Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Bini tal-kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET)

Proġetti tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet huma proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-VET fl-Istati Membri tal-UE, u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw ir-rilevanza, l-aċċessibbiltà u r-rispons tal-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-VET f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm bħala xprunatur tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli.

Permezz ta’ inizjattivi konġunti li jrawmu l-kooperazzjoni fir-reġjuni differenti tad-dinja, din l-azzjoni għandha l-għan li żżid il-kapaċità tal-fornituri tal-VET - speċjalment fl-oqsma tal-ġestjoni, il-governanza, l-inklużjoni, l-assigurazzjoni tal-kwalità, u l-innovazzjoni – biex ikunu mgħammra aħjar ħalli jinvolvu ruħhom fis-settur privat/mal-intrapriżi/mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju biex jesploraw l-opportunitajiet ta’ impjieg u jiżviluppaw b’mod konġunt interventi tal-VET risponsivi. Is-sħubijiet internazzjonali għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-VET fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, b’mod partikolari billi jsaħħu l-kapaċitajiet tal-persunal u tal-għalliema tal-VET kif ukoll billi jsaħħu r-rabta bejn il-fornituri tal-VET u s-suq tax-xogħol.

Huwa previst li l-proġetti ta’ bini tal-kapaċità tal-VET jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ politika usa’ li qegħdin jiġu segwiti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jew ir-reġjun ikkonċernat, inklużi l-pakketti ta’ investiment tal-Global Gateway.

Objettivi tal-azzjoni

B’mod speċifiku, l-azzjoni se:

  • Tibni l-kapaċità tal-fornituri tal-VET biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għal interventi tal-VET orjentati lejn id-domanda u mmexxija mill-opportunitajiet;
  • Ittejjeb il-kwalità u r-rispons tal-VET għall-iżviluppi ekonomiċi u soċjali sabiex issaħħaħ ir-rilevanza tal-provvista tal-ħiliet għas-suq tax-xogħol;
  • Tallinja l-provvista tal-VET mal-istrateġiji lokali, reġjonali u nazzjonali ta’ żvilupp.

Oqsma tematiċi

Il-karatteristiċi li jikkaratterizzaw il-bini tal-kapaċità fil-VET jinkludu xi oqsma tematiċi ppreżentati hawn taħt. Il-proposti għandhom jiffokaw fuq tema waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • Apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol (għaż-żgħażagħ u/jew għall-adulti);
  • Mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità;
  • L-iżvilupp professjonali tal-għalliema/il-ħarrieġa tal-VET;
  • Kompetenzi ewlenin, inkluża l-intraprenditorija;
  • Sħubijiet Pubbliċi-Privati fil-VET;
  • L-innovazzjoni fil-VET;
  • Il-ħiliet ekoloġiċi u diġitali għat-tranżizzjoni doppja;
  • Ħiliet li jaqblu mal-opportunitajiet ta’ xogħol kurrenti u futuri.

Barra minn hekk, l-applikanti jistgħu jkopru oqsma tematiċi li ma humiex ippreżentati hawn fuq. Dawn iridu juru li huma partikolarment xierqa biex jintlaħqu l-objettivi tas-sejħa u l-ħtiġijiet identifikati.

Attivitajiet

L-attivitajiet proposti jridu jkunu marbuta direttament mal-objettivi u l-oqsma tematiċi tal-azzjoni, jiġifieri jridu jikkorrispondu ma’ qasam tematiku wieħed jew aktar elenkati hawn fuq u jridu jkunu dettaljati f’deskrizzjoni tal-proġett li tkopri l-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni.

Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni internazzjonali dinjija, l-attivitajiet tal-proġett iridu jiffokaw fuq il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-VET prinċipalment fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm koperti mill-azzjoni.

Il-proġetti ffinanzjati se jkunu jistgħu jintegraw firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni, skambju, komunikazzjoni u attivitajiet oħrajn li jinkludu pereżempju:

  • Il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ networks u skambji ta’ prattika tajba bejn il-fornituri tal-VET fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
  • Il-ħolqien ta’ għodod, programmi u materjali oħrajn biex tinbena l-kapaċità tal-istituzzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (skemi ta’ taħriġ prattiku, programmi u għodod ta’ taħriġ għall-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment fil-VET, pjanijiet ta’ azzjoni individwali għall-istituzzjonijiet parteċipanti; gwida professjonali u konsulenza u metodi ta’ kkowċjar...);
  • Il-ħolqien ta’ mekkaniżmi sabiex is-settur privat jiġi involut kemm fit-tfassil kif ukoll fit-twassil tal-kurrikuli u sabiex l-istudenti tal-VET jiġu pprovduti b’esperjenza bbażata fuq ix-xogħol ta’ kwalità għolja;
  • L-iżvilupp u t-trasferiment ta’ approċċi pedagoġiċi, materjali u metodi tat-tagħlim u tat-taħriġ, inklużi apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, mobbiltà virtwali, riżorsi edukattivi miftuħa u sfruttament aħjar tal-potenzjal tal-ICT;
  • L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ skambju (virtwali) internazzjonali primarjament għall-persunal (inklużi l-għalliema u l-persunal mhux tat-tagħlim bħall-mexxejja tal-iskejjel, il-maniġers, il-konsulenti, eċċ.).

F’każ li jiġu proposti attivitajiet ta’ mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal, dawn għandhom jikkontribwixxu direttament għall-objettivi tal-proġett u jkunu integrati b’mod qawwi fil-loġika tal-proġett kollu kemm hu.

L-attivitajiet proposti għandhom iġibu valur miżjud u se jkollhom impatt dirett fuq il-kisba tar-riżultati tal-proġett.

Prijoritajiet reġjonali

Il-baġit disponibbli huwa maqsum bejn reġjuni differenti tad-dinja (jiġifieri l-Balkani tal-Punent, il-Viċinat tal-Lvant, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, l-Afrika sub-Saħarjana, l-Amerka Latina u l-Karibew) u d-daqs ta’ kull pakkett baġitarju huwa differenti. Aktar informazzjoni dwar l-ammonti disponibbli taħt kull pakkett baġitarju se tiġi ppubblikata fuq il-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

L-UE stabbiliet numru ta’ prijoritajiet rigward il-bilanċ ġeografiku u l-objettivi speċifiċi. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet huma mħeġġa jaħdmu mas-sħab fl-ifqar pajjiżi terzi u f’dawk lanqas żviluppati li ma humiex assoċjati mal-Programm.

Il-prijoritajiet reġjonali stabbiliti għal din l-azzjoni huma dawn li ġejjin:

Jekk l-applikazzjoni tinvolvi pajjiż sieħeb wieħed jew aktar tal-ETF (Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ)1 , il-proposta għandha tipprovdi evidenza ta’ rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-ETF ifformulati fir-rapporti reġjonali rilevanti tal-proċess ta’ Turin2  3 .

Il-Balkani tal-Punent  

  • Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tagħhom u/jew għar-rakkomandazzjonijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ skont il-proċess ta’ Turin (ara hawn fuq); 
  • Il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal (għalliema, ħarrieġa, diretturi, maniġers eċċ.) se tkun privileġġata.

Il-Viċinat tal-Lvant

  • Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tiegħu u/jew għar-rakkomandazzjonijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ skont il-proċess ta’ Turin (ara hawn fuq). 

Il-Pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran

  • Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment tagħhom u/jew għar-rakkomandazzjonijiet tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ skont il-proċess ta’ Turin (ara hawn fuq). 

L-Afrika sub-Saħarjana

  • Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati; għandha ssir ukoll enfasi speċjali fuq il-pajjiżi prijoritarji tal-migrazzjoni; l-ebda pajjiż mhu se jkollu aċċess għal aktar minn 8 % tal-finanzjament previst għar-Reġjun; 
  • Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-Programmi Indikattivi Pluriennali4 ġeografiċi rispettivi fil-livell tal-pajjiżi jew reġjonali.

L-Amerka Latina  

  • Se tingħata prijorità lill-proġetti reġjonali (proġetti li jinvolvu aktar minn pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm) jew proġetti f’pajjiżi b’introjtu baxx u medju superjuri;
  • Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-Programm Indikattiv Pluriennali5 ġeografiku rispettiv fil-livell tal-pajjiżi jew reġjonali.  

Il-Karibew

  • Se tingħata prijorità lill-proġetti reġjonali (proġetti li jinvolvu aktar minn pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm) jew proġetti fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, b’introjtu baxx u medju superjuri; 
  • Se tingħata prijorità lil proġetti li jikkontribwixxu għall-Programm Indikattiv Pluriennali6 ġeografiku rispettiv fil-livell tal-pajjiżi jew reġjonali.  

F’każ li jiġu indirizzati l-prijoritajiet reġjonali ta’ hawn fuq, il-proġetti se jkollhom juru kif u sa liema punt jagħmlu dan. 

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-VET jikkonsisti f’erba’ stadji:

  • L-identifikazzjoni u l-bidu tal-proġett;
  • It-tħejjija, it-tfassil u l-ippjanar tal-proġett;
  • L-implimentazzjoni tal-proġett u l-monitoraġġ tal-attivitajiet;
  • Ir-rieżami tal-proġett u l-valutazzjoni tal-impatt.

Jekk jogħġbok innota li filwaqt li l-attivitajiet preparatorji jistgħu jibdew qabel ma l-proposta tiġi sottomessa jew magħżula għall-finanzjament, il-kostijiet jistgħu jiġġarrbu u l-attivitajiet jiġu implimentati biss wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.

Identifikazzjoni u bidu

Identifika problema, ħtieġa jew opportunità li tista’ tindirizza bl-idea tal-proġett tiegħek fil-kuntest tas-sejħa; identifika l-attivitajiet ewlenin u l-eżiti prinċipali li jistgħu jkunu mistennija mill-proġett; immappja l-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sħab potenzjali; ifformula l-objettiv(i) tal-proġett; żgura l-allinjament tal-proġett mal-objettivi strateġiċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti; wettaq xi ppjanar inizjali biex il-proġett jingħata bidu tajjeb, u iġbor flimkien l-informazzjoni meħtieġa biex titkompla l-fażi li jmiss eċċ.

Tħejjija, tfassil u ppjanar

Speċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-approċċ xieraq; iddeskrivi b’mod ċar il-metodoloġija proposta filwaqt li tiżgura l-konsistenza bejn l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett; iddeċiedi dwar skeda għall-kompiti involuti; agħmel stima tar-riżorsi meħtieġa u żviluppa d-dettall tal-proġett eż. valutazzjoni tal-ħtiġijiet; iddefinixxi objettivi sodi u indikaturi tal-impatt (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, li huma rilevanti u marbuta biż-żmien); identifika l-eżiti tal-proġett u tal-apprendiment; l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, formati ta’ attività, impatt mistenni, baġit kumplessiv stmat; it-tħejjija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett u pjan ta’ komunikazzjoni sod u realistiku li jinkludi aspetti strateġiċi tal-governanza tal-proġett, il-monitoraġġ, il-kontroll tal-kwalità, ir-rapportar u t-tixrid tar-riżultati; id-definizzjoni ta’ arranġamenti prattiċi u l-konferma tal-grupp(i) fil-mira għall-attivitajiet previsti; l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab u l-kitba tal-proposta eċċ.

Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-attivitajiet

It-twettiq tal-implimentazzjoni tal-proġett skont pjanijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-komunikazzjoni; il-monitoraġġ tal-attivitajiet li għaddejjin u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont il-pjanijiet tal-proġett; l-identifikazzjoni u t-teħid ta’ azzjoni korrettiva biex jiġu indirizzati d-devjazzjonijiet mill-pjanijiet u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u r-riskji; l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi eċċ.

Rieżami u valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont l-objettivi tal-proġett u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni; l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, kondiviżjoni u użu tar-riżultati tal-proġett, eċċ.

Barra minn hekk, fejn xieraq, u f’termini proporzjonali, il-proġetti huma mistennija:

  • Jintegraw pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-implimentazzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett wara li l-proġett ikun intemm (abbażi ta’ sħubijiet sostnuti) inklużi miżuri għall-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja;
  • Jiżguraw viżibbiltà xierqa u tixrid wiesa’ tal-eżiti tal-proġett, fil-livelli tranżnazzjonali, nazzjonali u/jew reġjonali mas-sħab rilevanti.

Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek

Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-proġetti tal-bini tal-kapaċità matul il-fażijiet differenti tal-proġett.

L-applikanti (koordinatur u sħab sħaħ) huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti tagħhom. 

Inklużjoni u diversità

Il-Programm se jappoġġa proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u li għandhom l-għan li jtejbu s-sensibilizzazzjoni għal persuni b’inqas opportunitajiet, inklużi persuni b’diżabilità u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, kif ukoll persuni li jgħixu f’żoni rurali u remoti, persuni li jiffaċċjaw diffikultajiet soċjoekonomiċi jew kwalunkwe sors potenzjali ieħor ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Dawn il-proġetti se jgħinu biex jiġu indirizzati l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-gruppi fl-aċċess għall-opportunitajiet offruti mill-programm, kif ukoll jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjenti inklużivi li jrawmu l-ekwità u l-ugwaljanza, u li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunità usa’.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-Programm jappoġġa s-sensibilizzazzjoni dwar l-isfidi ambjentali u tat-tibdil fil-klima. Il-proġetti huma mħeġġa jiżviluppaw kompetenzi f’setturi varji b’rilevanza għas-sostenibbiltà, strateġiji u metodoloġiji ta’ ħiliet settorjali ekoloġiċi, kif ukoll kurrikuli orjentati lejn il-futur li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-individwi. Il-Programm jappoġġa wkoll l-ittestjar ta’ prattiċi innovattivi biex iħejji lill-istudenti u lill-fornituri tal-VET ħalli jsiru aġenti veri tal-bidla (eż. jiffrankaw ir-riżorsi, inaqqsu l-użu tal-enerġija u l-iskart, jikkompensaw l-emissjonijiet tal-impronta tal-karbonju, jagħmlu għażliet ta’ ikel u ta’ mobbiltà sostenibbli, eċċ.).

Dimensjoni diġitali

Il-Programm jappoġġa l-pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali tal-edukazzjoni u t-taħriġ primarju, sekondarju u vokazzjonali (VET). Dan irawwem l-użu bi skop tat-teknoloġiji diġitali. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ pedagoġija u għarfien espert diġitali fl-użu ta’ għodod diġitali, inklużi teknoloġiji aċċessibbli u ta’ assistenza u l-ħolqien u l-użu innovattiv ta’ kontenut ta’ edukazzjoni diġitali.

Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni

Il-Programm jappoġġa ċ-ċittadinanza attiva u l-etika fl-apprendiment tul il-ħajja. Il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni tal-persuni fil-ħajja demokratika, fl-involviment soċjali u ċiviku. Il-fokus se jkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, notevolment fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal proġett ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-VET?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għall-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-VET iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fil-qasam tal-VET u stabbilita legalment fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz eliġibbli assoċjat mal-Programm (jekk jogħġbok ara l-Parti A ta’ din il-Gwida).L-organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma jistgħux ikunu koordinaturi. Il-koordinatur japplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

Kull organizzazzjoni parteċipanti trid tkun attiva fil-qasam tal-VET jew fis-suq tax-xogħol. Tista’ tkun involuta bħala sieħeb sħiħ, entità affiljata jew sieħeb assoċjat u trid tkun stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm (jekk jogħġbok ara l-Parti A ta’ din il-Gwida), jew f’pajjiż terz eliġibbli mhux assoċjat mal-Programm (jekk jogħġbok ara hawn taħt). 

Pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm għal din l-azzjoni:

  • Il-pajjiżi terzi kollha mhux assoċjati mal-Programm fir-Reġjuni 1, 2, 3, 9, 10 u 11 (jekk jogħġbok ara l-Parti A ta’ din il-Gwida); 

Eċċezzjoni: l-organizzazzjonijiet mill-Belarussja (ir-Reġjun 2) ma humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’din l-azzjoni.

It-tip ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli jista’ jkun (lista mhux eżawrjenti):

  • Fornituri tal-VET;
  • Kumpaniji, organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-industrija jew tas-settur;
  • Awtoritajiet nazzjonali/reġjonali tal-kwalifiki;
  • Servizzi għall-impjiegi;
  • Istituti tar-riċerka;
  • Aġenziji tal-innovazzjoni;
  • Awtoritajiet għall-iżvilupp reġjonali eċċ.

Is-sħab assoċjati jistgħu jipparteċipaw sa fejn jintwera li l-parteċipazzjoni tagħhom iġġib valur miżjud essenzjali għall-proġett (eż. l-implimentazzjoni ta’ kompiti/attivitajiet speċifiċi għall-proġett jew tappoġġa t-tixrid u s-sostenibbiltà tal-proġett). Għal kwistjonijiet ta’ ġestjoni kuntrattwali, is-sħab assoċjati ma jitqisux bħala parti mis-sħab tal-proġett u ma jirċevux finanzjament.   

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Il-proġetti ta’ bini tal-kapaċità huma tranżnazzjonali u jridu jinvolvu mill-inqas erba’ organizzazzjonijiet (koordinatur u sħab sħaħ) minn minimu ta’ tliet pajjiżi: 

  • Mill-inqas organizzazzjoni waħda minn żewġ Stati Membri differenti tal-UE u mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn tal-inqas pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm, analiżi operazzjonali, jew
  • Mill-inqas organizzazzjoni waħda minn żewġ pajjiżi terzi differenti assoċjati mal-Programm u mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn tal-inqas pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm, jew
  • Mill-inqas organizzazzjoni waħda minn Stat Membru tal-UE u organizzazzjoni waħda minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm u mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet minn tal-inqas pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm. 

Il-konsorzju jrid jinkludi mill-inqas fornitur wieħed tal-VET fil-livell tal-edukazzjoni mhux terzjarja.

In-numru ta’ organizzazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm ma jistax ikun ogħla min-numru ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm.

L-entitajiet affiljati u s-sħab assoċjati ma jitqisux f’dawn ir-rekwiżiti ta’ hawn fuq. 

Post tal-attivitajiet

L-attività trid issir fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-proġett ħlief f’każijiet iġġustifikati kif xieraq relatati mal-objettivi tal-azzjoni.Barra minn hekk, jekk ikun iġġustifikat kif xieraq fir-rigward tal-objettivi jew tal-implimentazzjoni tal-proġett:

  • L-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, anke jekk fil-proġett ma jkunx hemm organizzazzjonijiet parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni; 
  • L-attivitajiet li jinvolvu l-kondiviżjoni u l-promozzjoni tar-riżultati jistgħu jsiru wkoll f’avvenimenti/konferenzi tranżnazzjonali tematiċi rilevanti fl-Istati Membri tal-UE jew fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew fil-pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm.

Durata tal-proġett

Il-proġetti normalment għandhom idumu 12-il xahar, 24 jew 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda). Id-durata trid tintgħażel fl-istadju tal-applikazzjoni, abbażi tal-objettiv tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet previsti tul iż-żmien.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA). ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2023-CB-VET

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-28 ta’ Frar fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Kriterji oħrajn

Tista’ tiġi sottomessa proposta waħda biss għal kull data tal-għeluq mill-istess koordinatur. Jekk aktar minn proposta waħda tiġi sottomessa mill-koordinatur, l-ewwel waħda li tkun ġiet sottomessa biss tiġi kkunsidrata filwaqt li l-oħra/oħrajn jiġu rrifjutati awtomatikament.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Impatt mistenni

Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-impatt mistenni tagħhom billi jiksbu r-riżultati li ġejjin:

  • Rabtiet aktar stretti bejn il-pajjiżi terzi mhux assoċjati mas-sistema tal-ET tal-Programm u s-suq tax-xogħol tiegħu;
  • Rabtiet imtejba bejn il-profili tal-VET u l-istrateġiji u l-prijoritajiet lokali/reġjonali/nazzjonali;
  • Kapaċitajiet imtejba tal-fornituri tal-VET speċjalment fl-oqsma tal-ġestjoni, il-governanza, l-inklużjoni, l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni;
  • Żieda fl-esponiment tal-persunal, tal-maniġers, ta’ dawk li jfasslu l-politika u tal-għalliema anzjani għal approċċi li jqarrbu s-suq tax-xogħol u l-VET;
  • Għarfien, ħiliet tekniċi, maniġerjali u pedagoġiċi mtejba tal-għalliema u tal-ħarrieġa tal-VET;
  • Kontribut aħjar tal-għalliema/il-ħarrieġa, tal-istudenti u tal-impjegaturi tal-VET fil-kurrikulu, fit-tfassil tal-profil u fir-riforma tat-taħriġ;
  • Livell imtejjeb ta’ kompetenzi, ħiliet u potenzjal ta’ impjegabbiltà tal-istudenti tal-VET;
  • Kooperazzjoni akbar bejn reġjuni differenti tad-dinja permezz ta’ inizjattivi konġunti;
  • L-iżvilupp tal-kompetenzi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali;
  • Ħiliet u kompetenzi diġitali mtejba tal-pubbliku fil-mira permezz ta’ attivitajiet u inizjattivi xierqa;
  • Żieda fil-kompetenzi soċjali u interkulturali fil-qasam tal-VET.

Kriterji għall-għoti

Fil-parti B tal-applikazzjoni, kull proposta trid twieġeb il-punti kollha elenkati taħt l-erba’ kriterji għall-għoti ppreżentati hawn taħt.

Rilevanza tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Rabta mal-oqsma tematiċi: ir-rilevanza tal-proposta għall-objettivi u għall-oqsma tematiċi tal-azzjoni;
  • Prijoritajiet reġjonali: il-proposta tindirizza l-prijoritajiet reġjonali, inklużi d-dokumenti ta’ politika rilevanti elenkati fil-qafas ta’ din l-azzjoni;
  • Kuntest lokali: il-proposta hija bbażata fuq analiżi adegwata tal-ħtiġijiet u hija fattibbli fil-kuntest lokali tal-pajjiż(i) fil-mira;
  • Konsistenza: l-objettivi tal-applikazzjoni huma ddefiniti b’mod ċar, huma realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-gruppi fil-mira;
  • Innovazzjoni: il-proposta tqis metodi u tekniki tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u twassal għal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi għall-qasam tagħha b’mod ġenerali, jew għall-kuntest ġeografiku li fih jiġi implimentat il-proġett (eż. il-kontenut; l-outputs prodotti, il-metodi ta’ ħidma applikati, l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti jew immirati);
  • Komplementarjetà: il-proposta hija komplementari għal inizjattivi oħrajn li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • Bini tal-kapaċità: l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità huma ddefiniti b’mod ċar u għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet, prinċipalment tal-organizzazzjonijiet parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
  • Rabta mal-istrateġiji: l-attivitajiet jintegraw lilhom infushom fl-istrateġiji ta’ żvilupp tal-fornituri tal-VET fil-mira u fl-istrateġiji ta’ appoġġ fil-livell tal-pajjiżi, inkluża attenzjoni akbar għall-impjegabbiltà, l-inklużjoni, id-diversità u l-parteċipanti soċjoekonomikament żvantaġġati fejn rilevanti;
  • Aspetti orizzontali: jitqiesu l-aspetti orizzontali tal-Programm.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Koerenza: it-tfassil kumplessiv tal-proġett jiżgura konsistenza bejn l-objettivi, l-attivitajiet u l-baġit propost tal-proġett. Il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet u servizzi xierqa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet identifikati u jwasslu għar-riżultati mistennija. Ikun hemm fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-isfruttament, l-evalwazzjoni u t-tixrid;
  • Metodoloġija: l-adegwatezza u l-kwalità tal-metodoloġija proposta biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati;
  • Pjan ta’ ħidma: il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż sa fejn ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
  • Metodi ta’ apprendiment mhux formali: il-kwalità tal-metodi ta’ apprendiment mhux formali proposti - jekk applikabbli, jiġifieri jekk il-metodi ta’ apprendiment mhux formali humiex proposti fl-applikazzjoni;
  • L-għażla tal-parteċipanti: il-kwalità tal-arranġamenti għall-għażla tal-parteċipanti involuti fl-attivitajiet tal-proposti fir-rigward tal-objettivi tal-inklużjoni u d-diversità;
  • Rikonoxximent u validazzjoni: il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti kif ukoll l-użu konsistenti ta’ għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent Ewropej;
  • Miżuri ta’ kontroll tal-kwalità: l-eżistenza u r-rilevanza tal-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità sabiex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u tkun skont il-baġit;
  • Kosteffettività: kemm il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività;
  • Attivitajiet ta’ mobbiltà: l-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla u/jew l-involviment ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobbiltà (jekk jogħġbok irreferi għal “Protezzjoni, saħħa u sikurezza tal-parteċipanti” fil-parti A ta’ din il-Gwida kif ukoll għal rekwiżiti u rakkomandazzjonijiet oħrajn applikabbli għal Proġetti ta’ mobbiltà tal-KA1) – jekk applikabbli, jiġifieri jekk l-attivitajiet tal-mobbiltà jkunu parti mill-applikazzjoni.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni - (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Konfigurazzjoni: il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplimentari bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
  • Impenn: id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha.
  • Kollaborazzjoni: l-eżistenza ta’ mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.

Impatt - (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Impatt: l-impatt potenzjali tal-proġett:  
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li ħadu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali;
  • Tixrid: il-kwalità tal-pjan ta’ tixrid: l-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom;
  • Sfruttament: il-proposta turi kif l-eżiti tal-proġett se jintużaw mis-sħab u minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Tiddeskrivi miżuri ta’ sfruttament matul il-ħajja tal-proġett u wara;
  • Aċċess miftuħ: il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma jkunx fihom limitazzjonijiet sproporzjonati;
  • Sostenibbiltà: il-kwalità tal-pjanijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett: il-kapaċità tiegħu li jibqa’ jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat l-għotja tal-UE.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 60 punt (minn total ta’ 100 punt).

Barra minn hekk, iridu jiksbu tal-inqas nofs il-punti massimi tal-punteġġ għal kull waħda mill-erba’ tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn fuq (jiġifieri minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”; Għaxar punti għall-kategoriji “kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “impatt”).

F’każijiet fejn żewġ applikazzjonijiet jew aktar ikunu rċevew l-istess punteġġ totali (każijiet ex aequo), se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad għall-“impatt”.

Informazzjoni addizzjonali

L-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni ma tfissirx impenn biex jingħata finanzjament ugwali għall-ammont mitlub mill-applikanti. Il-finanzjament mitlub jista’ jitnaqqas fuq bażi tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-azzjoni u r-riżultati tal-evalwazzjoni.

Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta se tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikanti. L-awtorità tal-għoti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.

L-għotja tal-UE għal kull proġett se tvarja minn minimu ta’ EUR 100,000 u massimu ta’ EUR 400,000

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett? 

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin: 

  • Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.); 
  • Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  • Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  • Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, mistenni, il-kwalità u l-effiċjenza tal-azzjoni. Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Il-valur tas-somma f’daqqa se jkun limitat għal massimu ta’ 80 % tal-baġit stmat iddeterminat wara l-evalwazzjoni.

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja. Mhuwiex permess appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi. Il-kostijiet tal-voluntiera u tal-SMEs huma permessi. Jekk jogħġbok irreferi għall-Parti C ta’ din il-Gwida tal-Programm, it-taqsima “Kostijiet diretti eliġibbli”.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Tagged in:  Studenti u persunal tal-ETV