Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ

L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma għodda għall-organizzazzjonijiet li jridu jiftħu l-attivitajiet tagħhom għall-iskambju u l-kooperazzjoni transfruntiera u li jippjanaw li jimplimentaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment fuq bażi regolari.

L-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-Żgħażagħ tagħti aċċess simplifikat għall-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 - attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment fil-qasam taż-żgħażagħ.

L-applikanti se jkunu meħtieġa jistabbilixxu l-objettivi u l-pjan tagħhom fuq perjodu itwal f’termini ta’ attivitajiet li għandhom jiġu appoġġati mill-fondi tal-Erasmus, il-benefiċċji mistennija kif ukoll l-approċċ tagħhom għall-ġestjoni tal-proġetti. L-għoti tal-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-Żgħażagħ jikkonferma li l-applikant għandu proċessi u miżuri xierqa u effettivi fis-seħħ biex jimplimenta attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja kif ippjanat u jużahom għall-benefiċċju tal-qasam taż-żgħażagħ.

Objettivi tal-azzjoni

L-Akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-azzjoni taż-żgħażagħ għandha l-objettivi li ġejjin:

  • Issaħħaħ l-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ permezz ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment mhux formali u informali;
  • Trawwem l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni attivi tagħhom fil-ħajja demokratika;
  • Trawwem l-iżvilupp ta’ kwalità tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali billi tibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ u tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ;
  • Tippromwovi l-inklużjoni u d-diversità, id-djalogu interkulturali u l-valuri tas-solidarjetà, l-opportunitajiet indaqs u d-drittijiet tal-bniedem fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa.

Aċċess għall-finanzjament għall-applikanti li jintgħażlu

L-applikanti li jintgħażlu għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-Żgħażagħ se jiksbu aċċess simplifikat għall-opportunitajiet ta’ finanzjament taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 li ġejja fil-qasam taż-żgħażagħ:

  • Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ - Skambji taż-żgħażagħ
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Is-sejħa annwali għall-finanzjament għal proġetti akkreditati hija ppreżentata fit-taqsima “Opportunitajiet ta’ mobbiltà għal organizzazzjonijiet akkreditati tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ”. 

Kriterji tal-eliġibbiltà

Min jista’ japplika?

It-tipi ta’ organizzazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli sabiex japplikaw:

  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;

L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni

1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Standards tal-kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ

L-applikanti għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-Żgħażagħ iridu jissottoskrivu għall-istandards tal-kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ kif ippreżentati fuq is-sit web Europa: Standards ta’ Kwalità tal-Erasmus+ – proġetti ta’ mobbiltà – Żgħażagħ | Erasmus+ (europa.eu)

Kriterji tal-għażla

L-applikanti jeħtieġ ikollhom kapaċità operazzjonali u professjonali suffiċjenti sabiex jimplimentaw il-pjan ta’ attività propost, inklużi mill-inqas sentejn ta’ esperjenza rilevanti fl-implimentazzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam taż-żgħażagħ.

Jekk jogħġbok aqra l-Parti C ta’ din il-gwida biex issir taf aktar informazzjoni dwar il-kriterji ġenerali tal-kapaċità operazzjonali u dawn ir-rekwiżiti speċifiċi għall-applikanti tal-akkreditazzjoni.

Kriterji tal-esklużjoni

L-applikanti jeħtiġilhom jissottomettu dikjarazzjoni ffirmata fuq l-unur tagħhom, li tiċċertifika li ma jinsabu fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-kriterji tal-esklużjoni elenkati fil-Parti C ta’ din il-Gwida, li l-applikazzjoni sottomessa fiha kontenut oriġinali miktub mill-organizzazzjoni applikanti, u li ma tħallset l-ebda organizzazzjoni oħra jew individwu estern ieħor għall-abbozzar tal-applikazzjoni.

Kriterji għall-għoti

Il-kwalità tal-applikazzjonijiet se tiġi vvalutata billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji għall-għoti u l-ponderazzjonijiet ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 70 mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti

Rilevanza - (massimu ta’ 20 punt)

Ir-rilevanza tal-organizzazzjoni għall-qasam taż-żgħażagħ u l-objettivi tal-azzjoni f’termini:

  • tal-objettivi u l-prinċipji tal-organizzazzjoni;
  • tal-gruppi fil-mira tal-organizzazzjoni;
  • tal-attivitajiet regolari tal-organizzazzjoni;
  • tal-esperjenza tal-organizzazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ.
  • Il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.

Żvilupp strateġiku - (massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • L-objettivi identifikati huma rilevanti u f’konformità mal-objettivi tal-Azzjoni u jikkontribwixxu għall-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ;
  • L-attivitajiet ippjanati huma adattati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-objettivi identifikati;
  • L-attivitajiet ippjanati jġibu magħhom benefiċċju reali għall-organizzazzjoni, għall-parteċipanti, għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għandhom potenzjal ta’ impatt usa’ (eż. fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u tranżnazzjonali);
  • L-objettivi u l-attivitajiet ippjanati huma integrati fil-ħidma u fl-attivitajiet regolari tal-organizzazzjoni;
  • L-organizzazzjoni tikkontribwixxi għall-istrateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni tal-Programm;
  • L-organizzazzjoni tinkorpora fl-attivitajiet tagħha prinċipju bażiku wieħed jew aktar (is-sostenibbiltà u r-responsabbiltà ambjentali, il-parteċipazzjoni attiva fin-network tal-organizzazzjonijiet tal-Erasmus+, il-komponenti virtwali)

Kwalità tal-ġestjoni u tal-koordinazzjoni - (massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • L-objettivi, l-attivitajiet u l-miri ppjanati huma ċari u realistiċi fir-rigward tar-riżorsi umani u l-organizzazzjoni interna tal-applikant
  • L-approċċ ta’ sħubija huwa bbilanċjat u effettiv u, fejn applikabbli, xieraq sabiex jiddaħħlu organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza
  • Il-miżuri biex tiġi żgurata l-kwalità tal-attivitajiet u s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti huma xierqa;
  • Jiġi applikat il-prinċipju ta’ parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ u jiġi ppjanat l-involviment tal-parteċipanti fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet;
  • Il-miżuri biex tiġi żgurata dimensjoni soda ta’ apprendiment huma xierqa, inkluż l-appoġġ għar-riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment;
  • Il-metodi għall-kejl tal-progress tal-organizzazzjoni lejn l-ilħuq tal-objettivi tagħha (monitoraġġ u evalwazzjoni) u għall-ġestjoni tar-riskju huma xierqa u effettivi;
  • Il-miżuri mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u lil hinn minnhom huma xierqa u effettivi.

In-numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ mogħtija

F’pajjiżi fejn l-interess għall-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ huwa għoli ħafna, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tistabbilixxi numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet li għandhom jingħataw. Din id-deċiżjoni se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali flimkien ma’ din is-Sejħa.

Jekk l-Aġenzija Nazzjonali ma tistabbilix numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet approvati, l-applikazzjonijiet kollha li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’din is-Sejħa se jiġu approvati.

Jekk l-Aġenzija Nazzjonali tistabbilixxi numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet approvati, se tiġi stabbilita lista ta’ klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji minimi. L-akkreditazzjonijiet se jingħataw lill-applikazzjonijiet bl-ewwel waħda tkun dik bl-ogħla punteġġ sakemm jintlaħaq in-numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet mogħtija. F’każ li aktar minn applikazzjoni waħda jkollha l-istess numru ta’ punti bħall-aħħar waħda li għandha tingħata, in-numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet mogħtija se jiżdied biex jinkludi l-applikazzjonijiet kollha b’dak in-numru ta’ punti.

Validità

L-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ tingħata għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu sal-2027, soġġetta għal monitoraġġ regolari u konformità kontinwa mar-rekwiżiti u l-istruzzjonijiet tal-akkreditazzjoni maħruġa mill-Aġenzija Nazzjonali. Biex jiġi żgurat ippjanar realistiku, il-pjan ta’ attivitajiet ippreżentat bħala parti mill-applikazzjoni jista’ jkopri perjodu ta’ bejn tlieta u erba’ snin u se jiġi aġġornat perjodikament.

F’każ li tkun meħtieġa akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-parteċipazzjoni fi kwalunkwe azzjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ testendi l-validità tal-akkreditazzjoni skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni Ewropea.

L-akkreditazzjoni tista’ tintemm fi kwalunkwe ħin f’każ li l-organizzazzjoni ma tibqax teżisti jew bi ftehim mal-Aġenzija Nazzjonali u l-organizzazzjoni akkreditata. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm l-akkreditazzjoni b’mod unilaterali skont il-kundizzjonijiet deskritti taħt “Rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità”.  It-terminazzjoni unilaterali tal-akkreditazzjoni mill-organizzazzjoni akkreditata tkun possibbli biss jekk matul mill-inqas tliet snin konsekuttivi l-akkreditazzjoni ma tkunx intużat biex jiġu sottomessi applikazzjonijiet għal proġetti ta’ mobbiltà akkreditati.

In-nuqqas ta’ trasferibbiltà

L-akkreditazzjoni ma tistax tiġi ttrasferita bejn l-organizzazzjonijiet. Bħala eċċezzjoni, f’każ ta’ bidliet strutturali għal organizzazzjoni akkreditata (pereżempju, qasma, fużjoni, bidla ta’ entità ġuridika, statut jew sjieda), l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tittrasferixxi l-akkreditazzjoni lil organizzazzjoni suċċessur waħda abbażi ta’ talba mmotivata.

Rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità

Rapporti tal-għeluq fi tmiem kull ftehim ta’ għotja

Fi tmiem kull ftehim ta’ għotja approvat skont l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ, l-organizzazzjoni akkreditata se tippreżenta rapport finali1  dwar l-attivitajiet u l-miri li jkunu twettqu u nkisbu, kif speċifikat fil-ftehim ta’ għotja applikabbli.

Rapport ta’ akkreditazzjoni

Mill-inqas darba matul il-validità tal-akkreditazzjoni, l-organizzazzjonijiet se jkunu meħtieġa:

  • Jirrapportaw dwar il-progress li qegħdin jagħmlu biex jilħqu l-objettivi tagħhom;
  • Jirrapportaw dwar kif qegħdin jiżguraw li l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ jiġu rrispettati;
  • Jaġġornaw il-pjan ta’ attività tagħhom.

L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tiddeċiedi li titlob rapport ta’ progress dwar l-elementi differenti elenkati hawn fuq fl-istess ħin, jew b’mod separat.

L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tissostitwixxi r-rekwiżiti ta’ rapportar dwar l-objettivi u l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ bi żjara ta’ monitoraġġ.

Abbażi tal-prestazzjoni tal-organizzazzjoni akkreditata li tirriżulta minn kontrolli ta’ rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità, jew bħala riżultat ta’ bidliet sinifikanti fl-organizzazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tibdel in-numru u l-iskeda tar-rapporti ta’ progress.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu jitolbu volontarjament li jaġġornaw l-akkreditazzjoni tagħhom. Abbażi tar-raġunament tal-organizzazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi jekk aġġornament huwiex ġustifikat u aċċettabbli.

Monitoraġġ u kontrolli

L-Aġenzija Nazzjonali tista’ torganizza żjarat ta’ monitoraġġ, kontrolli formali jew attivitajiet oħrajn biex iżżomm rendikont tal-progress u tal-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet akkreditati, tivvaluta r-rispett tal-istandards tal-kwalità miftiehma, u tipprovdi l-appoġġ.

Il-kontrolli formali jistgħu jieħdu l-forma ta’ kontrolli dokumentati jew żjarat fl-organizzazzjoni u kwalunkwe bini ieħor fejn isiru jew ikunu saru attivitajiet. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ titlob l-għajnuna ta’ Aġenziji Nazzjonali jew esperti esterni f’pajjiżi oħrajn biex jikkontrollaw u jimmonitorjaw l-attivitajiet li jseħħu hemmhekk.

Assigurazzjoni tal-kwalità

Wara rapport jew attività ta’ monitoraġġ, l-Aġenzija Nazzjonali se tipprovdi feedback lill-organizzazzjoni akkreditata. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tipprovdi wkoll struzzjonijiet obbligatorji jew konsultattivi lill-organizzazzjoni akkreditata dwar kif tista’ ttejjeb il-prestazzjoni tagħha.

Miżuri rimedjali

F’każ ta’ applikanti li jkunu għadhom kif ġew akkreditati, organizzazzjonijiet ta’ riskju għoli, jew f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-istruzzjonijiet u mad-dati ta’ skadenza tal-Aġenzija Nazzjonali, prestazzjoni baxxa ħafna li tirriżulta minn kontrolli ta’ rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità, jew ksur tar-regoli tal-Programm (inkluż f’azzjoni oħra), l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tieħu l-miżuri rimedjali li ġejjin:

  • Osservazzjoni: l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tillimita l-livell ta’ finanzjament li l-organizzazzjoni akkreditata tista’ tapplika għalih f’azzjonijiet fejn l-akkreditazzjoni tal-Erasmus tkun rekwiżit. L-organizzazzjonijiet li jkunu għadhom kif ġew akkreditati jistgħu jitqiegħdu taħt osservazzjoni jekk jiġi identifikat riskju ta’ implimentazzjoni ta’ kwalità baxxa matul il-kontroll tal-kapaċità operazzjonali.
  • Sospensjoni: l-organizzazzjonijiet sospiżi ma jistgħux japplikaw għal finanzjament f’azzjonijiet fejn l-akkreditazzjoni tal-Erasmus tkun rekwiżit. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm ukoll xi ftehimiet ta’ għotja jew il-ftehimiet ta’ għotja kollha li jkunu għaddejjin mogħtija fil-qafas tal-akkreditazzjoni sospiża.

Il-perjodu ta’ osservazzjoni jew sospensjoni se jkompli sakemm l-Aġenzija Nazzjonali tiddetermina li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti f’din is-Sejħa għal darba oħra huma ssodisfati, u li r-riskju ta’ prestazzjoni baxxa ġie indirizzat mill-organizzazzjoni akkreditata.

Organizzazzjonijiet taħt sospensjoni jew osservazzjoni ma jistgħux japplikaw għal akkreditazzjoni ġdida.

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità kontinwu mal-istruzzjonijiet u mad-dati ta’ skadenza tal-Aġenzija Nazzjonali, prestazzjoni baxxa ħafna, jew f’każ ta’ ksur ripetut jew sinifikanti tar-regoli tal-Programm (inkluż f’azzjoni oħra), l-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm l-akkreditazzjoni.

L-akkreditazzjoni tista’ wkoll tintemm fi kwalunkwe ħin f’każ li l-organizzazzjoni ma tibqax teżisti jew bi ftehim mal-Aġenzija Nazzjonali u l-organizzazzjoni akkreditata. L-Aġenzija Nazzjonali jew l-organizzazzjoni akkreditata tista’ ttemm l- akkreditazzjoni b’mod unilaterali jekk ma tkun saret l-ebda applikazzjoni għal finanzjament skont dik l-akkreditazzjoni matul mill-inqas tliet snin konsekuttivi.

  • 1 Għall-iskopijiet tal-ġestjoni tal-għotjiet, dan ir-rapport jissejjaħ ir-Rapport Finali. ↩ back
Tagged in:  Youth