Opportunitajiet ta’ mobbiltà għal organizzazzjonijiet akkreditati tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ
L-organizzazzjonijiet akkreditati għandhom il-possibbiltà li japplikaw għall-finanzjament għall-attivitajiet ta’ mobbiltà taż-żgħażagħ b’mod simplifikat. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan ta’ Attività ta’ akkreditazzjoni approvat qabel, u għalhekk mhijiex meħtieġa lista u deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ippjanati. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffokaw fuq l-istima tan-numru ta’ attivitajiet li għandhom jiġu implimentati u n-numru ta’ parteċipanti involuti.
L-attivitajiet ta’ mobbiltà li għandhom jiġu implimentati taħt din l-Azzjoni1 jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi stabbiliti għal kull tip ta’ attività fit-taqsimiet rispettivi ta’ din il-Gwida.
L-organizzazzjonijiet akkreditati jimpenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ u li jipprovdu attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja fil-qasam taż-żgħażagħ.
L-organizzazzjonijiet akkreditati taż-żgħażagħ ma humiex eliġibbli għall-finanzjament fil-qafas tal-Iskambji taż-Żgħażagħ standard u l-proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Madankollu, dawn jistgħu jieħdu r-rwol ta’ sħab f’dawk il-proġetti.
Kriterji tal-eliġibbiltà
Il-kriterji tal-eliġibbiltà ta’ hawn taħt japplikaw għat-talbiet għal għotja.
Min jista’ japplika?
Kwalunkwe organizzazzjoni li jkollha akkreditazzjoni tal-Erasmus valida fil-qasam taż-żgħażagħ fid-data tal-bidu tal-proġett.
Attivitajiet eliġibbli
- Skambji taż-Żgħażagħ
- Attivitajiet ta’ żvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ
Barra minn hekk, jistgħu jiġu implimentati l-attivitajiet li ġejjin:
- Żjarat preparatorji
- Attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni (flimkien biss mal-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ)
Id-deskrizzjoni u l-kriterji tal-eliġibbiltà għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet huma ddefiniti fit-taqsimiet rilevanti ta’ din il-Gwida.
Durata tal-proġett
Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Wara 12-il xahar, il-benefiċjarji kollha se jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar.
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti
Meta napplika?
L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:
- 12 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew fl-1 ta’ Ġunju tal-istess sena.
Kif napplika?
Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.
Rekwiżiti minimi oħra
Organizzazzjoni akkreditata tista’ tapplika darba biss għal kull sejħa (sena) għal proġett akkreditat.
Allokazzjoni tal-baġit
L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:
- il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati
- l-attivitajiet mitluba
- l-għotja minima u massima
- il-kriterji ta’ allokazzjoni li ġejjin: il-prestazzjoni finanzjarja, il-prestazzjoni kwalitattiva, il-prijoritajiet tal-politika u l-oqsma tematiċi indirizzati mill-attivitajiet li għalihom saret applikazzjoni, u l-bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija Nazzjonali).
Ir-regoli dettaljati dwar l-għotja bażika u massima, il-punteġġ tal-kriterji tal-allokazzjoni, il-ponderazzjoni ta’ kull kriterju, il-metodu tal-allokazzjoni, u l-baġit disponibbli għall-proġetti akkreditati se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa.
- Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Madankollu, sa 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja l-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, li huma ġirien tal-UE (ir-reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida). ↩ back