speċjalment dawk immirati lejn żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ kompetenzi filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fis-soċjetà;
- tappoġġa l-iżvilupp tal-ħidma fost iż-żgħażagħ f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, filwaqt li ttejjeb il-kwalità u r-rikonoxximent tiegħu;
- trawwem l-iżvilupp, l-ittestjar u t-tnedija ta’ skemi u programmi ta’ mobbiltà għall-apprendiment mhux formali f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
- tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2027) inklużi l-11-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ, u l-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-Azzjoni Esterna tal-UE;
- trawwem il-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti tad-dinja permezz ta’ inizjattivi konġunti;
- issaħħaħ is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet mas-sistemi tal-edukazzjoni formali u/jew mas-suq tax-xogħol;
Oqsma tematiċi/objettivi speċifiċi
Il-proposti għandhom jiffokaw fuq qasam tematiku wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
- il-parteċipazzjoni politika, l-involviment ċiviku u d-djalogu ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;
- l-inklużjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet;
- id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-valuri;
- l-għoti tas-setgħa / l-involviment / l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;
- il-paċi u r-rikonċiljazzjoni ta’ wara l-kunflitt;
- l-ambjent u l-klima;
- il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
- ħiliet diġitali u intraprenditorjali.
Attivitajiet
L-attivitajiet proposti jridu jkunu marbuta direttament mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-azzjoni, jiġifieri jridu jikkorrispondu ma’ qasam tematiku wieħed jew aktar elenkati hawn fuq u jridu jkunu dettaljati f’deskrizzjoni tal-proġett li tkopri l-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni internazzjonali dinjija, l-attivitajiet tal-proġett iridu jiffokaw fuq il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u taż-żgħażagħ prinċipalment fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, koperti mill-azzjoni.
Il-proġetti ffinanzjati se jkunu jistgħu jintegraw firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni, skambju, komunikazzjoni u attivitajiet oħrajn li:
- jikkontribwixxu biex iħeġġu d-djalogu ta’ politika, il-kooperazzjoni, in-networking u l-iskambji tal-prattiki;
- jippromwovu l-kooperazzjoni strateġika bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ minn naħa waħda, u l-awtoritajiet pubbliċi min-naħa l-oħra, b’mod partikolari f’pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet mis-suq tax-xogħol;
- iżidu l-kapaċitajiet tal-kunsilli taż-żgħażagħ, il-pjattaformi taż-żgħażagħ u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali li għandhom x’jaqsmu maż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- isaħħu l-ġestjoni, il-governanza, il-kapaċità ta’ innovazzjoni, it-tmexxija u l-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, b’mod partikolari f’pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm
- jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta’ għodod ta’ informazzjoni, komunikazzjoni u media;
- jgħinu fl-iżvilupp ta’ metodi, ta’ għodod u ta’ materjali ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż it-tħeġġiġ ta’ inizjattivi ta’ ħolqien konġunt u ta’ tfassil konġunt ta’ proġetti, li jippermettu l-ħolqien ta’ proġetti parteċipattivi;
- joħolqu forom ġodda ta’ twassil ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ u jipprovdu taħriġ u appoġġ; jiffaċilitaw il-mobbiltà għall-apprendiment mhux formali.
Eżempji ta’ attivitajiet jinkludu:
- l-iżvilupp ta’ għodod u metodi għall-iżvilupp soċjoprofessjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-ħarrieġa;
- l-iżvilupp ta’ metodi ta’ apprendiment mhux formali, speċjalment dawk li jippromwovu l-ksib/it-titjib ta’ kompetenzi, inklużi l-ħiliet tal-litteriżmu medjatiku;
- l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ skemi ta’ taħriġ prattiku u simulazzjoni ta’ każijiet meħudin mill-ħajja vera fis-soċjetà;
- l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari l-użu strateġiku ta’ apprendiment miftuħ u flessibbli, kooperazzjoni virtwali, riżorsi edukattivi miftuħa (OER) u sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT;
- l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti/seminars/sessjonijiet ta’ ħidma/skambju ta’ prattika tajba għall-kooperazzjoni, networking, is-sensibilizzazzjoni u għall-iskopijiet ta’ apprendiment bejn il-pari
- l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ u/jew għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jiġu ttestjati għodod u metodi żviluppati mis-sħubija. Jekk jogħġbok innota li l-attivitajiet ta’ mobbiltà jridu jkunu sekondarji għall-objettivi ewlenin tal-azzjoni, u jridu jkunu strumentali għall-kisba ta’ dawn l-objettivi u l-bażi tagħhom
Stabbiliment ta’ proġett
Proġett ta’ Bini tal-Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament 1 eż. 1) Identifikazzjoni u bidu tal-proġett; 2) It-tħejjija, it-tfassil u l-ippjanar tal-proġett; 3) L-implimentazzjoni tal-proġett u l-monitoraġġ tal-attivitajiet; u 4) Ir-rieżami tal-proġett u l-valutazzjoni tal-impatt.
L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.
- Identifikazzjoni u bidu; identifika problema, ħtieġa jew opportunità li tista’ tindirizza bl-idea tal-proġett tiegħek fil-kuntest tas-sejħa; identifika l-attivitajiet ewlenin u l-eżiti prinċipali li jistgħu jkunu mistennija mill-proġett; immappja l-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sħab potenzjali; ifformula l-objettiv(i) tal-proġett; żgura l-allinjament tal-proġett mal-objettivi strateġiċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti; wettaq xi ppjanar inizjali biex il-proġett jingħata bidu tajjeb, u iġbor flimkien l-informazzjoni meħtieġa biex titkompla l-fażi li jmiss eċċ.;
- Tħejjija, tfassil u ppjanar; speċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-approċċ xieraq; iddeskrivi b’mod ċar il-metodoloġija proposta filwaqt li tiżgura l-konsistenza bejn l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett; iddeċiedi dwar skeda għall-kompiti involuti; agħmel stima tar-riżorsi meħtieġa u żviluppa d-dettall tal-proġett eż. valutazzjoni tal-ħtiġijiet; iddefinixxi objettivi sodi u indikaturi tal-impatt (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, li huma rilevanti u marbuta biż-żmien); identifika l-eżiti tal-proġett u tal-apprendiment; l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, formati ta’ attività, impatt mistenni, baġit kumplessiv stmat; it-tħejjija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett u pjan ta’ komunikazzjoni sod u realistiku li jinkludi aspetti strateġiċi tal-governanza tal-proġett, il-monitoraġġ, il-kontroll tal-kwalità, ir-rapportar u t-tixrid tar-riżultati; id-definizzjoni ta’ arranġamenti prattiċi u l-konferma tal-grupp(i) fil-mira għall-attivitajiet previsti; l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab u l-kitba tal-proposta eċċ.;
- Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-attivitajiet: it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-proġett skont pjanijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-komunikazzjoni; il-monitoraġġ tal-attivitajiet li għaddejjin u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont il-pjanijiet tal-proġett; l-identifikazzjoni u t-teħid ta’ azzjoni korrettiva biex jiġu indirizzati d-devjazzjonijiet mill-pjanijiet u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u r-riskji; l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi eċċ.;
- Rieżami u valutazzjoni tal-impatt: il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont l-objettivi tal-proġett u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni; l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, kondiviżjoni u użu tar-riżultati tal-proġett, eċċ.
Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek:
Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità matul il-fażijiet differenti tal-proġett. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti tagħhom.
Sostenibbiltà ambjentali
Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.
Inklużjoni u Diversità
Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar lill-parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.
Dimensjoni diġitali
Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għal proġetti ta’ suċċess. B’mod partikolari, il-proġetti huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma Ewropea għall-Istrateġija għaż-Żgħażagħ sabiex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett.
Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni
Il-proġetti se jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva u l-etika, kif ukoll irawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. L-enfasi se tkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea fid-dinja.
Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal proġett ta’ Bini tal-Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ?
Kriterji tal-eliġibbiltà
Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għal Bini tal-Kapaċità fil-qasam taż-Żgħażagħ iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:
Min jista’ japplika?
L-applikanti (koordinatur u sħab sħaħ) jeħtiġilhom ikunu entitajiet legali:
- NGOs (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ u Kunsilli nazzjonali taż-Żgħażagħ) li jaħdmu fil-qasam taż-Żgħażagħ;
- awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
Għandhom ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm, jew organizzazzjonijiet f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1 u 3 (jekk jogħġbok ara t-taqsima “Kontej Eliġibbli” fil-Parti A tal-Gwida tal-Programm).
Kumpaniji pubbliċi jew privati (intrapriżi żgħar, medji jew kbar (inkluż intrapriżi soċjali) jistgħu jipparteċipaw ukoll iżda mhux bħala koordinaturi.
Il-proposti jridu jiġu sottomessi minn konsorzju ta’ mill-inqas erba’ applikanti (koordinatur u sħab sħaħ), li jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
- li jkopri mill-inqas Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz wieħed assoċjat mal-Programm;
- i jkopri mill-inqas żewġ pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm.
L-entitajiet affiljati ma jgħoddux għall-kriterji minimi tal-eliġibbiltà għall-kompożizzjoni tal-konsorzju.
Post tal-attivitajiet
L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet applikanti (koordinatur u sħab sħaħ).
F’każijiet iġġustifikati kif xieraq, l-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll f’pajjiżi eliġibbli oħrajn ta’ din l-azzjoni.
Durata tal-proġett
Il-proġetti normalment għandhom idumu 12-il xahar, 24 jew 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).
ID tas-Sejħa: ERASMUS-YOUTH-2023-CB
Meta napplika?
L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-8 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).
L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
Impatt mistenni
Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-impatt mistenni tagħhom billi:
- jikkontribwixxu għall-prijoritajiet “Impenn-Konnessjoni-Għoti tas-setgħa” tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027
- jibnu fuq l-eżiti tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, id-Djalogu maż-Żgħażagħ u proġetti oħrajn taż-żgħażagħ;
- itejbu l-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, f’termini ta’ ċittadinanza attiva u l-involviment ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (l-għoti ta’ setgħa, ħiliet ġodda, l-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-proġetti, eċċ.), b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- itejbu l-kapaċitajiet intraprenditorjali u innovattivi taż-żgħażagħ f’pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- itejbu l-kapaċità tas-settur taż-żgħażagħ sabiex jaħdem b’mod tranżnazzjonali bil-kura tal-inklużività, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà;
- jippromwovu u jikkontribwixxu għall-apprendiment u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- isaħħu l-prattiki eżistenti u s-sensibilizzazzjoni lil hinn mis-sħubija, inkluż bl-użu tajjeb tal-mezzi diġitali sabiex jibqgħu konnessi fiċ-ċirkostanzi kollha anke f’sitwazzjonijiet ta’ bogħod, iżolament jew konfinament;
- jorbtu r-riżultati mal-komunitajiet lokali, joħolqu opportunitajiet ta’ impjieg u jrawmu ideat innovattivi li jistgħu jiġu replikati u jiżdiedu f’ambjenti oħrajn f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
- juru l-inklużjoni u l-aċċessibbiltà tal-gruppi fil-mira b’inqas opportunitajiet u individwi f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
- jiżviluppaw għodod ġodda u metodi ta’ apprendiment mhux formali, speċjalment dawk li jippromwovu l-akkwist/it-titjib tal-kompetenzi, inklużi prattiki innovattivi ta’ ħiliet fil-litteriżmu medjatiku, b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- ixerrdu r-riżultati tagħhom b’mod effettiv u attraenti fost iż-żgħażagħ involuti fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.
Kriterji għall-għoti
Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- Ir-rilevanza tal-proposta għall-objettivi tal-Azzjoni;
- Kemm:
- l-objettivi huma ddefiniti b’mod ċar, huma realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-gruppi fil-mira;
- il-proposta tkun innovattiva u/jew komplementari għal inizjattivi oħrajn li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
- l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità huma ddefiniti b’mod ċar u għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
- il-proġett jinvolvi żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.
Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-programm ta’ ħidma, inkluż fażijiet xierqa għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni, għas-sorveljanza, għall-evalwazzjoni u għat-tixrid;
- L-adegwatezza u l-kwalità tal-metodoloġija proposta biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati;
- Il-konsistenza bejn l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet proposti;
- Il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
- Il-kwalità tal-metodi ta’ apprendiment mhux formali proposti;
- Il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti kif ukoll l-użu konsistenti ta’ għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent Ewropej;
- L-eżistenza u r-rilevanza tal-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u tkun skont il-baġit;
- Kemm il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività.
- L-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla u/jew l-involviment ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobbiltà, jekk ikun hemm (jekk jogħġbok irreferi għal “Protezzjoni, saħħa u sikurezza tal-parteċipanti” fil-parti A ta’ din il-Gwida kif ukoll għal rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet oħrajn applikabbli għal Proġetti ta’ mobbiltà tal-KA1.)
Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- Kemm:
- il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplimentari bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
- id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha.
- L-eżistenza ta’ mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn
Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-proġett;
- L-impatt potenzjali tal-proġett:
- fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
- barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li ħadu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali.
- Il-kwalità tal-pjan ta’ tixrid: l-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom;
- Jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma jkunx fihom limitazzjonijiet sproporzjonati;
- Il-kwalità tal-pjanijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett: il-kapaċità tiegħu li jibqa’ jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat l-għotja tal-UE.
Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 60 punt. Barra minn hekk, iridu jiksbu tal-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn fuq (jiġifieri minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”; Għaxar punti għall-kategoriji “kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “impatt”).
F’każ ta’ ex aequo, il-prijorità se tingħata lil proġetti li jkollhom l-ogħla punteġġ taħt il-kriterju “rilevanza tal-proġett” u mbagħad “impatt”.
Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta se tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati
X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?
Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità tal-għoti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.
L-għotja tal-UE għal kull proġett se tvarja minn minimu ta’ EUR 100,000 u massimu ta’ EUR 300,000.
Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?
L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:
- Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
- Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
- Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
- Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).
Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni.
Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Il-valur tas-somma f’daqqa se jkun limitat għal massimu ta’ 80 % tal-baġit stmat iddeterminat wara l-evalwazzjoni
Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.
Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.
Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).
- 1 Jekk jogħġbok innota li filwaqt li l-attivitajiet preparatorji jistgħu jibdew qabel ma l-proposta tiġi sottomessa jew magħżula għall-finanzjament, il-kostijiet jistgħu jiġġarrbu u l-attivitajiet jiġu implimentati biss wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. ↩ back