Mobbiltà għall-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
Din l-azzjoni tappoġġa l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) u organizzazzjonijiet oħrajn attivi fil-qasam tal-VET li jixtiequ jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-istudenti u l-persunal tal-VET.
Firxa wiesgħa ta’ attivitajiet huma appoġġati, inkluż job shadowing u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-persunal, traineeships u kollokamenti fuq perjodu ta’ żmien twil (ErasmusPro), esperti mistiedna, u attivitajiet oħrajn kif spjegat hawn taħt.
L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jippromwovu b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà ambjentali, l-edukazzjoni diġitali, kif ukoll l-involviment u l-parteċipazzjoni ċivika permezz tal-attivitajiet tagħhom: billi jużaw l-opportunitajiet ta’ finanzjament speċifiċi pprovduti mill-Programm għal dawn l-iskopijiet, billi jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti tagħhom, billi jikkondividu l-aħjar prattiki, u billi jagħżlu disinn xieraq għall-attivitajiet tagħhom.
Objettivi tal-azzjoni
L-objettiv tal-attivitajiet ta’ mobbiltà ffinanzjati mill-Erasmus+ huwa li jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment lill-individwi u li jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp istituzzjonali tal-fornituri tal-VET u tal-organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-azzjoni se tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u d-Dikjarazzjoni ta’ Osnabrück1 , u l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa2 . Se tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. B’mod speċifiku, l-objettivi ta’ din l-azzjoni huma:
Titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwi (IVET u CVET) fl-Ewropa billi:
- jissaħħu l-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet trażversali, b’mod partikolari l-apprendiment tal-lingwi u l-ħiliet diġitali
- jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ ħiliet speċifiċi għall-impjiegi meħtieġa fis-suq tax-xogħol attwali u futur
- jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jiġi promoss l-użu ta’ metodi u teknoloġiji pedagoġiċi ġodda u innovattivi, u jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tal-ħarrieġa, tal-mentors u ta’ persunal ieħor fil-VET
- tinbena l-kapaċità tal-fornituri tal-VET biex iwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja, u l-kapaċità tagħhom li jifformaw sħubijiet ta’ kwalità filwaqt li jiżviluppaw l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom
- il-mobbiltà ssir possibbiltà realistika għal kwalunkwe student fl-IVET u s-CVET, u tiżdied id-durata medja tal-mobbiltà għall-istudenti tal-VET biex tittejjeb il-kwalità u jiżdied l-impatt tagħha
- jitrawmu l-kwalità, it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment tal-perjodi ta’ mobbiltà barra l-pajjiż, speċjalment bl-użu ta’ għodod u strumenti Ewropej.
Tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u tal-apprendiment billi:
- jiġu promossi l-valuri tal-inklużjoni u d-diversità, it-tolleranza u l-parteċipazzjoni demokratika;
- jiġi promoss l-għarfien dwar il-wirt u d-diversità komuni Ewropej;
- jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ networks professjonali madwar l-Ewropa.
Kif taċċessa l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-Erasmus+?
Il-fornituri tal-VET u organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jistgħu japplikaw għall-finanzjament b’żewġ modi:
- Proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal – dawn il-proġetti jipprovdu lill-applikanti b’opportunità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà varji fuq perjodu ta’ bejn 6 xhur u 18-il xahar. Il-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir huma l-aħjar għażla għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għall-Erasmus+ għall-ewwel darba, jew għal dawk li jixtiequ jorganizzaw biss numru limitat ta’ attivitajiet; jew
- Proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal – dawn il-proġetti huma miftuħin biss għall-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Din il-fergħa ta’ finanzjament speċjali tippermetti lill-organizzazzjonijiet akkreditati biex jirċievu regolarment finanzjament għal attivitajiet ta’ mobbiltà li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni gradwali tal-Pjan Erasmus tagħhom. L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fuq bażi regolari. Mhix meħtieġa esperjenza preċedenti fil-Programm biex wieħed japplika għal akkreditazzjoni. Biex issir taf aktar dwar din l-opportunità, jekk jogħġbok aqra l-kapitolu ta’ din il-gwida dwar l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika.
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet jistgħu jissieħbu fil-Programm mingħajr ma jissottomettu applikazzjoni billi:
- Jissieħbu f’konsorzju eżistenti tal-mobbiltà tal-Erasmus+ immexxi minn koordinatur akkreditat tal-konsorzju f’pajjiżhom li jkun qiegħed jaċċetta membri ġodda fil-konsorzju tiegħu; jew
- L-ospitar ta’ parteċipanti minn pajjiż ieħor: kwalunkwe organizzazzjoni tista’ tospita studenti jew persunal li jkunu ġejjin minn organizzazzjoni sieħba barra l-pajjiż. Li ssir organizzazzjoni ospitanti hija esperjenza siewja u mod tajjeb biex issir taf aktar dwar il-Programm qabel ma tapplika inti stess.
Il-fornituri tal-VET huma mħeġġa jissieħbu fi pjattaformi online Ewropej bħall-EPALE u l-eTwinning. L-EPALE tipprovdi l-opportunità li wieħed jingħaqad ma’ kollegi minn madwar l-Ewropa u li jitgħallem minnhom, permezz ta’ posts fuq il-blogg, il-fora, l-għodda għat-Tiftix ta’ Sieħeb tagħha; din tippermetti li jinħolqu Komunitajiet ta’ prattiki, li wieħed isib materjal ta’ apprendiment u jattendi għall-avvenimenti. Din tinkludi wkoll il-Komunità tal-prattikanti Ewropej tal-VET (https://epale.ec.europa.eu/mt/practitioners-in-vet), spazju għall-għalliema tal-VET, ħarrieġa, tuturi fil-kumpaniji sabiex jikkollaboraw u jiġu informati dwar inizjattivi Ewropej. L-eTwinning hija komunità online ffinanzjata minn Erasmus+ u ospitata fuq pjattaforma sigura u aċċessibbli għall-għalliema u għall-persunal tal-iskejjel skrinjat mill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ nazzjonali tal-eTwinning. L-eTwinning tippermetti lill-fornituri tal-VET jistabbilixxu klassijiet virtwali konġunti u jwettqu proġetti ma’ fornituri oħrajn tal-VET u organizzazzjonijiet sħab oħra (jiġifieri kumpaniji ospitanti), tippermetti lill-għalliema u lill-ħarrieġa jiddiskutu u jwettqu skambji mal-kollegi u jinvolvu ruħhom f’varjetà ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali. L-eTwinning hija wkoll l-ambjent perfett sabiex jinsabu sħab għal proġetti futuri.
Stabbiliment ta’ proġett
L-organizzazzjoni applikanti hija l-attur ewlieni fi proġett tal-Azzjoni Ewlenija 1. L-organizzazzjoni applikanti tabbozza u tissottometti l-applikazzjoni, tiffirma l-ftehim ta’ għotja, timplimenta l-attivitajiet ta’ mobbiltà, u tirrapporta lill-Aġenzija Nazzjonali tagħha. Il-proċess tal-applikazzjoni kemm għall-proġetti fuq perjodu qasir kif ukoll għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tal-organizzazzjoni applikanti (jew il-konsorzju tagħha).
L-attivitajiet ta’ mobbiltà fi proġett ta’ mobbiltà jistgħu jkunu ħerġin jew deħlin. Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ attivitajiet disponibbli huma attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa. Dan ifisser li l-organizzazzjoni applikanti se taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat: se tagħżel il-parteċipanti u tibgħathom f’organizzazzjoni ospitanti barra l-pajjiż. Barra minn hekk, hemm tipi speċjali ta’ attivitajiet deħlin li jippermettu lill-organizzazzjonijiet applikanti jistiednu esperti jew għalliema u edukaturi fit-taħriġ fl-organizzazzjoni tagħhom. L-iskop tal-attivitajiet deħlin ma huwiex li joħolqu skambji bidirezzjonali, iżda pjuttost li jinkludu persuni li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni applikanti.
L-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha appoġġjati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus3 . L-istandards tal-kwalità tal-Erasmus ikopru prattiki konkreti ta’ implimentazzjoni għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni, u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġetti, eċċ.
L-apprendiment tal-lingwi huwa parti importanti minn kull proġett ta’ mobbiltà: l-organizzazzjonijiet benefiċjarji għandhom jipprovdu lill-parteċipanti tagħhom b’appoġġ għall-apprendiment tal-lingwi qabel u matul l-attivitajiet ta’ mobbiltà. Għal dan il-għan, l-Erasmus+ jiffinanzja l-pjattaforma ta’ Appoġġ Lingwistiku Online li hija bla ħlas u miftuħa għall-użu mill-parteċipanti kollha tal-Erasmus+.
Kif issib sħab għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tiegħek?
L-Erasmus+ jipprovdi diversi għodod u opportunitajiet biex jinstabu sħab għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tiegħek:
- Il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel (ESEP) toffri għodda online għata’ sħab għall-organizzazzjonijiet tal-VET u tal-edukazzjoni fl-iskejjel. Billi tirreġistra fuq il-pjattaforma tista’ tippostja avviżi ta’ sejbien ta’ sħab u tfittex f’avviżi magħmula minn organizzazzjonijiet oħrajn: www.school-education.ec.europa.eu/en/connect/partner-search
- Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni huma organizzati regolarment mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+. Dawn jinkludu seminars ta’ kuntatt, avvenimenti online u opportunitajiet oħrajn ta’ sejbien ta’ sħab għall-applikanti u l-benefiċjarji tal-Erasmus+. L-informazzjoni dwar it-TCAs hija disponibbli fuq is-siti web rilevanti tal-Aġenzija Nazzjonali u s-sit web taċ-Ċentru tar-Riżorsi tat-TCA dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ SALTO: www.salto-et.net/
- Il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti Erasmus+ tippermettilek tfittex l-organizzazzjonijiet akkreditati kollha u l-proġetti approvati kollha: www.erasmus-plus.ec.europa.eu/projects
Dimensjonijiet orizzontali
Il-proġetti kollha ta’ mobbiltà għandhom jintegraw id-dimensjonijiet li ġejjin komuni għall-programm Erasmus+ kollu:
Inklużjoni u diversità
F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jiżguraw li joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà b’mod inklużiv u ġust, lill-parteċipanti minn kull sfond. L-għażla tal-istudenti li se jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-proġett għandha tqis fatturi ewlenin bħall-motivazzjoni, il-mertu, kif ukoll l-iżvilupp personali u l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-parteċipanti. Bl-istess mod, l-għażla tal-parteċipanti tal-persunal għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-iżvilupp professjonali tagħhom ikunu disponibbli għall-istudenti kollha fl-organizzazzjoni.
Matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti għandhom jinvolvu lill-parteċipanti f’deċiżjonijiet ewlenin sabiex jiġu żgurati benefiċċji u impatti massimi għal kull parteċipant.
Benefiċjarji u organizzazzjonijiet parteċipanti oħrajn li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ huma mħeġġa joħolqu u jiffaċilitaw b’mod attiv l-opportunitajiet ta’ mobbiltà, pereżempju billi jistabbilixxu twieqi ta’ mobbiltà fil-kalendarju akkademiku tagħhom u jiddefinixxu l-passi standard ta’ riintegrazzjoni għall-parteċipanti li jirritornaw.
Prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli
F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jippromwovu mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti tagħhom, filwaqt li jqajmu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu riflessi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-Programm, speċjalment permezz tal-użu ta’ appoġġ speċifiku ta’ finanzjament ipprovdut mill-Programm biex jiġu promossi mezzi sostenibbli tal-ivjaġġar. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintegraw dawn il-prinċipji fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, u għandhom jippromwovu b’mod attiv bidla fil-mentalità u fl-imġiba fost l-istudenti u l-persunal tagħhom.
Trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ
F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, il-Programm jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod u metodi ta’ apprendiment diġitali biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, itejbu l-kwalità u l-inklużività tal-apprendiment u t-tagħlim tagħhom u jiżviluppaw aktar il-ħiliet diġitali tagħhom. L-istituzzjonijiet tal-VET għandhom iqajmu wkoll sensibilizzazzjoni fost l-istudenti tagħhom dwar l-opportunitajiet fi ħdan il-programm biex jiksbu u jkomplu jiżviluppaw ħiliet diġitali rilevanti, inklużi Traineeships ta’ Opportunità Diġitali għall-istudenti tal-VET u għall-gradwati reċenti4 . Barra minn hekk, il-parteċipanti tal-persunal jistgħu jibbenefikaw minn Traineeships ta’ Opportunità Diġitali: attivitajiet ta’ mobbiltà li jippermettulhom jiksbu ħiliet diġitali u jibnu l-kapaċità tagħhom li jħarrġu, jgħallmu u jwettqu kompiti oħrajn bl-għajnuna ta’ għodod diġitali. Tali attivitajiet jistgħu jiġu organizzati bi kwalunkwe wieħed mill-formati ta’ mobbiltà tal-persunal disponibbli.
Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika
Il-programm għandu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. L-attivitajiet ta’ mobbiltà appoġġati għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipattivi f’oqsma differenti tas-soċjetà ċivika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali. Dawn għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.
Attivitajiet
Din it-taqsima tippreżenta t-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Erasmus+, kemm fi proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll fi proġetti akkreditati.
L-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà jridu jkunu:
- Attivitajiet ta’ apprendiment: maħsuba għall-parteċipanti biex itejbu jew jiksbu għarfien, ħiliet, kompetenzi u attitudnijiet ġodda;
- Tranżnazzjonali: li jinvolvu interazzjonijiet bejn persuni minn pajjiżi differenti bl-iskop ta’ skambju reċiproku u apprendiment;
- Strutturati: li jkollhom metodoloġija ċara, programm ta’ apprendiment u eżiti tal-apprendiment ippjanati;
- Strateġiċi: li jikkontribwixxu għal sett usa’ ta’ objettivi tal-proġett.
Għal kwalunkwe attività, jista’ jingħata appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-akkumpanjaturi tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, lill-minuri, jew lill-adulti żgħażagħ li jeħtieġu superviżjoni. L-akkumpanjaturi jistgħu jiġu appoġġati għad-durata sħiħa tal-attività jew għal parti minnha.
Mobbiltà tal-persunal
Attivitajiet eliġibbli
- Job shadowing (minn jumejn sa 60 jum)
- Inkarigi ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ (minn jumejn sa 365 jum)
- Korsijiet u taħriġ (minn jumejn sa 10 ijiem)
Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà tal-persunal jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet ta’ apprendiment virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.
L-attivitajiet implimentati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li ġejjin:
Job shadowing: il-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor bil-għan li jitgħallmu prattiki ġodda u jiġbru ideat ġodda permezz ta’ osservazzjoni u interazzjoni mal-pari, mal-esperti jew ma’ prattikanti oħrajn fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom fl-organizzazzjoni ospitanti.
Inkarigi ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ: il-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien jgħallmu jew jipprovdu taħriġ lill-istudenti f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor, bħala mod kif jitgħallmu billi jwettqu l-kompiti tagħhom u jiskambjaw mal-pari.
Korsijiet u taħriġ: il-parteċipanti jistgħu jibbenefikaw minn kors strutturat jew minn tip simili ta’ taħriġ ipprovdut minn professjonisti kwalifikati, abbażi ta’ programm ta’ apprendiment u eżiti tal-apprendiment definiti minn qabel.
L-għotja totali għal “Korsijiet u taħriġ” se tkun limitata għal massimu ta’ 50 % tal-għotja tal-proġett mogħtija. Bħala eċċezzjoni, għal proġetti b’għotja totali mogħtija sa EUR 40,000, dan il-limitu se jiġi stabbilit għal EUR 20,000.
Massimu ta’ tliet persuni mill-istess organizzazzjoni li tibgħat u massimu ta’ għaxar persuni mill-istess konsorzju tal-mobbiltà jistgħu jirċievu finanzjament biex jattendu l-istess kors flimkien. Kull persuna tista’ tipparteċipa f’kors wieħed biss għal kull proġett.
It-taħriġ irid jinkludi komponent tranżnazzjonali ċar, pereżempju billi jrawwem interazzjoni ta’ apprendiment bejn parteċipanti minn pajjiżi differenti jew billi jintegra elementi oħrajn ta’ trasferiment tranżnazzjonali ta’ prattiki, bħall-involviment qawwi tal-persunal tal-VET mill-pajjiż ospitanti biex jinteraġixxi ma’ u juri l-prattiki tagħhom lill-kollegi li ġejjin minn barra l-pajjiż.
Il-kontenut tal-korsijiet u tat-taħriġ irid ikun rilevanti għall-ħiliet professjonali tal-persunal parteċipanti u għall-objettivi tal-proġett jew tal-akkreditazzjoni.
Pereżempju, l-attivitajiet appoġġati jistgħu jinkludu korsijiet u taħriġ organizzati minn istituzzjonijiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet tal-volontarjat, attivitajiet organizzati bħala parti minn skambju ta’ prattiki bejn organizzazzjonijiet f’pajjiżi differenti, kif ukoll korsijiet u taħriġ disponibbli kummerċjalment. Attivitajiet kompletament passivi fosthom li wieħed jisma’ lekċers, diskorsi jew konferenzi tal-massa ma humiex appoġġati. Konferenzi u avvenimenti b’titoli simili jistgħu jitqiesu għall-finanzjament biss jekk il-parteċipanti jqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħin tagħhom f’taħriġ strutturat, workshops, eżerċizzji prattiċi, skambju ta’ prattiki ma’ kollegi jew forom oħrajn ta’ apprendiment attiv.
L-applikanti għandhom ikunu konxji li l-fornituri kollha tal-korsijiet huma kompletament indipendenti mill-programm Erasmus+ u qegħdin jaġixxu bħala fornituri ta’ servizzi f’suq ħieles. L-għażla tal-korsijiet u t-taħriġ hija għalhekk responsabbiltà tal-organizzazzjoni benefiċjarja. L-istandards tal-kwalità li ġejjin huma disponibbli sabiex jiggwidaw lill-applikanti fl-għażla tagħhom:
https://erasmus-plus.ec.europa.eu/resources-and-tools/quality-standards-key-action-1
Parteċipanti eliġibbli
Il-parteċipanti eliġibbli jinkludu l-għalliema, il-ħarrieġa, u l-esperti l-oħrajn kollha li ma jgħallmux u l-persunal li jaħdem fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (iVET) u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwu (cVET).
Il-persunal mhux tat-tagħlim eliġibbli jinkludi persunal li jaħdem fil-VET inizjali u kontinwi, jew fil-fornituri tal-VET (bħala persunal tal-ġestjoni, uffiċjali ta’ mobbiltà internazzjonali, koordinaturi tal-Erasmus+ eċċ.) jew f’organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (eż. ħarrieġa f’kumpaniji sħab lokali, konsulenti, koordinaturi tal-Erasmus+, koordinaturi tal-politika responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, eċċ.).
Il-parteċipanti jridu jkunu qegħdin jaħdmu fl-organizzazzjoni li tibgħat, jew iridu jkunu qegħdin jaħdmu regolarment mal-organizzazzjoni li tibgħat sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjoni (pereżempju bħala ħarrieġa esterni u fil-kumpaniji, esperti, voluntiera, membri tal-bord, spetturi, eċċ.).
Fil-każijiet kollha, il-kompiti li jorbtu lill-parteċipant mal-organizzazzjoni li tibgħat iridu jkunu dokumentati b’mod li jippermetti lill-Aġenzija Nazzjonali tivverifika din ir-rabta (pereżempju ma’ kuntratt ta’ xogħol jew volontarjat, deskrizzjoni tal-kompitu, jew dokument simili). L-Aġenziji Nazzjonali għandhom jistabbilixxu prattika trasparenti u konsistenti dwar x’jikkostitwixxi relazzjonijiet ta’ ħidma aċċettabbli u dokumentazzjoni ta’ sostenn fil-kuntest nazzjonali tagħhom.
Il-membri tal-persunal li jaħdmu mill-bogħod minn barra ma jistgħux jieħdu sehem f’attivitajiet fil-pajjiż li jkunu qed jaħdmu minnu.
Postijiet eliġibbli
L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż fejn l-organizzazzjoni ospitanti hija stabbilita legalment. Kull attività ta’ mobbiltà tista’ sseħħ f’pajjiż wieħed biss5 .
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus jistgħu jibagħtu parteċipanti fuq job shadowing u inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (ir-Reġjuni 1 sa 3 u 5 sa 14 kif speċifikat fil-Parti A: Pajjiżi eliġibbli).
Nota Bene: Il-mobbiltà lejn il-Belarussja u r-Russja mhumiex eliġibbli.
Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment
Ir-rekwiżiti għad-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment huma stabbiliti fl-istandards tal-kwalità tal-Erasmus u huma elaborati aktar fil-ftehim ta’ għotja tal-proġett.
Qabel l-attività ta’ mobbiltà, l-organizzazzjoni li tibgħat, l-organizzazzjoni li tospita u l-parteċipant iridu jaqblu dwar ftehim ta’ apprendiment (jew dokument simili) li jispeċifika l-eżiti tal-apprendiment mistennija tal-parteċipant. Għall-korsijiet u t-taħriġ, jista’ jintuża programm ta’ kors minflok ftehim ta’ apprendiment.
Wara l-attività, l-eżiti tal-apprendiment miksuba tal-parteċipant iridu jiġu rikonoxxuti billi tinħareġ Mobbiltà tal-Europass jew dokument simili. L-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm kopja tad-dokument maħruġ bħala prova li tkun lestiet l-attività.
Mobbiltà tal-istudenti
Attivitajiet eliġibbli
- Il-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet ta’ ħiliet tal-VET (minn jum sa 10 ijiem)
- Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti tal-VET (minn jumejn sa 30 jum, mill-inqas żewġ studenti tal-VET għal kull grupp)
- Il-mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir tal-istudenti tal-VET (minn 10 ijiem sa 89 jum)
- Il-mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-VET (ErasmusPro) (minn 90 sa 365 jum)
Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà tal-istudenti jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet ta’ apprendiment virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.
L-attivitajiet implimentati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li ġejjin:
Parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-ħiliet tal-VET: L-istudenti tal-VET jistgħu jipparteċipaw f’avvenimenti settorjali internazzjonali li fihom id-dimostrazzjoni kompetittiva tal-ħiliet hija ċentrali għall-promozzjoni, ir-rikonoxximent u l-iskambju tal-esperjenza, l-għarfien espert u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi fil-VET6 . Il-finanzjament huwa pprovdut ukoll għall-persunal, għall-mentors jew għall-esperti li jakkumpanjaw lill-istudenti matul l-attività.
Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti tal-VET: grupp ta’ studenti mill-organizzazzjoni li tibgħat jistgħu jqattgħu ħin jitgħallmu flimkien mal-pari tagħhom għand fornitur tal-VET sieħeb f’pajjiż ieħor. L-organizzazzjoni li tibgħat jeħtiġilha tfassal l-attivitajiet ta’ apprendiment f’kooperazzjoni ma’ fornitur tal-VET sieħeb fil-pajjiż ospitanti7 . L-għalliema, il-ħarrieġa jew persunal tal-edukazzjoni kkwalifikat ieħor mill-organizzazzjoni li tibgħat jeħtiġilhom jakkumpanjaw lill-istudenti għad-durata kollha tal-attività u jiggwidaw il-proċess ta’ apprendiment tagħhom. Jekk ikun meħtieġ, adulti oħrajn jistgħu jaġixxu wkoll bħala akkumpanjaturi biex jappoġġaw il-persunal akkumpanjatur8 .
Mobbiltà għall-apprendiment għal perjodu qasir tal-istudenti tal-VET: L-istudenti tal-VET jistgħu jqattgħu perjodu ta’ apprendiment barra l-pajjiż f’fornitur sieħeb tal-VET, f’kumpanija, jew f’organizzazzjoni oħra attiva fil-qasam tal-VET jew tas-suq tax-xogħol. Il-perjodu ta’ apprendiment irid jinkludi komponent qawwi bbażat fuq ix-xogħol u programm ta’ apprendiment individwali jrid jiġi ddefinit għal kull parteċipant. Għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet, il-mobbiltà tista’ tiġi organizzata b’durata minima ta’ jumejn, jekk din tkun iġġustifikata.
Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-VET (ErasmusPro): L-istudenti tal-VET jistgħu jqattgħu perjodu itwal ta’ apprendiment barra l-pajjiż f’fornitur sieħeb tal-VET, f’kumpanija, jew f’organizzazzjoni oħra attiva fil-qasam tal-VET jew tas-suq tax-xogħol. Il-perjodu ta’ apprendiment irid jinkludi komponent qawwi bbażat fuq ix-xogħol u programm ta’ apprendiment individwali jrid jiġi ddefinit għal kull parteċipant.
Jekk jogħġbok innota li d-differenza bejn il-formati tal-attività tal-grupp u dawk individwali ma hijiex ibbażata fuq arranġamenti ta’ vvjaġġar u ta’ akkomodazzjoni, iżda fuq ir-rekwiżiti għal programmi ta’ apprendiment kollettivi jew individwali, kif deskritt hawn taħt f’“Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment”. Għalhekk, huwa pprovdut livell differenti ta’ appoġġ organizzazzjonali għal attivitajiet ta’ grupp u individwali, kif iddefinit fir-regoli ta’ finanzjament ippreżentati fl-aħħar ta’ dan il-kapitolu.
Parteċipanti eliġibbli
Il-parteċipanti eliġibbli jinkludu studenti u apprendisti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (iVET) u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (cVET). Il-parteċipanti jridu jkunu rreġistrati fi programm tal-iVET jew tas-cVET eliġibbli9 .
Il-gradwati reċenti (inklużi dawk li qabel kienu apprendisti) ta’ programmi iVET u cVET eliġibbli huma eliġibbli li jipparteċipaw sa 12-il xahar wara li jkunu ggradwaw. F’każ li l-parteċipanti kienu qed iwettqu servizz ċivili jew militari obbligatorju wara li ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà se jiġi estiż bid-durata tas-servizz. Il-parteċipanti fil-mobbiltà fi grupp jeħtiġilhom jiġu rreġistrati fi programm eliġibbli tal-iVET10 .
Postijiet eliġibbli
L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż fejn l-organizzazzjoni ospitanti hija stabbilita legalment. Kull attività ta’ mobbiltà tista’ sseħħ f’pajjiż wieħed biss11 .
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet li jkollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus jistgħu jibagħtu studenti għall-Mobbiltà tal-apprendiment għal żmien qasir, għall-Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul (ErasmusPro) u għall-Parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet tal-ħiliet tal-VET f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (ir-Reġjuni 1 sa 3 u 5 sa 14 kif speċifikat fil-Parti A: Pajjiżi eliġibbli).
Nota Bene: Il-mobbiltà lejn il-Belarussja u r-Russja mhumiex eliġibbli.
Il-mobbiltà fi grupp ta’ studenti tal-VET trid isseħħ għand il-fornitur tal-VET ospitanti. B’mod eċċezzjonali, l-attivitajiet jistgħu jsiru f’post ieħor fil-pajjiż tal-organizzazzjoni ospitanti, jekk dan ikun iġġustifikat mill-kontenut u l-kwalità tal-attività. F’dan il-każ, l-ivvjaġġar tal-parteċipanti mill-organizzazzjoni ospitanti sal-post mhux se jitqiesu bħala attività ta’ mobbiltà tranżnazzjonali. Għalhekk, ma jistgħux jintalbu fondi addizzjonali għal dan l-iskop.
Barra minn hekk, il-mobbiltà fi grupp ta’ studenti tal-VET tista’ sseħħ f’sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jekk l-attività tkun organizzata f’istituzzjoni tal-UE jew f’kooperazzjoni magħha.12
Irrispettivament mill-post, l-attivitajiet tal-grupp iridu jinvolvu studenti minn tal-inqas żewġ Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment
Ir-rekwiżiti għad-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment huma stabbiliti fl-istandards tal-kwalità tal-Erasmus u huma elaborati aktar fil-ftehim ta’ għotja tal-proġett.
Attivitajiet ta’ mobbiltà individwali: Qabel l-attività, l-organizzazzjoni li tibgħat, l-organizzazzjoni ospitanti u l-parteċipant jeħtiġilhom jaqblu dwar ftehim ta’ apprendiment (jew dokument simili) li jispeċifika l-eżiti tal-apprendiment mistennija tal-parteċipant. Wara l-attività, l-eżiti tal-apprendiment miksuba tal-parteċipant iridu jiġu rikonoxxuti billi tinħareġ Mobbiltà tal-Europass jew dokument simili. L-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm kopja tad-dokument maħruġ bħala prova li tkun lestiet l-attività.
Attivitajiet ta’ mobilità ta’ grupp: programm ta’ apprendiment irid jiġi ddefinit għall-grupp kollu (ma humiex meħtieġa ftehimiet ta’ apprendiment individwali). Wara l-attività, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm il-programm ta’ apprendiment u lista tal-parteċipanti (inklużi l-akkumpanjaturi) bħala prova li tkun lestiet l-attività.
Attivitajiet appoġġati oħrajn
Attivitajiet eliġibbli
- Esperti mistiedna (minn jumejn sa 60 jum)
- L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qegħdin jitħarrġu (minn 10 ijiem sa 365 jum)
L-attivitajiet implimentati jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi li ġejjin:
Esperti mistiedna: l-organizzazzjonijiet jistgħu jistiednu ħarrieġa, għalliema, esperti fil-politika jew professjonisti kkwalifikati oħrajn minn barra l-pajjiż li jistgħu jgħinuhom itejbu t-tagħlim, it-taħriġ u l-apprendiment fl-organizzazzjoni li tilqa’. Pereżempju, l-esperti mistiedna jistgħu jipprovdu taħriġ lill-persunal tal-organizzazzjoni li tilqa’, juru metodi ġodda ta’ tagħlim jew jgħinu fit-trasferiment ta’ prattiki tajba fl-organizzazzjoni u fl-amministrazzjoni.
Ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qegħdin jitħarrġu: l-organizzazzjonijiet applikanti jistgħu jospitaw għalliema li jkunu qegħdin jitħarrġu li jkunu jixtiequ jwettqu traineeship barra l-pajjiż. L-organizzazzjoni ospitanti se tirċievi appoġġ biex tistabbilixxi l-attività, filwaqt li l-appoġġ għall-ivvjaġġar u dak individwali għall-parteċipant għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjoni li tibgħat tagħhom (li tista’ tapplika wkoll għall-finanzjament tal-Erasmus+ għal dan l-iskop).
Parteċipanti eliġibbli
L-esperti mistiedna jistgħu jkunu kwalunkwe persuna minn Stat Membru ieħor tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, li jistgħu jipprovdu għarfien espert u taħriġ rilevanti għall-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjoni li tistedinhom.
L-ospitar ta’ għalliema u edukaturi li jkunu qed jitħarrġu huwa disponibbli għall- parteċipanti li jkunu rreġistrati fi programm edukattiv għall-għalliema jew li jkunu gradwaw13 minnu dan l-aħħar (jew tip simili ta’ programm edukattiv għall-ħarrieġa jew l-edukaturi) fi Stat Membru ieħor tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Postijiet eliġibbli
Il-post għall-esperti u l-għalliema/edukaturi mistiedna li jkunu qegħdin jitħarrġu dejjem huwa l-organizzazzjoni benefiċjarja (inklużi l-membri tal-konsorzju).
Dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment
Għall-esperti mistiedna, il-programm ta’ apprendiment li l-espert se jagħti jrid jiġi miftiehem mal-organizzazzjoni ospitanti qabel l-attività. Wara l-attività, l-organizzazzjoni benefiċjarja trid iżżomm il-programm ta’ apprendiment eżegwit bħala prova li tkun lestiet l-attività.
Għall-għalliema u l-edukaturi ospitati fit-taħriġ, japplikaw ir-rekwiżiti deskritti għall-attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ studenti individwali.
Żjarat preparatorji
X’inhi żjara preparatorja?
Żjara preparatorja hija żjara f’organizzazzjoni ospitanti prospettiva mill-persunal mill-organizzazzjoni li tibgħat bl-iskop li titħejja aħjar attività ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal.
Meta tista’ tiġi organizzata żjara preparatorja?
Kull żjara preparatorja jrid ikollha motivazzjoni ċara u trid isservi biex ittejjeb l-inklużività, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà.
Pereżempju, jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji biex titħejja aħjar il-mobbiltà tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, biex jibdew jaħdmu ma’ organizzazzjoni sieħba ġdida, jew biex iħejju attivitajiet ta’ mobbiltà aktar fit-tul.
Jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji bi tħejjija għal kwalunkwe tip ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal, ħlief “korsijiet u taħriġ”.
Min jista’ jieħu sehem fi żjara preparatorja?
Iż-żjarat preparatorji jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe persuna eliġibbli għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u involuta fl-organizzazzjoni tal-proġett.
B’mod eċċezzjonali, l-istudenti li se jieħdu sehem f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul u l-parteċipanti b’inqas opportunitajiet fi kwalunkwe tip ta’ attività jistgħu jieħdu sehem fi żjarat preparatorji għall-attivitajiet tagħhom.
Massimu ta’ tliet persuni jistgħu jieħdu sehem fi żjara preparatorja.
Fejn jistgħu jsiru żjarat preparatorji?
Iż-żjarat preparatorji jsiru fil-bini tal-organizzazzjoni ospitanti prospettiva, jew fi kwalunkwe post ieħor fejn ikunu ppjanati li jsiru attivitajiet ta’ mobbiltà. Ir-regoli applikabbli għall-postijiet tal-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u tal-istudenti japplikaw ukoll għal żjarat preparatorji marbuta ma’ dawk l-attivitajiet.
Tista’ tiġi organizzata żjara preparatorja waħda biss għal kull organizzazzjoni ospitanti.
Proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
Il-proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal huma mod dirett u sempliċi kif wieħed jista’ jibbenefika mill-Erasmus+. L-iskop tagħhom huwa li jippermettu lill-benefiċjarju jorganizza ftit attivitajiet b’mod faċli u jikseb esperjenza fil-Programm.
Sabiex il-proġetti fuq perjodu qasir jibqgħu sempliċi, dawn jinkludu limitu fuq in-numru ta’ parteċipanti u d-durata tal-proġett. Il-format huwa miftuħ biss għal organizzazzjonijiet individwali u mhux għall-konsorzji. L-organizzazzjonijiet akkreditati ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir peress li diġà għandhom aċċess permanenti għall-finanzjament tal-Erasmus+.
L-applikazzjoni għal proġetti fuq perjodu qasir tinkludi lista u deskrizzjoni tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni applikanti beħsiebha torganizza.
Kriterji tal-eliġibbiltà
Organizzazzjonijiet eliġibbli: eliġibbli min jista’ japplika?
L-organizzazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli14 biex japplikaw:
- Organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali jew kontinwi15
- Awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
- Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li jospitaw, iħarrġu jew jaħdmu b’xi mod ieħor mal-istudenti u l-apprendisti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir.
Pajjiżi eliġibbli
L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Fejn napplika?
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn ikun stabbilit l-applikant.
Skadenzi tal-applikazzjoni
Ċiklu 1 (għall-Aġenziji Nazzjonali kollha): 19 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)
Ċiklu 2: L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu t-tieni skadenza (Ċiklu 2). F’dan il-każ, l-Aġenzija Nazzjonali se tinforma lill-applikanti permezz tas-sit web tagħha. Għaċ-Ċiklu 2, l-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sal-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).
Dati tal-bidu tal-proġett
Il-proġetti jistgħu jagħżlu d-dati tal-bidu li ġejjin:
- Ċiklu 1: bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
- Ċiklu 2 (jekk jinfetaħ): bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara
Durata tal-proġett
Minn 6 xhur sa 18-il xahar
Numru ta’ applikazzjonijiet
Għal kull ċiklu ta’ għażla, organizzazzjoni tista’ tapplika għal proġett wieħed biss fuq perjodu qasir fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
L-organizzazzjonijiet li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu qasir taħt l-ewwel ċiklu ta’ applikazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għat-tieni ċiklu tal-istess sejħa għall-proposti.
Fi żmien perjodu ta’ kwalunkwe ħames snin ta’ sejħiet konsekuttivi, l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu massimu ta’ tliet għotjiet għal proġetti fuq perjodu qasir fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. L-għotjiet riċevuti fil-perjodu 2014–2020 ma jgħoddux ma’ dan il-limitu.
Attivitajiet eliġibbli
It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”. Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu mill-inqas attività waħda ta’ mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti.
Kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett
Applikazzjoni għal proġett fuq perjodu qasir tista’ tinkludi massimu ta’ 30 parteċipant f’attivitajiet ta’ mobbiltà.
Iż-żjarat preparatorji u l-parteċipazzjoni tal-akkumpanjaturi mhux se jgħoddu ma’ dan il-limitu.
Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ
Organizzazzjoni ta’ appoġġ hija organizzazzjoni li tassisti lill-organizzazzjoni benefiċjarja f’aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-proġett li ma jikkonċernawx kompiti ewlenin tal-proġett. Il-kompiti ewlenin tal-proġett jinkludu l-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-programm, il-kuntatt mal-Aġenzija Nazzjonali, ir-rappurtar dwar l-attivitajiet implimentati, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha li jaffettwaw direttament il-kontenut, il-kwalità u r-riżultati tal-attivitajiet implimentati (bħall-għażla tat-tip ta’ attività, id-durata, u l-organizzazzjoni ospitanti, id-definizzjoni u l-evalwazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment), eċċ. L-involviment ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali.
Ir-rwol u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jiġu ddefiniti b’mod formali bejniethom u bejn l-organizzazzjoni benefiċjarja. L-organizzazzjoni ta’ appoġġ taġixxi taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni benefiċjarja, li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ responsabbli għar-riżultati u l-kwalità tal-attivitajiet implimentati. Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus.
F’każ ta’ implimentazzjoni ħażina ta’ standards ta’ kwalità jew forma oħra ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ titlob li l-benefiċjarju jieqaf jirċievi assistenza għal ċerti kompiti u jimplimentahom hu stess. Bħala miżura ta’ rimedju finali, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm il-ftehim ta’ għotja.
L-organizzazzjonijiet li qed jospitaw li jipprovdu kontenut ta’ apprendiment u mentoraġġ lill-parteċipanti tal-organizzazzjoni benefiċjarja ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta’ appoġġ, sakemm fl-istess ħin ma jkunux qed jappoġġaw lill-benefiċjarju f’kompiti oħrajn ta’ ġestjoni tal-proġetti li normalment jitwettqu mill-organizzazzjoni li tibgħat.
Kriterji tal-għażla, kriterji ta’ esklużjoni u regoli dwar il-kontenut oriġinali u l-awtur
L-applikanti jrid ikollhom kapaċità operattiva u finanzjarja suffiċjenti biex jimplimentaw il-proġett propost.
L-applikanti jridu jissottomettu dikjarazzjoni ffirmata fuq l-unur tagħhom, li tiċċertifika li ma huma fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-kriterji ta’ esklużjoni elenkati fit-Taqsima C ta’ din il-Gwida. Barra minn hekk, bl-iffirmar tad-dikjarazzjoni, l-applikanti jiċċertifikaw li l-applikazzjoni mressqa fiha kontenut oriġinali miktub minnhom, u li l-ebda organizzazzjoni jew individwu estern ieħor ma tħallas għall-abbozzar tal-applikazzjoni.
Jekk jogħġbok aqra l-Parti C ta’ din il-Gwida għal aktar informazzjoni dwar il-kriterji tal-għażla, il-kriterji ta’ esklużjoni u r-regoli dwar il-kontenut oriġinali u l-awtur.
Kriterji għall-għoti
L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-punteġġi ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:
- Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
- Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kriterji għall-għoti hawn taħt.
Rilevanza (punteġġ massimu: 20 punt)
Kemm:
- il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet u l-popolazzjoni fil-mira ta’ studenti tal-applikant huma rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;
- il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-objettivi tal-azzjoni;
- il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni;
- il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:
- l-appoġġ lil parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza;
- l-appoġġ għall-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ ErasmusPro;
- l-appoġġ lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu: 50 punt)
Kemm:
- l-objettivi proposti tal-proġett jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni applikanti, il-persunal tagħha u l-istudenti b’mod ċar u konkret;
- l-attivitajiet proposti huma xierqa għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġett;
- l-aspetti operattivi u loġistiċi tad-disinn tal-proġett (bħal postijiet proposti) ikunu xierqa u kosteffettivi;
- Il-proġett jinkorpora prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli;
- il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali (b’mod partikolari l-eTwinning għall-iVET u l-EPALE għas-cVET) u metodi ta’ apprendiment sabiex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u sabiex itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab ospitanti.
Kwalità tal-azzjonijiet ta’ segwitu (punteġġ massimu: 30 punt)
Kemm:
- l-applikant iddefinixxa b’mod ċar il-kompiti u r-responsabbiltajiet għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus;
- l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni;
- l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett;
- l-applikant ippropona passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjoni applikanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u ħalli l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jiġi rikonoxxut b’mod pubbliku.
Proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jistgħu japplikaw għall-finanzjament bħala parti minn fergħa ta’ finanzjament speċjali miftuħa għalihom biss. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan Erasmus li kien approvat qabel, u għalhekk mhijiex meħtieġa lista u deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ippjanati fiż-żmien tal-applikazzjoni għall-fondi. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffokaw fuq l-istima tal-baġit meħtieġ għas-sett ta’ attivitajiet li jmiss.
Kriterji tal-eliġibbiltà
Organizzazzjonijiet eliġibbli: eliġibbli min jista’ japplika?
L-applikanti jeħtiġilhom li jkollhom akkreditazzjoni valida tal-Erasmus fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fid-data tal-bidu tal-proġett.
Konsorzju ta’ mobbiltà
L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi tal-konsorzju tal-mobbiltà jeħtiġilhom japplikaw għall-format tal-konsorzju tal-mobbiltà.
Il-lista tal-membri tal-konsorzju tal-mobbiltà trid tiġi pprovduta bħala parti mill-applikazzjoni u trid tinkludi mill-inqas organizzazzjoni membru waħda flimkien mal-koordinatur.
Kwalunkwe organizzazzjoni li tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-istess qasam tista’ ssir membru ta’ konsorzju tal-mobbiltà16 . L-organizzazzjonijiet membri tal-konsorzju ppjanati kollha jridu jkunu mill-istess Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm bħall-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà. Ir-relazzjoni bejn il-koordinatur tal-konsorzju u l-membri tal-konsorzju trid tkun ibbażata fuq bażi kooperattiva mingħajr skop ta’ qligħ.
Il-membri tal-konsorzju ma għandhomx għalfejn ikollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus.
L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem f’konsorzju tal-mobbiltà jistgħu japplikaw għal finanzjament f’massimu ta’ żewġ applikazzjonijiet tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali taħt l-istess Sejħa għall-proposti. Għalhekk, fil-qasam tal-VET, l-organizzazzjonijiet li japplikaw għal għotja għal proġett fuq żmien ta’ żmien qasir jew proġett akkreditat jistgħu wkoll jieħdu sehem f’applikazzjoni waħda biss għal konsorzju tal-mobbIltà bħala organizzazzjonijiet membri. Organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jieħdu sehem f’mhux aktar minn żewġ applikazzjonijiet ta’ konsorzju tal-mobbiltà.
Fejn napplika?
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.
Skadenza tal-applikazzjoni
19 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)
Data tal-bidu tal-proġett
L-1 ta’ Ġunju tal-istess sena
Durata tal-proġett
Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Jekk ikun iġġustifikat, il-benefiċjarji jistgħu jitolbu estensjoni tal-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar. Se jsiru estensjonijiet wara 12-il xahar ta’ implimentazzjoni, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Aġenzija Nazzjonali.
Numru ta’ applikazzjonijiet
L-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu japplikaw darba biss għal kull ċiklu ta’ għażla.
Attivitajiet eliġibbli
It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.
Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu mill-inqas attività waħda ta’ mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti.
Kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett
In-numru ta’ parteċipanti li jistgħu jiġu inklużi fi proġetti akkreditati ma huwiex limitat, minbarra kwalunkwe limitazzjoni definita fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit.
Il-proġetti ma jistgħux jallokaw aktar minn 20 % tal-għotja mogħtija għal attivitajiet ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm17 . Dawn l-opportunitajiet huma maħsuba biex iħeġġu lill-organizzazzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm biex jiżviluppaw attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa ma’ diversi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Dawn l-attivitajiet huma mistennija jkopru l-aktar ambitu ġeografiku wiesa’ possibbli.
Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ
Organizzazzjoni ta’ appoġġ hija organizzazzjoni li tassisti lill-organizzazzjoni benefiċjarja f’aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-proġett li ma jikkonċernawx kompiti ewlenin tal-proġett. Il-kompiti ewlenin tal-proġett jinkludu l-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-programm, il-kuntatt mal-Aġenzija Nazzjonali, ir-rappurtar dwar l-attivitajiet implimentati, kif ukoll id-deċiżjonijiet kollha li jaffettwaw direttament il-kontenut, il-kwalità u r-riżultati tal-attivitajiet implimentati (bħall-għażla tat-tip ta’ attività, id-durata, u l-organizzazzjoni ospitanti, id-definizzjoni u l-evalwazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment), eċċ. L-involviment ta’ organizzazzjoni ta’ appoġġ huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali.
Ir-rwol u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jiġu ddefiniti b’mod formali bejniethom u bejn l-organizzazzjoni benefiċjarja. L-organizzazzjoni ta’ appoġġ taġixxi taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni benefiċjarja, li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ responsabbli għar-riżultati u l-kwalità tal-attivitajiet implimentati. Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus.
F’każ ta’ implimentazzjoni ħażina ta’ standards ta’ kwalità jew forma oħra ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ titlob li l-benefiċjarju jieqaf jirċievi assistenza għal ċerti kompiti u jimplimentahom hu stess. Bħala miżura ta’ rimedju finali, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm il-ftehim ta’ għotja.
L-organizzazzjonijiet li qed jospitaw li jipprovdu kontenut ta’ apprendiment u mentoraġġ lill-parteċipanti tal-organizzazzjoni benefiċjarja ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta’ appoġġ, sakemm fl-istess ħin ma jkunux qed jappoġġaw lill-benefiċjarju f’kompiti oħrajn ta’ ġestjoni tal-proġetti li normalment jitwettqu mill-organizzazzjoni li tibgħat.
Allokazzjoni tal-baġit
Il-kwalità tal-Pjan Erasmus tal-applikant ġiet ivvalutata fl-istadju tal-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni u għalhekk l-ebda valutazzjoni kwalitattiva ma ssir fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit. L-applikazzjonijiet għal għotja eliġibbli kollha se jirċievu finanzjament.
L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:
- il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati
- l-attivitajiet mitluba (inkluż il-baġit stmat meħtieġ sabiex dawn jiġu implimentati)
- l-għotja bażika u massima
- il-komponenti ta’ allokazzjoni li ġejjin: prestazzjoni kwalitattiva, il-prijoritajiet ta’ politika, u l-bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija Nazzjonali)
Il-baġit disponibbli għal proġetti akkreditati u regoli dettaljati dwar l-allokazzjoni tal-baġit se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa. Ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-baġit iridu jirrispettaw il-prinċipji tal-ġustizzja, it-trasparenza u t-trattament ugwali. L-indikaturi u l-metriċi użati fl-allokazzjoni tal-baġit iridu jkunu oġġettivi, verifikabbli u l-valuri tagħhom għandhom ikunu magħrufa mill-applikanti qabel l-iskadenza tas-sejħa. Abbażi tal-kontribuzzjonijiet tal-unità applikabbli u d-data storika, l-Aġenzija Nazzjonali se tistma l-baġit meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet mitluba minn kull applikant. L-applikanti ma jistgħux jingħataw għotja ogħla mill-baġit stmat li jirriżulta.
Jekk applikant jingħata l-baġit stmat kollu meħtieġ biex jimplimenta l-attivitajiet mitluba tiegħu, allura l-attivitajiet mitluba fl-applikazzjoni jiġu inklużi fil-ftehim tal-għotja tal-proġett bħala miri għall-kunsinna. Inkella, jekk l-applikant ma jingħatax il-baġit stmat kollu, allura l-miri għall-kunsinna jiġu aġġustati biex jibqgħu proporzjonali għall-għotja mogħtija18 .
Il-baġit għall-kategoriji tal-kostijiet “Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti” u “Kostijiet eċċezzjonali” ma jistax jiġi stmat bl-istess mod bħall-baġit għall-kategoriji tal-kostijiet li japplikaw il-kontribuzzjonijiet tal-unità. L-Aġenzija Nazzjonali se tivvaluta t-talbiet għal dawn it-tipi ta’ kostijiet separatament, abbażi ta’ deskrizzjoni u ġustifikazzjoni pprovduti. Matul l-implimentazzjoni tal-proġett, il-benefiċjarji jistgħu jagħmlu aktar talbiet għal dawn it-tipi ta’ kostijiet meta jkun meħtieġ. L-Aġenzija Nazzjonali se tipproċessa talbiet addizzjonali bħal dawn fl-ordni li tirċevihom, sakemm il-fondi jibqgħu disponibbli.
X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?
Ir-regoli ta’ finanzjament li ġejjin japplikaw għal proġetti għal żmien qasir u għal proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Il-proġetti Erasmus+ huma ffinanzjati abbażi tal-prinċipju ta’ kofinanzjament. Għaldaqstant, il-kostijiet unitarji definiti fit-tabella ta’ hawn taħt huma kkalkulati biex ikopru 80 % tal-kostijiet reali bħala medja.
Il-proġetti jistgħu jinkludu parteċipanti li l-għotja sħiħa tagħhom jew parti minnha tkun iffinanzjata minn sorsi oħra minbarra l-Erasmus+. Għal kwalunkwe parteċipant individwali, il-benefiċjarju jista’ jitlob finanzjament għall-kategoriji kollha tal-baġit jew xi wħud minnhom biss, jekk il-bqija tal-kostijiet ikunu koperti b’mod differenti. Il-fondi riċevuti mill-Erasmus+ jistgħu jiġu ssupplimentati mill-organizzazzjoni benefiċjarja, minn fondi oħrajn tal-UE, donazzjonijiet, permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-parteċipanti, kontribuzzjoniiet ta’ partijiet terzi, eċċ. Il-prinċipju tal-ebda finanzjament doppju jrid jiġi rispettat: l-appoġġ finanzjarju għall-istess kost ma jistax jintalab darbtejn, eż. minn sorsi differenti. F’każ li l-benefiċjarju jitlob kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti, dawn iridu jibqgħu konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus. B’mod partikolari, dawn il-kontribuzzjonijiet ma jridux joħolqu ostakli għall-inklużjoni ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Kategorija tal-baġit - Appoġġ organizzazzjonali
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Il-kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-proġettli ma humiex koperti minn kategoriji oħrajn ta’ kostijiet.
Pereżempju: it-tħejjija (pedagoġika, interkulturali u oħrajn), il-mentoraġġ, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti matul il-mobbiltà, is-servizzi, l-għodod u t-tagħmir meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett, għall-komponenti virtwali f’attivitajiet imħallta, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati u li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jsir viżibbli għall-pubbliku.
L-appoġġ organizzazzjonali jkopri l-kostijiet imġarrba kemm mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu kif ukoll minn dawk ospitanti (ħlief fil-każ tal-mobbiltà tal-persunal għal korsijiet u taħriġ). Id-diviżjoni tal-għotja mogħtija se tiġi miftiehma bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament:kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti. L-akkumpanjaturi mhumiex parteċipanti fl-attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment u ma jitqisux għall-kalkolu tal-appoġġ Organizzazzjonali.
Ammont
EUR 100
- Għal kull parteċipant fil-kompetizzjonijiet tal-ħiliet tal-VET
- Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-grupp tal-istudenti
- Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għall-korsijiet u t-taħriġ
- Għal kull espert mistieden
- Għal kull għalliem jew edukatur ospitat li jkun qiegħed jitħarreġ
EUR 350; EUR 200 wara mitt parteċipant fl-istess tip ta’ attività
- Għal kull parteċipant fil-mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir ta’ studenti tal-VET
- Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għal job shadowing u inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ
EUR 500
- Għal kull parteċipant fil-mobbiltà għall-apprendiment fit-tul ta’ studenti tal-VET (ErasmusPro)
- Għal kull parteċipant fi kwalunkwe attività li sseħħ f’pajjiż terzi mhux assoċjat mal-Programm
Kategorija tal-baġit - Vjaġġar
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivjaġġar bir-ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività.
Taħt 500 km, il-parteċipant, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġa b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament:kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ parteċipanti u l-akkumpanjaturi
L-applikant irid jindika d-distanza lil hinn biss bl-ajru bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività19 billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea20 .
Ammont
Distanza tal-ivvjaġġar | Vjaġġar ekoloġiku | Vjaġġar mhux ekoloġiku |
---|---|---|
10 – 99 km | EUR 56 | EUR 28 |
100 – 499 km | EUR 285 | EUR 211 |
500 – 1999 km | EUR 417 | EUR 309 |
2000 – 2999 km | EUR 535 | EUR 395 |
3000 – 3999 km | EUR 785 | EUR 580 |
4000 – 7999 km | EUR 1188 | EUR 1188 |
8000 km jew aktar | EUR 1735 | EUR 1735 |
Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kostijiet ta’ sussistenza għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi21 matul l-attività.
Jekk meħtieġ, il-kostijiet ta’ sussistenza jkunu eliġibbli għal ħin ta’ vjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta’ vjaġġar għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturili jirċievu għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku, u massimu ta’ 6 ijiem f’każ ta’ għotja għall-ivjaġġar ekoloġiku.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni:abbażi tan-numru ta’ persuni u akkumpanjaturi, id-durata tas-soġġorn u l-pajjiż li jilqa’22 .
Ammont
Kategorija ta’ parteċipanti | Grupp ta’ pajjiżi 1 | Grupp ta’ pajjiżi 2 | Grupp ta’ pajjiżi 3 |
---|---|---|---|
Persunal | EUR 107-191 | EUR 95-169 | EUR 84-148 |
Studenti tal-VET | EUR 48-127 | EUR 41-110 | EUR 36-93 |
Dawn ta’ hawn fuq huma l-meded permessi għar-rati bażi għal kull jum ta’ attività. F’dawn il-meded, kull Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi dwar ir-rati bażi eżatti għall-proġetti taħt il-ġestjoni tagħha, u se tippubblika din l-informazzjoni fuq is-sit web tagħha.
Ir-rata bażi hija pagabbli sal-14-il jum tal-attività (inklużi l-jiem ta’ vvjaġġar). Mill-15-il jum, ir-rata pagabbli se tkun ugwali għal 70 % tar-rata bażi. Ir-rati pagabbli jiġu aġġustati għall-eqreb Euro sħiħ.
Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Il-kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Ammont
EUR 125 għal kull parteċipant
Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u mal-akkumpanjaturi tagħhom (inklużi kostijiet relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”). L-appoġġ għall-inklużjoni jista’ jiġi pprovdut ukoll lil persunal b’inqas opportunitajiet li jieħu r-rwol ta’ akkumpanjaturi jew li jipparteċipa fi żjara preparatorja.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.
Ammont
100 % tal-kostijiet eliġibbli
Kategorija tal-baġit - Żjarat preparatorji
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Il-kostijiet li jkopru l-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipazzjoni fi żjara preparatorja.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.
Ammont
EUR 680 għal kull parteċipant
Kategorija tal-baġit - Tariffi tal-kors
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kostijiet li jkopru t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għall-format tal-mobbiltà tal-persunal “Korsijiet u taħriġ”.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tal-kors.
Ammont
EUR 80 għal kull parteċipant kull jum
Kategorija tal-baġit - Appoġġ lingwistiku
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Il-kostijiet tal-provvista ta’ materjali għall-apprendiment tal-lingwi u ta’ taħriġ għall-parteċipanti li jeħtieġ itejbu l-għarfien tal-lingwa li se jkunu qegħdin jużaw biex jistudjaw jew biex jirċievu taħriġ matul l-attività tagħhom.
L-appoġġ lingwistiku huwa eliġibbli għall-parteċipanti fit-tipi ta’ attivitajiet li ġejjin: Fil-job shadowing, fl-inkarigi ta’ tagħlim u ta’ taħriġ, fil-mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir tal-istudenti tal-VET u fil-mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-VET (ErasmusPro).
L-appoġġ jitħallas biss jekk il-parteċipant ma jkunx jista’ jirċievi Appoġġ Lingwistiku Online minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lingwa jew tal-livell meħtieġ, jew minħabba ostakli partikolari li jiffaċċjaw il-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. Il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma japplikawx għal appoġġ imsaħħaħ ipprovdut lill-parteċipanti fil-Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-VET (ErasmusPro).
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.
Ammont
EUR 150 għal kull parteċipant
Barra minn hekk: EUR 150 ta’ appoġġ lingwistiku msaħħaħ għal kull parteċipant f’Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti tal-VET (ErasmusPro)
Kategorija tal-baġit – Kostijiet eċċezzjonali
Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli
Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.
Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi tagħhom li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-kategorija standard “Vjaġġar” minħabba l-pożizzjoni ġeografika remota jew ostakli oħrajn. Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar abbażi ta’ kostijiet unitarji.
Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali. L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.
Ammont
Kostijiet għal garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli
Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar
Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli
- https://www.cedefop.europa.eu/files/osnabrueck_declaration_eu2020.pdf ↩ back
- https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223 ↩ back
- Standards ta’ kwalità tal-Erasmus: www.erasmus-plus.ec.europa.eu/document/erasmus-quality-standards-mobility-projects-vet-adults-schools ↩ back
- Kwalunkwe mobbiltà tal-istudenti tal-VET titqies bħala “Traineeship ta’ Opportunità Diġitali” meta waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin jiġu pprattikati mit-trainee: il-kummerċjalizzazzjoni diġitali (pereżempju l-ġestjoni tal-media soċjali, l-analitika tal-web); id-disinn grafiku, mekkaniku jew arkitettoniku diġitali; l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet, software, kitbiet, jew siti web; l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi u n-networks tal-IT; iċ-ċibersigurtà; l-analitika tad- data , l-estrazzjoni u l-viżwalizzazzjoni; l-ipprogrammar u t-taħriġ tar-robots u l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali. L-appoġġ ġeneriku tal-klijent, it-twettiq tal-ordni, id-dħul tad- data jew il-kompiti tal-uffiċċju ma jitqisux f’din il-kategorija. ↩ back
- Vjaġġi transfruntiera qosra huma permessi meta rilevanti għall-attività, madankollu għall-fini tal-kalkolu tal-għotja dan mhux se jitqies bħala bidla fil-pajjiż tal-post. Jekk jiġu organizzati attivitajiet konsekuttivi f’pajjiżi differenti, kull attività trid tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà rilevanti kollha waħedha. ↩ back
- Aktar dettalji dwar id-definizzjoni tal-kompetizzjonijiet tal-ħiliet tal-VET jinsabu fil-Parti D – Glossarju tat-termini. ↩ back
- Il-programmi ta’ attività fi grupp li jikkonsistu kompletament jew prinċipalment f’attivitajiet kummerċjalment disponibbli bħal korsijiet fi skola tal-lingwi jew f’attivitajiet kummerċjali oħrajn “lesti” ma humiex eliġibbli. L-attivitajiet għand il-fornitur tal-VET ospitanti jistgħu jiġu kkomplementati b’perjodu ta’ żmien li fih jiġi pprattikat l-apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol f’kumpanija. Jekk rilevanti għall-programm ta’ apprendiment tal-attività, l-istudenti jistgħu jqattgħu parti mill-perjodu ta’ mobbiltà fi vjaġġi konġunti fin-natura, postijiet kulturali, kompetizzjonijiet internazzjonali jew attivitajiet ta’ apprendiment simili. Madankollu, kontenut bħal dan dejjem irid ikun sekondarju għall-attivitajiet ewlenin ta’ apprendiment u jkun inkorporat fi programm ta’ apprendiment bejn il-pari mfassal miż-żewġ fornituri tal-VET. ↩ back
- Fil-każijiet kollha, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti jibqgħu responsabbli sabiex jiżguraw ir-rispett sħiħ tar-regoli u l-liġijiet applikabbli fil-pajjiżi li jibagħtu u dawk ospitanti. ↩ back
- Il-programmi tal-iVET u tas-cVET eliġibbli f’kull Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm se jiġu ddefiniti mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti. ↩ back
- L-Awtorità Nazzjonali kompetenti se tiddeċiedi jekk il-programmi tal-iVET kollha jew uħud minnhom biss humiex eliġibbli għal attivitajiet ta’ mobbiltà fi grupp. ↩ back
- Vjaġġi transfruntiera qosra huma permessi meta rilevanti għall-attività, madankollu għall-fini tal-kalkolu tal-għotja dan mhux se jitqies bħala bidla fil-pajjiż tal-post. Jekk jiġu organizzati attivitajiet konsekuttivi f’pajjiżi differenti, kull attività trid tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà rilevanti kollha waħedha. ↩ back
- Is-Sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strażburgu u The Hague. L-attivitajiet fis-sedi tal-UE se jitqiesu bħala mobbiltà tranżnazzjonali (kif deskritt fit-taqsima “X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?”) u jista’ jintalab finanzjament għall-parteċipanti kollha, irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. ↩ back
- Il-gradwati reċenti huma eliġibbli biex jipparteċipaw sa 12-il xahar wara li jkunu ggradwaw. F’każ li l-parteċipanti kienu qed iwettqu servizz ċivili jew militari obbligatorju wara li ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà se jiġi estiż bid-durata tas-servizz. ↩ back
- L-organizzazzjonijiet eliġibbli f’kull Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm se jiġu ddefiniti mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti flimkien ma’ eżempji rilevanti. ↩ back
- Il-fornituri tal-VET stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm li għandhom status u funzjoni speċjali taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiż ieħor jista’ jkollhom bżonn japplikaw għall-NA tal-pajjiż ta’ superviżjoni. Għal informazzjoni preċiża f’kull każ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż ospitanti jew fil-pajjiż tal-awtorità nazzjonali rilevanti. Minħabba r-rekwiżiti biex l-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà jkunu tranżnazzjonali, il-fornituri tal-VET f’dan it-tip ta’ status speċjali ma jistgħux jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà ma’ organizzazzjonijiet oħra fl-istess status (jiġifieri taħt superviżjoni mill-istess Awtorità Nazzjonali u Aġenzija Nazzjonali), anke jekk l-organizzazzjoni l-oħra tkun tinsab f’pajjiż differenti. ↩ back
- Għal finijiet kontraenti, il-membri tal-konsorzju jistgħu jkunu kobenefiċjarji, entitajiet affiljati jew partijiet terzi li jirċievu appoġġ finanzjarju. L-appoġġ lil partijiet terzi jista’ jiġi pprovdut abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fl-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus għal attivitajiet eliġibbli u parteċipanti eliġibbli definiti għal din l-azzjoni, sa ammont massimu ta’ EUR 60,000 għal kull organizzazzjoni riċevetriċi. Il-membri tal-konsorzju li huma legalment parti mill-istess entità bħall-koordinatur tal-konsorzju jistgħu jibbenefikaw mill-għotja tal-proġett, u mhux se jitqiesu bħala kobenefiċjarji, entitajiet affiljati jew partijiet terzi għal skopijiet legali. Id-deċiżjoni dwar l-istruttura kuntrattwali ta’ kull proġett ta’ konsorzju tal-mobbiltà se tittieħed mill-Aġenzija Nazzjonali abbażi tal-istatus u r-rabtiet formali tal-koordinatur tal-konsorzju u l-membri tal-konsorzju fil-qafas legali nazzjonali. Fil-każijiet kollha, il-membri tal-konsorzju parteċipanti jridu jiġu elenkati fl-applikazzjoni tal-proġett u l-ftehim tal-għotja tal-proġett bħala parti mid-deskrizzjoni tal-proġett. ↩ back
- Il-kategoriji tal-baġit “Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti” u “Kostijiet eċċezzjonali għall-ivjaġġar għali” mhux se jgħoddu ma’ dan il-limitu. ↩ back
- L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tagħmel modifiki limitati għall-aġġustament proporzjonali biex tippermetti idoneità aħjar bejn l-għotja mogħtija u l-attivitajiet fil-mira, biex tiżgura koerenza mal-Pjan Erasmus approvat, biex tipprovdi appoġġ adegwat għal attivitajiet prijoritarji, iżżomm mill-inqas parteċipant wieħed f’kull tip u kategorija ta’ attività mitluba mill-applikant, u tikkonforma mar-regoli tas-sejħa. ↩ back
- Pereżempju , jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1,365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
- http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
- Fil-każ ta’ akkumpanjaturi, japplikaw ir-rati għall-persunal. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-akkumpanjatur ikun jeħtieġ joqgħod barra l-pajjiż għal aktar minn 60 jum, il-kostijiet żejda ta’ sussistenza wara s-60 jum se jiġu appoġġati taħt l-intestatura tal-baġit “Appoġġ għall-inklużjoni”. ↩ back
-
Gruppi ta’ pajjiżi li jilqgħu għall-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm:
Grupp ta’ pajjiżi 1 : L-Awstrija, il-Belġju, Franza, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja
Grupp ta’ pajjiżi 2 : Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja
Grupp ta’ pajjiżi 3 : Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq, it-Turkija .Gruppi ta’ pajjiżi li jilqgħu għal pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm:
Grupp ta’ pajjiżi 1: Il-Ġappun, Iżrael, il-Korea t’Isfel, il-Georgia, l-Arġentina, l-Armenja, l-Angola, l-Arabja Sawdija, il-Kuwajt, l-Istati Uniti, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera, il-Bahrain, l-Ażerbajġan, is-Sudan, Saint Kitts u Nevis, Saint Vincent u l-Grenadini, l-Emirati Għarab Magħquda, Hong Kong, il-Libanu, il-Vjetnam, il-Messiku, it-Tajwan, il-Moldova, il-Malażja, it-Tanzanija, il-Kanada, Singapore, l-Awstralja, it-Tajlandja, il-Gżejjer Faeroe, Monaco, San Marino, l-Istat tal-Belt tal-Vatikan, Andorra.
Grupp ta’ pajjiżi 2: L-Indja, il-Każakistan, il-Brażil, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iċ-Ċilì, in-Niġerja, l-Uganda, il-Liberja, il-Djibouti, ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, l-Użbekistan, it-Turkmenistan, ir-Repubblika Dominicana, il-Ġamajka, il-Libja, is-Sirja, Kuba, il-Jemen, il-Kenja, ir-Rwanda, is-Seychelles, Antigua u Barbuda, il-Brunei, il-Montenegro, il-Malawi, Barbados, Saint Lucia, Grenada, Dominica, l-Urugwaj, l-Albanija, iċ-Ċina, il-Filippini, il-Perù, il-Venezwela, il-Panama, il-Ghana, iċ-Chad, il-Guyana, l-Eġittu, il-Marokk, Kiribati, l-Oman, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iran, il-Mozambique, is-Senegal, Mauritius, il-Qatar, il-Ġordan, l-Indoneżja, il-Laos, l-Afrika t’Isfel, l-Etjopja, il-Bangladesh, l-Ekwador, il-Paragwaj, il-Costa Rica, il-Kosta tal-Avorju, Sierra Leone, il-Gabon, il-Haiti, il-Bahamas, Papua New Guinea, il-Mikroneżja, l-Ukrajna, il-Kirgistan, ir-Russja, il-Palestina .
Grupp ta’ pajjiżi 3: In-Nepal, il-Maldivi, it-Taġikistan, in-Nikaragwa, iż-Żambja, il-Guinea, il-Kongo, il-Botswana, il-Belize, Samoa, il-Gżejjer Marshall, Palau, Tuvalu, Nauru, il-Gżejjer Cook, Niue, New Zealand, il-Pakistan, il-Bhutan, El Salvador, is-Suriname, il-Gwatemala, il-Honduras, is-Somalja, Trinidad u Tobago, l-Alġerija, il-Kolombja, il-Gambja, Fiġi, il-Gżejjer Solomon, Vanuatu, il-Kambodja, iż-Żimbabwe, il-Burundi, il-Mongolja, il-Kamerun, Timor Leste, is-Sri Lanka, Madagascar, il-Mali, it-Togo, São Tomé u Príncipe, Tonga, il-Bolivja, il-Benin, il-Lesoto, il-Macao, it-Tuneżija, l-Iraq, il-Burkina Faso, il-Guinea Ekwatorjali, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Guinea-Bissau, in-Namibja, Comoros, l-Eritrea, il-Myanmar, l-Afganistan, in-Niġer, il-Mauritania, Cabo Verde, il-Kosovo, l-Eswatini, is-Sudan t’Isfel. ↩ back