Akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti
L-akkreditazzjoni tal-Erasmus hija għodda għall-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), l-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti li jridu jinfetħu għall-iskambju u l-kooperazzjoni transfruntiera. L-għoti tal-akkreditazzjoni tal-Erasmus jikkonferma li l-applikant ikun stabbilixxa pjan sabiex jimplimenta attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja bħala parti minn sforz usa’ sabiex jiżviluppa l-organizzazzjoni tiegħu. Dan il-pjan jissejjaħ Pjan Erasmus u huwa parti ewlenija mill-applikazzjoni għal akkreditazzjoni tal-Erasmus.
L-applikanti jistgħu japplikaw għal akkreditazzjoni individwali tal-Erasmus għall-organizzazzjoni tagħhom, jew għal akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi ta’ konsorzju ta’ mobbiltà, kif spjegat hawn taħt. Mhix meħtieġa esperjenza preċedenti fil-Programm biex wieħed japplika.
L-organizzazzjonijiet li diġà għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus jistgħu jingħataw tikketta ta’ eċċellenza sabiex tiġi rrikonoxxuta l-ħidma preċedenti u d-dedikazzjoni tagħhom għall-kwalità.
Kif taċċessa l-opportunitajiet ta’ mobbiltà b’akkreditazzjoni tal-Erasmus?
Applikanti li jirnexxu għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jiksbu aċċess simplifikat għal opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-forma ta’ proġetti ta’ mobbiltà akkreditati ppreżentati f’din il-Gwida.
Objettivi tal-azzjoni
Fit-tliet oqsma kollha:
Tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u tal-apprendiment billi:
- jiġu promossi l-valuri tal-inklużjoni u tad-diversità, tat-tolleranza u tal-parteċipazzjoni demokratika
- jiġi promoss l-għarfien dwar il-wirt u d-diversità komuni Ewropej
- jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ networks professjonali madwar l-Ewropa
Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali:
Kontribuzzjoni għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u d-Dikjarazzjoni ta’ 1 u għall-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa2 , u għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi:
- tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali u kontinwi (IVET u CVET)
- jissaħħu l-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet trażversali, b’mod partikolari l-apprendiment tal-lingwi u l-ħiliet diġitali
- jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ ħiliet speċifiċi għall-impjiegi meħtieġa fis-suq tax-xogħol attwali u futur
- jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u jiġi promoss l-użu ta’ metodi u teknoloġiji pedagoġiċi ġodda u innovattivi, u jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tal-ħarrieġa, tal-mentors u ta’ persunal ieħor fil-VET
- tinbena l-kapaċità tal-fornituri tal-VET biex iwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja, u l-kapaċità tagħhom li jifformaw sħubijiet ta’ kwalità filwaqt li jiżviluppaw l-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tagħhom
- il-mobbiltà ssir possibbiltà realistika għal kwalunkwe student fl-IVET u s-CVET, u tiżdied id-durata medja tal-mobbiltà għall-istudenti tal-VET biex tittejjeb il-kwalità u jiżdied l-impatt tagħha
- jitrawmu l-kwalità, it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment tal-perjodi ta’ mobbiltà barra l-pajjiż, speċjalment permezz ta’ għodod u strumenti Ewropej għal dan l-iskop
Fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika
Titjib fil-kwalità tat-tagħlim u tal-apprendiment fl-edukazzjoni skolastika billi:
- jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tal-mexxejja tal-iskejjel u ta’ persunal ieħor tal-iskejjel
- jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi
- jittejbu l-apprendiment tal-lingwi u d-diversità tal-lingwi fl-iskejjel
- jiġu appoġġati l-kondiviżjoni u t-trasferiment tal-aħjar prattiki fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-iskola
Kontribuzzjoni għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi:
- tinbena l-kapaċità tal-iskejjel biex jinvolvu ruħhom fi skambji u kooperazzjoni transfruntiera, u jwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja
- il-mobbiltà għall-apprendiment issir possibbiltà realistika għal kwalunkwe student fl-edukazzjoni skolastika
- jitrawwem ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment tal-istudenti tal-iskola u tal-persunal f’perjodi ta’ mobbiltà barra l-pajjiż
Fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti:
Kontribuzzjoni għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u għall-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa3 billi:
- tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-adulti
- tittejjeb il-kwalità tal-offerta tal-edukazzjoni għall-adulti permezz tal-professjonalizzazzjoni tal-persunal tagħha u l-bini tal-kapaċitajiet tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti sabiex jimplimentaw programmi ta’ apprendiment ta’ kwalità għolja
- tittejjeb il-kwalità tat-tagħlim u l-apprendiment f’kull forma ta’ edukazzjoni għall-adulti, u l-fatt li din issir rilevanti għall-ħtiġijiet tas-soċjetà inġenerali
- jittejjeb l-għoti ta’ edukazzjoni għall-adulti għal kompetenzi ewlenin kif definiti mill-qafas tal-UE (2018), inklużi l-ħiliet bażiċi (il-litteriżmu, in-numeriżmu, il-ħiliet diġitali) u l-ħiliet oħrajn tal-ħajja
- tinbena l-kapaċità tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti biex iwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja
- tiżdied il-parteċipazzjoni tal-adulti ta’ kull età u sfond soċjoekonomiku fl-edukazzjoni għall-adulti, speċjalment billi titrawwem il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ studenti żvantaġġati, fornituri żgħar tal-edukazzjoni għall-adulti, parteċipanti ġodda fil-Programm u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza, kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ bażi bbażati fil-komunità
Kriterji tal-eliġibbiltà
Min jista’ japplika?
Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali:
- Organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali inizjali jew kontinwi4
- Awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
- Il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati oħrajn li jospitaw, iħarrġu jew jaħdmu b’xi mod ieħor mal-istudenti u l-apprendisti fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali
Fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika:
- L-iskejjel li jipprovdu edukazzjoni ġenerali fil-livell preprimarju, primarju jew sekondarju5
- Awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika
Fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti:
- L-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-adulti6
- L-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, il-korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti
Definizzjonijiet u prinċipji applikabbli fit-tliet oqsma kollha
L-eliġibbiltà tal-organizzazzjonijiet skont il-kriterju (1) se tiġi ddeterminata abbażi tal-programmi u tal-attivitajiet edukattivi li jkunu qegħdin jipprovdu. Organizzazzjoni tista’ tkun eliġibbli f’aktar minn qasam wieħed jekk tkun qiegħda tipprovdi programmi u attivitajiet edukattivi differenti.
L-Awtorità Nazzjonali kompetenti f’kull pajjiż se tiddefinixxi:
- il-programmi u l-attivitajiet edukattivi li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ikunu eliġibbli taħt il-kriterju (1), u
- organizzazzjonijiet eliġibbli taħt il-kriterju (2).
Id-definizzjonijiet applikabbli u l-eżempji ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli se jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali responsabbli.
Pajjiżi eliġibbli
L-applikanti jeħtiġilhom ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Fejn tissottometti applikazzjoni?
L-applikazzjonijiet iridu jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.
Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni
1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)
Standards ta’ kwalità tal-Erasmus
L-applikanti għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jeħtiġilhom jissottoskrivu għall-istandards tal-kwalità tal-Erasmus kif ippreżentati fuq is-sit web Europa: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/document/erasmus-quality-standards-mobility-projects-vet-adults-schools
L-istandards tal-kwalità tal-Erasmus jistgħu jiġu aġġornati matul il-perjodu ta’ validità tal-akkreditazzjoni. F’dak il-każ, se jintalab ftehim mal-organizzazzjonijiet akkreditati qabel ma jkunu jistgħu japplikaw għall-għotja li jmiss tagħhom.
Numru ta’ applikazzjonijiet
Organizzazzjoni tista’ tapplika darba f’kull wieħed mit-tliet oqsma koperti minn din is-sejħa: edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika. L-organizzazzjonijiet li japplikaw għal aktar minn qasam wieħed jeħtieġ li jissottomettu applikazzjonijiet separati għal kull qasam.
L-organizzazzjonijiet li diġà għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus ma jistgħux japplikaw għal akkreditazzjoni ġdida fl-istess qasam.
Tip ta’ applikazzjonijiet
L-applikanti jistgħu japplikaw bħala organizzazzjoni individwali jew bħala koordinatur tal-konsorzju ta’ mobbiltà. Ma huwiex possibbli li ssir applikazzjoni għaż-żewġ tipi ta’ akkreditazzjoni fl-istess qasam.
Akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi ta’ konsorzju ta’ mobbiltà
Konsorzju ta’ mobbiltà huwa grupp ta’ organizzazzjonijiet mill-istess pajjiż li jimplimenta attivitajiet ta’ mobbiltà bħala parti minn Pjan konġunt tal-Erasmus. Kull konsorzju ta’ mobbiltà huwa kkoordinat minn organizzazzjoni ewlenija waħda: koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà li jrid ikun akkreditat b’akkreditazzjoni tal-Erasmus.
Il-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà jista’ jorganizza attivitajiet huwa stess (l-istess bħal kwalunkwe organizzazzjoni b’akkreditazzjoni individwali), u barra minn hekk jista’ jipprovdi opportunitajiet ta’ mobbiltà lil organizzazzjonijiet membri oħrajn fil-konsorzju tiegħu. Akkreditazzjoni tal-Erasmus ma hijiex meħtieġa għall-membri tal-konsorzju.
L-applikanti għall-koordinaturi ta’ konsorzju tal-mobbiltà se jkunu meħtieġa jiddeskrivu l-iskop u l-kompożizzjoni ppjanata tal-konsorzju tagħhom fl-applikazzjoni. L-organizzazzjonijiet membri tal-konsorzju ppjanati kollha jridu jkunu mill-istess Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm bħall-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà. Madankollu, f’dan l-istadju ma hijiex meħtieġa lista eżatta tal-membri tal-konsorzju.
Għall-kriterji tal-eliġibbiltà li japplikaw għall-membri tal-konsorzju u għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ara t-taqsima dwar proġetti ta’ mobbiltà akkreditati.
Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ
Organizzazzjoni ta’ appoġġ hija organizzazzjoni li tassisti organizzazzjoni akkreditata f’aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-proġett li ma jikkonċernawx kompiti ewlenin tal-proġett kif definiti fl-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus.
Kwalunkwe organizzazzjoni attiva fl-edukazzjoni u t-taħriġ tista’ ssir organizzazzjoni ta’ appoġġ. Ir-rwol u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jiġu ddefiniti b’mod formali bejniethom u bejn l-organizzazzjoni akkreditata. L-organizzazzjoni ta’ appoġġ taġixxi taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni akkreditata, li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ responsabbli għar-riżultati u l-kwalità tal-attivitajiet implimentati. Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus.
F’konsorzju tal-mobbiltà, l-organizzazzjonijiet membri tal-konsorzju jitqiesu bħala organizzazzjonijiet ta’ appoġġ jekk sistematikament iwettqu kompiti marbuta ma’ attivitajiet ta’ mobbiltà għal parteċipanti li jaħdmu għal organizzazzjonijiet membri oħrajn tal-konsorzju jew irreġistrati fihom.
L-organizzazzjonijiet li qed jospitaw li jipprovdu kontenut ta’ apprendiment u mentoraġġ lill-parteċipanti tal-organizzazzjoni benefiċjarja ma jitqisux bħala organizzazzjonijiet ta’ appoġġ, sakemm fl-istess ħin ma jkunux qed jappoġġaw lill-benefiċjarju f’kompiti oħrajn ta’ ġestjoni tal-proġetti li normalment jitwettqu mill-organizzazzjoni li tibgħat.
Kriterji tal-għażla
L-applikanti jeħtieġ ikollhom kapaċità operazzjonali u professjonali suffiċjenti biex jimplimentaw il-Pjan Erasmus propost, inklużi mill-inqas sentejn ta’ esperjenza rilevanti fil-qasam tal-applikazzjoni u, fil-każ tal-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà, irid ikollu kapaċità xierqa sabiex jikkoordina l-konsorzju.
Jekk jogħġbok aqra l-Parti C ta’ din il-Gwida għal aktar informazzjoni dwar il-kriterji ġenerali tal-kapaċità operazzjonali u dawn ir-rekwiżiti speċifiċi għall-applikanti tal-akkreditazzjoni.
Kriterji tal-esklużjoni
L-applikanti jeħtiġilhom jissottomettu dikjarazzjoni ffirmata fuq l-unur tagħhom, li tiċċertifika li ma jinsabu fl-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-kriterji tal-esklużjoni elenkati fil-Parti C ta’ din il-Gwida, li l-Pjan Erasmus sottomess fih kontenut oriġinali miktub mill-applikant, u li ma tħallset l-ebda organizzazzjoni oħra jew individwu estern ieħor għall-abbozzar tal-applikazzjoni.
Fl-istess ħin, l-applikanti huma permessi u mħeġġa jfittxu parir ta’ politika minn awtoritajiet u esperti tal-edukazzjoni rilevanti, jew jiskambjaw prattiki tajba ma’ organizzazzjonijiet simili għal tagħhom li għandhom aktar esperjenza fl-Erasmus+. L-applikanti għal koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà jistgħu jikkonsultaw ma’ membri potenzjali tal-konsorzju meta jkunu qegħdin jabbozzaw l-applikazzjoni tagħhom. L-applikanti jistgħu jappoġġaw l-applikazzjoni tagħhom b’dokumenti strateġiċi rilevanti għall-Pjan Erasmus tagħhom, bħal strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni jew strateġija żviluppata mill-korpi ta’ superviżjoni jew ta’ koordinazzjoni tagħhom.
Kriterji għall-għoti
L-applikazzjonijiet se jiġu evalwati b’mod separat għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, għall-edukazzjoni skolastika u għall-edukazzjoni għall-adulti. Il-kwalità tal-applikazzjonijiet se tiġi vvalutata billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-ponderazzjonijiet ta’ hawn taħt.
Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:
- Mill-inqas 70 mit-total ta’ 100 punt, u
- Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-erba’ kategoriji tal-kriterji għall-għoti
Rilevanza - (punteġġ massimu: 10 punti)
Kemm:
- il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet u l-popolazzjoni fil-mira ta’ studenti tal-applikant huma rilevanti għall-qasam tal-applikazzjoni u l-objettivi tal-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus, u t-tip ta’ applikazzjoni (organizzazzjoni individwali jew koordinatur ta’ konsorzju)
- il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
- barra minn hekk, għall-organizzazzjonijiet li japplikaw sabiex isiru koordinaturi akkreditati tal-konsorzju:
- il-profil tal-membri tal-konsorzju ppjanati huwa rilevanti għall-iskop u għall-objettivi tal-konsorzju kif definit fl-applikazzjoni, għall-qasam tal-applikazzjoni u għall-objettivi tal-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus
- il-ħolqien tal-konsorzju jġib valur miżjud ċar għall-membri tiegħu f’termini tal-objettivi tal-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus
Pjan Erasmus: Objettivi - (punteġġ massimu: 40 punt)
Kemm:
- il-Pjan Erasmus propost huwa konformi mal-objettivi tal-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus
- l-objettivi tal-Pjan Erasmus propost jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-applikant, tal-persunal tiegħu u tal-istudenti b’mod ċar u konkret
- għall-koordinaturi tal-konsorzju, dan il-kriterju japplika għall-konsorzju ppjanat kollu u jirrikjedi li l-objettivi tal-Pjan Erasmus ikunu koerenti mal-iskop tal-konsorzju kif definit fl-applikazzjoni.
- l-objettivi tal-Pjan Erasmus propost u t-twaqqit tagħhom huma realistiċi u ambizzjużi biżżejjed biex jinkiseb impatt pożittiv għall-organizzazzjoni (jew għall-konsorzju).
- il-miżuri proposti sabiex jinżamm rendikont u jiġi evalwat il-progress tal-objettivi tal-Pjan Erasmus huma xierqa u konkreti
- Jekk l-applikant ikun hemeż dokumenti strateġiċi mal-applikazzjoni tiegħu: hemm spjegazzjoni ċara tar-rabta bejn il-Pjan Erasmus propost u d-dokumenti inklużi
Pjan Erasmus: Attivitajiet - (punteġġ massimu: 20 punt)
Kemm:
- in-numru propost ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobbiltà huwa proporzjonali għad-daqs u għall-esperjenza tal-organizzazzjoni applikanti
- għall-koordinaturi tal-konsorzju, se jitqies id-daqs ippjanat tal-konsorzju
- in-numru propost ta’ parteċipanti fl-attivitajiet ta’ mobbiltà huwa realistiku u xieraq għall-objettivi stabbiliti fil-Pjan Erasmus
- il-profili tal-parteċipanti ppjanati huma rilevanti għall-qasam tal-applikazzjoni, il-Pjan Erasmus propost, u l-objettivi tal-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus
- fejn ikun rilevanti u jekk l-applikant qiegħed jippjana li jorganizza attivitajiet ta’ mobbiltà għall-istudenti: l-involviment ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet
Pjan Erasmus: Ġestjoni - (punteġġ massimu: 30 punt)
Kemm:
- l-applikant ippropona modi konkreti biex jikkontribwixxi għall-prinċipji bażiċi tal-akkreditazzjoni tal-Erasmus deskritti fl-istandards tal-kwalità tal-Erasmus
- l-applikant ippropona allokazzjoni ċara u sħiħa tal-kompiti f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus
- l-applikant alloka riżorsi xierqa għall-ġestjoni tal-attivitajiet tal-Programm f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus
- ikun hemm involviment xieraq fil-livell ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni
- ikunu ġew iddefiniti miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-programm f’każ ta’ bidliet fil-persunal jew fil-ġestjoni tal-organizzazzjoni applikanti
- l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà tiegħu fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni
- għall-koordinaturi ta’ konsorzju, dan il-kriterju japplika għall-konsorzju ppjanat kollu
In-numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet tal-Erasmus mogħtija
F’pajjiżi fejn l-interess għall-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huwa għoli ħafna, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tistabbilixxi numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet li għandhom jingħataw. Din id-deċiżjoni se tittieħed fuq bażi separata għal kull wieħed mit-tliet oqsma u se tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali flimkien ma’ din is-Sejħa.
Jekk l-Aġenzija Nazzjonali ma tistabbilixxix numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet approvati għal qasam partikolari, l-applikanti kollha li jissodisfaw il-kriterji minimi stabbiliti f’din is-Sejħa jingħataw akkreditazzjoni.
Jekk l-Aġenzija Nazzjonali tistabbilixxi numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet approvati għal qasam partikolari, se tiġi stabbilita lista ta’ klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet li jissodisfaw il-kriterji minimi. L-akkreditazzjonijiet se jingħataw lill-applikazzjonijiet bl-ewwel waħda tkun dik bl-ogħla punteġġ sakemm jintlaħaq in-numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet mogħtija. F’każ li aktar minn applikazzjoni waħda jkollha l-istess numru ta’ punti bħall-aħħar waħda li għandha tingħata, in-numru massimu ta’ akkreditazzjonijiet mogħtija se jiżdied biex jinkludi l-applikazzjonijiet kollha b’dak in-numru ta’ punti.
Validità
Il-validità tal-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus mogħtija skont din is-sejħa għal proposti tibda fl-1 ta’ Frar 2024 u tkompli matul il-perjodu ta’ programmazzjoni kollu sal-2027. Sabiex jiġi żgurat l-ippjanar realistiku, il-Pjan Erasmus sottomess se jkopri perjodu iqsar ta’ sentejn sa ħames snin, u se jiġi aġġornat perjodikament.
F’każ li tkun meħtieġa akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-parteċipazzjoni fi kwalunkwe azzjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ testendi l-validità tal-akkreditazzjoni skont il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ din il-possibbiltà, l-applikanti jistgħu jissottomettu Pjanijiet tal-Erasmus li jestendu lil hinn mill-2027.
L-akkreditazzjoni tista’ tintemm fi kwalunkwe ħin f’każ li l-organizzazzjoni ma tibqax teżisti jew bi ftehim mal-Aġenzija Nazzjonali u l-organizzazzjoni akkreditata. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm l-akkreditazzjoni b’mod unilaterali skont il-kundizzjonijiet deskritti taħt “Rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità”. It-terminazzjoni unilaterali tal-akkreditazzjoni mill-organizzazzjoni akkreditata tkun possibbli biss jekk matul mill-inqas tliet snin konsekuttivi l-akkreditazzjoni ma tkunx intużat biex jiġu sottomessi applikazzjonijiet għal proġetti ta’ mobbiltà akkreditati.
In-nuqqas ta’ trasferibbiltà
L-akkreditazzjoni tal-Erasmus ma tistax tiġi ttrasferita bejn l-organizzazzjonijiet. Bħala eċċezzjoni, f’każ ta’ bidliet strutturali għal organizzazzjoni akkreditata (pereżempju, qasma, fużjoni, bidla ta’ entità ġuridika, statut jew sjieda), l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tittrasferixxi l-akkreditazzjoni lil organizzazzjoni suċċessur waħda abbażi ta’ talba mmotivata.
Rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità
Rapporti tal-għeluq fi tmiem kull ftehim ta’ għotja
Fi tmiem kull ftehim ta’ għotja approvat fil-qafas tal-akkreditazzjoni tal-Erasmus, l-organizzazzjoni akkreditata se tissottometti rapport finali dwar l-attivitajiet u l-miri li jkunu twettqu u nkisbu, kif speċifikat fil-ftehim ta’ għotja applikabbli.
Rapporti ta’ akkreditazzjoni
Abbażi tal-kontenut tal-Pjan Erasmus approvat, u mill-inqas darba matul perjodu ta’ ħames snin, l-organizzazzjonijiet akkreditati se jkunu meħtieġa:
- jirrapportaw dwar kif żguraw ir-rispett tal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus
- jirrapportaw dwar kif l-objettivi tal-Pjan Erasmus tagħhom qegħdin jimxu ’l quddiem
- jaġġornaw il-Pjan Erasmus tagħhom
L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tiddeċiedi li titlob l-elementi differenti elenkati hawn fuq fl-istess ħin, jew b’mod separat.
L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tissostitwixxi kwalunkwe rapport ta’ akkreditazzjoni bi żjara ta’ monitoraġġ strutturata.
Abbażi tal-prestazzjoni tal-organizzazzjoni akkreditata li tirriżulta minn kontrolli ta’ rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità, jew minħabba bidliet sinifikanti fl-organizzazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tibdel in-numru u l-iskeda tar-rapporti ta’ progress.
Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu b’mod volontarju jitolbu li jsir aġġornament tal-Pjan Erasmus tagħhom. Abbażi tar-raġunament tal-organizzazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi jekk aġġornament huwiex iġġustifikat. Aġġornament tal-Pjan Erasmus jista’ jinkludi talba għal bidla minn akkreditazzjoni ta’ organizzazzjoni individwali għal akkreditazzjoni għal koordinatur tal-konsorzju ta’ mobbiltà, jew bil-kontra.
Monitoraġġ u kontrolli
L-Aġenzija Nazzjonali tista’ torganizza kontrolli formali, żjarat ta’ monitoraġġ jew attivitajiet oħrajn biex iżżomm rendikont tal-progress u tal-prestazzjoni tal-organizzazzjonijiet akkreditati, tiżgura r-rispett tal-istandards tal-kwalità miftiehma, u tipprovdi l-appoġġ.
Il-kontrolli formali jistgħu jieħdu l-forma ta’ kontrolli dokumentati jew żjarat fuq il-post fl-organizzazzjoni akkreditata, lill-membri tal-konsorzju, lill-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ, u fi kwalunkwe bini ieħor fejn iseħħu attivitajiet rilevanti. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ titlob l-għajnuna tal-Aġenziji Nazzjonali f’pajjiżi oħrajn biex jikkontrollaw u jimmonitorjaw l-attivitajiet li jseħħu hemmhekk.
Wara rapport jew attività ta’ monitoraġġ, l-Aġenzija Nazzjonali se tipprovdi feedback lill-organizzazzjoni akkreditata. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ tipprovdi wkoll lill-organizzazzjoni akkreditata bi struzzjonijiet obbligatorji jew konsultattivi dwar kif tista’ ttejjeb il-prestazzjoni tagħha.
F’każ ta’ applikanti li jkunu għadhom kif ġew akkreditati, organizzazzjonijiet ta’ riskju għoli, jew f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-istruzzjonijiet u mad-dati ta’ skadenza tal-Aġenzija Nazzjonali, prestazzjoni baxxa ħafna li tirriżulta minn kontrolli ta’ rapportar, monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità, jew ksur tar-regoli tal-Programm (inkluż f’azzjoni oħra), l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tieħu l-miżuri rimedjali li ġejjin:
- Osservazzjoni: l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tillimita l-livell ta’ finanzjament li l-organizzazzjoni akkreditata tista’ tapplika għalih f’azzjonijiet fejn l-akkreditazzjoni tal-Erasmus tkun rekwiżit.
L-organizzazzjonijiet li jkunu għadhom kif ġew akkreditati jistgħu jitpoġġew taħt osservazzjoni jekk jiġi identifikat riskju ta’ implimentazzjoni ta’ kwalità baxxa matul il-kontroll tal-kapaċità operazzjonali, jew jekk l-assessuri tal-applikazzjoni jindikaw nuqqasijiet serji fil-Pjan Erasmus tal-applikant.
- Sospensjoni: l-organizzazzjonijiet sospiżi ma jistgħux japplikaw għal finanzjament f’azzjonijiet fejn l-akkreditazzjoni tal-Erasmus tkun rekwiżit. L-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm ukoll xi ftehimiet ta’ għotja jew il-ftehimiet ta’ għotja kollha li jkunu għaddejjin mogħtija fil-qafas tal-akkreditazzjoni sospiża.
- Terminazzjoni: f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità kontinwu mal-istruzzjonijiet u mad-dati ta’ skadenza tal-Aġenzija Nazzjonali, prestazzjoni baxxa ħafna, jew f’każ ta’ ksur ripetut jew sinifikanti tar-regoli tal-Programm (inkluż f’azzjoni oħra), l-Aġenzija Nazzjonali tista’ ttemm l-akkreditazzjoni u kull ftehimiet ta’ għotja li jkun għaddej fl-ambitu ta’ dik l-akkreditazzjoni.
Il-perjodu ta’ osservazzjoni jew ta’ sospensjoni se jkompli sakemm l-Aġenzija Nazzjonali tiddetermina li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-kwalità stabbiliti f’din is-Sejħa għal darba oħra huma ssodisfati, u li r-riskju ta’ prestazzjoni baxxa ġie indirizzat mill-organizzazzjoni akkreditata.
L-organizzazzjonijiet taħt sospensjoni jew osservazzjoni ma jistgħux japplikaw għal akkreditazzjoni ġdida fl-istess qasam.
Rikonoxximent tal-eċċellenza
L-organizzazzjonijiet akkreditati bl-aħjar prestazzjoni se jiġu rikonoxxuti permezz tal-għoti ta’ tikketti ta’ eċċellenza.
Bħala parti minn din is-Sejħa, tingħata tikketta ta’ eċċellenza lill-organizzazzjonijiet akkreditati kollha li kisbu punteġġ medju ta’ mill-inqas 85 punti fl-evalwazzjoni tal-aħħar żewġ rapporti finali tagħhom għall-proġetti ta’ mobbiltà akkreditati (il-proġetti li tlestew skont il-karta tal-mobbiltà tal-VET preċedenti matul il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-Erasmus+ 2014-2020 se jitqiesu għall-organizzazzjonijiet tal-VET li ġew akkreditati mill-ġdid permezz tal-proċedura ta’ akkreditazzjoni ħafifa skont is-sejħa għal proposti tal-2020). Sabiex jitqies, ir-rapport finali jrid jiġi ppreżentat, evalwat u magħluq sa mhux aktar tard mill-iskadenza tal-applikazzjoni għall-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus.
It-tikketti ta’ eċċellenza mogħtija se jkunu validi għal tliet snin, li jibdew mill-1 ta’ Frar tas-sena ta’ din is-Sejħa.
- Osnabrück ↩ back
- https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223 ↩ back
- https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1223 ↩ back
- Fornituri ta’ VET bi status speċjali u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiż ieħor jista’ jkollhom japplikaw mal-Awtoritajiet Nazzjonali (NA) tal-pajjiż ta’ superviżjoni. Għal informazzjoni preċiża f’kull każ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż ospitanti jew fil-pajjiż tal-awtorità nazzjonali rilevanti. ↩ back
- Inklużi l-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal f’età bikrija. Skejjel bi status speċjali u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali f’pajjiż ieħor (eż. Lycée français jew skejjel Ġermaniżi) jista’ jkollhom japplikaw mal-Aġenzija Nazzjonali (NA) tal-pajjiż ta’ superviżjoni. Għal informazzjoni preċiża f’kull każ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali fil-pajjiż ospitanti jew fil-pajjiż tal-awtorità nazzjonali rilevanti. ↩ back
- Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti, jekk jogħġbok innota li l-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali lil studenti adulti ġeneralment jitqiesu li huma fornituri ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u mhux fornituri ta’ edukazzjoni għall-adulti. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta d-definizzjonijiet applikabbli fis-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek. ↩ back