Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Mobbiltà għall-istudenti u għall-persunal fl-edukazzjoni għall-adulti

Din l-azzjoni tappoġġa lill-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħrajn attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-istudenti adulti u għall-persunal tal-edukazzjoni.

Hija appoġġata firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inkluż job shadowing u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-persunal, mobbiltà individwali u ta’ gruppi ta’ studenti adulti b’inqas opportunitajiet (b’mod partikolari studenti adulti b’livell baxx ta’ ħiliet), l-esperti mistiedna, u attivitajiet oħrajn kif spjegat hawn taħt.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jippromwovu b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà ambjentali u l-edukazzjoni diġitali permezz tal-attivitajiet tagħhom. Għandhom jagħmlu dan billi jużaw l-opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament ipprovduti mill-Programm għal dawn l-iskopijiet, billi jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti tagħhom, billi jikkondividu l-aħjar prattiki, u billi jagħżlu disinn xieraq għall-attivitajiet tagħhom.

Objettivi tal-azzjoni

Din l-azzjoni għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta’ apprendiment lill-individwi u li tappoġġa l-internazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp istituzzjonali tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħrajn attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. L-azzjoni se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet u għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. B’mod speċifiku, l-objettivi ta’ din l-azzjoni huma:

  • it-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u tal-apprendiment
  • il-promozzjoni tal-valuri tal-inklużjoni u tad-diversità, tat-tolleranza u tal-parteċipazzjoni demokratika
  • il-promozzjoni tal-għarfien dwar il-wirt u d-diversità komuni Ewropej
  • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ networks professjonali madwar l-Ewropa
  • It-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-adulti fl-Ewropa għal kompetenzi ewlenin kif definiti mill-qafas tal-UE (2018), inklużi ħiliet bażiċi (litteriżmu, numeriżmu, ħiliet diġitali) u ħiliet oħrajn tal-ħajja
  • l-estensjoni u d-diversifikazzjoni tal-offerta tal-edukazzjoni għall-adulti permezz tal-professjonalizzazzjoni tal-edukaturi u l-bini tal-kapaċità tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti
  • is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-aċċessibbiltà ta’ programmi ta’ tagħlim u ta’ apprendiment ta’ kwalità għolja f’kull forma ta’ edukazzjoni għall-adulti, u l-fatt li dawn isiru rilevanti għall-ħtiġijiet tal-individwi u tas-soċjetà inġenerali
  • il-bini tal-kapaċità tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti sabiex iwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja
  • iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-adulti ta’ kull età u sfond soċjoekonomiku fl-edukazzjoni għall-adulti, speċjalment billi titrawwem il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ studenti żvantaġġati, fornituri żgħar tal-edukazzjoni għall-adulti, parteċipanti ġodda fil-Programm u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza, kif ukoll organizzazzjonijiet ta’ bażi bbażati fil-komunità

Kif taċċessa l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-Erasmus+?

Il-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni għall-adulti jistgħu japplikaw għall-finanzjament b’żewġ modi:

  • Proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal – dawn il-proġetti jipprovdu lill-applikanti b’opportunità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà varji fuq perjodu ta’ bejn sitt xhur u tmintax-il xahar. Il-proġetti fuq perjodu qasir huma l-aħjar għażla għall-organizzazzjonijiet li japplikaw għall-Erasmus+ għall-ewwel darba, jew għal dawk li jixtiequ jorganizzaw biss numru limitat ta’ attivitajiet.
  • Proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal – dawn il-proġetti huma miftuħin biss għall-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. Din il-fergħa ta’ finanzjament speċjali tippermetti lill-organizzazzjonijiet akkreditati biex jirċievu regolarment finanzjament għal attivitajiet ta’ mobbiltà li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni gradwali tal-Pjan Erasmus tagħhom. L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fuq bażi regolari. Mhix meħtieġa esperjenza preċedenti fil-Programm biex wieħed japplika. Biex issir taf aktar dwar din l-opportunità, jekk jogħġbok aqra l-kapitolu ta’ din il-gwida dwar l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet jistgħu jissieħbu fil-Programm mingħajr ma jissottomettu applikazzjoni billi:

  • Jissieħbu f’konsorzju eżistenti tal-mobbiltà tal-Erasmus immexxi minn koordinatur akkreditat tal-konsorzju f’pajjiżhom li jkun qiegħed jaċċetta membri ġodda fil-konsorzju tiegħu.
  • Ospitar ta’ parteċipanti minn pajjiż ieħor: kwalunkwe organizzazzjoni tista’ tospita parteċipanti li jkunu ġejjin minn organizzazzjoni sieħba barra l-pajjiż. Li ssir organizzazzjoni ospitanti hija esperjenza siewja u mod tajjeb ta’ kif toħloq sħubijiet u titgħallem aktar dwar il-Programm qabel ma tapplika inti stess.

Stabbiliment ta’ proġett

L-organizzazzjoni applikanti hija l-attur ewlieni fi proġett tal-Azzjoni Ewlenija 1. L-applikant jabbozza u jissottometti l-applikazzjoni, jiffirma l-ftehim ta’ għotja, jimplimenta l-attivitajiet tal-mobbiltà, u jirrapporta lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħu. Il-proċess tal-applikazzjoni kemm għall-proġetti għal perjodu qasir kif ukoll għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tal-organizzazzjoni applikanti.

L-attivitajiet ta’ mobbiltà fi proġett ta’ mobbiltà jistgħu jkunu ħerġin u deħlin. Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ attivitajiet disponibbli huma attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa. Dan ifisser li l-organizzazzjoni applikanti se taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat: se tagħżel il-parteċipanti u tibgħathom f’organizzazzjoni ospitanti barra l-pajjiż. Barra minn hekk, hemm tipi speċjali ta’ attivitajiet deħlin li jippermettu lill-organizzazzjonijiet applikanti jistiednu esperti, għalliema u edukaturi fit-taħriġ fl-organizzazzjoni tagħhom. L-iskop tal-attivitajiet deħlin ma huwiex li joħolqu skambji bidirezzjonali, iżda pjuttost li jinkludu persuni li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni applikanti. Sabiex il-proċess biex jinstabu sħab ikun aktar faċli, l-Erasmus+ jappoġġa għodod ħalli jinstabu sħab barra mill-pajjiż: EPALE

L-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha appoġġati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus. L-istandards tal-kwalità ta’ Erasmus ikopru prattiki konkreti ta’ implimentazzjoni għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. Biex taqra t-test sħiħ tal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, jekk jogħġbok żur il-link li ġejja fuq is-sit web Europa: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-vet-adults-schools_mt

Dimensjonijiet orizzontali

Il-proġetti kollha ta’ mobbiltà għandhom jintegraw id-dimensjonijiet li ġejjin komuni għall-programm Erasmus+ kollu:

Inklużjoni u diversità

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jiżguraw li joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà b’mod inklużiv u ġust, lill-parteċipanti minn kull sfond. L-għażla tal-istudenti li se jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-proġett għandha tqis fatturi ewlenin bħall-motivazzjoni, il-mertu, kif ukoll l-iżvilupp personali u l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-parteċipanti. Bl-istess mod, l-għażla tal-parteċipanti tal-persunal għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-iżvilupp professjonali tagħhom ikunu disponibbli għall-istudenti kollha fl-organizzazzjoni.

Matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti għandhom jinvolvu lill-parteċipanti f’deċiżjonijiet ewlenin sabiex jiġu żgurati benefiċċji u impatt massimi għal kull parteċipant.

Benefiċjarji u organizzazzjonijiet parteċipanti oħrajn li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ huma mħeġġa joħolqu u jiffaċilitaw b’mod attiv l-opportunitajiet ta’ mobbiltà, pereżempju billi jistabbilixxu twieqi ta’ mobbiltà fil-kalendarju akkademiku tagħhom u jiddefinixxu l-passi standard ta’ riintegrazzjoni għall-parteċipanti li jirritornaw.

Prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jippromwovu mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti tagħhom, filwaqt li jqajmu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu riflessi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-Programm, speċjalment permezz tal-użu ta’ appoġġ speċifiku ta’ finanzjament ipprovdut mill-Programm biex jiġu promossi mezzi sostenibbli tal-ivjaġġar. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintegraw dawn il-prinċipji fil-ħidma ta’ kuljum tagħhom, u għandhom jippromwovu b’mod attiv bidla fil-mentalità u fl-imġiba fost l-istudenti u l-persunal tagħhom.

Trasformazzjoni diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, il-Programm jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod u metodi ta’ apprendiment diġitali biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u jtejbu l-kwalità tal-apprendiment u t-tagħlim tagħhom. Barra minn hekk, il-parteċipanti tal-persunal jistgħu jibbenefikaw minn Traineeships ta’ Opportunità Diġitali: attivitajiet ta’ mobbiltà li jippermettulhom jiksbu ħiliet diġitali u jibnu l-kapaċità tagħhom li jħarrġu, jgħallmu u jwettqu kompiti oħrajn bl-għajnuna ta’ għodod diġitali. Tali attivitajiet jistgħu jiġu organizzati bi kwalunkwe wieħed mill-formati ta’ mobbiltà tal-persunal disponibbli.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika

Il-programm għandu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. L-attivitajiet ta’ mobbiltà appoġġati għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipattivi f’oqsma differenti tas-soċjetà ċivika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali. Dawn għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

Żvilupp ta’ kompetenzi ewlenin

Il-programm jappoġġa l-iżvilupp tul il-ħajja u t-tisħiħ tal-kompetenzi ewlenin 1 meħtieġa għall-iżvilupp u s-sodisfazzjon personali, l-impjegabbiltà, iċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni soċjali. L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom joffru attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ apprendiment adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti, jgħinuhom jiksbu indipendenza ekonomika u jneħħu l-ostakli li jiffaċċjaw fl-edukazzjoni u fil-kuntatti soċjali.

Attivitajiet

Din it-taqsima tippreżenta t-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-fondi tal-Erasmus+, kemm bħala parti minn proġetti fuq perjodu qasir kif ukoll minn proġetti akkreditati.

Għal kwalunkwe attività, jista’ jingħata appoġġ addizzjonali lill-akkumpanjaturi tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. L-akkumpanjaturi jistgħu jiġu appoġġati għad-durata sħiħa tal-attività jew għal parti minnha.

Mobbiltà tal-persunal

Formati disponibbli

  • Job shadowing (minn jumejn sa 60 jum)
  • Inkarigi ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ (minn jumejn sa 365 jum)
  • Korsijiet u taħriġ (minn jumejn sa 30 jum, massimu ta’ 10 ijiem ta’ tariffi tal-kors għal kull parteċipant)

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha tal-mobbiltà tal-persunal jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Job shadowing: il-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor bil-għan li jitgħallmu prattiki ġodda u jiġbru ideat ġodda permezz ta’ osservazzjoni u interazzjoni mal-pari, mal-esperti jew ma’ prattikanti oħrajn fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom fl-organizzazzjoni ospitanti.

Inkarigi ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ: il-parteċipanti jistgħu jqattgħu perjodu ta’ żmien jgħallmu jew jipprovdu taħriġ lill-istudenti f’organizzazzjoni ospitanti f’pajjiż ieħor, bħala mod kif jitgħallmu billi jwettqu l-kompiti tagħhom u jiskambjaw mal-pari.

Korsijiet u taħriġ: il-parteċipanti jistgħu jibbenefikaw minn kors strutturat jew minn tip simili ta’ taħriġ ipprovdut minn professjonisti kwalifikati, abbażi ta’ programm ta’ apprendiment definit minn qabel u l-eżiti tal-apprendiment. It-taħriġ irid jinvolvi parteċipanti minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti u jrid jippermetti lill-parteċipanti jinteraġixxu ma’ studenti oħrajn u mal-ħarrieġa. Attivitajiet kompletament passivi fosthom li wieħed jisma’ lekċers, diskorsi jew konferenzi tal-massa ma humiex appoġġati.

L-applikanti għandhom ikunu konxji li l-fornituri kollha tal-korsijiet huma kompletament indipendenti mill-programm Erasmus+ u qegħdin jaġixxu bħala fornituri ta’ servizzi f’suq ħieles. L-għażla tal-korsijiet u t-taħriġ hija għalhekk responsabbiltà tal-organizzazzjoni benefiċjarja. L-istandards tal-kwalità li ġejjin huma disponibbli bħala appoġġ biex jiggwidaw lill-applikanti fl-għażla tagħhom:https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/quality-standards-courses-under-key-action-1-learning-mobility-individuals_mt

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti eliġibbli jinkludu għalliema, ħarrieġa, u l-esperti u l-persunal l-oħrajn kollha fl-edukazzjoni għall-adulti, li ma jgħallmux.

Il-persunal eliġibbli li ma jgħallimx jinkludi persunal li jaħdem fl-edukazzjoni għall-adulti, jew f’fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti (eż. persunal amministrattiv) jew f’organizzazzjonijiet oħrajn attivi fl-edukazzjoni għall-adulti (eż. voluntiera, konsulenti, koordinaturi tal-politika responsabbli għall-edukazzjoni għall-adulti, eċċ.).

Il-parteċipanti jeħtiġilhom ikunu qegħdin jaħdmu fl-organizzazzjoni li tibgħat, jew ikunu qegħdin jaħdmu regolarment mal-organizzazzjoni li tibgħat biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjoni (pereżempju bħala ħarrieġa esterni, esperti, jew voluntiera).

Fil-każijiet kollha, il-kompiti li jorbtu lill-parteċipant mal-organizzazzjoni li tibgħat iridu jkunu dokumentati b’mod li jippermetti lill-Aġenzija Nazzjonali tivverifika din ir-rabta (pereżempju ma’ kuntratt ta’ xogħol jew volontarjat, deskrizzjoni tal-kompitu, jew dokument simili). L-Aġenziji Nazzjonali għandhom jistabbilixxu prattika trasparenti u konsistenti dwar x’jikkostitwixxi relazzjonijiet ta’ ħidma aċċettabbli u dokumentazzjoni ta’ sostenn fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Mobbiltà tal-istudenti

Formati disponibbli

  • Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti adulti (minn jumejn sa 30 jum, mill-inqas żewġ studenti għal kull grupp)
  • Mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir tal-istudenti adulti (minn jumejn sa 29 jum)
  • Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti adulti (minn 30 sa 365 jum)

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà tal-istudenti jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti adulti: grupp ta’ studenti adulti mill-organizzazzjoni li tibgħat jistgħu jqattgħu żmien f’pajjiż ieħor biex jibbenefikaw minn apprendiment innovattiv organizzat permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti (ix-xiri ta’ servizzi ta’ taħriġ disponibbli kummerċjalment ma huwiex appoġġat). L-attivitajiet jistgħu jinkludu taħlita ta’ diversi metodi u tekniki ta’ apprendiment formali, informali u mhux formali, bħall-apprendiment bejn il-pari, l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, il-volontarjat, u approċċi innovattivi oħrajn. Il-ħarrieġa kwalifikati mill-organizzazzjoni li tibgħat iridu jakkumpanjaw lill-istudenti għad-durata kollha tal-attività u jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ apprendiment. Il-kontenut tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fi gruppi għandu jiffoka fuq il-kompetenzi ewlenin tal-istudenti adulti jew l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà diġitali, ambjentali u d-dimensjonijiet parteċipattivi tal-programm.

Mobbiltà għall-apprendiment għal perjodu qasir tal-istudenti adulti: l-istudenti adulti jistgħu jqattgħu perjodu barra l-pajjiż f’organizzazzjoni ospitanti sabiex itejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Fi tmiem l-attività, kull student jeħtieġlu jgħaddi minn evalwazzjoni u ċertifikazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment. Il-programm ta’ apprendiment jista’ jinkludi taħlita ta’ diversi metodi ta’ apprendiment formali, informali u mhux formali, inkluż apprendiment fil-klassi, l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, job shadowing, osservazzjoni u approċċi innovattivi oħra.

Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti adulti: l-istudenti adulti jistgħu jqattgħu perjodu itwal barra l-pajjiż f’organizzazzjoni ospitanti sabiex itejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Il-programm ta’ apprendiment jista’ jinkludi taħlita ta’ diversi metodi ta’ apprendiment formali, informali u mhux formali, inkluż apprendiment fil-klassi, l-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol, job shadowing, osservazzjoni u approċċi innovattivi oħra.

Jekk jogħġbok innota li d-differenza bejn il-formati tal-attività tal-grupp u dawk individwali ma hijiex ibbażata fuq arranġamenti ta’ vjaġġar u ta’ akkomodazzjoni, iżda b’mod esklużiv fuq ir-rekwiżiti għal programmi ta’ apprendiment kollettivi jew individwali. Għaldaqstant, il-format tal-mobbiltà tal-grupp huwa rrakkomandat għal attivitajiet sempliċi li jagħmlu użu mir-riżorsi u l-kontenut eżistenti, filwaqt li formati individwali huma aktar adattati għall-programmi ta’ apprendiment li jeħtieġu investiment speċifiku mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jirċievu (inkluż f’każijiet li fihom diversi parteċipanti se jkunu qegħdin jivvjaġġaw u joqogħdu flimkien). F’konformità mar-rekwiżiti tagħhom, huwa pprovdut livell differenti ta’ appoġġ organizzazzjonali għal formati ta’ attività differenti, kif definit fir-regoli ta’ finanzjament ippreżentati fl-aħħar ta’ dan il-kapitolu.

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti eliġibbli huma studenti li jipparteċipaw fi programm ta’ edukazzjoni għall-adulti 2 fl-organizzazzjoni li tibgħat.

Fl-għażla tal-parteċipanti, il-proġetti kollha għandhom jimmiraw għal taħlita inklużiva u bbilanċjata ta’ profili tal-parteċipanti u għall-involviment sinifikanti tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, f’konformità mal-objettivi tal-azzjoni.

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra l-pajjiż, fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Il-mobbiltà fi grupp ta’ studenti adulti trid isseħħ fl-organizzazzjoni ospitanti. B’mod eċċezzjonali, l-attivitajiet jistgħu jsiru f’post ieħor fil-pajjiż tal-organizzazzjoni ospitanti, jekk dan ikun iġġustifikat mill-kontenut u l-kwalità tal-attività. F’dan il-każ, l-ivvjaġġar tal-parteċipanti mill-organizzazzjoni ospitanti sal-post mhux se jitqiesu bħala attività ta’ mobbiltà tranżnazzjonali. Għalhekk, ma jistgħux jintalbu fondi addizzjonali għal dan l-iskop.

Barra minn hekk, il-mobbiltà fi grupp ta’ studenti adulti tista’ sseħħ f’sede ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea jekk l-attività tkun organizzata f’istituzzjoni tal-UE jew f’kooperazzjoni magħha 3 .

Attivitajiet appoġġati oħrajn

Formati disponibbli

  • Esperti mistiedna (minn jumejn sa 60 jum)
  • L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qegħdin jitħarrġu (minn 10 ijiem sa 365 jum)

Esperti mistiedna: l-organizzazzjonijiet jistgħu jistiednu ħarrieġa, għalliema, esperti fil-politika jew professjonisti kkwalifikati oħrajn minn barra l-pajjiż li jistgħu jgħinuhom itejbu t-tagħlim, it-taħriġ u l-apprendiment fl-organizzazzjoni li tilqa’. Pereżempju, l-esperti mistiedna jistgħu jipprovdu taħriġ lill-persunal tal-organizzazzjoni li tilqa’, juru metodi ġodda ta’ tagħlim jew jgħinu fit-trasferiment ta’ prattiki tajba fl-organizzazzjoni u fl-amministrazzjoni.

Ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qegħdin jitħarrġu: l-organizzazzjonijiet applikanti jistgħu jospitaw għalliema li jkunu qegħdin jitħarrġu li jkunu jixtiequ jwettqu traineeship barra l-pajjiż. L-organizzazzjoni ospitanti se tirċievi appoġġ biex tistabbilixxi l-attività, filwaqt li l-appoġġ għall-ivvjaġġar u dak individwali għall-parteċipant għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjoni li tibgħat tagħhom (li tista’ tapplika għall-finanzjament tal-Erasmus+ għal dan l-iskop).

Parteċipanti eliġibbli

L-esperti mistiedna jistgħu jkunu kwalunkwe persuna minn Stat Membru ieħor tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, li jistgħu jipprovdu għarfien espert u taħriġ rilevanti għall-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjoni li tistedinhom.

L-ospitar ta’ għalliema u edukaturi li jkunu qed jitħarrġu huwa disponibbli għall- parteċipanti li jkunu rreġistrati fi programm edukattiv għall-għalliema jew li jkunu gradwaw 4 minnu dan l-aħħar (jew tip simili ta’ programm edukattiv għall-ħarrieġa jew l-edukaturi) fi Stat Membru ieħor tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Postijiet eliġibbli

Il-post għall-esperti u l-għalliema mistiedna li jkunu qed jitħarrġu huwa dejjem l-organizzazzjoni benefiċjarja (inklużi l-membri tal-konsorzju).

Żjarat preparatorji

X’inhi żjara preparatorja?

Żjara preparatorja hija żjara f’organizzazzjoni ospitanti prospettiva mill-persunal mill-organizzazzjoni li tibgħat bl-iskop li titħejja aħjar attività ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal.

Meta tista’ tiġi organizzata żjara preparatorja?

Kull żjara preparatorja jrid ikollha motivazzjoni ċara u trid isservi biex ittejjeb l-inklużività, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà.

Pereżempju, jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji biex titħejja aħjar il-mobbiltà tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, biex jibdew jaħdmu ma’ organizzazzjoni sieħba ġdida, jew biex iħejju attivitajiet ta’ mobbiltà aktar fit-tul.

Jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji bi tħejjija għal kwalunkwe tip ta’ mobbiltà tal-istudenti jew tal-persunal, ħlief “korsijiet u taħriġ”.

Min jista’ jieħu sehem fi żjara preparatorja?

Iż-żjarat preparatorji jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe persuna eliġibbli għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u involuta fl-organizzazzjoni tal-proġett.

B’mod eċċezzjonali, l-istudenti li se jieħdu sehem f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul u l-parteċipanti b’inqas opportunitajiet fi kwalunkwe tip ta’ attività jistgħu jieħdu sehem fi żjarat preparatorji għall-attivitajiet tagħhom.

Massimu ta’ tliet persuni jista’ jieħu sehem fi żjara preparatorja, u tista’ tiġi organizzata massimu ta’ żjara preparatorja waħda għal kull organizzazzjoni ospitanti.

Fejn jistgħu jsiru żjarat preparatorji?

Iż-żjarat preparatorji jsiru fil-bini tal-organizzazzjoni ospitanti prospettiva, jew fi kwalunkwe post ieħor fejn ikunu ppjanati li jsiru attivitajiet ta’ mobbiltà. Ir-regoli applikabbli għall-postijiet tal-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u tal-istudenti japplikaw ukoll għal żjarat preparatorji marbuta ma’ dawk l-attivitajiet.

Proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni għall-adulti

Il-proġetti fuq perjodu qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal huma mod dirett u sempliċi kif wieħed jista’ jibbenefika mill-Erasmus+. L-iskop tagħhom huwa li jippermettu lill-organizzazzjonijiet jorganizzaw ftit attivitajiet b’mod faċli u jiksbu esperjenza fil-Programm.

Sabiex il-proġetti fuq perjodu qasir jibqgħu sempliċi, dawn jinkludu limitu fuq in-numru ta’ parteċipanti u d-durata tal-proġett. Il-format huwa miftuħ biss għall-organizzazzjonijiet individwali u mhux għall-koordinaturi ta’ konsorzju. L-organizzazzjonijiet akkreditati ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir peress li diġà għandhom aċċess permanenti għall-finanzjament tal-Erasmus+.

L-applikazzjoni għal proġetti fuq perjodu qasir tinkludi lista u deskrizzjoni tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni applikanti beħsiebha torganizza.

Kriterji tal-eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli 5 biex japplikaw:

  • L-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-adulti 6
  • L-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, il-korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħrajn bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni għall-adulti ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir.

Pajjiżi eliġibbli

L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenzi tal-applikazzjoni

Ċiklu 1 (għall-Aġenziji Nazzjonali kollha): it-23 ta’ Frar  f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Ċiklu 2: L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu t-tieni skadenza (Ċiklu 2). F’dan il-każ, l-Aġenzija Nazzjonali se tinforma lill-applikanti permezz tas-sit web tagħha. Għaċ-Ċiklu 2, l-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom sal-4 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell).

Dati tal-bidu tal-proġett

Il-proġetti jistgħu jagħżlu d-dati tal-bidu li ġejjin:

  • Ċiklu 1: bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
  • Ċiklu 2 (jekk miftuħ): bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Durata tal-proġett

Minn 6 xhur sa 18-il xahar

Numru ta’ applikazzjonijiet

Għal kull ċiklu ta’ għażla, organizzazzjoni tista’ tapplika għal proġett wieħed biss fuq perjodu qasir fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti.

L-organizzazzjonijiet li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu qasir taħt l-ewwel ċiklu ta’ applikazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għat-tieni ċiklu tal-istess sejħa għall-proposti.

Fi żmien perjodu ta’ kwalunkwe ħames snin ta’ sejħiet konsekuttivi, l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu massimu ta’ tliet għotjiet għal proġetti fuq perjodu qasir fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. L-għotjiet riċevuti fil-perjodu 2014–2020 ma jgħoddux ma’ dan il-limitu.

Attivitajiet eliġibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni għall-adulti. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu mill-inqas attività waħda ta’ mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

Applikazzjoni għal proġett fuq perjodu qasir tista’ tinkludi massimu ta’ 30 parteċipant f’attivitajiet ta’ mobbiltà.

Iż-żjarat preparatorji u l-parteċipazzjoni tal-akkumpanjaturi mhux se jgħoddu ma’ dan il-limitu.

Organizzazzjonijiet ta’ appoġġ

Organizzazzjoni ta’ appoġġ hija organizzazzjoni li tassisti organizzazzjoni akkreditata f’aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-proġett li ma jikkonċernawx kompiti ewlenin tal-proġett (kif definiti fl-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus).

Kwalunkwe organizzazzjoni attiva fl-edukazzjoni u t-taħriġ tista’ ssir organizzazzjoni ta’ appoġġ. Ir-rwol u l-obbligi tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jiġu ddefiniti b’mod formali bejniethom u bejn l-organizzazzjoni benefiċjarja. L-organizzazzjoni ta’ appoġġ taġixxi taħt is-superviżjoni tal-organizzazzjoni benefiċjarja, li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ responsabbli għar-riżultati u l-kwalità tal-attivitajiet implimentati. Il-kontribuzzjonijiet kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ iridu jikkonformaw mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus.

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-ponderazzjonijiet ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti

Rilevanza (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet tal-applikant u l-popolazzjoni fil-mira tal-istudenti huma rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-objettivi tal-azzjoni
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:
    • l-appoġġ lil parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza
    • l-appoġġ lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • l-objettivi proposti tal-proġett jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni applikanti, il-persunal tagħha u l-istudenti b’mod ċar u konkret
  • il-kontenut tal-attivitajiet proposti u l-bilanċ bejn tipi differenti ta’ attivitajiet huma xierqa biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett
  •  hemm pjan ċar ta’ ħidma għal kull waħda mill-attivitajiet proposti
  • il-proġett jinkorpora prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali (b’mod partikolari l-EPALE) u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u ħalli jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab

Kwalità tal-azzjonijiet ta’ segwitu (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • l-applikant iddefinixxa b’mod ċar il-kompiti u r-responsabbiltajiet għat-twettiq tal-attivitajiet f’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus
  • l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett
  • l-applikant ippropona passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjoni applikanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u ħalli l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jiġi rikonoxxut b’mod pubbliku

Proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni għall-adulti

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni għall-adulti jistgħu japplikaw għall-finanzjament bħala parti minn fergħa ta’ finanzjament speċjali miftuħa għalihom biss. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan Erasmus li kien approvat qabel, u għalhekk mhijiex meħtieġa lista u deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ippjanati. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffokaw fuq l-istima tal-baġit meħtieġ għas-sett ta’ attivitajiet li jmiss.

Kriterji tal-eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus valida fl-edukazzjoni għall-adulti huma eliġibbli sabiex japplikaw.

Konsorzju ta’ mobbiltà

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi tal-konsorzju tal-mobbiltà jeħtiġilhom japplikaw għall-format tal-konsorzju tal-mobbiltà.

Il-lista tal-membri tal-konsorzju tal-mobbiltà trid tiġi pprovduta bħala parti mill-applikazzjoni u trid tinkludi mill-inqas organizzazzjoni membru waħda flimkien mal-koordinatur.

Kwalunkwe organizzazzjoni li tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-istess qasam tista’ ssir membru ta’ konsorzju tal-mobbiltà. L-organizzazzjonijiet membri tal-konsorzju ppjanati kollha jridu jkunu mill-istess Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm bħall-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà.

Il-membri tal-konsorzju ma humiex meħtieġa jkollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus.

L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem f’konsorzju tal-mobbiltà jistgħu jirċievu finanzjament minn massimu ta’ żewġ ftehimiet ta’ għotja tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti fil-qafas tal-istess Sejħa għall-proposti. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu qasir jew proġett akkreditat jistgħu jieħdu sehem ukoll f’konsorzju tal-mobbiltà wieħed biss tal-edukazzjoni għall-adulti bħala organizzazzjonijiet membri. Organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jieħdu sehem f’massimu ta’ żewġ konsorzji tal-mobbiltà.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenza tal-applikazzjoni

it-23 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Data tal-bidu tal-proġett

L-1 ta’ Ġunju tal-istess sena

Durata tal-proġett

Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Wara 12-il xahar, il-benefiċjarji kollha se jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar.

Numru ta’ applikazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu japplikaw darba biss għal kull ċiklu ta’ għażla.

Attivitajiet disponibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni għall-adulti. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikazzjonijiet iridu jinkludu mill-inqas attività waħda ta’ mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

In-numru ta’ parteċipanti li jistgħu jiġu inklużi fi proġetti akkreditati ma huwiex limitat, minbarra kwalunkwe limitazzjoni definita fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit.

Allokazzjoni tal-baġit

Il-kwalità tal-Pjan Erasmus tal-applikant ġiet ivvalutata fl-istadju tal-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni u għalhekk mhi se ssir l-ebda valutazzjoni kwalitattiva fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit. L-applikazzjonijiet għal għotja eliġibbli kollha se jirċievu finanzjament.

L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:

  • il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati
  • l-attivitajiet mitluba (inkluż il-baġit stmat meħtieġ sabiex dawn jiġu implimentati)
  • l-għotja bażika u massima
  • il-kriterji ta’ allokazzjoni li ġejjin: il-prestazzjoni tal-applikant, il-prijoritajiet ta’ politika, u l-bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija Nazzjonali)

Ir-regoli dettaljati dwar l-għotja bażika u massima, il-punteġġ tal-kriterji tal-allokazzjoni, il-ponderazzjoni ta’ kull kriterju, il-metodu tal-allokazzjoni, u l-baġit disponibbli għall-proġetti akkreditati se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Ir-regoli ta’ finanzjament li ġejjin japplikaw għal proġetti fuq perjodu qasir u għal proġetti akkreditati.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà li ma humiex koperti minn kategoriji oħrajn ta’ kostijiet.

Pereżempju: it-tħejjija (pedagoġika, interkulturali u oħrajn), il-mentoraġġ, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti matul il-mobbiltà, is-servizzi, l-għodod u t-tagħmir meħtieġa għall-komponenti virtwali f’attivitajiet imħallta, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati u li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jsir viżibbli għall-pubbliku.

L-appoġġ organizzazzjonali jkopri l-kostijiet imġarrba kemm mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu kif ukoll minn dawk ospitanti (ħlief fil-każ tal-mobbiltà tal-persunal għal korsijiet u taħriġ). Id-diviżjoni tal-għotja mogħtija se tiġi miftiehma bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 100

  • Għal kull student fil-mobbiltà tal-grupp.
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għall-korsijiet u t-taħriġ
  • Għal kull espert mistieden
  • Għal kull għalliem jew edukatur ospitat li jkun qiegħed jitħarreġ

EUR 350; EUR 200 wara mitt parteċipant fl-istess tip ta’ attività

  •  Għal kull parteċipant fil-mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir ta’ studenti adulti
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għal job shadowing u inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ

EUR 500 Għal kull parteċipant fil-mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti adulti

Kategorija tal-baġit - Vjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivjaġġar bir-ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni.

L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bl-ajru bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività 7 billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea 8 .

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġar Vjaġġar standard Vjaġġar ekoloġiku
10 – 99 km EUR 23  
100 – 499 km EUR 180 EUR 210
500 – 1999 km EUR 275 EUR 320
2000 – 2999 km EUR 360 EUR 410
3000 – 3999 km EUR 530 EUR 610
4000 – 7999 km EUR 820  
8000 km jew aktar EUR 1,500  

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet ta’ sussistenza għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi 9 matul l-attività.

Jekk ikun meħtieġ: il-kostijiet ta’ sussistenza huma eliġibbli għal ħin ta’ vjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta’ vjaġġar għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi  li jirċievu għotja standard għall-ivvjaġġar, u massimu ta’ sitt ijiem ta’ vvjaġġar fil-każ ta’ għotja għall-ivvjaġġar ekoloġiku.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ persuni, id-durata tas-soġġorn u l-pajjiż li jilqa’ 10 .

Ammont

Kategorija ta’ parteċipanti Grupp ta’ pajjiżi 1 Grupp ta’ pajjiżi 2 Grupp ta’ pajjiżi 3
Persunal EUR 101 – 180 EUR 90 – 160 EUR 79 – 140
Studenti EUR 39 – 120 EUR 34 – 104 EUR 28 – 88

Dawn ta’ hawn fuq huma rati bażi għal kull jum tal-attività. Kull Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi dwar ir-rati bażi eżatti fil-meded permessi.

Ir-rata bażi hija pagabbli sal-14-il jum tal-attività. Mill-15-il jum tal-attività, ir-rata pagabbli tkun ugwali għal 70 % tar-rata bażi. Ir-rati pagabbli jiġu aġġustati għall-eqreb Euro sħiħ.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Il-kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Ammont

EUR 100 għal kull parteċipant

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u mal-akkumpanjaturi tagħhom (inklużi kostijiet relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Żjarat preparatorji

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet li jkopru l-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipazzjoni fi żjara preparatorja.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 575 għal kull parteċipant, b’massimu ta’ tliet parteċipanti għal kull żjara

Kategorija tal-baġit - Tariffi tal-kors

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet li jkopru t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għall-format tal-mobbiltà tal-persunal “Korsijiet u taħriġ”.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tal-attività.

Ammont

EUR 80 għal kull parteċipant kull jum; membru individwali tal-persunal jista’ jirċievi massimu ta’ EUR 800 f’tariffi tal-kors fi ħdan ftehim ta’ għotja wieħed.

Kategorija tal-baġit - Appoġġ lingwistiku

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet tal-provvista ta’ materjali għall-apprendiment tal-lingwi u ta’ taħriġ għall-parteċipanti li jeħtieġ itejbu l-għarfien tal-lingwa li se jkunu qegħdin jużaw biex jistudjaw jew biex jirċievu taħriġ matul l-attività tagħhom.

L-appoġġ lingwistiku huwa eliġibbli għall-parteċipanti fil-mobbiltà tal-persunal ta’ aktar minn 30 jum u l-parteċipanti f’mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu qasir u fit-tul tal-istudenti adulti. L-appoġġ jitħallas biss jekk il-parteċipant ma jkunx jista’ jirċievi Appoġġ Lingwistiku Online minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lingwa jew tal-livell meħtieġ.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

Ammont

EUR 150 għal kull parteċipant

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Il-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi tagħhom li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-għotja standard “Vjaġġar” minħabba l-pożizzjoni ġeografika remota jew ostakli oħrajn.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali. L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.

Ammont

Kostijiet għal garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli

    Footnote

  • 1 Kompetenzi ewlenin - https://ec.europa.eu/education/policies/school/key-competences-and-basic-skills_mt ↩ back
  • 2 Id-definizzjoni ta’ programmi u attivitajiet ta’ edukazzjoni għall-adulti eliġibbli f’kull Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti. ↩ back
  • 3 Is-Sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strasburgu u The Hague. L-attivitajiet fis-sedi tal-UE se jitqiesu bħala mobbiltà u jista’ jintalab finanzjament tranżnazzjonali (kif deskritt fit-taqsima “X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?”) għall-parteċipanti kollha, irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. ↩ back
  • 4 Il-gradwati reċenti huma eliġibbli biex jipparteċipaw sa 12-il xahar wara li jkunu ggradwaw. F’każ li l-parteċipanti kienu qed iwettqu servizz ċivili jew militari obbligatorju wara li ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà se jiġi estiż bid-durata tas-servizz. ↩ back
  • 5 Id-definizzjoni ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli f’kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti flimkien ma’ eżempji rilevanti. ↩ back
  • 6 Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti, jekk jogħġbok innota li l-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali lil studenti adulti ġeneralment jitqiesu li huma fornituri ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u mhux fornituri ta’ edukazzjoni għall-adulti. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta d-definizzjonijiet applikabbli fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek. ↩ back
  • 7 Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  • 8 http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  • 9 Fil-każ tal-akkumpanjaturi, japplikaw ir-rati għall-persunal. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-akkumpanjatur ikun jeħtieġ joqgħod barra l-pajjiż għal aktar minn 60 jum, il-kostijiet żejda ta’ sussistenza wara s-60 jum se jiġu appoġġati taħt l-intestatura tal-baġit “Appoġġ għall-inklużjoni”. ↩ back
  • 10 Gruppi ta’ pajjiżi li jilqgħu:

    Grupp ta’ pajjiżi 1: In-Norveġja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, l-Iżlanda, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Liechtenstein;

    Grupp ta’ pajjiżi 2: In-Netherlands, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Ċipru, il-Greċja, Malta, il-Portugall;

    Grupp ta’ pajjiżi 3: Is-Slovenja, l-Estonja, il-Latvja, il-Kroazja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, it-Turkija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja ↩ back

Tagged in:  Persunal tal-edukazzjoni tal-adulti