Żgħażagħ Ewropej Flimkien
Il-proġetti taż-Żgħażagħ Ewropej Flimkien għandhom l-għan li joħolqu networks li jippromwovu sħubijiet reġjonali, li għandhom jitmexxew b’kooperazzjoni mill-qrib maż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa (Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-programm). In-networks għandhom jorganizzaw skambji, jippromwovu t-taħriġ (pereżempju għall-mexxejja taż-żgħażagħ) u jippermettu liż-żgħażagħ infushom biex jistabbilixxu proġetti konġunti, li kollha kemm huma jistgħu jsiru permezz ta’ attivitajiet fiżiċi kif ukoll online.
Objettivi tal-azzjoni
Il-proġetti Żgħażagħ Ewropej Flimkien għandhom l-għan li joħolqu networks li jippromwovu sħubijiet reġjonali, li jippermettu liż-żgħażagħ madwar l-Ewropa jistabbilixxu proġetti konġunti, jorganizzaw skambji u jippromwovu taħriġ (eż. għall-mexxejja taż-żgħażagħ) kemm permezz ta’ attivitajiet fiżiċi kif ukoll online. L-azzjoni se tappoġġa żewġ lottijiet li jappoġġaw sħubijiet tranżnazzjonali għal organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mil-livell lokali sa sħubijiet fuq skala kbira, bil-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-attivitajiet tagħhom, inkluż dwar kif wieħed jgħix aħjar flimkien u li jgħinu fit-tfassil ta’ modi ta’ għajxien sostenibbli futuri, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida 1 .
Prijoritajiet tematiċi importanti qegħdin jaħdmu flimkien mal-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u, b’mod ġenerali, mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 2 u jippromwovuhom. L-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ huma riflessi wkoll fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni tal-President von der Leyen 3 . Il-proposti tal-proġetti jistgħu jittrattaw ukoll it-temi tal-“Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa”. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2024 huma rilevanti fil-kuntest ta’ din l-azzjoni.
Iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma atturi ewlenin fl-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19. In-networks taż-żgħażagħ għandhom jikkunsidraw modi kif jistgħu jiġu fformati s-solidarjetà u l-inklużività, u kif tista’ tittejjeb il-kwalità tal-ħajja wara l-pandemija, li jaqblu mal-isfidi relatati mal-ħiliet diġitali u mal-istil ta’ ħajja ekoloġiku sostenibbli 4 .
Objettivi speċifiċi
L-azzjoni tfittex li tappoġġa b’mod speċifiku:
- il-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni strutturata tranżnazzjonali, online u offline, bejn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ differenti biex jibnu jew isaħħu sħubijiet li jiffokaw fuq is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni demokratika inklużiva ta’ kulħadd f’kuntest ta’ pressjoni fuq l-istrutturi soċjoekonomiċi u f’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, l-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ;
- L-implimentazzjoni tal-Oqfsa u l-inizjattivi tal-UE bħar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mis-Semestru Ewropew 5 sa fejn dawn huma relatati mal-qasam taż-żgħażagħ;
- l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ involuti f’inizjattivi li jħeġġu liż-żgħażagħ jipparteċipaw fil-proċess demokratiku u fis-soċjetà billi jorganizzaw taħriġ, juru l-aspetti komuni fost iż-żgħażagħ Ewropej u jinkoraġġixxu diskussjoni u dibattitu dwar il-konnessjoni tagħhom mal-UE, il-valuri u l-pedamenti demokratiċi tagħha. Dan jinkludi l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti bħala tħejjija għall-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew.
- il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ gruppi ta’ żgħażagħ sottorappreżentati fil-politika, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili billi jinvolvu żgħażagħ vulnerabbli u soċjoekonomikament żvantaġġati;
- Modi ġodda sabiex l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, billi jiġu appoġġati modi innovattivi ta’ kooperazzjoni u ħolqien, żvilupp u ġestjoni tan-network. B’mod indikattiv, dan jista’ jinkludi t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ f’kuntest diġitali bl-użu ta’ metodi ta’ apprendiment mhux formali rilevanti u mudelli organizzattivi li jinkludu modi alternattivi ta’ skambji u għajnuna reċiproka.
- It-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tal-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi attivitajiet dwar kif nistgħu ngħixu aħjar flimkien wara l-pandemija u li jgħinu fit-tfassil ta’ modi futuri sostenibbli ta’ għajxien transfruntier.
Attivitajiet
L-azzjoni hija mmirata lejn l-NGOs (mingħajr skop ta’ qligħ) u l-korpi pubbliċi, li jipproponu proġetti b’kapaċità li jimmobilizzaw liż-żgħażagħ fi sħubijiet li jkopru pajjiżi u reġjuni differenti fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
L-attivitajiet ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ għandhom jifformaw komponent ewlieni tal-proġetti taż-Żgħażagħ Ewropej Flimkien. Din il-mobbiltà għandha toffri skambji transfruntiera u opportunitajiet ta’ taħriġ mhux formali jew informali għaż-żgħażagħ minn madwar l-Ewropa (il-Lvant, il-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar) li jistgħu jitħejjew u jiġu appoġġati permezz ta’ fora online sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ din l-azzjoni. Dawn l-attivitajiet ta’ mobbiltà jridu jkunu ġġustifikati b’mod ċar ħafna skont l-objettivi tal-azzjoni.
L-attivitajiet kollha għandhom jikkontribwixxu biex titwessa’ s-sensibilizzazzjoni lejn iż-żgħażagħ, u b’hekk jintlaħqu ż-żgħażagħ kemm fi ħdan l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll dawk lil hinn minnhom, inklużi ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, biex jiġi żgurat li tinstema’ diversità ta’ ilħna.
Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għall-azzjoni fil-livell lokali żgħażagħ Ewropej flimkien?
Kriterji tal-eliġibbiltà
Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għal Żgħażagħ Ewropej Flimkien iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:
Min jista’ japplika?
L-applikanti (koordinaturi u sħab sħaħ) jeħtiġilhom ikunu entitajiet legali:
- NGOs (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ u Kunsilli nazzjonali taż-Żgħażagħ) li jaħdmu fil-qasam taż-Żgħażagħ;
- awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
Għandhom ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Kumpaniji pubbliċi jew privati (intrapriżi żgħar, medji jew kbar, inkluż intrapriżi soċjali) kif ukoll l-entitajiet affiljati tagħhom jistgħu jipparteċipaw ukoll iżda mhux bħala koordinaturi.
X’tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?
Kwalunkwe organizzazzjoni, pubblika jew privata, bl-entitajiet affiljati tagħha (jekk ikun hemm), li taħdem maż-żgħażagħ jew għalihom barra mill-ambjenti formali stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu, pereżempju, ikunu:
- organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO (inklużi NGOs Ewropej taż-Żgħażagħ);
- Kunsill nazzjonali taż-Żgħażagħ;
- awtorità pubblika fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
- istituzzjoni tal-edukazzjoni jew tar-riċerka;
- fondazzjoni;
Kumpaniji pubbliċi jew privati (żgħar, medji jew kbar (inkluż intrapriżi soċjali)) jistgħu jiġu inklużi. Għalhekk, filwaqt li din l-azzjoni hija mmirata primarjament lejn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, organizzazzjonijiet bi skop ta’ qligħ jistgħu jkunu involuti jekk jintwera valur miżjud ċar għall-proġett.
Kompożizzjoni tal-Konsorzju
Il-proposti jridu jiġu sottomessi minn konsorzju ta’ minimu ta’ ħames applikanti (koordinatur u sħab sħaħ) minn mill-inqas ħames Stati Membri tal-UE u/jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
L-entitajiet affiljati ma jgħoddux għall-kriterji minimi tal-eliġibbiltà għall-kompożizzjoni tal-konsorzju.
Post tal-attivitajiet
L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiżi eliġibbli.
Durata tal-proġett
Normalment il-proġetti għandhom idumu 24 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell. L-istess organizzazzjoni tista’ tissottometti applikazzjoni waħda biss sal-iskadenza.
ID tas-Sejħa: ERASMUS-YOUTH-2023-YOUTH-TOG
Meta napplika?
L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-9 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).
L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
Stabbiliment ta’ proġett
Il-proġett “Żgħażagħ Ewropej Flimkien” jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament eż. 1) Identifikazzjoni u bidu tal-proġett; 2) It-tħejjija, it-tfassil u l-ippjanar tal-proġett; 3) L-implimentazzjoni tal-proġett u l-monitoraġġ tal-attivitajiet; u 4) Ir-rieżami tal-proġett u l-valutazzjoni tal-impatt. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.
- Identifikazzjoni u bidu; identifika problema, ħtieġa jew opportunità li tista’ tindirizza bl-idea tal-proġett tiegħek fil-kuntest tas-sejħa; identifika l-attivitajiet ewlenin u l-eżiti prinċipali li jistgħu jkunu mistennija mill-proġett; immappja l-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sħab potenzjali; ifformula l-objettiv(i) tal-proġett; żgura l-allinjament tal-proġett mal-objettivi strateġiċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti; wettaq xi ppjanar inizjali biex il-proġett jingħata bidu tajjeb, u iġbor flimkien l-informazzjoni meħtieġa biex titkompla l-fażi li jmiss eċċ.;
- Tħejjija, tfassil u ppjanar; speċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-approċċ xieraq, iddeċiedi dwar skeda għall-kompiti involuti; agħmel stima tar-riżorsi meħtieġa u żviluppa d-dettall tal-proġett eż. valutazzjoni tal-ħtiġijiet; iddefinixxi objettivi sodi u indikaturi tal-impatt (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, li huma rilevanti u marbuta biż-żmien); identifika l-eżiti tal-proġett u tal-apprendiment; l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, formati ta’ attività, impatt mistenni, baġit kumplessiv stmat; it-tħejjija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett li jinkludi aspetti strateġiċi tal-governanza tal-proġett, il-monitoraġġ, il-kontroll tal-kwalità, ir-rapportar u t-tixrid tar-riżultati; id-definizzjoni ta’ arranġamenti prattiċi u l-konferma tal-grupp(i) fil-mira għall-attivitajiet previsti; l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab u l-kitba tal-proposta eċċ.;
- Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-attivitajiet: it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-proġett skont pjanijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-komunikazzjoni; il-monitoraġġ tal-attivitajiet li għaddejjin u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont il-pjanijiet tal-proġett; l-identifikazzjoni u t-teħid ta’ azzjoni korrettiva biex jiġu indirizzati d-devjazzjonijiet mill-pjanijiet u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u r-riskji; l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi eċċ.;
- Rieżami u valutazzjoni tal-impatt: il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont l-objettivi tal-proġett u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni; l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, kondiviżjoni u użu tar-riżultati tal-proġett, eċċ.
Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek:
Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-“proġetti taż-Żgħażagħ Ewropej Flimkien” matul il-fażijiet differenti tal-proġett. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti tagħhom.
Sostenibbiltà ambjentali
Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.
Inklużjoni u Diversità
Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar lill-parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.
Bħala prinċipju trażversali, l-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom isegwu strateġiji biex jingħaqdu maż-żgħażagħ fil-livell lokali minn diversità ta’ sfondi. Dan ikopri l-involviment ta’ popolazzjoni diversa taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, inklużi dawk minn żoni remoti/rurali u/jew bi sfond ta’ migrazzjoni. Għalhekk, l-attivitajiet kollha għandhom jikkontribwixxu biex titwessa’ kemm is-sensibilizzazzjoni lejn iż-żgħażagħ kif ukoll l-involviment attiv tagħhom biex jiġi żgurat li titlaqqa’ flimkien diversità ta’ ilħna.
Dimensjoni diġitali
Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għal proġetti ta’ suċċess. B’mod partikolari, il-proġetti huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma Ewropea għall-Istrateġija għaż-Żgħażagħ sabiex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett.
Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni
Il-proġetti se jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva u l-etika, kif ukoll irawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. L-enfasi se tkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea.
Impatt mistenni
Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-kontribuzzjoni mistennija tagħhom għall-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ billi:
- jibnu fuq l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 u b’mod aktar speċifiku billi juru kif qegħdin jikkontribwixxu għall-prijoritajiet “Impenn-Konnessjoni-Għoti tas-setgħa” tal-Istrateġija;
- jibnu fuq l-eżiti tal-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ, id-Djalogu maż-Żgħażagħ u proġetti oħrajn ta’ dibattitu maż-żgħażagħ u stħarriġ tal-opinjoni relatati mal-futur tal-Ewropa u li jorbtuhom mal-iżvilupp tal-politika fil-livell lokali/reġjonali/nazzjonali/Ewropew;
- jibnu fuq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mis-Semestru Ewropew sa fejn dawn huma relatati mal-qasam taż-żgħażagħ;
- itejbu l-involviment taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, f’termini ta’ ċittadinanza attiva u l-involviment ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet (l-għoti ta’ setgħa, ħiliet ġodda, l-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-proġetti, eċċ.);
- jgħinu fit-titjib tal-kapaċità tas-settur taż-żgħażagħ attiv fil-livell lokali biex jaħdmu b’mod tranżnazzjonali filwaqt li jagħmlu enfasi fuq l-inklużività, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà u jippromwovu l-apprendiment u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet;
- isaħħu l-aħjar prattiki u s-sensibilizzazzjoni eżistenti lil hinn min-network(s) regolari inkluż l-użu tajjeb tal-mezzi diġitali sabiex jibqgħu konnessi fiċ-ċirkostanzi kollha anke f’sitwazzjonijiet ta’ bogħod, iżolament jew konfinament;
- ixerrdu r-riżultati tagħhom b’mod effettiv u attraenti fost iż-żgħażagħ involuti fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll fost iż-żgħażagħ li ma humiex affiljati ma’ strutturi taż-żgħażagħ jew b’inqas opportunitajiet, sabiex iwittu t-triq għal sħubijiet aktar sistematiċi.
Kriterji għall-għoti
Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- Skop u valur miżjud tal-UE: il-proposta tistabbilixxi u tiżviluppa proġett li jappoġġa l-politiki fil-livell tal-UE rilevanti għaż-żgħażagħ – notevolment l-aktar l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għall-2019-2027. Il-proposta turi b’mod ċar il-valur miżjud tal-UE fil-livell sistemiku, iġġenerat permezz tat-tranżnazzjonalità u tat-trasferibbiltà potenzjali tagħha.
- Objettivi: l-objettivi tal-proposta huma rilevanti għall-objettivi ġenerali tal-azzjoni u għall-inqas wieħed mill-objettivi speċifiċi tagħha; barra minn hekk, l-objettivi tal-proposta huma speċifiċi u definiti b’mod ċar, jistgħu jintlaħqu, jistgħu jitkejlu, huma realistiċi u f’waqthom; dawn jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u ta’ valur miżjud ċar għall-gruppi fil-mira magħżula.
- Ħtiġijiet: il-proposta turi li hija bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet ibbażata kemm jista’ jkun fuq fatti u ċifri verifikabbli appoġġati minn data ġenerali u speċifika rilevanti għall-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet kollha fil-konsorzju. Hija mistennija analiżi ċara tal-ħtiġijiet li torbot mar-realtajiet konkreti tal-applikanti, tas-sħab u tal-gruppi fil-mira. Involviment taż-żgħażagħ: is-sħubija turi li hija kapaċi tiżgura involviment attiv ma’ popolazzjoni diversa taż-żgħażagħ bħal dawk minn żoni remoti/rurali, bi sfond ta’ migrazzjoni, u/jew minn sfondi soċjali żvantaġġati diġà mill-fażi tat-tfassil ta’ attivitajiet relatati maż-żgħażagħ.
Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- L-ippjanar: Il-proposta hija ċara, kompluta u ta’ kwalità għolja u tinkludi fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġett abbażi ta’ metodoloġiji robusti ta’ ġestjoni tal-proġetti.
- Metodoloġija: L-implimentazzjoni hija bbażata fuq metodoloġiji xierqa; l-objettivi huma konsistenti mal-attivitajiet u huma deskritti b’mod ċar, b’rabtiet loġiċi bejn il-problemi, il-ħtiġijiet u s-soluzzjonijiet identifikati; il-pjan ta’ ħidma huwa koerenti u konkret; hemm miżuri u indikaturi xierqa ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li l-proġett jiġi implimentat kif xieraq bil-kwalità meħtieġa, fil-kamp ta’ applikazzjoni, fil-ħin u skont il-baġit; hemm pjanijiet konkreti u xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ kontinġenza.
- Kosteffettività: il-baġit propost huwa koerenti, dettaljat biżżejjed, adattat għall-implimentazzjoni tal-proġett u mfassal biex jiżgura l-aħjar valur għall-flus. Ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom. Il-baġit jaqdi l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ bażi u taż-żgħażagħ vulnerabbli biex iħeġġeġ l-inklużjoni tagħhom fil-programm Erasmus+.
Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- Konfigurazzjoni: is-sħubija tinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet komplementari bil-profili, il-ħiliet, l-esperjenza, l-għarfien espert u l-appoġġ għall-ġestjoni neċessarji meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tagħha; il-valur miżjud tal-organizzazzjonijiet għall-profitt jintwera b’mod ċar, jekk ikunu involuti fil-konsorzju.
- Kompożizzjoni ġeografika: is-sħubija turi l-kapaċità li tirrifletti d-diversità ekonomika, soċjali u/jew kulturali Ewropea permezz tal-kompożizzjoni ġeografika tagħha (jiġifieri l-kopertura taż-żoni tal-Lvant, tal-Punent, tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar madwar l-Ewropa) sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni verament pan-Ewropea.
- Żvilupp tal-NGOs lokali: is-sħubija għandha l-kapaċità li tiżviluppa l-kapaċitajiet u l-għarfien tal-NGOs lokali li ma humiex diġà stabbiliti sew fil-livell Ewropew biex tinkiseb kollaborazzjoni msaħħa bejn il-pari bejn l-NGOs madwar l-Ewropa.
- Impenn u kompiti: id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti fis-sħubija hija ċara u xierqa; il-koordinatur juri ġestjoni ta’ kwalità għolja u potenzjal għal koordinazzjoni ta’ networks tranżnazzjonali u ta’ tmexxija f’ambjenti kumplessi.
- Arranġamenti ta’ kooperazzjoni: il-mekkaniżmi ta’ governanza proposti se jiżguraw koordinazzjoni effettiva, teħid ta’ deċiżjonijiet, komunikazzjoni u riżoluzzjoni tal-konflitti bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħrajn.
- Involviment taż-żgħażagħ: iż-żgħażagħ huma involuti b’mod xieraq fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-proġett u l-inklużjoni taż-żgħażagħ hija indirizzata fl-istadji u fil-livelli kollha tal-proġett, filwaqt li tipprovdi rwoli ta’ setgħa u/jew strateġiji konkreti sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni diversa tagħhom.
Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- Impatt: l-impatt potenzjali tal-proġett fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet sħab huwa għoli – b’mod partikolari lejn l-espansjoni tal-fokus tal-organizzazzjonijiet ta’ bażi ta’ attivitajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali li għadhom ma humiex transfruntiera fin-natura tagħhom fejn l-attivitajiet ġew imsaħħa jew żviluppati fil-livell tal-UE matul u wara l-ħajja tal-proġett, kif ukoll fuq il-komunità taż-żgħażagħ inġenerali. Ir-riżultati mistennija juru l-fehim u l-kapaċità tal-applikant u tas-sħab li jikkomunikaw il-valuri tal-Unjoni Ewropea partikolarment fir-rigward taċ-ċittadinanza.
- Tixrid: il-proposta turi l-kapaċità li twettaq sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ u l-kapaċità li tikkomunika b’mod effettiv dwar il-problemi u s-soluzzjonijiet tal-komunitajiet li jirrappreżentaw lil udjenza globali usa’; b’mod partikolari, il-proposta tipprovdi pjan sod għall-komunikazzjoni u t-tixrid tar-riżultati, u tinkludi miri xierqa, distribuzzjoni ta’ attivitajiet u kompiti fost is-sħab, twaqqit rilevanti, għodod u mezzi biex jiġi żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji jitqassmu b’mod effettiv lil dawk li jfasslu l-politika u huma aċċessibbli għall-utenti finali matul u wara l-ħajja tal-proġett.
- Sostenibbiltà: il-proposta tidentifika b’mod ċar kif l-eżiti tal-proġett jistgħu jikkontribwixxu għal bidliet fil-livell tas-sistema fis-settur taż-żgħażagħ kemm fi ħdan il-ħajja tal-proġett kif ukoll lil hinn minnu, b’potenzjal għoli li jippermetti kooperazzjoni fit-tul fil-livell tal-UE u/jew jispiraw politiki u inizjattivi ġodda tal-UE dwar iż-żgħażagħ.
Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jiksbu tal-inqas 60 punt, filwaqt li jqisu wkoll il-punteġġ minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti (jiġifieri minimu ta’ 15-il punt għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “kwalità tad-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġett”; Għaxar punti għall-kategoriji ta’ “kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “impatt”. F’każijiet ex aequo, se tingħata prijorità lill-punteġġi mogħtija għall-kriterju tal-għoti “rilevanza” u mbagħad “impatt”.
Bħala regola ġenerali, u fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta għandha tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati.
Skadenza u skeda ta’ żmien indikattiva għall-evalwazzjoni u l-ftehimiet ta’ għotja
Stadji | Data u ħin jew perjodu indikattiv |
---|---|
Data ta’ skadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet | id-9 ta’ Marzu - 17:00 (ħin ta’ Brussell) |
Perjodu ta’ evalwazzjoni | Marzu-Awwissu 2023 |
Informazzjoni lill-applikanti | Settembru 2023 |
Iffirmar tal-ftehim ta’ għotja | Settembru –Novembru 2023 |
Data tal-bidu tal-azzjoni | Tmiem l-2023 – Kmieni fl-2024 |
X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?
Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità tal-għoti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.
L-għotja minima għal kull proġett hija ta’ EUR 150,000 u l-massimu ma jistax jaqbeż EUR 500,000.
Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?
L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:
- Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
- Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
- Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
- Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).
Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni.
Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Il-valur tas-somma f’daqqa se jkun limitat għal massimu ta’ 80 % tal-baġit stmat iddeterminat wara l-evalwazzjoni.
Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.
Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.
Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).
- 1 https://europa.eu/new-european-bauhaus/index_mt ↩ back
- 2 Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2018/C 456/01, ippubblikata f’Diċembru 2018: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:42018Y1218(01)&from=MT ↩ back
- 3 Ara https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_19_5542 ↩ back
- 4 Ara https://europa.eu/new-european-bauhaus/index_mt ↩ back
- 5 https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/economic-and-fiscal-policy-coordination/eu-economic-governance-monitoring-prevention-correction/european-semester_mt. ↩ back