Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Mobbiltà tal-istudenti tal-iskola u tal-persunal fl-edukazzjoni skolastika

Din l-azzjoni tappoġġa lill-iskejjel u organizzazzjonijiet oħrajn attivi fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika li jixtiequ jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-istudenti u l-persunal tal-iskola.

Hija appoġġata firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inkluż job shadowing u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-persunal, mobbiltà individwali u ta’ gruppi għall-istudenti tal-iskola, l-esperti mistiedna, u attivitajiet oħrajn kif spjegat hawn taħt.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jippromwovu b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà ambjentali, l-edukazzjoni diġitali, kif ukoll l-involviment u l-parteċipazzjoni ċivika permezz tal-attivitajiet tagħhom: billi jużaw opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament ipprovduti mill-Programm għal dawn l-għanijiet, billi jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti tagħhom, billi jaqsmu l-aħjar prattiki, u billi jagħżlu disinn xieraq għall-attivitajiet tagħhom.

Objettivi tal-azzjoni

Din l-azzjoni għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta’ apprendiment lill-individwi u li jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp istituzzjonali tal-iskejjel u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn fl-edukazzjoni skolastika. B’mod speċifiku, l-objettivi ta’ din l-azzjoni huma:

Tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u tal-apprendiment billi:

  • jiġu promossi l-valuri tal-inklużjoni u tad-diversità, tat-tolleranza u tal-parteċipazzjoni demokratika
  • jiġi promoss l-għarfien dwar il-wirt u d-diversità komuni Ewropej
  • jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ networks professjonali madwar l-Ewropa

Titjib fil-kwalità tat-tagħlim u tal-apprendiment fl-edukazzjoni skolastika billi:

  • jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tal-mexxejja tal-iskejjel u ta’ persunal ieħor tal-iskejjel
  • jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi
  • jittejbu l-apprendiment tal-lingwi u d-diversità tal-lingwi fl-iskejjel
  • jiġu appoġġati l-kondiviżjoni u t-trasferiment tal-aħjar prattiki fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-iskola

Kontribuzzjoni għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi:

  • tinbena l-kapaċità tal-iskejjel biex jinvolvu ruħhom fi skambji u kooperazzjoni transfruntiera, u jwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja
  • il-mobbiltà għall-apprendiment issir possibbiltà realistika għal kwalunkwe student fl-edukazzjoni skolastika
  • jitrawwem ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment tal-istudenti tal-iskola u tal-persunal f’perjodi ta’ mobbiltà barra l-pajjiż

Kif taċċessa l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-Erasmus+?

L-iskejjel u l-organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni skolastika jistgħu japplikaw għall-finanzjament b’żewġ modi:

  • Proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal – dawn il-proġetti jipprovdu lill-applikanti b’opportunità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà varji fuq perjodu ta’ bejn 6 xhur u 18-il xahar. Il-proġetti fuq perjodu qasir huma l-aħjar għażla għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għall-Erasmus+ għall-ewwel darba, jew għal dawk li jixtiequ jorganizzaw biss numru limitat ta’ attivitajiet.
  • Proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal – dawn il-proġetti huma miftuħin biss għall-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika. Din il-fergħa ta’ finanzjament speċjali tippermetti lill-organizzazzjonijiet akkreditati biex jirċievu regolarment finanzjament għal attivitajiet ta’ mobbiltà li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni gradwali tal-Pjan Erasmus tagħhom. L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fuq bażi regolari. Mhix meħtieġa esperjenza preċedenti fil-Programm biex wieħed japplika. Biex issir taf aktar dwar din l-opportunità, jekk jogħġbok aqra l-kapitolu ta’ din il-gwida dwar l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet jistgħu jissieħbu fil-Programm mingħajr ma jissottomettu applikazzjoni billi:

  • Jissieħbu ma’ konsorzju eżistenti tal-mobbiltà tal-Erasmus+ immexxi minn koordinatur ta’ konsorzju akkreditat f’pajjiżhom li qiegħed jaċċetta membri ġodda fil-konsorzju tiegħu.
  • L-ospitar ta’ parteċipanti minn pajjiż ieħor: kwalunkwe organizzazzjoni tista’ tospita studenti jew persunal li jkunu ġejjin minn organizzazzjoni sieħba barra l-pajjiż. Li ssir organizzazzjoni ospitanti hija esperjenza siewja u mod tajjeb ta’ kif toħloq sħubijiet u titgħallem aktar dwar il-Programm qabel ma tapplika inti stess.

L-iskejjel huma mħeġġa wkoll biex jingħaqdu mal-eTwinning: komunità online ospitata fuq pjattaforma sigura aċċessibbli għall-għalliema u għall-persunal tal-iskejjel skrutinizzata mill-organizzazzjoni tal-appoġġ nazzjonali tal-eTwinning. L-eTwinning tippermetti lill-iskejjel jistabbilixxu klassijiet virtwali konġunti u jwettqu proġetti ma’ skejjel oħrajn, tippermetti lill-għalliema jiddiskutu u jwettqu skambji ma’ kollegi u jinvolvu ruħhom f’varjetà ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali. L-eTwinning hija wkoll l-ambjent perfett biex wieħed isib sħab għal proġetti futuri.

Barra minn hekk, l-iskejjel u l-għalliema huma mistiedna jużaw l-għodod SELFIE: għodod tal-awtoriflessjoni bla ħlas, multilingwi u bbażati fuq il-web maħluqa mill-Kummissjoni Ewropea biex jgħinu lill-iskejjel u lill-għalliema jiżviluppaw il-kapaċità diġitali tagħhom. L-għodda għall-għalliema tippermetti lill-għalliema jagħmlu awtovalutazzjoni tal-kompetenza u l-kunfidenza diġitali tagħhom, u jiksbu feedback dwar l-aspetti b’saħħithom u n-nuqqasijiet tagħhom fl-għarfien jew fil-kompetenzi fejn jistgħu jagħmlu titjib. It-timijiet tal-għalliema jistgħu wkoll jaħdmu flimkien biex jużaw l-għodda u jiżviluppaw pjan ta’ taħriġ. L-għodod SEFIE jistgħu jiġu aċċessati online, hawnhekk: https://ec.europa.eu/education/schools-go-digital

Stabbiliment ta’ proġett

L-organizzazzjoni applikanti hija l-attur ewlieni fi proġett tal-Azzjoni Ewlenija 1. L-applikant jabbozza u jissottometti l-applikazzjoni, jiffirma l-ftehim ta’ għotja, jimplimenta l-attivitajiet tal-mobbiltà, u jirrapporta lill-Aġenzija Nazzjonali. Il-proċess tal-applikazzjoni kemm għall-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tal-organizzazzjoni applikanti.

L-attivitajiet ta’ mobbiltà fi proġett ta’ mobbiltà jistgħu jkunu ħerġin jew deħlin. Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ attivitajiet disponibbli huma attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa. Dan ifisser li l-organizzazzjoni applikanti se taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat: se tagħżel il-parteċipanti u tibgħathom f’organizzazzjoni ospitanti barra l-pajjiż. L-użu ta’ dawn l-opportunitajiet biex jiġu organizzati skambji bidirezzjonali jew attivitajiet konġunti ma’ skola sieħba waħda jew aktar huwa mħeġġeġ bil-qawwa. F’dak il-każ, kull skola parteċipanti għandha tapplika għall-finanzjament tal-Erasmus+ jew tista’ tissieħeb f’konsorzju eżistenti. Sabiex il-proċess biex jinstabu sħab ikun aktar faċli, l-Erasmus+ jipprovdi għodod ħalli jinstabu sħab barra mill-pajjiż bħala parti mill-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika (https://school-education.ec.europa.eu/).

Barra minn hekk, hemm tipi speċjali ta’ attivitajiet deħlin li jippermettu lill-organizzazzjonijiet applikanti jistiednu esperti jew għalliema fit-taħriġ fl-organizzazzjoni tagħhom. L-iskop tal-attivitajiet deħlin ma huwiex li joħolqu skambji bidirezzjonali, iżda pjuttost li jinkludu persuni li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni applikanti. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha appoġġati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus. L-istandards tal-kwalità ta’ Erasmus ikopru prattiki konkreti ta’ implimentazzjoni għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. Biex taqra t-test sħiħ tal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, jekk jogħġbok żur il-link li ġejja fuq is-sit web Europa: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/document/erasmus-quality-standards-mobility-projects-vet-adults-schools

L-apprendiment tal-lingwi huwa parti importanti minn kull proġett ta’ mobbiltà: l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom jipprovdu lill-parteċipanti tagħhom b’appoġġ għall-apprendiment tal-lingwi qabel u matul l-attivitajiet ta’ mobbiltà. Għal dan il-għan, l-Erasmus+ jiffinanzja l-pjattaforma ta’ Appoġġ Lingwistiku Online li hija bla ħlas u miftuħa għall-użu mill-parteċipanti kollha tal-Erasmus+.

Kif issib sħab għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tiegħek?

L-Erasmus+ jipprovdi diversi għodod u opportunitajiet biex jinstabu sħab għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tiegħek:

  • Il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel (ESEP) toffri għodda online għas-sejbien ta’ sħab. Tista’ tirreġistra l-organizzazzjoni tiegħek fuq il-pjattaforma sabiex tibgħat avviżi ta’ sejbien ta’ sħab u tfittex f’avviżi magħmula minn organizzazzjonijiet oħrajn: https://school-education.ec.europa.eu/mt/networking/partner-finding
  • Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni huma organizzati regolarment mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+. Dawn jinkludu seminars ta’ kuntatt, avvenimenti online u opportunitajiet oħrajn ta’ sejbien ta’ sħab għall-applikanti u l-benefiċjarji tal-Erasmus+. Tista’ tfittex Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni disponibbli hawnhekk: https://salto-et.net. Għandek iżżur ukoll is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek regolarment biex tibqa’ informat dwar l-attivitajiet u l-avvenimenti tagħhom.
  • Il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+ tippermettilek tfittex l-organizzazzjonijiet akkreditati kollha u l-proġetti approvati:https://erasmus-plus.ec.europa.eu/projects

Dimensjonijiet orizzontali

Il-proġetti kollha ta’ mobbiltà għandhom jintegraw id-dimensjonijiet li ġejjin komuni għall-programm Erasmus+ kollu:

Inklużjoni u diversità

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jiżguraw li joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà b’mod inklużiv u ġust, lill-parteċipanti minn kull sfond. L-għażla tal-istudenti li se jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-proġett għandha tqis fatturi ewlenin bħall-motivazzjoni, il-mertu, kif ukoll l-iżvilupp personali u l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-parteċipanti. Bl-istess mod, l-għażla tal-parteċipanti tal-persunal għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-iżvilupp professjonali tagħhom ikunu disponibbli għall-istudenti kollha fl-organizzazzjoni.

Matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti għandhom jinvolvu lill-parteċipanti f’deċiżjonijiet ewlenin sabiex jiġu żgurati benefiċċji u impatt massimi għal kull parteċipant.

Benefiċjarji u organizzazzjonijiet parteċipanti oħrajn li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ huma mħeġġa joħolqu u jiffaċilitaw b’mod attiv l-opportunitajiet ta’ mobbiltà, pereżempju billi jistabbilixxu twieqi ta’ mobbiltà fil-kalendarju akkademiku tagħhom u jiddefinixxu l-passi standard ta’ riintegrazzjoni għall-parteċipanti li jirritornaw.

Prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jippromwovu mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti tagħhom, filwaqt li jqajmu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu riflessi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-Programm, speċjalment permezz tal-użu ta’ appoġġ speċifiku ta’ finanzjament ipprovdut mill-Programm biex jiġu promossi mezzi sostenibbli tal-ivjaġġar. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintegraw dawn il-prinċipji fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, u għandhom jippromwovu b’mod attiv bidla fil-mentalità u fl-imġiba fost l-istudenti u l-persunal tagħhom.

Trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, il-Programm jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod u metodi ta’ apprendiment diġitali biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u jtejbu l-kwalità tal-apprendiment u t-tagħlim tagħhom. Barra minn hekk, il-parteċipanti jistgħu jibbenefikaw minn Traineeships ta’ Opportunità Diġitali: attivitajiet ta’ mobbiltà li jippermettulhom jiksbu ħiliet diġitali u jħallu lill-persunal jibni l-kapaċità tiegħu li jħarreġ, jgħallem u jwettaq kompiti oħrajn bl-għajnuna ta’ għodod diġitali. Dawn l-attivitajiet jistgħu jiġu organizzati bi kwalunkwe wieħed mill-formati ta’ mobbiltà disponibbli.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika

Il-programm għandu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. L-attivitajiet ta’ mobbiltà appoġġati għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipattivi f’oqsma differenti tas-soċjetà ċivika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali. Dawn għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

Attivitajiet

Din it-taqsima tippreżenta t-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-fondi tal-Erasmus+, kemm bħala parti minn proġetti fuq perjodu qasir kif ukoll minn proġetti akkreditati.

Għal kwalunkwe attività, jista’ jingħata appoġġ addizzjonali lill-akkumpanjaturi tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, lill-minorenni, jew lill-adulti żgħażagħ li jeħtieġu superviżjoni. L-akkumpanjaturi jistgħu jiġu appoġġati għad-durata sħiħa tal-attività jew għal parti minnha.

Mobbiltà tal-persunal

Attivitajiet eliġibbli

  • Job shadowing (minn jumejn sa 60 jum)
  • Inkarigi ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ (minn jumejn sa 365 jum)
  • Korsijiet u taħriġ (minn jumejn sa 30 jum, massimu ta’ 10 ijiem ta’ tariffi tal-kors għal kull parteċipant)

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha tal-mobbiltà tal-persunal jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

L-attivitajiet implimentati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li ġejjin:

Job shadowing: il-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor bil-għan li jitgħallmu prattiki ġodda u jiġbru ideat ġodda permezz ta’ osservazzjoni u interazzjoni mal-pari, mal-esperti jew ma’ prattikanti oħrajn fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom fl-organizzazzjoni ospitanti.

Inkarigi ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ: il-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien jgħallmu jew jipprovdu taħriġ lill-istudenti f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor, bħala mod kif jitgħallmu billi jwettqu l-kompiti tagħhom u jiskambjaw mal-pari.

Korsijiet u taħriġ: il-parteċipanti jistgħu jibbenefikaw minn kors strutturat jew minn tip simili ta’ taħriġ ipprovdut minn professjonisti kwalifikati, abbażi ta’ programm ta’ apprendiment definit minn qabel u l-eżiti tal-apprendiment.

It-taħriġ irid jinkludi komponent tranżnazzjonali ċar, pereżempju billi jrawwem interazzjoni ta’ apprendiment bejn parteċipanti minn pajjiżi differenti jew billi jintegra elementi oħrajn ta’ trasferiment tranżnazzjonali ta’ prattiki, bħall-involviment qawwi tal-persunal tal-edukazzjoni fl-iskejjel mill-pajjiż ospitanti biex jinteraġixxi ma’ u juri l-prattiki tagħhom lill-kollegi li ġejjin minn barra l-pajjiż.

Il-kontenut tal-korsijiet u tat-taħriġ irid ikun rilevanti għall-ħiliet professjonali tal-persunal parteċipanti u għall-objettivi tal-proġett jew tal-akkreditazzjoni.

Pereżempju, l-attivitajiet appoġġati jistgħu jinkludu korsijiet u taħriġ organizzati minn istituzzjonijiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet tal-volontarjat, attivitajiet organizzati bħala parti minn skambju ta’ prattiki bejn organizzazzjonijiet f’pajjiżi differenti, kif ukoll korsijiet u taħriġ disponibbli kummerċjalment. Attivitajiet kompletament passivi fosthom li wieħed jisma’ lekċers, diskorsi jew konferenzi tal-massa ma humiex appoġġati. Konferenzi u avvenimenti b’titoli simili jistgħu jitqiesu għall-finanzjament biss jekk il-parteċipanti jqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin tagħhom f’taħriġ strutturat, workshops, eżerċizzji prattiċi, skambju ta’ prattiki ma’ kollegi jew forom oħrajn ta’ apprendiment attiv.

L-applikanti għandhom ikunu konxji li l-fornituri kollha tal-korsijiet huma kompletament indipendenti mill-programm Erasmus+ u qegħdin jaġixxu bħala fornituri ta’ servizzi f’suq ħieles. L-għażla tal-korsijiet u t-taħriġ hija għalhekk responsabbiltà tal-organizzazzjoni benefiċjarja. L-istandards tal-kwalità li ġejjin huma disponibbli sabiex jiggwidaw lill-applikanti fl-għażla tagħhom: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/resources-and-tools/quality-standards-key-action-1

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti eliġibbli jinkludu għalliema, mexxejja tal-iskejjel u l-esperti l-oħrajn kollha li ma jgħallmux u l-persunal li jaħdem fl-edukazzjoni skolastika.

Persunal eliġibbli mhux tat-tagħlim jinkludi persunal li jaħdem fl-edukazzjoni skolastika, jew fl-iskejjel (assistenti tal-għalliema, konsulenti pedagoġiċi, psikologi, koordinaturi tal-Erasmus+ eċċ.) jew f’organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni skolastika (eż. spetturi tal-iskejjel, konsulenti, koordinaturi tal-Erasmus+, koordinaturi tal-politika inkarigati mill-edukazzjoni skolastika, eċċ.).

Il-parteċipanti jeħtiġilhom ikunu qegħdin jaħdmu fl-organizzazzjoni li tibgħat, jew ikunu qegħdin jaħdmu regolarment mal-organizzazzjoni li tibgħat biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjoni (pereżempju bħala ħarrieġa esterni, esperti, jew voluntiera).

Fil-każijiet kollha, il-kompiti li jorbtu lill-parteċipant mal-organizzazzjoni li tibgħat iridu jkunu dokumentati b’mod li jippermetti lill-Aġenzija Nazzjonali tivverifika din ir-rabta (pereżempju ma’ kuntratt ta’ xogħol jew volontarjat, deskrizzjoni tal-kompitu, jew dokument simili). L-Aġenziji Nazzjonali għandhom jistabbilixxu prattika trasparenti u konsistenti dwar x’jikkostitwixxi relazzjonijiet ta’ ħidma aċċettabbli u dokumentazzjoni ta’ sostenn fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment

Ir-rekwiżiti għad-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment huma stabbiliti fl-istandards tal-kwalità tal-Erasmus u huma elaborati aktar fil-ftehim ta’ għotja tal-proġett.

Qabel l-attività, l-organizzazzjoni li tibgħat, l-organizzazzjoni ospitanti u l-parteċipant jeħtiġilhom jaqblu dwar ftehim ta’ apprendiment (jew dokument simili) li jispeċifika l-eżiti tal-apprendiment mistennija tal-parteċipant. Għall-korsijiet u t-taħriġ, jista’ jintuża programm ta’ kors minflok ftehim ta’ apprendiment.

 Wara l-attività, l-eżiti tal-apprendiment miksuba tal-parteċipant iridu jiġu rikonoxxuti billi tinħareġ Mobbiltà tal-Europass jew dokument simili. L-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm kopja tad-dokument maħruġ bħala prova li tkun lestiet l-attività.

Mobbiltà tal-istudenti

Attivitajiet eliġibbli

  • Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti tal-iskola (minn jumejn sa 30 jum, mill-inqas żewġ studenti tal-iskola għal kull grupp)
  • Mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir tal-istudenti tal-iskola (minn 10 ijiem sa 29 jum)
  • Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-iskola (minn 30 sa 365 jum)

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha tal-mobbiltà tal-istudenti tal-iskola jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

L-attivitajiet implimentati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li ġejjin:

Mobbiltà fi gruppi tal-istudenti tal-iskola: grupp ta’ studenti tal-iskola mill-iskola li tibgħat jistgħu jqattgħu ħin jitgħallmu flimkien mal-pari tagħhom f’pajjiż ieħor. L-iskola li tibgħat trid tfassal l-attivitajiet ta’ apprendiment f’kooperazzjoni ma’ skola sieħba fil-pajjiż ospitanti1 . L-għalliema jew persunal tal-edukazzjoni kwalifikat ieħor mill-iskola li tibgħat iridu jakkumpanjaw lill-istudenti tal-iskola għad-durata kollha tal-attività u jiggwidaw il-proċess ta’ apprendiment tagħhom. Jekk ikun meħtieġ, adulti oħra jistgħu jaġixxu wkoll bħala akkumpanjaturi biex jappoġġaw l-għalliema akkumpanjaturi2 .

Mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir tal-istudenti tal-iskola: l-istudenti tal-iskola jistgħu jqattgħu perjodu barra l-pajjiż sabiex jistudjaw fi skola sieħba jew sabiex iwettqu traineeship f’organizzazzjoni rilevanti oħra barra l-pajjiż. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet, il-mobbiltà tista’ tiġi organizzata b’durata minima ta’ jumejn, jekk din tkun iġġustifikata.

Mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu twil tal-istudenti tal-iskola: l-istudenti tal-iskola jistgħu jqattgħu perjodu barra l-pajjiż sabiex jistudjaw fi skola sieħba jew sabiex iwettqu traineeship f’organizzazzjoni rilevanti oħra barra l-pajjiż. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Irid jiġi pprovdut taħriġ obbligatorju ta’ qabel it-tluq lill-parteċipanti kollha u se jsir disponibbli appoġġ akbar għall-finanzjament għall-appoġġ organizzazzjonali u lingwistiku.

Jekk jogħġbok innota li d-differenza bejn il-formati tal-attività tal-grupp u dawk individwali ma hijiex ibbażata fuq arranġamenti ta’ vvjaġġar u ta’ akkomodazzjoni, iżda fuq ir-rekwiżiti għal programmi ta’ apprendiment kollettivi jew individwali, kif deskritt hawn taħt f’“Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment”. Għalhekk, huwa pprovdut livell differenti ta’ appoġġ organizzazzjonali għal attivitajiet ta’ grupp u individwali, kif iddefinit fir-regoli ta’ finanzjament ippreżentati fl-aħħar ta’ dan il-kapitolu.

Parteċipanti eliġibbli

L-istudenti tal-iskola parteċipanti jeħtiġilhom ikunu rreġistrati fi programm edukattiv fl-iskola li tibgħat3 .

Il-parteċipazzjoni hija possibbli wkoll għall-istudenti li jkunu ħadu edukazzjoni barra minn ambjent istituzzjonali f’pajjiżi fejn teżisti prattika bħal din4 .

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Il-mobbiltà fi grupp ta’ studenti tal-iskola trid issir fi skola ospitanti. B’mod eċċezzjonali, l-attivitajiet jistgħu jsiru f’post ieħor fil-pajjiż tal-iskola ospitanti, jekk dan ikun iġġustifikat mill-kontenut u l-kwalità tal-attività. F’dan il-każ, l-ivvjaġġar tal-parteċipanti mill-iskola ospitanti sal-post mhux se jitqiesu bħala attività ta’ mobbiltà tranżnazzjonali. Għalhekk, ma jistgħux jintalbu fondi addizzjonali għal dan l-iskop.

Barra minn hekk, il-mobbiltà fi grupp tal-istudenti tal-iskola tista’ sseħħ f’sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jekk l-attività tkun organizzata f’istituzzjoni tal-UE jew f’kooperazzjoni magħha5 .

Irrispettivament mill-post, l-attivitajiet tal-grupp iridu jinvolvu studenti tal-iskola minn tal-inqas żewġ Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment

Ir-rekwiżiti għad-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment huma stabbiliti fl-istandards tal-kwalità tal-Erasmus u huma elaborati aktar fil-ftehim ta’ għotja tal-proġett.

Attivitajiet ta’ mobbiltà individwali: Qabel l-attività, l-organizzazzjoni li tibgħat, l-organizzazzjoni ospitanti u l-parteċipant jeħtiġilhom jaqblu dwar ftehim ta’ apprendiment (jew dokument simili) li jispeċifika l-eżiti tal-apprendiment mistennija tal-parteċipant. Wara l-attività, l-eżiti tal-apprendiment miksuba tal-parteċipant iridu jiġu rikonoxxuti billi tinħareġ Mobbiltà tal-Europass jew dokument simili. L-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm kopja tad-dokument maħruġ bħala prova li tkun lestiet l-attività.

Attivitajiet ta’ mobilità ta’ grupp: programm ta’ apprendiment irid jiġi ddefinit għall-grupp kollu (ma humiex meħtieġa ftehimiet ta’ apprendiment individwali). Wara l-attività, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm il-programm ta’ apprendiment u lista tal-parteċipanti (inklużi l-akkumpanjaturi) bħala prova li tkun lestiet l-attività.

Attivitajiet appoġġati oħrajn

Attivitajiet disponibbli

  • Esperti mistiedna (minn jumejn sa 60 jum)
  • L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qegħdin jitħarrġu (minn 10 ijiem sa 365 jum)

L-attivitajiet implimentati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li ġejjin:

Esperti mistiedna: l-iskejjel jistgħu jistiednu ħarrieġa, għalliema, esperti tal-politika jew professjonisti kkwalifikati oħrajn minn barra l-pajjiż li jistgħu jgħinu fit-titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment fl-iskola li tilqa’. Pereżempju, l-esperti mistiedna jistgħu jipprovdu taħriġ lill-persunal tal-iskejjel, juru metodi ġodda ta’ tagħlim jew jgħinu fit-trasferiment ta’ prattiki tajba fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni.

L-ospitar tal-għalliema u tal-edukaturi li jkunu qegħdin jitħarrġu: l-organizzazzjonijiet applikanti jistgħu jospitaw għalliema li jkunu qegħdin jitħarrġu li jkunu jixtiequ jagħmlu traineeship barra l-pajjiż. L-organizzazzjoni ospitanti se tirċievi appoġġ biex tistabbilixxi l-attività, filwaqt li l-appoġġ għall-ivvjaġġar u dak individwali għall-parteċipant għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjoni li tibgħat tagħhom (li tista’ tapplika għall-finanzjament tal-Erasmus+ għal dan l-iskop).

Parteċipanti eliġibbli

L-esperti mistiedna jistgħu jkunu kwalunkwe persuna minn Stat Membru ieħor tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, li jistgħu jipprovdu għarfien espert u taħriġ rilevanti għall-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjoni li tistedinhom.

L-ospitar ta’ għalliema u edukaturi li jkunu qed jitħarrġu huwa disponibbli għall- parteċipanti li jkunu rreġistrati fi programm edukattiv għall-għalliema jew li jkunu gradwaw6  minnu dan l-aħħar (jew tip simili ta’ programm edukattiv għall-ħarrieġa jew l-edukaturi) fi Stat Membru ieħor tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Postijiet eliġibbli

Il-post għall-esperti u l-għalliema mistiedna li jkunu qed jitħarrġu huwa dejjem l-organizzazzjoni benefiċjarja (inklużi l-membri tal-konsorzju).

Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment

Għall-esperti mistiedna, il-programm ta’ apprendiment li l-espert se jagħti jrid jiġi miftiehem mal-organizzazzjoni benefiċjarja qabel l-attività. Wara l-attività, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm il-programm ta’ apprendiment eżegwit bħala prova li tkun lestiet l-attività.

Għall-għalliema u l-edukaturi ospitati fit-taħriġ, japplikaw ir-rekwiżiti deskritti għall-attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ studenti individwali.

Żjarat preparatorji

X’inhi żjara preparatorja?

Żjara preparatorja hija żjara f’organizzazzjoni ospitanti prospettiva mill-persunal mill-organizzazzjoni li tibgħat bl-iskop li titħejja aħjar attività ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal.

Meta tista’ tiġi organizzata żjara preparatorja?

Kull żjara preparatorja jrid ikollha motivazzjoni ċara u trid isservi biex ittejjeb l-inklużività, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà.

Pereżempju, jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji biex titħejja aħjar il-mobbiltà tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, biex jibdew jaħdmu ma’ organizzazzjoni sieħba ġdida, jew biex iħejju attivitajiet ta’ mobbiltà aktar fit-tul.

Jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji bi tħejjija għal kwalunkwe tip ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal, ħlief “korsijiet u taħriġ”.

Min jista’ jieħu sehem fi żjara preparatorja?

Iż-żjarat preparatorji jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe persuna eliġibbli għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u involuta fl-organizzazzjoni tal-proġett.

B’mod eċċezzjonali, l-istudenti li se jieħdu sehem f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul u l-parteċipanti b’inqas opportunitajiet fi kwalunkwe tip ta’ attività jistgħu jieħdu sehem fi żjarat preparatorji għall-attivitajiet tagħhom.

Massimu ta’ tliet persuni jista’ jieħu sehem fi żjara preparatorja, u tista’ tiġi organizzata massimu ta’ żjara preparatorja waħda għal kull organizzazzjoni ospitanti.

Fejn jistgħu jsiru żjarat preparatorji?

Iż-żjarat preparatorji jsiru fil-bini tal-organizzazzjoni ospitanti prospettiva, jew fi kwalunkwe post ieħor fejn ikunu ppjanati li jsiru attivitajiet ta’ mobbiltà. Ir-regoli applikabbli għall-postijiet tal-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u tal-istudenti japplikaw ukoll għal żjarat preparatorji marbuta ma’ dawk l-attivitajiet.

Proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti tal-iskola u l-persunal fl-edukazzjoni skolastika

Il-proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti tal-iskola u l-persunal huma mod dirett u sempliċi kif wieħed jista’ jibbenefika mill-Erasmus+. L-iskop tagħhom huwa li jippermettu lill-organizzazzjonijiet jorganizzaw ftit attivitajiet b’mod faċli u jiksbu esperjenza fil-Programm.

Sabiex il-proġetti fuq perjodu qasir jibqgħu sempliċi, dawn jinkludu limitu fuq in-numru ta’ parteċipanti u d-durata tal-proġett. Il-format huwa miftuħ biss għall-organizzazzjonijiet individwali u mhux għall-koordinaturi ta’ konsorzju. L-organizzazzjonijiet akkreditati ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir peress li diġà għandhom aċċess permanenti għall-finanzjament tal-Erasmus+.

L-applikazzjoni għal proġetti fuq perjodu qasir tinkludi lista u deskrizzjoni tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni applikanti beħsiebha torganizza.

Kriterji tal-eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: eliġibbli min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli7  biex japplikaw:

  1. L-iskejjel li jipprovdu edukazzjoni ġenerali fil-livell preprimarju, primarju jew sekondarju8
  2. Awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni skolastika ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir.

Pajjiżi eliġibbli

L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenzi tal-applikazzjoni

Ċiklu 1 (għall-Aġenziji Nazzjonali kollha): 20 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Ċiklu 2: L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu t-tieni skadenza (Ċiklu 2). F’dan il-każ, l-Aġenzija Nazzjonali se tinforma lill-applikanti permezz tas-sit web tagħha. Għaċ-Ċiklu 2, l-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sal-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).

Dati tal-bidu tal-proġett

Il-proġetti jistgħu jagħżlu d-dati tal-bidu li ġejjin:

  • Ċiklu 1: bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
  • Ċiklu 2 (jekk jinfetaħ): bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Durata tal-proġett

Minn 6 xhur sa 18-il xahar

Numru ta’ applikazzjonijiet

Għal kull ċiklu ta’ għażla, organizzazzjoni tista’ tapplika għal proġett wieħed biss fuq perjodu qasir fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika.

L-organizzazzjonijiet li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu qasir taħt l-ewwel ċiklu ta’ applikazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għat-tieni ċiklu tal-istess sejħa għall-proposti.

Fi żmien perjodu ta’ kwalunkwe ħames snin ta’ sejħiet konsekuttivi, l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu massimu ta’ tliet għotjiet għal proġetti fuq perjodu qasir fl-edukazzjoni skolastika. L-għotjiet riċevuti fil-perjodu 2014–2020 ma jgħoddux ma’ dan il-limitu.

Attivitajiet eliġibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni skolastika. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu mill-inqas attività waħda ta’ mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

Applikazzjoni għal proġett fuq perjodu qasir tista’ tinkludi massimu ta’ 30 parteċipant f’attivitajiet ta’ mobbiltà.

Iż-żjarat preparatorji u l-parteċipazzjoni tal-akkumpanjaturi mhux se jgħoddu ma’ dan il-limitu.

Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ

Organizzazzjoni ta’ appoġġ hija organizzazzjoni li tassisti lill-organizzazzjoni benefiċjarja f’aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-proġett li ma jikkonċernawx kompiti ewlenin tal-proġett (kif iddefiniti fl-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus).

Kwalunkwe organizzazzjoni attiva fl-edukazzjoni u t-taħriġ tista’ ssir organizzazzjoni ta’ appoġġ. Ir-rwol u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jiġu ddefiniti b’mod formali bejniethom u bejn l-organizzazzjoni benefiċjarja. L-organizzazzjoni ta’ appoġġ taġixxi taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni benefiċjarja, li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ responsabbli għar-riżultati u l-kwalità tal-attivitajiet implimentati. Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus.

L-organizzazzjonijiet li qed jospitaw li jipprovdu kontenut ta’ apprendiment u mentoraġġ lill-parteċipanti tal-organizzazzjoni benefiċjarja ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta’ appoġġ, sakemm fl-istess ħin ma jkunux qed jappoġġaw lill-benefiċjarju f’kompiti oħrajn ta’ ġestjoni tal-proġetti li normalment jitwettqu mill-organizzazzjoni li tibgħat.

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji għall-għoti u l-ponderazzjonijiet ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti

Rilevanza (punteġġ massimu: 20 punt)

Kemm:

  • il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet tal-applikant u l-popolazzjoni fil-mira tal-istudenti huma rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni skolastika
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-objettivi tal-azzjoni
  • il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:
    • l-appoġġ lil parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza
    • l-appoġġ lill-parteċipanti f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-iskola
    • l-appoġġ lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu: 50 punt)

Kemm:

  • l-objettivi proposti tal-proġett jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni applikanti, il-persunal tagħha u l-istudenti b’mod ċar u konkret
  • l-attivitajiet proposti huma xierqa għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġett
  •  hemm pjan ċar ta’ ħidma għal kull waħda mill-attivitajiet proposti
  • il-proġett jinkorpora prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali (b’mod partikolari l-eTwinning) u metodi ta’ apprendiment sabiex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u sabiex itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab ospitanti

Kwalità tal-azzjonijiet ta’ segwitu (punteġġ massimu: 30 punt)

Kemm:

  • l-applikant iddefinixxa b’mod ċar il-kompiti u r-responsabbiltajiet għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus
  • l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett
  • l-applikant ippropona passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjoni applikanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u ħalli l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jiġi rikonoxxut b’mod pubbliku

Proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti tal-iskola u l-persunal fl-edukazzjoni skolastika

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni skolastika jistgħu japplikaw għall-finanzjament bħala parti minn fergħa ta’ finanzjament speċjali miftuħa għalihom biss. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan Erasmus li kien approvat qabel, u għalhekk mhijiex meħtieġa lista u deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ippjanati. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffokaw fuq l-istima tal-baġit meħtieġ għas-sett ta’ attivitajiet li jmiss.

Kriterji tal-eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: eliġibbli min jista’ japplika?

L-applikanti jeħtiġilhom li jkollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus valida fl-edukazzjoni fl-iskejjel fid-data tal-bidu tal-proġett.

Konsorzju ta’ mobbiltà

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi tal-konsorzju tal-mobbiltà jeħtiġilhom japplikaw għall-format tal-konsorzju tal-mobbiltà.

Il-lista tal-membri tal-konsorzju tal-mobbiltà trid tiġi pprovduta bħala parti mill-applikazzjoni u trid tinkludi mill-inqas organizzazzjoni membru waħda flimkien mal-koordinatur.

Kwalunkwe organizzazzjoni li tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-istess qasam tista’ ssir membru ta’ konsorzju tal-mobbiltà. L-organizzazzjonijiet membri tal-konsorzju ppjanati kollha jridu jkunu mill-istess Stat membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm bħall-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà9 .

Il-membri tal-konsorzju ma humiex meħtieġa jkollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus.

L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem f’konsorzju tal-mobbiltà jistgħu jirċievu finanzjament għall-implimentazzjoni ta’ massimu ta’ żewġ ftehimiet ta’ għotja tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika fil-qafas tal-istess Sejħa għall-proposti. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni skolastika li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu qasir jew għal proġett akkreditat jistgħu jieħdu sehem ukoll f’konsorzju tal-mobbiltà wieħed biss fl-edukazzjoni skolastika bħala organizzazzjonijiet membri. Organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jieħdu sehem f’massimu ta’ żewġ konsorzji tal-mobbiltà.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenza tal-applikazzjoni

20 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Data tal-bidu tal-proġett

L-1 ta’ Ġunju tal-istess sena

Durata tal-proġett

Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Jekk ikun iġġustifikat, il-benefiċjarji jistgħu jitolbu estensjoni tal-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar. Se jsiru estensjonijiet wara 12-il xahar ta’ implimentazzjoni, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Aġenzija Nazzjonali.

Numru ta’ applikazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu japplikaw darba biss għal kull ċiklu ta’ għażla.

Attivitajiet eliġibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni skolastika. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu mill-inqas attività waħda ta’ mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

In-numru ta’ parteċipanti li jistgħu jiġu inklużi fi proġetti akkreditati ma huwiex limitat, minbarra kwalunkwe limitazzjoni definita fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit.

Allokazzjoni tal-baġit

Il-kwalità tal-Pjan Erasmus tal-applikant ġiet ivvalutata fl-istadju tal-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni u għalhekk mhi se ssir l-ebda valutazzjoni kwalitattiva fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit. L-applikazzjonijiet għal għotja eliġibbli kollha se jirċievu finanzjament.

L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:

  • il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati  
  • l-attivitajiet mitluba (inkluż il-baġit stmat meħtieġ sabiex dawn jiġu implimentati)
  • l-għotja bażika u massima
  • il-kriterji ta’ allokazzjoni li ġejjin: il-prestazzjoni tal-applikant, il-prijoritajiet ta’ politika, u l-bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija Nazzjonali)

Ir-regoli dettaljati dwar l-għotja bażika u massima, il-punteġġ tal-kriterji tal-allokazzjoni, il-ponderazzjoni ta’ kull kriterju, il-metodu tal-allokazzjoni, u l-baġit disponibbli għall-proġetti akkreditati se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Ir-regoli ta’ finanzjament li ġejjin japplikaw għal proġetti għal żmien qasir u għal proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal fl-edukazzjoni fl-iskejjel.

Kategoriji differenti tal-baġit huma indipendenti minn xulxin: għal kwalunkwe parteċipant individwali, il-benefiċjarju jista’ jitlob il-kontribuzzjonijiet ta’ unità eliġibbli kollha jew xi wħud minnhom biss (jekk il-bqija tal-kostijiet ikunu koperti b’mod differenti). Il-fondi riċevuti mill-Erasmus+ jistgħu jiġu ssupplimentati mill-organizzazzjoni benefiċjarja nnifisha, minn fondi oħrajn tal-UE, donazzjonijiet jew permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti. F’każ li l-benefiċjarju jitlob kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti, dawn iridu jibqgħu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus. B’mod partikolari, dawn il-kontribuzzjonijiet ma jridux joħolqu ostakli għall-inklużjoni ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-proġett li ma humiex koperti minn kategoriji oħrajn ta’ kostijiet.

Pereżempju: it-tħejjija (pedagoġika, interkulturali u oħrajn), il-mentoraġġ, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti matul il-mobbiltà, is-servizzi, l-għodod u t-tagħmir meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett, għall-komponenti virtwali f’attivitajiet imħallta, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati u li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jsir viżibbli għall-pubbliku.

L-appoġġ organizzazzjonali jkopri l-kostijiet imġarrba kemm mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu kif ukoll minn dawk ospitanti (ħlief fil-każ tal-mobbiltà tal-persunal għal korsijiet u taħriġ). Id-diviżjoni tal-għotja mogħtija se tiġi miftiehma bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 100

  • Għal kull student tal-iskola fil-mobilità fi grupp
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għall-korsijiet u t-taħriġ
  • Għal kull espert mistieden
  • Għal kull għalliem jew edukatur ospitat li jkun qiegħed jitħarreġ

EUR 350; EUR 200 wara mitt parteċipant fl-istess tip ta’ attività

  • Għal kull parteċipant f’mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir tal-istudenti tal-iskola
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għal job shadowing u inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ

EUR 500

  • Għal kull parteċipant f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-iskola

Kategorija tal-baġit - Vjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivjaġġar bir-ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività.

Barra minn hekk: kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivjaġġar bir-ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi mill-post tal-oriġini tagħhom lejn il-post tat-taħriġ ta’ qabel it-tluq għall-istudenti tal-iskola f’mobbiltà fit-tul.

Taħt 500 km, il-parteċipant, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġa b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni.

L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bl-ajru bejn il-post tal-oriġini u l-post tal- attività10  billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea11 .

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar ekoloġiku

Vjaġġar mhux ekoloġiku

10 – 99 km

EUR 56

EUR 28

100 – 499 km

285EUR

EUR 211

500 – 1999 km

EUR 417

309EUR

2000 – 2999 km

EUR 535

EUR 395

3000 – 3999 km

EUR 785

EUR 580

4000 – 7999 km

EUR 1180

EUR 1180

8000 km jew aktar

EUR 1735

EUR 1735

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet ta’ sussistenza għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi12  matul l-attività.

Jekk meħtieġ, il-kostijiet ta’ sussistenza jkunu eliġibbli għal ħin ta’ vjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta’ vjaġġar għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi li jirċievu għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku, u massimu ta’ 6 ijiem addizzjonali f’każ ta’ għotja għall-ivjaġġar ekoloġiku.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ persuni, id-durata tas-soġġorn u l-pajjiż li jilqa’13 .

Ammont

Kategorija ta’ parteċipanti

Grupp ta’ pajjiżi 1

Grupp ta’ pajjiżi 2

Grupp ta’ pajjiżi 3

Persunal

EUR -107-191

EUR -95-169

EUR -84-148

Studenti tal-iskola

EUR -48-85

EUR -41-74

EUR -36-64

Dawn ta’ hawn fuq huma l-meded permessi għar-rati bażi għal kull jum ta’ attività. F’dawn il-meded, kull Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi dwar ir-rati bażi eżatti għall-proġetti taħt il-ġestjoni tagħhom, u se tippubblika din l-informazzjoni fuq is-sit web tagħha.

Ir-rata bażi hija pagabbli sal-14-il jum tal-attività (inklużi l-jiem ta’ vvjaġġar). Mill-15-il jum, ir-rata pagabbli se tkun ugwali għal 70 % tar-rata bażi. Ir-rati pagabbli jiġu aġġustati għall-eqreb Euro sħiħ.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Il-kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u mal-akkumpanjaturi tagħhom (inklużi kostijiet relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”). L-appoġġ għall-inklużjoni jista’ jiġi pprovdut ukoll lil persunal b’inqas opportunitajiet li jieħu r-rwol ta’ akkumpanjaturi jew li jipparteċipa fi żjara preparatorja.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Żjarat preparatorji

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet li jkopru l-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipazzjoni fi żjara preparatorja.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 680 għal kull parteċipant, b’massimu ta’ tliet parteċipanti għal kull żjara

Kategorija tal-baġit - Tariffi tal-kors

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet li jkopru t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għall-format tal-mobbiltà tal-persunal “Korsijiet u taħriġ”.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tal-attività.

Ammont

EUR 80 għal kull parteċipant għal kuljum; membru individwali tal-persunal jista’ jirċievi massimu ta’ EUR 800 f’tariffi tal-kors fi ħdan ftehim ta’ għotja wieħed.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ lingwistiku

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet tal-provvista ta’ materjali għall-apprendiment tal-lingwi u ta’ taħriġ għall-parteċipanti li jeħtieġ itejbu l-għarfien tal-lingwa li se jkunu qegħdin jużaw biex jistudjaw jew biex jirċievu taħriġ matul l-attività tagħhom.

L-appoġġ lingwistiku huwa eliġibbli għall-parteċipanti fit-tipi ta’ attivitajiet li ġejjin: fil-job shadowing, fl-allokazzjonijiet tat-tagħlim u tat-taħriġ, fil-mobbiltà tal-apprendiment għal żmien qasir tal-istudenti tal-iskola u fil-mobbiltà tal-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-iskola.

L-appoġġ jitħallas biss jekk il-parteċipant ma jkunx jista’ jirċievi Appoġġ Lingwistiku Online minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lingwa jew tal-livell meħtieġ, jew minħabba ostakli partikolari li jiffaċċjaw il-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma japplikawx għal appoġġ imsaħħaħ ipprovdut lill-parteċipanti fil-mobbiltà ta’ apprendiment fit-tul tal-istudenti.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 150 għal kull parteċipant

Barra minn hekk: EUR 150 ta’ appoġġ lingwistiku msaħħaħ għal kull parteċipant f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-iskola

Kategorija tal-baġit- Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi tagħhom li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-kategorija standard “Vjaġġar” minħabba l-pożizzjoni ġeografika remota jew ostakli oħrajn.  Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar abbażi ta’ kostijiet unitarji.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali. L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.

Ammont

Kostijiet għal garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli

  • 1 Il-programmi ta’ attività fi grupp li jikkonsistu kompletament jew prinċipalment f’attivitajiet kummerċjalment disponibbli bħal korsijiet fi skola tal-lingwi jew f’attivitajiet kummerċjali oħrajn “lesti” ma humiex eliġibbli. Jekk rilevanti għall-programm ta’ apprendiment tal-attività, l-istudenti jistgħu jqattgħu parti iżgħar mill-perjodu ta’ mobbiltà fi vjaġġi konġunti lejn in-natura, postijiet kulturali, kumpaniji jew istituzzjonijiet pubbliċi, kompetizzjonijiet internazzjonali jew attivitajiet simili ta’ apprendiment. Madankollu, kontenut bħal dan dejjem irid ikun inkorporat fi programm ta’ apprendiment bejn il-pari mfassal miż-żewġ skejjel. ↩ back
  • 2 Fil-każijiet kollha, l-iskejjel li jibagħtu u dawk ospitanti jibqgħu responsabbli biex jiżguraw ir-rispett sħiħ tar-regoli u l-liġijiet applikabbli fil-pajjiżi li jibagħtu u dawk ospitanti. ↩ back
  • 3 Id-definizzjoni ta’ programmi edukattivi eliġibbli f’kull Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti. ↩ back
  • 4 Il-legalità u l-kundizzjonijiet għall-edukazzjoni barra mill-kuntest istituzzjonali huma rregolati bil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull pajjiż. F’pajjiżi fejn jeżistu possibbiltajiet bħal dawn, l-Awtorità Nazzjonali kompetenti tiddeċiedi liema skejjel jistgħu jaġixxu bħala li jibagħtu skejjel għall-istudenti li jkunu qed jieħdu edukazzjoni bl-istess mod. ↩ back
  • 5 Is-Sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strasburgu u The Hague. L-attivitajiet fis-sedi tal-UE se jitqiesu bħala mobbiltà tranżnazzjonali (kif deskritt fit-taqsima “X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?”) u jista’ jintalab finanzjament għall-parteċipanti kollha, irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. ↩ back
  • 6 Il-gradwati reċenti huma eliġibbli biex jipparteċipaw sa 12-il xahar wara li jkunu ggradwaw. F’każ li l-parteċipanti kienu qed iwettqu servizz ċivili jew militari obbligatorju wara li ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà se jiġi estiż bid-durata tas-servizz. ↩ back
  • 7 Id-definizzjoni ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli f’kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti flimkien ma’ eżempji rilevanti. ↩ back
  • 8 Inklużi l-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal f’età bikrija. Skejjel bi status speċjali u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiż ieħor (eż. Lycée français jew skejjel Ġermaniżi) jista’ jkollhom japplikaw mal-Aġenzija Nazzjonali (NA) tal-pajjiż ta’ superviżjoni. Għal informazzjoni preċiża f’kull każ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż ospitanti jew fil-pajjiż tal-awtorità nazzjonali rilevanti. ↩ back
  • 9 L-iskejjel bi status speċjali u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiż ieħor (eż. Lycée français jew skejjel Ġermaniżi) jistgħu jieħdu sehem f’konsorzji ta’ mobbiltà mmexxija minn organizzazzjonijiet akkreditati mill-Aġenzija Nazzjonali (NA) fil-pajjiż ta’ sorveljanza tal-iskola. Madankollu, ma jistgħux jieħdu sehem fl-istess ħin fi proġetti ġestiti minn Aġenziji Nazzjonali f’żewġ pajjiżi differenti. Konsorzju tal-mobbiltà li jinvolvi skejjel fl-istatus speċjali msemmi hawn fuq ma jistax jorganizza attivitajiet ta’ mobbiltà bejn l-organizzazzjonijiet differenti fil-konsorzju, u lanqas attivitajiet ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal fejn il-pajjiż tad-destinazzjoni huwa l-pajjiż tal-Aġenzija Nazzjonali (NA) li tissorvelja. ↩ back
  • 10 Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  • 11 http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  • 12 Fil-każ tal-akkumpanjaturi, japplikaw ir-rati għall-persunal. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-akkumpanjatur ikun jeħtieġ joqgħod barra l-pajjiż għal aktar minn 60 jum, il-kostijiet żejda ta’ sussistenza wara s-60 jum se jiġu appoġġati taħt l-intestatura tal-baġit “Appoġġ għall-inklużjoni”. ↩ back
  • 13 Gruppi ta’ pajjiżi li jilqgħu:

    Grupp ta’ pajjiżi 1: : l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja ;

    Grupp ta’ pajjiżi 2: iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Ċipru, Malta, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Latvja ;

    Grupp ta’ pajjiżi 3: il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, it-Turkija ↩ back

Tagged in:  Persunal tal-edukazzjoni skolastika