Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Azzjoni Erasmus Mundus

L-azzjoni Erasmus Mundus tinkludi:

  • Lott 1: Master Konġunt tal-Erasmus Mundus (EMJM) u
  • Lott 2: Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus (EMDM).

Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni madwar id-dinja tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ programmi ta’ studju – fil-livell ta’ Master – li jitwasslu u jiġu rrikonoxxuti b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) stabbiliti fl-Ewropa, u miftuħa għal istituzzjonijiet f’pajjiżi oħrajn tad-dinja.

Il-Master Konġunt tal-Erasmus Mundus u l-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus jirrappreżentaw żewġ lottijiet indipendenti. Ma hemm l-ebda obbligu li jiġi implimentat EMDM qabel EMJM. L-għoti ta’ EMDM ma jimplikax finanzjament awtomatiku taħt EMJM u t-tlestija ta’ proġett EMDM ma hijiex kriterju tal-għoti għal EMJM.

Lott 1: Master Konġunt tal-Erasmus Mundus (EMJM)

L-EMJM jappoġġa programmi ta’ studju tranżnazzjonali integrati ta’ livell għoli fil-livell ta’ Master 1 imwassla minn konsorzju internazzjonali ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) minn pajjiżi differenti madwar id-dinja u, fejn rilevanti, minn sħab edukattivi u/jew mhux edukattivi oħra b’għarfien espert speċifiku u interess fl-oqsma ta’ studju/dominji professjonali kkonċernati.

L-EMJMs huma programmi ta’ eċċellenza u għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA). L-ispeċifiċità tal-EMJMs tinsab fil-grad għoli ta’ għaqda/integrazzjoni fost l-istituzzjonijiet parteċipanti u l-eċċellenza tal-kontenut akkademiku tagħhom.

Objettivi tal-EMJM

L-EMJM għandu l-għan li jsaħħaħ l-attraenza u l-eċċellenza tal-edukazzjoni għolja Ewropea fid-dinja u li jattira talent lejn l-Ewropa, permezz ta’ taħlita ta’:

  1. kooperazzjoni akkademika istituzzjonali sabiex tintwera l-eċċellenza Ewropea fl-edukazzjoni għolja, u
  2. mobbiltà individwali għall-istudenti kollha li jieħdu sehem fl-EMJM, b’boroż ta’ studju ffinanzjati mill-UE għall-aħjar studenti li japplikaw

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għall-Master Konġunt tal-Erasmus Mundus?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għal Master Konġunt tal-Erasmus Mundus iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

L-applikanti (koordinatur u sħab sħaħ) jeħtiġilhom ikunu entitajiet legali:

  • istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs);                                                                                           
  • stabbiliti fi Stat Membru tal-UE, f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz eliġibbli mhux assoċjat mal-Programm.       

Il-HEIs stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm irid ikollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE).

L-ECHE ma hijiex meħtieġa għall-HEIs parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, iżda dawn se jkollhom jikkonformaw mal-prinċipji tagħha.

 Assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet ta’ HEIs, organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati (inklużi l-entitajiet affiljati tagħhom) li jikkontribwixxu direttament u b’mod attiv għat-twassil tal-EMJM (Master Konġunt tal-Erasmus Mundus), stabbiliti fi Stat Membru tal-UE, f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz eliġibbli mhux assoċjat mal-Programm, jistgħu jipparteċipaw ukoll iżda mhux bħala koordinaturi.   

Barra minn hekk, il-programm ta’ studju tal-EMJM jista’ jibbenefika wkoll mill-involviment ta’ sħab assoċjati (fakultattiv).

Fl-istadju tal-applikazzjoni 2 , is-sħab sħaħ tal-HEIs iridu juru li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (QA) tal-ġuriżdizzjoni tagħhom għall-programm konġunt. Dan jista’ jirriżulta jew (i) milli jkunu implimentaw b’suċċess l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti (jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan), (ii) jew ikunu bbażati fuq akkreditazzjoni/evalwazzjoni speċifika tal-programm konġunt, (iii) jew ta’ kull komponent nazzjonali li abbażi tiegħu jkun kompost il-EMJM.

Eċċezzjoni: l-organizzazzjonijiet mill-Belarussja (ir-Reġjun 2) u mill-Federazzjoni Russa (ir-Reġjun 4) ma humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’din l-azzjoni.

Kompożizzjoni tal-konsorzju

Il-proposti jridu jiġu sottomessi minn konsorzju ta’ mill-inqas tliet HEIs applikanti (koordinatur u sħab sħaħ) minn tliet pajjiżi differenti, li minnhom mill-inqas żewġ Stati Membri differenti tal-UE u/jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.     

L-entitajiet affiljati ma jgħoddux għall-kriterji minimi tal-eliġibbiltà għall-kompożizzjoni tal-konsorzju. 

Post tal-attivitajiet

L-attivitajiet jistgħu jsiru fi kwalunkwe pajjiż eliġibbli.

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti għandhom idumu 74 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).

Il-Lawrji ta’ Master Konġunt tal-Erasmus Mundus (EMJMDs) u l-Master Konġunt (EMJMs) li kienu ffinanzjati qabel jistgħu japplikaw biss għal tiġdid mhux aktar kmieni mis-sena qabel ma jintemm il-kuntratt. Fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jibdew żewġ edizzjonijiet ta’ Master iffinanzjat minn żewġ ftehimiet ta’ għotja differenti fl-istess sena akkademika.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura.

ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2023-PEX-EMJM-MOB

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sas-16 ta’ Frar fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment ta’ proġett

Il-EMJMs huma mistennija jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

  1. Jinkludu  kurrikulu mfassal b’mod konġunt u integrat b’mod sħiħ li jaderixxi mal-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) 3  applikabbli fid-data tal-applikazzjoni tal-EMJM. Dawn l-istandards ikopru l-aspetti ewlenin kollha tal-programmi konġunti, f’termini ta’ tfassil konġunt, implimentazzjoni, twassil u assigurazzjoni tal-kwalità.

Lil hinn mill-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti, il-EMJMs jagħmlu enfasi fuq il-proċeduri ta’ implimentazzjoni konġunti/komuni li ġejjin:

  • Rekwiżiti konġunti ta’ ammissjoni tal-istudenti u l-applikazzjoni, l-għażla, il-politika tat-tariffa, il-monitoraġġ, ir-regoli/proċeduri tal-evalwazzjoni tal-eżami/tal-prestazzjoni;
  • It-tfassil ta’ programm konġunt u attivitajiet integrati ta’ tagħlim/taħriġ inkluża politika tal-lingwa miftiehma b’mod konġunt u proċess konġunt għar-rikonoxximent ta’ perjodi ta’ studju fi ħdan il-konsorzju;
  • Servizzi komuni offruti lill-istudenti (eż. korsijiet tal-lingwa, appoġġ għall-viża);
  • Attivitajiet konġunti ta’ promozzjoni u sensibilizzazzjoni biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-programm madwar id-dinja kif ukoll tal-iskema ta’ boroż ta’ studju Erasmus Mundus. L-istrateġija promozzjonali għandha tinkludi sit web speċifiku integrat u komprensiv (bl-Ingliż, kif ukoll bil-lingwa(i) tat-tagħlim ewlenija jekk differenti) li jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-programm għall-istudenti u għall-partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn bħal impjegaturi futuri;
  • Ġestjoni amministrattiva u finanzjarja konġunta mill-konsorzju;
  • Il-lawrji konġunti huma mħeġġa, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan.
  1. Jitwasslu minn konsorzju ta’ HEIs u, fejn rilevanti, sħab edukattivi u/jew mhux edukattivi oħra, stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm. Il-konsorzju jrid jinvolvi mill-inqas tliet HEIs minn tliet pajjiżi differenti, li mill-inqas tnejn minnhom iridu jkunu Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Is-sħab kollha tal-HEIs (mill-Istati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm) jeħtiġilhom ikunu istituzzjonijiet ta’ għoti ta’ lawrji fil-livell ta’ Master u jagħtu jew lawrja konġunta jew multipla li tagħti xhieda tat-tlestija b’suċċess tal-programm tal-EMJM lill-istudenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-lawrja.

L-impenn istituzzjonali neċessarju tal-organizzazzjonijiet kollha li jipparteċipaw fil-konsorzju tal-EMJM irid jiġi żgurat qabel ir-reġistrazzjoni tal-ewwel studenti tal-EMJM sabiex jiġu ggarantiti integrazzjoni u appoġġ istituzzjonali sodi. Dan l-impenn jieħu l-forma ta’ Ftehim ta’ Sħubija EMJM, li jrid jiġi ffirmat mill-istituzzjonijiet sħab kollha (inkluż sħab assoċjati jekk jitqiesu rilevanti). Il-HEIs parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm għandhom jimpenjaw ruħhom għall-prinċipji tal-ECHE f’dan il-Ftehim ta’ Sħubija. Dan il-Ftehim ta’ Sħubija tal-EMJM se jkollu jkopri l-aspetti akkademiċi, operazzjonali, amministrattivi u finanzjarji kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-EMJM u l-ġestjoni tal-boroż ta’ studju għall-EMJM (ara hawn taħt). L-abbozz ta’ Ftehim ta’ Sħubija irid jiġi pprovdut fl-istadju tal-applikazzjoni.

Il-programm ta’ studju tal-EMJM jista’ jibbenefika wkoll mill-involviment ta’ sħab assoċjati (fakultattiv). Dawn l-organizzazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod indirett għall-implimentazzjoni ta’ kompiti/attivitajiet speċifiċi u/jew jappoġġaw it-tixrid u s-sostenibbiltà tal-EMJM. Din il-kontribuzzjoni tista’ pereżempju tieħu l-forma ta’ trasferiment ta’ għarfien u ħiliet, il-provvista ta’ korsijiet komplementari jew l-għoti ta’ appoġġ għal possibbiltajiet għal sekondar jew kollokament. Għall-eliġibbiltà u l-aspetti tal-ġestjoni kuntrattwali, dawn ma jitqisux bħala benefiċjarji tal-finanzjament tal-Programm.

  1. Reġistrazzjoni ta’ studenti eċċellenti madwar id-dinja. L-għażla, ir-reklutaġġ u l-monitoraġġ tal-istudenti individwali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà unika tal-konsorzju tal-EMJM. L-għażla tal-istudenti trid tiġi organizzata b’mod trasparenti, imparzjali u ekwu. Fost dawn l-istudenti, numru minnhom jistgħu jibbenefikaw minn borża ta’ studju tal-EMJM.

EMJM jirreġistra studenti fil-livell ta’ Master li jkunu kisbu l-ewwel lawrja ta’ edukazzjoni għolja jew juru livell ekwivalenti rikonoxxut ta’ apprendiment skont il-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali fil-pajjiżi/fl-istituzzjonijiet li jagħtu l-lawrja. L-ewwel ġenerazzjoni ta’ studenti reġistrati ma għandhiex tibda tistudja aktar tard mis-sena akkademika ta’ wara s-sena tal-għażla tal-proġett.

Sabiex tiġi ggarantita trasparenza sħiħa, u biex jiġu ddefiniti d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-istudenti kollha rreġistrati, iż-żewġ partijiet (jiġifieri l-istudenti rreġistrati u l-konsorzju EMJM) jeħtiġilhom jiffirmaw Ftehim tal-Istudenti mar-reġistrazzjoni tal-istudenti fil-programm. Il-mudell tal-Ftehim tal-Istudenti jrid jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-EMJM.

  1. Jinkludi l-mobbiltà fiżika obbligatorja għall-istudenti rreġistrati kollha: Il-binarji ta’ mobbiltà u l-mekkaniżmu għar-rikonoxximent tal-perjodi ta’ studju fost l-istituzzjonijiet sħab iridu jkunu ġew miftiehma fi ħdan il-konsorzju fl-istadju ta’ applikazzjoni tal-proġett.

L-EMJM irid jinkludi l-mobbiltà fiżika obbligatorja għall-istudenti kollha rreġistrati (detenturi ta’ boroż ta’ studju tal-EMJM jew le) li tikkonsisti f’minimu ta’ żewġ perjodi ta’ studju f’żewġ pajjiżi, li minnhom mill-inqas wieħed irid ikun Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Dawn iż-żewġ pajjiżi jridu jkunu differenti mill-pajjiż ta’ residenza tal-istudent fl-istadju ta’ reġistrazzjoni. Kull wieħed miż-żewġ perjodi ta’ studju obbligatorji jrid jikkorrispondi għal ammont ta’ xogħol ta’ mill-inqas semestru akkademiku wieħed (30 kreditu tal-ECTS jew ekwivalenti) 4 .

Il-perjodi ta’ studju kollha tal-programm ta’ Master iridu jsiru fil-HEIs sħab sħaħ, jew taħt is-superviżjoni diretta tagħhom.

Il-perjodi obbligatorji ta’ mobbiltà ma jistgħux jinbidlu b’mobbiltà virtwali (l-apprendiment mill-bogħod).

    Il-promozzjoni tal-iskambju tal-persunal u tal-akkademiċi mistiedna sabiex jikkontribwixxu għal attivitajiet ta’ tagħlim, taħriġ, riċerka u attivitajiet amministrattivi.
    It-tlestija b’suċċess tal-programm EMJM konġunt trid twassal jew għall-għoti ta’ lawrja konġunta (jiġifieri diploma waħda mogħtija minn tal-inqas żewġ HEIs minn pajjiżi differenti, li tal-inqas waħda minnhom trid tkun Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm), jew ta’ lawrji multipli (jiġifieri tal-inqas żewġ diplomi mogħtija minn żewġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja minn pajjiżi differenti, li tal-inqas waħda minnhom trid tkun Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm), jew kombinazzjoni tat-tnejn.

Il-lawrja/i mogħtija lill-gradwati jridu jappartjenu għas-sistemi tal-lawrji ta’ edukazzjoni għolja tal-pajjiżi li fihom huma bbażati l-HEIs. Il-lawrja/i għandhom jiġu rrikonoxxuti b’mod reċiproku mill-HEIs sħab sħaħ kollha li jagħtu l-lawrji. Il-konsorzji għandhom jipprovdu lill-istudenti b’Suppliment konġunt għad-Diploma fi tmiem l-istudji tagħhom, li jkopri l-kontenut kollu tal-programm ta’ Master.

Fl-istadju tal-applikazzjoni, il-proposti tal-EMJM iridu jippreżentaw programmi ta’ studju konġunti żviluppati bis-sħiħ, li huma lesti biex jitħaddmu u jiġu rreklamati madwar id-dinja minnufih wara li jintgħażlu. Ma hemm ebda limitu f’termini ta’ dixxiplini.

Minbarra l-kontribuzzjoni finanzjarja biex jitħaddmu l-programmi ta’ Master konġunti (ara t-taqsima ta’ hawn taħt dwar ir-regoli ta’ finanzjament), kwalunkwe proġett iffinanzjat mill-EM li jintemm fil-perjodu 2021-2027 (inklużi dawk li bdew matul il-perjodu 2014-2020) jista’ jkompli jħaddem il-kors bħala Master tal-Erasmus Mundus sa tliet edizzjonijiet addizzjonali wara t-tmiem tal-azzjoni, diment li l-valutazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja mwettqa mill-EACEA fl-istadju tar-rapportar finali se tirriżulta f’punteġġ ta’ 75 jew aktar. Il-Masters ikkonċernati għandhom jimpenjaw ruħhom li (i) ikomplu jirrispettaw l-objettivi, il-kamp ta’ applikazzjoni, l-impatt mistenni tal-azzjoni, (ii) jinvolvu ruħhom biex jiżguraw il-kontinwità mal-programm ta’ Masters iffinanzjat qabel u (iii) jipprovdu rapport tal-attività fi tmiem il-perjodu kkonċernat.

Impatt mistenni

Fil-livell tas-sistema

  • Titrawwem il-kooperazzjoni akkademika fi ħdan l-EHEA u lil hinn billi jiġu appoġġati t-tagħlim u l-kwalifiki konġunti, it-titjib fil-kwalità, il-promozzjoni tal-eċċellenza akkademika;
  • Tissaħħaħ id-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja permezz tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet fl-Ewropa u barra minnha, u permezz tal-mobbiltà għall-aħjar studenti madwar id-dinja;
  • Jiżdiedu s-sinerġiji bejn l-edukazzjoni għolja, l-innovazzjoni u r-riċerka;
  • Jitneħħew l-ostakli għall-apprendiment, jittejjeb l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u mmexxija mill-innovazzjoni u b’hekk issir aktar faċli għall-istudenti biex jiċċaqilqu bejn il-pajjiżi;
  • Jingħata rispons għall-ħtiġijiet tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol;
  • Jingħata kontribut għall-iżvilupp ta’ politiki innovattivi dwar l-edukazzjoni.

Fil-livell istituzzjonali

  • L-HEIs Ewropej u mhux Ewropej jingħataw aktar opportunitajiet għal kooperazzjoni akkademika strutturata u sostenibbli madwar id-dinja;
  • Tittejjeb il-kwalità tal-programmi fil-livell ta’ Master u l-arranġamenti ta’ superviżjoni;
  • Jiżdiedu l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • Jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ networks ġodda u tissaħħaħ il-kwalità ta’ dawk eżistenti;
  • Tiżdied l-attraenza tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti lejn studenti b’talent;
  • Jingħata kontribut għall-politiki tal-internazzjonalizzazzjoni tal-HEIs billi tiġi żviluppata sensibilizzazzjoni internazzjonali permezz tal-kurrikuli tagħhom u t-tfassil ta’ strateġiji komprensivi ta’ internazzjonalizzazzjoni (kooperazzjoni istituzzjonali u mobbiltà transfruntiera tal-persuni).

Fil-livell individwali

  • Tittejjeb l-impjegabbiltà tal-istudenti parteċipanti,
  • Jittejbu l-kompetenzi u l-ħiliet ewlenin tal-istudenti;
  • Jinħolqu mentalitajiet u approċċi ġodda għall-istudji akkademiċi permezz ta’ esperjenza internazzjonali, interdixxiplinari, intersettorjali u interkulturali;
  • Jissaħħu il-kapaċitajiet ta’ networking u komunikazzjoni tal-istudenti;
  • Tiżdied il-kontribuzzjoni individwali għall-ekonomija u s-soċjetà bbażati fuq l-għarfien.

Kriterji għall-għoti

Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Sfond u objettivi ġenerali

  • L-għanijiet kumplessivi u l-objettivi speċifiċi tal-proġett u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-EMJM.

Analiżi tal-ħtiġijiet u objettivi speċifiċi

  • Ir-raġunament tal-proġett u l-analiżi tal-ħtiġijiet li fuqhom hija mibnija l-proposta;
  • Kwistjonijiet/sfidi/lakuni u objettivi speċifiċi li l-proġett għandu l-għan li jindirizza f’termini akkademiċi, u fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-soċjetà u tas-suq tax-xogħol.

Komplementarjetà ma’ azzjonijiet u innovazzjonijiet oħrajn

  • Strateġija sabiex jitrawmu l-eċċellenza u l-innovazzjoni;
  • Appoġġ għall-istrateġija ta’ modernizzazzjoni u internazzjonalizzazzjoni tal-HEIs sħab;
  • Il-karattru uniku u l-valur miżjud tal-proġett meta mqabbel mal-offerta eżistenti tal-programmi ta’ Master;
  • Strateġija biex jiżdiedu l-attraenza, l-integrazzjoni, l-internazzjonalizzazzjoni, u tingħata kontribuzzjoni għall-objettivi ta’ politika taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kunċett u metodoloġija 

  • L-għada/integrazzjoni tal-EMJM, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti deskritti fit-taqsima “Stabbiliment ta’ proġett”. B’mod partikolari, il-proposta tiddeskrivi: 
    • Il-programm akkademiku u kif l-eċċellenza u l-elementi innovattivi fl-esperjenza tal-apprendiment se jkunu żgurati fil-konsorzju kollu;
    • L-organizzazzjoni ta’ perjodi ta’ studju inklużi r-rekwiżiti minimi ta’ mobbiltà u r-rikonoxximent reċiproku tal-eżiti/krediti tal-apprendiment;
    • Il-prinċipji u r-rekwiżiti għall-applikazzjoni, l-għażla, il-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-kors, u l-allokazzjoni tal-boroż ta’ studju tal-istudenti;
    • Is-servizzi offruti lill-istudenti;
    • Il-kontribuzzjoni tal-persunal mobbli u tal-akkademiċi mistiedna għal attivitajiet ta’ tagħlim, taħriġ, riċerka u amministrattivi;
    • Miżuri ta’ appoġġ speċifiċi għall-iffaċilitar ta’ aċċess ugwali u inklużiv għall-parteċipanti, u r-reġistrazzjoni ta’ studenti/persunal/akkademiċi mistiedna bi ħtiġijiet individwali marbuta ma’ insuffiċjenzi fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fit-tul.

Strateġija għall-assigurazzjoni tal-kwalità, monitoraġġ u evalwazzjoni

  • Il-miżuri interni u esterni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-programm ta’ Master;
  • Sa liema punt il-kurrikulu imfassal b’mod konġunt u integrat bis-sħiħ jaderixxi mal-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja;
  • Il-lawrja/i konġunta/i li għandhom jitwasslu u r-rikonoxximent tagħha/tagħhom mill-HEIs li jkunu sħab sħaħ tal-għoti, kif ukoll is-suppliment tad-diploma konġunta.

Timijiet tal-proġetti, persunal u esperti

  •  Timijiet tal-proġetti u kif se jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw il-proġett.

Kosteffettività u ġestjoni finanzjarja 

  • Il-ġestjoni tal-finanzjament tal-UE, il-mobilizzazzjoni tal-finanzjament komplementari, u l-pjan tal-baġit.

Ġestjoni tar-riskju

  • L-identifikazzjoni tar-riskji fl-implimentazzjoni tal-proġett, u l-ippjanar ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni adegwati.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Stabbiliment tal-konsorzju

  • Ir-raġunament għall-kompożizzjoni tal-konsorzju u l-komplementarjetajiet tas-sħab; il-valur miżjud tagħhom għall-implimentazzjoni tal-EMJM u kif kull sieħeb jibbenefika mill-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett;
  • Il-karattru innovattiv tal-konsorzju u l-inklużjoni ta’ sħab b’livelli differenti ta’ esperjenza bl-azzjoni Erasmus Mundus. Jekk applikabbli:
    • kif ġie msaħħaħ il-konsorzju Erasmus Mundus eżistenti
    • kif hija organizzata l-kooperazzjoni mal-atturi mhux edukattivi u għal liema skop
  • Id-definizzjoni tar-rwoli u l-kompiti ta’ kull sieħeb, u l-livell ta’ involviment fl-attivitajiet tal-proġett.

Ġestjoni tal-konsorzju u teħid tad-deċiżjonijiet

  • Arranġamenti ta’ kooperazzjoni, korpi ta’ tmexxija u għodod ta’ ġestjoni b’mod partikolari li jikkonċernaw il-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja;
  • Impenn istituzzjonali tal-istituzzjonijiet sħab għall-implimentazzjoni tal-EMJM;
  • L-adegwatezza tal-abbozz tal-Ftehim ta’ Sħubija għal ġestjoni effettiva tal-EMJM.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Impatt u ambizzjoni 

  • L-impatt fil-livell tas-sistema (fid-dinja akkademika u barra minnha, inklużi l-pubbliku ġenerali u s-soċjetà), fil-livell istituzzjonali (organizzazzjonijiet sħab), u fil-livell individwali (b’enfasi partikolari fuq l-impjegabbiltà);
  • Projezzjonijiet f’termini tan-numru ta’ studenti rreġistrati fil-perjodu ta’ żmien tal-proġett. Miżuri li jiżguraw bilanċ bejn il-pajjiżi fir-reklutaġġ tal-istudenti.

Komunikazzjoni, tixrid u viżibbiltà

  • Strateġija ta’ promozzjoni biex tattira studenti eċċellenti minn madwar id-dinja: gruppi fil-mira, il-kompiti tas-sħab, u kif l-istudenti se jkunu mħeġġa jikkontribwixxu għall-identità/komunità tal-Erasmus+;
  • L-istrateġija għat-tixrid, l-isfruttament u l-viżibbiltà.

Sostenibbiltà u kontinwazzjoni

  • L-istrateġija ta’ żvilupp u ta’ sostenibbiltà ta’ nofs it-terminu/fit-tul lil hinn mill-perjodu ta’ finanzjament tal-UE, inkluża l-mobilizzazzjoni ta’ sorsi oħrajn ta’ finanzjament;
  • Sinerġiji/komplementari ma’ attivitajiet oħrajn (iffinanzjati mill-UE u mhux mill-UE) li jistgħu jibnu fuq ir-riżultati tal-proġett

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 70 punt.Barra minn hekk, iridu jiksbu tal-inqas 22 punt għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza tal-proġett”. F’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad, għall-“impatt”.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

L-għotja tal-EMJM tiġi kkalkulata abbażi tat-tliet komponenti li ġejjin:

  • il-kontribuzzjoni għall-kostijiet istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-programm;
  • in-numru massimu ta’ boroż ta’ studju għall-istudenti li għandhom jingħataw matul id-durata kollha tal-ftehim.
  • iż-żieda maħsuba sabiex tkopri l-ħtiġijiet individwali tal-istudenti b’diżabilità

Din il-kontribuzzjoni hija maħsuba sabiex tiffinanzja mill-inqas erba’ edizzjonijiet tal-programm tal-Master, li kull waħda minnhom ddum bejn sena u sentejn akkademiċi (60, 90 jew 120 kreditu ECTS).

Kontribuzzjoni għall-kostijiet istituzzjonali tal-EMJM

Din tieħu l-forma ta’ kost unitarju għal kull student irreġistrat u hija maħsuba biex tkopri parti mill-kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-programm EMJM.

Il-kostijiet unitarji jinkludu l-kostijiet tal-persunal (tagħlim, vjaġġar), il-lekċerers mistiedna, il-promozzjoni, it-tixrid, il-kostijiet organizzazzjonali (inkluża l-kopertura sħiħa tal-assigurazzjoni għall-istudenti rreġistrati, l-appoġġ finanzjarju għall-istudenti rreġistrati bi bżonnijiet individwali fil-każ li ma jkunux koperti mill-mekkaniżmu supplimentari (ara hawn taħt), l-assistenza bl-akkomodazzjoni, u servizzi oħrajn tal-istudenti), il-kostijiet amministrattivi, u l-kostijiet l-oħrajn kollha meħtieġa sabiex jiġi implimentat programm ta’ Master ta’ suċċess.

Proġetti magħżula ma jistgħux jitolbu tariffi għall-applikazzjoni tal-istudenti. Barra minn hekk, il-proġetti ma jistgħux jitolbu tariffi għat-tagħlim jew kostijiet obbligatorji oħrajn relatati mal-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-kors għad-detenturi ta’ boroż ta’ studju tal-Erasmus Mundus.

Il-kontribuzzjoni massima għall-kostijiet istituzzjonali hija: EUR 750/xahar x DR x NRES

Fejn:

  • DR = durata massima f’xhur tal-programm ta’ Master (eż. 12-il xahar, 18-il xahar, 24 xhur)
  • NRES = in-numru ta’ studenti rreġistrati (detenturi ta’ borża ta’ studju u dawk li ma humiex) previst għad-durata kollha tal-ftehim ta’ għotja.

Kun af li għall-kalkolu tal-għotja, in-NRES se jkun limitat għal 100 (esklużi boroż ta’ studju addizzjonali għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli).

Boroż ta’ studju għall-istudenti

Il-borża ta’ studju se tkun kontribuzzjoni għall-kostijiet imġarrba mill-istudenti benefiċjarji u għandha tkopri l-kostijiet tal-ivvjaġġar, tal-viża, tal-installazzjoni u tas-sussistenza. Din tiġi kkalkulata abbażi ta’ kost unitarju ta’ kull xahar għall-perjodu kollu meħtieġ mid-detentur ta’ borża ta’ studju rreġistrat sabiex ilesti l-programm ta’ studju (prorata tan-numru ta’ jiem reali). Dan il-perjodu jkopri l-istudju, ir-riċerka, l-attivitajiet ta’ kollokament, it-tħejjija u d-difiża tat-teżi, f’konformità mar-rekwiżit tal-Master konġunt. Matul dan il-perjodu, il-borża ta’ studju tista’ tingħata biss b’mod sħiħ, u lil studenti full-time.

Il-borża ta’ studju tingħata għal reġistrazzjoni full-time, u se tkopri d-durata kollha tal-programm ta’ Master (jiġifieri 12-il xahar, 18-il xahar, 24 xahar). Durata mnaqqsa tal-borża ta’ studju hija applikabbli f’każ ta’ rikonoxximent ta’ apprendiment preċedenti (b’durata minima ta’ borża ta’ studju ta’ sena akkademika waħda).

L-istudenti li qabel ikunu kisbu borża ta’ studju tal-EMJM ma humiex eliġibbli biex japplikaw għal borża ta’ studju addizzjonali taħt il-EMJM.

Il-boroż ta’ studju tal-EMJM jistgħu jiġu offruti lil studenti minn madwar id-dinja kollha. Madankollu, il-konsorzji għandhom jiżguraw bilanċ ġeografiku – jiġifieri mhux aktar minn 10 % tan-numru totali ta’ boroż ta’ studju mogħtija matul l-implimentazzjoni tal-proġett għandhom jingħataw lil kandidati mill-istess nazzjonalità (din ir-regola ma tapplikax għall-boroż ta’ studju addizzjonali għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli).

Kalkolu tal-borża ta’ studju massima għal kull student:

Il-borża ta’ studju hija kkalkulata bħala: EUR 1,400/xahar x DS

Fejn DS = durata tal-programm ta’ Master.

Kalkolu tal-ammont massimu ta’ borża ta’ studju tal-EMJM għad-durata tal-ftehim ta’ għotja:

L-ammont massimu tal-borża ta’ studju huwa kkalkulat bħala: EUR 1,400/xahar x DR x NRS

Fejn:

  • DR = durata massima f’xhur tal-programm ta’ Master (eż. 12-il xahar, 18-il xahar, 24 xhur)
  • NRS = numru ta’ boroż ta’ studju previsti għad-durata kollha tal-ftehim ta’ għotja (massimu ta’ 60, esklużi boroż ta’ studju addizzjonali għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli)

Kontribuzzjoni għall-ħtiġijiet individwali tal-istudenti b’diżabilità

Il-kontribuzzjoni għall-ħtiġijiet individwali hija eliġibbli jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja. Dawn se jintużaw għal studenti rreġistrati (dawk li għandhom borża ta’ studju jew dawk mingħajrha) b’diżabilità (eż. insuffiċjenzi fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorji fit-tul), bħal dawk relatati mal-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi speċjali (eż. assistenza minn persuni terzi, adattament tal-ambjent tax-xogħol, kostijiet addizzjonali tal-ivvjaġġar/tat-trasport).

L-appoġġ sabiex jiġu koperti tali ħtiġijiet individwali ta’ studenti rreġistrati, se jieħu l-forma tal-kostijiet unitarji ta’ ħtiġijiet speċjali li ġejjin:

(a) EUR 3,000

(b) EUR 4,500

(c) EUR 6,000

(d) EUR 9,500

(e) EUR 13,000

(f) EUR 18,500

(g) EUR 27,500

(h) EUR 35,500

(i) EUR 47,500

(j) EUR 60,000

Kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-kost unitarju għal kull student:

L-istudenti rreġistrati se jiddikjaraw liema tip ta’ oġġetti/servizzi huma meħtieġa u l-kost tagħhom. Il-kost unitarju applikabbli se jiġi identifikat bħala r-rata li tikkorrispondi għal ispejjeż stmati jew li hija immedjatament inqas. Dan il-kost unitarju huwa kontribuzzjoni, u ma huwiex maħsub sabiex ikopri bis-sħiħ il-kostijiet reali.

NB: kostijiet taħt l-inqas rata (jiġifieri inqas minn EUR 3,000) ma humiex se jkunu eliġibbli għal appoġġ addizzjonali u se jkollhom jiġu koperti mill-kontribuzzjoni għall-kostijiet istituzzjonali tal-EMJM jew minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-istituzzjonijiet benefiċjarji.

Kalkolu tal-kontribuzzjoni massima allokata lill-EMJM għad-durata tal-ftehim ta’ għotja:

Fl-istadju tal-applikazzjoni, abbażi tal-istima tagħhom, l-applikanti se jitolbu massimu ta’ żewġ kostijiet unitarji, li jikkorrispondu għall-ogħla kostijiet unitarji disponibbli, jiġifieri massimu ta’ 2 x EUR 60,000. Dan l-ammont se jintuża biex jiġu allokati l-kostijiet unitarji lill-istudenti kkonċernati.

Fl-istadju tal-implimentazzjoni, il-kostijiet unitarji se jieħdu l-forma ta’ kontribuzzjoni unitarja ta’ kull xahar, ikkalkulata kif ġej:

{unità ta’ bżonnijiet speċjali x (1/numru ta’ xhur)}

In-numru ta’ xhur fil-formula ta’ hawn fuq għandu jikkorrispondi għan-numru ta’ xhur li fihom intużaw jew ġew prodotti oġġetti jew servizzi ta’ bżonnijiet speċjali għall-implimentazzjoni tal-azzjoni, skont in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi. Għal kostijiet ta’ darba, in-numru ta’ xhur għandu jikkorrispondi għal 1.

Fondi addizzjonali għal studenti minn reġjuni tad-dinja fil-mira

L-applikanti jistgħu japplikaw għal fondi addizzjonali għal studenti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-reġjuni li ġejjin:Ir-Reġjuni 1, 3, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 iffinanzjati mill-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE.

L-EMJMs proposti għall-finanzjament jistgħu jirċievu sa 31 borża ta’ studju addizzjonali (inklużi l-kostijiet istituzzjonali korrispondenti) iffinanzjati mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI), u sa 4 boroż ta’ studju addizzjonali (inklużi l-kostijiet istituzzjonali korrispondenti) iffinanzjati mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) għad-durata kollha tal-kors ta’ Master. Dawn il-boroż ta’ studju addizzjonali huma offruti biex jirrispondu għall-prijoritajiet stabbiliti tal-azzjoni esterna tal-UE fir-rigward tal-edukazzjoni għolja u jqisu l-livelli differenti ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi terzi rilevanti mhux assoċjati mal-Programm. Dawn il-boroż ta’ studju se jiġu allokati lill-EMJMs magħżula għal finanzjament skont il-klassifikazzjoni tagħhom f’ordni dekrexxenti, u billi jitqies il-baġit disponibbli.

Aktar informazzjoni dwar l-ammonti disponibbli taħt kull pakkett baġitarju se tiġi ppubblikata fuq il-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP). Il-fondi se jkollhom jintużaw b’mod ġeografikament ibbilanċjat u l-istituzzjonijiet huma mħeġġa jirreklutaw studenti fl-ifqar pajjiżi terzi u f’dawk l-inqas żviluppati li ma humiex assoċjati mal-Programm.

Il-miri ġeografiċi u s-sehem tal-baġit indikattiv stabbiliti għal din l-azzjoni huma dawn li ġejjin:

  • Reġjun 1 (Il-Balkani tal-Punent): Se tingħata attenzjoni partikolari lill-boroż ta’ studju fl-oqsma tat-tibdil fil-klima, l-ambjent u l-enerġija, it-teknoloġiji diġitali, l-inġinerija, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi
  • Reġjun 3 (Viċinat tan-Nofsinhar): 8 % tal-baġit disponibbli min-NDICI.
  • Reġjun 5 (l-Asja): 23 % tal-baġit disponibbli min-NDICI. Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati.
  • Reġjun 6 (l-Asja Ċentrali): 9 % tal-baġit disponibbli min-NDICI. Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati.
  • Reġjun 7 (il-Lvant Nofsani): 3 % tal-baġit disponibbli min-NDICI. Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati.
  • Reġjun 8 (il-Paċifiku): 1 % tal-baġit disponibbli min-NDICI. Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati.
  • Reġjun 9 (l-Afrika sub-Saħarjana): 31 % tal-baġit disponibbli min-NDICI. Se tingħata prijorità lill-pajjiżi l-inqas żviluppati. Għandha ssir enfasi speċjali wkoll fuq il-pajjiżi prijoritarji tal-migrazzjoni. L-ebda pajjiż ma jista’ jkollu aċċess għal aktar minn 8 % tal-finanzjament previst għar-Reġjun.
  • Reġjun 10 (l-Amerka Latina): 24 % tal-baġit disponibbli min-NDICI.Massimu ta’ 30 % għall-Brażil u l-Messiku flimkien.
  • Reġjun 11 (il-Karibew): 1 % tal-baġit disponibbli min-NDICI.

Il-baġits u l-prijoritajiet fil-mira reġjonali japplikaw b’mod indikattiv fil-livell tal-proġett u se jiġu mmonitorjati fl-istadju tal-implimentazzjoni.

Kalkolu tal-għotja finali

L-għotja finali se tiġi kkalkulata fl-istadju finali tar-rapportar abbażi tan-numru ta’ boroż ta’ studju mogħtija, in-numru ta’ studenti rreġistrati u n-numru reali ta’ kostijiet unitarji allokati għall-ħtiġijiet individwali, sakemm l-ammont totali ma jaqbiżx l-għotja massima mogħtija. Il-proġetti se jkollhom il-flessibbiltà li jittrasferixxu fondi bejn boroż ta’ studju (minbarra boroż ta’ studju supplimentari għal reġjuni tad-dinja fil-mira, jekk applikabbli) u ħtiġijiet individwali skont il-ħtiġijiet reali u f’konformità mal-ftehim ta’ għotja.Trasferimenti bejn l-intestaturi tal-baġit u bejn l-istrumenti ta’ finanzjament ma humiex permessi.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Lott 2: Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus

Il-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus għandhom isaħħu l-kapaċitajiet tal-universitajiet biex jimmodernizzaw u jinternazzjonalizzaw il-kurrikuli u l-prattiki tat-tagħlim tagħhom, jgħaqqdu r-riżorsi tagħhom, u għas-sistemi tal-edukazzjoni għolja biex jiżviluppaw mekkaniżmi komuni relatati mal-assigurazzjoni tal-kwalità, l-akkreditazzjoni u r-rikonoxximent tal-lawrji u l-krediti. Dan l-appoġġ huwa maħsub ukoll sabiex jesplora u jisfrutta l-opportunitajiet offruti mill-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Programmi Konġunti. Abbażi tal-grad għoli ta’ għaqda/integrazzjoni fost l-istituzzjonijiet parteċipanti, programmi tranżnazzjonali integrati bħal dawn għandhom jikkontribwixxu għall-integrazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA).

Objettiv tal-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus

L-objettiv ewlieni tal-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus huwa li jitħeġġeġ l-iżvilupp ta’ programmi ta’ studju fil-livell ta’ Master ġodda, innovattivi, ta’ livell għoli, integrati u tranżnazzjonali. Dawn il-miżuri ta’ tfassil għandhom jinvolvu (a) l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u/jew (b) l-istituzzjonijiet minn dawn il-pajjiżi, u/jew (c) oqsma tematiċi sottorappreżentati tal-Erasmus Mundus  (ara l-Katalgu tal-Erasmus Mundus) 5 .

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għall-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus?

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja, il-proposti ta’ proġetti għal Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:

Min jista’ japplika?

L-applikanti jeħtiġilhom ikunu entitajiet legali:

  • istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs);                                 
  • stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz eliġibbli mhux assoċjat mal-Programm.               

Eċċezzjoni: l-organizzazzjonijiet mill-Belarussja (ir-Reġjun 2) u mill-Federazzjoni Russa (ir-Reġjun 4) ma humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’din l-azzjoni.

Il-HEIs stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm irid ikollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE).

L-ECHE ma hijiex meħtieġa għall-HEIs parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, iżda dawn se jkollhom jikkonformaw mal-prinċipji tagħha.

Post tal-attivitajiet

L-attivitajiet jistgħu jsiru fi kwalunkwe pajjiż eliġibbli.   

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti għandhom idumu 15-il xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura.

ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2023-EMJM-DESIGN

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sas-16 ta’ Frar fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment ta’ proġett

L-EMDM jappoġġaw it-tfassil ta’ programmi ta’ studju ta’ livell għoli fil-livell ta’ Master 6 , li jitwassal b’mod konġunt minn konsorzju internazzjonali ta’ HEIs minn pajjiżi differenti madwar id-dinja u, fejn rilevanti, sħab oħra edukattivi u/jew mhux edukattivi b’għarfien espert speċifiku u interess fl-oqsma ta’ studju/oqsma professjonali kkonċernati.

L-EMDM huma proġetti monobenefiċjarji. Il-benefiċjarju se jibda l-attivitajiet ta’ kuntatt u kollaborazzjoni bil-ħsieb li jistabbilixxi programm ta’ Master f’konformità mad-definizzjoni ta’ “programm ta’ Master integrat” (ara t-taqsima EMJM “Stabbiliment ta’ proġett”). Fl-istadju tal-applikazzjoni, il-benefiċjarju għandu jidentifika l-organizzazzjonijiet parteċipanti. Madankollu, dawn mhux se jieħdu sehem fil-proċess firmatarju tal-ftehim ta’ għotja. L-attivitajiet ippjanati se jiġu deskritti taħt il-Parti B tal-formola tal-applikazzjoni u f’pakkett ta’ ħidma uniku.

Sal-aħħar tal-perjodu ta’ finanzjament, il-Master imfassal b’mod konġunt għandu:

  • Joffri kurrikulu kompletament integrat imwassal minn konsorzju ta’ HEIs (magħmul minn tal-inqas tliet HEIs minn tliet pajjiżi differenti, li mill-inqas tnejn minnhom iridu jkunu Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm);
  • Jimmira li jirrekluta studenti eċċellenti madwar id-dinja;
  • Jinkludi l-mobbiltà fiżika obbligatorja għall-istudenti kollha reklutati;
  • Iwassal jew għal lawrja konġunta (jiġifieri diploma waħda unika mogħtija f’isem tal-inqas żewġ HEIs minn pajjiżi differenti, li tal-inqas wieħed minnhom irid ikun Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm), jew lawrji multipli (jiġifieri mill-inqas żewġ diplomi maħruġa minn żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja minn pajjiżi differenti, li mill-inqas wieħed minnhom irid ikun Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm), jew kombinazzjoni tat-tnejn.

Il-proġett huwa mistenni wkoll li jkun fassal il-mekkaniżmi konġunti li ġejjin:

  • Rekwiżiti konġunti ta’ ammissjoni għall-istudenti u regoli/proċeduri ta’ applikazzjoni, għażla, monitoraġġ, eżami/evalwazzjoni tal-prestazzjoni;
  • Tfassil ta’ programm konġunt u attivitajiet integrati ta’ tagħlim/taħriġ;
  • Servizzi komuni offruti lill-istudenti (eż. korsijiet tal-lingwa, appoġġ għall-viża);
  • Strateġija konġunta ta’ promozzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni;
  • Ġestjoni amministrattiva u finanzjarja konġunta mill-konsorzju;
  • Politika dwar lawrja konġunta;
  • Abbozz ta’ ftehim ta’ sħubija konġunta li jinvolvi mill-inqas tliet HEIs minn tliet pajjiżi differenti, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Dan il-ftehim huwa maħsub sabiex ikopri l-aspetti akkademiċi, operazzjonali, amministrattivi u finanzjarji kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ Master.
  • Abbozz ta’ Ftehim konġunt tal-Istudenti.

Il-programm ta’ Master li qiegħed jiġi żviluppat huwa mistenni jaderixxi mal-Istandards għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA) 7 .

Huwa mħeġġeġ li mill-inqas iniedu kwalunkwe proċess ta’ akkreditazzjoni/evalwazzjoni qabel it-tmiem tal-proġett, u jesploraw l-opportunitajiet offruti mill-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta’ Programmi Konġunti (jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan).

Impatt mistenni

  • L-HEIs Ewropej u mhux Ewropej jingħataw opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ sħubijiet ġodda;
  • Tittejjeb il-kwalità u titrawwem l-innovazzjoni fil-programmi fil-livell ta’ Master u fl-arranġamenti ta’ superviżjoni;
  • Jiżdiedu l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • Tiżdied l-attraenza tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti lejn studenti b’talent;
  • Jingħata kontribut għall-politiki tal-internazzjonalizzazzjoni tal-universitajiet billi tiġi żviluppata sensibilizzazzjoni internazzjonali permezz tal-kurrikuli tagħhom u t-tfassil ta’ strateġiji komprensivi ta’ internazzjonalizzazzjoni (kooperazzjoni istituzzjonali u mobbiltà transfruntiera tal-persuni).

Kriterji għall-għoti

Rilevanza (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Sfond u objettivi ġenerali

  • L-għanijiet kumplessivi u l-objettivi ġenerali tal-proġett u r-rilevanza tagħhom fir-rigward tal-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus.

Analiżi tal-ħtiġijiet u objettivi speċifiċi

  • Ir-raġunament għat-tfassil ta’ programm ta’ Master integrat ħafna.
  • Il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp ta’ sħubijiet ġodda u l-potenzjal li jiġu involuti (a) l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u/jew (b) l-istituzzjonijiet minn dawn il-pajjiżi, u/jew (c) l-oqsma tematiċi tal-Erasmus Mundus sottorappreżentati.

Komplementarjetà ma’ azzjonijiet u innovazzjonijiet oħrajn

  • L-ambizzjoni tal-proġett meta mqabbla mal-offerta ta’ programmi ta’ Master eżistenti u l-kontribuzzjoni għall-attraenza tal-EHEA.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Kunċett u metodoloġija 

  • L-adegwatezza u l-fattibbiltà tal-attivitajiet ippjanati biex jinkisbu l-objettivi u l-eżiti mistennija.

Ġestjoni tal-proġetti, assigurazzjoni tal-kwalità u strateġija ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni

  • Il-miżuri previsti biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja u titlesta fil-ħin.
  • Il-passi ppjanati għat-tnedija ta’ proċess ta’ akkreditazzjoni/evalwazzjoni għall-kors ta’ Master propost, jekk possibbli billi jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet offruti mill-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità tal-Programmi Konġunti.

Timijiet tal-proġetti, persunal u esperti  

  • Ir-riżorsi operazzjonali previsti (inklużi l-organizzazzjonijiet parteċipanti) b’rabta mal-attivitajiet u l-eżiti ppjanati.
  • Definizzjoni tar-rwoli u d-distribuzzjoni tal-kompiti fit-tim tal-proġett.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Stabbiliment tal-konsorzju       

  • Ir-rwol mistenni tal-organizzazzjonijiet parteċipanti. Il-kontribuzzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni tal-proġett, u t-tfassil tal-programm ta’ Master.
  • Ir-raġunament għall-parteċipazzjoni, il-valur miżjud u l-komplementarjetà tagħhom.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Impatt u ambizzjoni 

  • L-impatt mistenni u l-ambizzjoni tal-proġett tal-EMDM il-ġdid.

Komunikazzjoni, tixrid u viżibbiltà

  • Attivitajiet previsti għall-promozzjoni u t-tixrid tal-programm tal-Master il-ġdid u l-eżiti tal-proġett.

Sostenibbiltà u kontinwazzjoni

  • Passi previsti sabiex jitnieda/jiġi implimentat b’suċċess il-programm ta’ Master il-ġdid (inkluża l-approvazzjoni istituzzjonali) u miżuri previsti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tiegħu (inkluża l-identifikazzjoni ta’ sorsi possibbli ta’ finanzjament).

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 60 punt. F’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“Rilevanza tal-proġett” u mbagħad, għall-“impatt”.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

L-appoġġ jieħu l-forma ta’ kontribuzzjoni finanzjarja ta’ somma f’daqqa għall-kostijiet marbuta direttament mal-attivitajiet meħtieġa biex jiġi stabbilit il-programm ta’ Master il-ġdid, bħal laqgħat u konferenzi, studji/stħarriġ, proċess ta’ akkreditazzjoni/evalwazzjoni, eċċ. Il-kontribuzzjoni tista’ tintuża wkoll biex tkopri l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, il-kostijiet amministrattivi u l-attivitajiet subkuntrattati, diment li jkunu rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Miżuri tat-Tfassil tal-Erasmus Mundus.

Is-somma f’daqqa se tammonta għal EUR 55,000 għal kull proġett

Il-parametri tal-għotja se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.

Għall-pagament finali tal-għotja, il-benefiċjarji se jkollhom jipprovdu evidenza li l-attivitajiet previsti fl-applikazzjoni tagħhom twettqu b’mod sħiħ u sodisfaċenti.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Tagged in:  Erasmus Mundus