Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Erasmus+ Gwida tal-Programm 2025

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2025.

Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2025 bħala PDF fil-lingwa li għażilt.

Sħubijiet ta’ kooperazzjoni

L-għan primarju tas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni huwa li jippermettu lill-organizzazzjonijiet iżidu l-kwalità u r-rilevanza tal-attivitajiet tagħhom, jiżviluppaw u jsaħħu n-networks ta’ sħab tagħhom, iżidu l-kapaċità tagħhom li joperaw b’mod konġunt fil-livell tranżnazzjonali, filwaqt li jagħtu spinta lill-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u permezz tal-iskambju jew l-iżvilupp ta’ prattiki u metodi ġodda kif ukoll il-kondiviżjoni u l-indirizzar tal-ideat. Għandhom l-għan li jappoġġaw l-iżvilupp, it-trasferiment u/jew l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi konġunti li jippromwovu l-kooperazzjoni, l-apprendiment bejn il-pari u l-iskambji ta’ esperjenza fil-livell Ewropew. Ir-riżultati għandhom ikunu jistgħu jergħu jintużaw, jiġu ttrasferiti, jiġu mtejba u, jekk ikun possibbli, ikollhom dimensjoni transdixxiplinarja qawwija. Il-proġetti magħżula huma mistennija jikkondividu r-riżultati tal-attivitajiet tagħhom fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tranżnazzjonali.

Is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni għandhom l-għeruq tagħhom fil-prijoritajiet u l-oqfsa ta’ politika ta’ kull settur tal-Erasmus+, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, filwaqt li għandhom l-għan li jipproduċu inċentivi għal kooperazzjoni transsettorjali u orizzontali f’oqsma tematiċi.

Skont il-qasam tal-proġett propost jew it-tip ta’ applikant, is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni huma ġestiti jew mill-Aġenziji Nazzjonali jew mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA). Għal aktar informazzjoni f’dan ir-rigward, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima “fejn napplika” taħt il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

Objettivi tal-azzjoni

Is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni għandhom l-għan li:

  • Itejbu l-kwalità tal-ħidma, l-attivitajiet u l-prattiki tal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet involuti, li jinfetħu għal atturi ġodda, mhux inklużi b’mod naturali f’settur wieħed;
  • Jibnu l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet biex jaħdmu b’mod tranżnazzjonali u fis-setturi kollha;
  • Jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet komuni fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport;
  • Jippermettu trasformazzjoni u bidla (fil-livell individwali, organizzazzjonali jew settorjali), li jwasslu għal titjib u approċċi ġodda, fi proporzjon mal-kuntest ta’ kull organizzazzjoni.

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal sħubija ta’ kooperazzjoni?

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti tal-proġett għal Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni jridu jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà li ġejjin:

Kriterji tal-Eliġibbiltà

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm tista’ tkun l-applikant/il-koordinatur. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.

Sabiex ikunu eliġibbli, l-organizzazzjonijiet applikanti jeħtiġilhom ikunu ġew stabbiliti legalment mill-inqas sentejn qabel l-iskadenza tal-applikazzjoni. 

Għas-Sħubijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ sottomessi mill-NGOs Ewropej u ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), il-koordinatur applikant jeħtieġlu jkun NGO Ewropea1  attiva fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ.

Liema tipi ta’ organizzazzjonijiet huma eliġibbli biex jipparteċipaw fil-proġett?

Kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata, stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew fi kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm tad-dinja (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida) tista’ tipparteċipa fi Sħubija ta’ Kooperazzjoni2 .

Eċċezzjoni: l-organizzazzjonijiet mill-Belarussja (ir-Reġjun 2) u mill-Federazzjoni Russa (ir-Reġjun 4) ma humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’din l-azzjoni.

L-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jistgħu jew jipparteċipaw bħala koordinatur tal-proġett jew bħala organizzazzjoni sieħba.

L-organizzazzjonijiet f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma jistgħux jipparteċipaw bħala koordinaturi tal-proġetti.

Irrispettivament mill-qasam milqut mill-proġett, is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni huma miftuħin għal kwalunkwe tip ta’ organizzazzjoni attiva fi kwalunkwe qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, l-isport jew setturi soċjoekonomiċi oħrajn kif ukoll għall-organizzazzjonijiet li jwettqu attivitajiet li huma trażversali għal oqsma differenti (eż. awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, ċentri ta’ rikonoxximent u ta’ validazzjoni, kmamar tal-kummerċ, organizzazzjonijiet kummerċjali, ċentri ta’ gwida, organizzazzjonijiet kulturali u sportivi).

Skont il-prijorità u l-objettivi indirizzati mill-proġett, is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni għandhom jinvolvu l-aktar firxa xierqa u diversa ta’ sħab sabiex jibbenefikaw mill-esperjenzi, il-profili u l-għarfien espert speċifiku differenti tagħhom u sabiex jipproduċi riżultati rilevanti u ta’ kwalità għolja tal-proġett.

Parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet sħab assoċjati

Minbarra l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem b’mod formali fil-proġett (l-organizzazzjonijiet koordinaturi u sħab), is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni jistgħu jinvolvu wkoll sħab oħra mis-settur pubbliku jew privat li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-kompiti/attivitajiet speċifiċi tal-proġett jew jappoġġaw il-promozzjoni u s-sostenibbiltà tal-proġett.

Fi ħdan proġett tal-Erasmus+, dawn is-sħab se jissejħu “sħab assoċjati”. Għall-aspetti tal-eliġibbiltà u tal-ġestjoni kuntrattwali, dawn ma jitqisux bħala sħab tal-proġett, u ma jirċievu l-ebda finanzjament mill-Programm bħala parti mill-proġett. Madankollu, jinftiehem ir-rwol tagħhom fi ħdan is-sħubija u tingħata stampa globali dwar il-proposta, l-involviment tagħhom fil-proġett u fl-attivitajiet differenti jeħtieġ jiġi deskritt b’mod ċar.

Numru u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti

Sħubija ta’ Kooperazzjoni hija proġett tranżnazzjonali u trid tinvolvi minimu ta’ tliet organizzazzjonijiet minn tliet Stati Membri differenti tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Ma hemm l-ebda numru massimu ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti fi sħubija waħda.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jiġu identifikati meta ssir l-applikazzjoni għal għotja.

Għall-applikazzjonijiet sottomessi lill-Aġenziji Nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għall-adulti u għaż-żgħażagħ, l-istess organizzazzjoni (OID waħda) ma tistax tkun involuta f’aktar minn 10 applikazzjonijiet b’kollox għal kull skadenza, la bħala applikant u lanqas bħala sieħeb3 .

Bħala regola ġenerali, is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni jimmiraw il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE jew il-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Madankollu, l-organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jkunu involuti bħala sħab (mhux bħala applikanti), jekk il-parteċipazzjoni tagħhom iġġib valur miżjud essenzjali għall-proġett u sakemm tiġi ssodisfata l-parteċipazzjoni minima minn tliet organizzazzjonijiet minn tliet Stati Membri differenti tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Prijoritajiet indirizzati

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni iridu jindirizzaw:

  • mill-inqas prijorità orizzontali waħda

u/jew

  • mill-inqas prijorità speċifika waħda rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport li hija milquta l-aktar.

Għal proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ f’ġestjoni indiretta, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu, fost dawn il-prijoritajiet, jagħtu aktar kunsiderazzjoni lil dawk li huma partikolarment rilevanti fil-kuntest nazzjonali tagħhom (imsejħa “prijoritajiet Ewropej fil-kuntest nazzjonali”).

L-Aġenziji Nazzjonali jridu jinformaw kif xieraq lill-applikanti potenzjali permezz tas-siti web uffiċjali tagħhom.

Għall-proġetti fil-qasam tal-isport tista’ tiġi indirizzata prijorità (orizzontali jew speċifika) waħda biss. 

Post tal-attivitajiet

L-attivitajiet kollha ta’ Sħubija ta’ Kooperazzjoni jridu jsiru fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-proġett, jew bis-sħiħ jew bħala sħab assoċjati.

Barra minn hekk, jekk ikun iġġustifikat kif xieraq fir-rigward tal-objettivi jew tal-implimentazzjoni tal-proġett:

  • L-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea4 , anke jekk fil-proġett ma jkunx hemm organizzazzjonijiet parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni.
  • L-attivitajiet li jinvolvu l-kondiviżjoni u l-promozzjoni tar-riżultati jistgħu jsiru wkoll f’avvenimenti/konferenzi tranżnazzjonali tematiċi rilevanti fl-Istati Membri tal-UE jew fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jew fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.

Durata tal-proġett

Bejn 12-il xahar u 36 xahar.

Id-durata trid tintgħażel fl-istadju tal-applikazzjoni, abbażi tal-objettivi tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet ippjanati maż-żmien.

Id-durata ta’ Sħubija ta’ Kooperazzjoni tista’ tiġi estiża, fuq talba ġustifikata mill-benefiċjarju u bi qbil mal-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva, (diment li d-durata sħiħa ma taqbiżx is-36 xahar). F’każ bħal dan, l-għotja totali ma hijiex se tinbidel.

Fejn napplika?

Għal Sħubijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ sottomessi minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dawn l-oqsma, bl-eċċezzjoni tal-NGOs Ewropej:

  • Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Għas-Sħubijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ sottomessi mill- NGOs Ewropej5 :

  • Lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), permezz tal-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP)
    • NGOs Ewropej - ID tas-Sejħa: ERASMUS-2024-PCOOP-ENGO
      • Lott 1: ERASMUS-EDU-2024-PCOOP-ENGO
      • Lott 2: ERASMUS-YOUTH-2024-PCOOP-ENGO

Għal Sħubijiet fil-qasam tal-isport:

  • Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell
    •  Sport - ID tas-Sejħa: ERASMUS-SPORT-2024-SCP

Fil-każijiet kollha, l-istess konsorzju ta’ sħab jista’ jissottometti applikazzjoni waħda biss u lil Aġenzija waħda biss għal kull skadenza6

Meta napplika?

Għal Sħubijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ sottomessi minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dawn l-oqsma, bl-eċċezzjoni tal-NGOs Ewropej:

  • L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sat-5 ta’ Marzu f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Għal Sħubijiet fil-qasam taż-żgħażagħ sottomessi minn kwalunkwe organizzazzjoni f’dan il-qasam, bl-eċċezzjoni tal-NGOs Ewropej:

  • L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni għal għotja tagħhom sal-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara.

Skadenza addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jorganizzaw it-tieni ċiklu ta’ applikazzjonijiet, li għalih japplikaw ukoll ir-regoli stabbiliti f’din il-Gwida. L-Aġenziji Nazzjonali se jagħtu informazzjoni dwar din il-possibbiltà permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat it-tieni ċiklu, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tal-għotja tagħhom sal-1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu tas-sena ta’ wara.

Għal Sħubijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ sottomessi mill-NGOs Ewropej:

  • L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-5 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Għal Sħubijiet fil-qasam tal-isport:

  • L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-5 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment ta’ proġett

Il-proġett ta’ Sħubija ta’ Kooperazzjoni jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew saħansitra qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk itejbu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, il-proġett u l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iskeda eċċ.);
  • It-tħejjija (l-ippjanar tal-attivitajiet, l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, l-arranġamenti prattiċi, il-konferma tal-grupp(i) fil-mira tal-attivitajiet previsti, l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab eċċ.);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, il-kondiviżjoni u l-użu tar-riżultati tal-proġett).

Is-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni jistgħu jinkludu l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ apprendiment, tagħlim u taħriġ tranżnazzjonali tal-individwi u gruppi ta’ individwi, diment li jġibu magħhom valur miżjud fl-ilħuq tal-objettivi tal-proġett. Il-format, l-iskop, it-tip u n-numru ta’ parteċipanti fl-attivitajiet proposti se jiġu deskritti u ġġustifikati bħala parti mill-applikazzjoni tal-proġett.

Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati meta tkun qed tfassal il-proġett tiegħek:

Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni matul il-fażijiet differenti tal-proġett. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti ta’ Sħubija ta’ Kooperazzjoni. 

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet Strateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni7  biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar ta’ parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. Is-sħubijiet ta’ kooperazzjoni huma partikolarment adatti biex issir ħidma fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, filwaqt li jiġu żviluppati aktar prattiki u metodi inklużivi u sensittivi għad-diversità, f’konformità mal-prijorità politika korrispondenti għall-azzjoni. Barra minn hekk, indipendentement mill-aspett tematiku tal-proġetti tagħhom, l-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.

Sostenibbiltà ambjentali

Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.

Dimensjoni diġitali

Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għal Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni ta’ suċċess. B’mod partikolari, il-proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika u l-edukazzjoni għall-adulti huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika (inkluż l-eTwinning), jew il-pjattaforma għat-tagħlim tal-adulti EPALE biex jaħdmu flimkien qabel, matul u wara l-attivitajiet tal-proġett. Il-proġetti fil-qasam taż-żgħażagħ huma mħeġġa bil-qawwa biex jużaw il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Pjattaforma Ewropea għall-Istrateġija għaż-Żgħażagħ.

Parteċipazzjoni u Involviment ċiviku

Il-Programm jappoġġa l-parteċipazzjoni u l-involviment attiv fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Is-Sħubija ta’ Kooperazzjoni għandha toffri opportunitajiet għall-parteċipazzjoni tal-persuni fil-ħajja demokratika, fl-involviment soċjali u ċiviku. Il-fokus se jkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, notevolment fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Kriterji għall-għoti

Rilevanza (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

Kemm:

  • il-proposta hija rilevanti għall-objettivi u l-prijoritajiet tal-Azzjoni. Barra minn hekk, il-proposta se titqies bħala rilevanti ħafna jekk:
    • tindirizza l-prijorità “inklużjoni u diversità”;
    • Fil-każ ta’ proġetti ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+: jekk tindirizza “Prijorità Ewropea fil-kuntest nazzjonali” waħda jew aktar, kif imħabbar mill-Aġenzija Nazzjonali;
    • Fil-każ ta’ proġetti sottomessi mill-ENGOs fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura: il-punt sa fejn l-applikant imexxi attivitajiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE f’wieħed minn dawn is-setturi.  
  • il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • il-profil, l-esperjenza u l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti huma rilevanti għall-qasam tal-applikazzjoni;
  • il-proposta hija bbażata fuq analiżi ġenwina u xierqa tal-bżonnijiet;
  • il-proposta tkun adattata għall-ħolqien ta’ sinerġiji bejn oqsma differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jew potenzjalment ikollha impatt qawwi fuq wieħed jew aktar minn dawk l-oqsma;
  • il-proposta hija innovattiva;
  • il-proposta hija komplementari għal inizjattivi oħrajn li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
  • il-proposta ġġib valur miżjud fil-livell tal-UE permezz ta’ riżultati li ma kinux jinkisbu minn attivitajiet imwettqa f’pajjiż wieħed.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • l-objettivi tal-proġett huma ddefiniti b’mod ċar, huma realistiċi u jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-ħtiġijiet tal-gruppi fil-mira tagħhom;
  • il-metodoloġija proposta hija ċara, adegwata u fattibbli: 
    • il-pjan ta’ ħidma tal-proġett huwa ċar, komplet u effettiv, inklużi l-fażijiet xierqa għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett;
    • il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività;
    • il-proġett jipproponi miżuri xierqa ta’ kontroll tal-kwalità, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u tkun skont il-baġit;
  • l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal persuni b’inqas opportunitajiet.
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod u metodi ta’ apprendiment diġitali biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u ħalli jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab.
    • Jekk il-pjattaformi online tal-Erasmus+ ikunu disponibbli fil-qasam/fl-oqsma tal-organizzazzjonijiet parteċipanti: kemm il-proġett jagħmel użu mill-pjattaformi online tal-Erasmus+ (il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika, inkluż l-eTwinning, EPALE, il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-Pjattaforma tal-UE tal-Istrateġija għaż-Żgħażagħ) bħala għodod għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet tal-proġett.
  • Il-proġett huwa mfassal b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u jinkorpora prattiki ekoloġiċi f’fażijiet differenti tal-proġett

Jekk il-proġett jippjana attivitajiet ta’ taħriġ, tagħlim jew apprendiment:

  • kemm dawn l-attivitajiet huma xierqa għall-objettivi tal-proġett u jinvolvu l-profil u n-numru xieraq ta’ parteċipanti;
  • il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ fl-attivitajiet ta’ apprendiment, tagħlim u taħriġ;
  • il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, f’konformità mal-għodod u l-prinċipji Ewropej dwar it-trasparenza u r-rikonoxximent.

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

Kemm:

  • il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti f’termini ta’ profil, inklużi l-organizzazzjonijiet ta’ bażi, l-esperjenza preċedenti fil-Programm u l-għarfien espert sabiex l-objettivi kollha tal-proġett jitlestew b’suċċess;
  • il-proġett jinvolvi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-Azzjoni
  • l-allokazzjoni proposta tal-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
  • il-proposta tinkludi mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.
  • Jekk ikun applikabbli, kemm l-involviment ta’ organizzazzjoni parteċipanti minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm iġib valur miżjud essenzjali għall-proġett (jekk din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata, l-organizzazzjoni parteċipanti minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm se tiġi eskluża mill-proposta tal-proġett fl-istadju tal-valutazzjoni).

Impatt (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

Kemm:

  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u loġiċi biex jiġu integrati r-riżultati tal-proġett fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni parteċipanti;
  • il-proġett għandu l-potenzjal li jkollu impatt pożittiv fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti tiegħu, kif ukoll fuq il-komunitajiet usa’ tagħhom;
  • ir-riżultati mistennija tal-proġett għandhom il-potenzjal li jintużaw barra l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-proġett matul u wara l-ħajja tal-proġett, u fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew Ewropew;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut pubblikament il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea;
    • jekk ikun rilevanti, kemm il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħin, u ma jkunx fihom limitazzjonijiet sproporzjonati;
  • il-proposta tal-proġett tinkludi passi konkreti u effettivi biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett, il-kapaċità tiegħu li jkompli jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat għalkollox l-għotja tal-UE.

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 70 punt. Barra minn hekk, iridu jiksbu tal-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għotjiet imsemmija hawn fuq (jiġifieri minimu ta’ 13-il punt8  għall-kategoriji “rilevanza tal-proġett” u “impatt”; 15-il punt għall-kategorija “kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”; u 10 punti għall-kategorija “kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni”).

F’każijiet fejn żewġ applikazzjonijiet jew aktar ikunu rċevew l-istess punteġġ totali (każijiet ex aequo), se tingħata prijorità lill-ogħla punteġġi għar-“rilevanza tal-proġett” u mbagħad għall-“impatt”.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Il-mudell ta’ finanzjament propost jikkonsisti minn għażla ta’ tliet somom waħdanin f’daqqa, li jikkorrispondu għall-ammont totali tal-għotja għall-proġett: 120 000 EUR, 250 000 EUR u 400 000 EUR. L-applikanti se jagħżlu bejn it-tliet ammonti definiti minn qabel skont l-attivitajiet li jridu jwettqu u r-riżultati li jridu jiksbu.

Meta jippjanaw il-proġetti tagħhom, l-organizzazzjonijiet applikanti - flimkien mas-sħab tal-proġett tagħhom - se jkollhom jagħżlu l-ammont tas-somma waħda f’daqqa li jkun aktar xieraq biex ikopri l-kostijiet tal-proġetti tagħhom, abbażi tal-ħtiġijiet u l-objettivi tagħhom. Jekk il-proġett jintgħażel għall-finanzjament, l-ammont tas-somma f’daqqa mitlub isir l-ammont kumplessiv tal-għotja.

Il-proposti jridu jiddeskrivu l-attivitajiet li l-applikanti jimpenjaw ruħhom li jwettqu bl-ammont tas-somma f’daqqa mitlub u jridu jissodisfaw il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività.

L-għażla tal-ammont ta’ somma f’daqqa li għandu jintalab għandha tkun ibbażata fuq l-istima proprja tal-applikant għall-kost kumplessiv tal-proġett. Minn din l-istima, l-applikanti jeħtiġilhom jagħżlu l-ammont tas-somma waħda f’daqqa li jkun l-aktar adattat għall-ħtiġijiet tagħhom filwaqt li jiżguraw użu effiċjenti tal-fondi u r-rispett tal-prinċipju ta’ kofinanzjament (jiġifieri l-baġits tal-proġetti huma mistennija jiġu kkomplementati b’sorsi oħrajn ta’ finanzjament, għalhekk, il-kost kumplessiv mistennija tal-proġett għandu jkun ogħla mill-ammont fiss tas-somma f’daqqa mitluba).

Fil-każ ta’ dubji bejn żewġ ammonti, l-applikanti jistgħu: a) inaqqsu l-kost tal-proġett tagħhom, pereżempju billi jsibu modi aktar kosteffettivi biex jiksbu riżultati simili jew billi jadattaw l-għadd/l-iskala tal-attivitajiet tal-proġett għall-baġit; b) iżidu l-iskala tal-proġett tagħhom, pereżempju billi jimmiraw li jilħqu aktar parteċipanti bl-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jżidu l-għadd ta’ attivitajiet jew jipproduċu outputs addizzjonali tal-proġett.

L-adegwatezza tan-numru, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kumplessità tal-attivitajiet proposti tal-proġett għall-ammont mitlub, flimkien mar-rilevanza tagħhom għall-objettivi tal-proġett, se jkunu elementi importanti tal-valutazzjoni tal-kwalità, f’konformità mal-kriterji għall-għoti deskritti hawn fuq.

Rekwiżiti

Id-deskrizzjoni tal-proġett għandha tinkludi metodoloġija dettaljata tal-proġett b’distribuzzjoni ċara tal-kompiti u l-arranġamenti finanzjarji fost is-sħab, skeda ta’ żmien dettaljata bir-riżultati tanġibbli/riżultati ewlenin, is-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll u l-għodod stabbiliti sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha tal-attivitajiet tal-proġett.

Il-metodoloġija tal-proġett għandha turi l-analiżi li twassal għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet, l-istabbiliment tal-objettivi, is-sistema stabbilita għall-monitoraġġ tal-proġett, mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u strateġija ta’ evalwazzjoni. Bħala parti mill-istrateġija ta’ evalwazzjoni, l-applikanti jeħtiġilhom jidentifikaw sett ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jippermettu li tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni tar-riżultati tanġibbli/tar-riżultati prodotti biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett.

Id-deskrizzjoni tal-proġett għandha tagħmel distinzjoni bejn il-ġestjoni tal-proġett u l-pakketti ta’ ħidma għall-implimentazzjoni. L-applikanti jeħtiġilhom jaqsmu l-attivitajiet tal-proġett f’“pakketti ta’ ħidma”.

Pakkett ta’ ħidma huwa ddefinit bħala sett ta’ attivitajiet li jikkontribwixxi għall-ilħuq ta’ objettivi speċifiċi komuni.

Ir-rabta ma’ objettivi u riżultati tanġibbli speċifiċi għandha tiġi deskritta b’mod ċar għal kull pakkett ta’ ħidma. L-applikanti huma rrakkomandati li jaqsmu l-proġetti tagħhom f’massimu ta’ ħames pakketti ta’ ħidma, inkluż dak dwar il-ġestjoni tal-proġetti. Il-pakkett ta’ ħidma dwar il-ġestjoni tal-proġett huwa maħsub biex ikopri l-attivitajiet orizzontali li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett, bħall-monitoraġġ, il-koordinazzjoni, il-komunikazzjoni, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju. Għal proġetti b’pakkett ta’ ħidma speċifiku għall-ġestjoni tal-proġetti, il-porzjon tas-somma f’daqqa allokata għal dan il-pakkett ta’ ħidma għandu jkun massimu ta’ 20 % tat-total.

Il-valutazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti għandha ssegwi l-prinċipju tal-proporzjonalità: aktar ma jkun għoli l-ammont mitlub, aktar ikun mistenni li l-metodoloġija tal-proġett tkun akkurata u komprensiva.

Is-subkuntrattar tas-servizzi huwa permess diment li ma jkoprix attivitajiet ewlenin li fuqhom jiddependi direttament l-ilħuq tal-objettivi tal-azzjoni. F’każijiet bħal dawn, il-kompiti sottokuntrattati jridu jiġu identifikati u deskritti b’mod ċar fl-applikazzjoni.

Pagament tal-Għotja

Il-kundizzjoni għall-pagament sħiħ tal-għotja hija t-tlestija tal-attivitajiet kollha f’konformità mal-kriterji tal-kwalità deskritti fl-applikazzjoni. F’każ li attività waħda jew aktar ma jkunux kompluti, ikunu parzjalment kompluti jew ivvalutati bħala mhux sodisfaċenti fil-valutazzjoni tal-kwalità, jista’ jiġi applikat tnaqqis xieraq tal-ammont tal-għotja fl-istadju tar-rapport finali f’każijiet ta’ implimentazzjoni ħażina, parzjali jew tardiva billi ma jiġux aċċettati pakketti ta’ ħidma jew attivitajiet uniċi, jew billi jitnaqqas l-ammont kumplessiv b’perċentwal b’rata fissa.

Il-valutazzjoni tar-rapport finali hija bbażata fuq id-deskrizzjonijiet dettaljati ta’ kull attività mwettqa, l-informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva li turi l-livell tal-ilħuq tal-objettivi tal-proġett iddikjarati fl-applikazzjoni, il-kwalità tar-riżultati tal-proġetti mtellgħin fil-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti Erasmus+ u awtovalutazzjoni tal-organizzazzjonijiet sħab. 

  1. Għall-finijiet ta’ dan il-programm, dawn huma NGOs li joperaw permezz ta’ struttura rikonoxxuta formalment magħmula minn korp/segretarjat Ewropew stabbilit legalment għal mill-inqas sena fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u ta’ organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali, f’mill-inqas disa’ Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

    Dawn l-organizzazzjonijiet/il-fergħat nazzjonali jridu: 

    · ikollhom rabta statutorja ppruvata mal-korp/mas-segretarjat Ewropew; 

    · ikunu attivi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ;

    Għalhekk NGO Ewropea jeħtiġilha tkun magħmula minn mill-inqas disa’ entitajiet (il-korp/is-segretarjat Ewropew + tmien organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali) stabbiliti f’disa’ Stati Membri differenti tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. ↩ back

  2. Kwalunkwe istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja (HEI) stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u li tixtieq li tieħu sehem fi Sħubija ta’ Kooperazzjoni jrid ikollha Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) valida. L-ECHE ma hijiex meħtieġa għall-HEIs parteċipanti f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, iżda dawn se jkollhom jikkonformaw mal-prinċipji tagħha. Għall-iskopijiet ta’ din l-Azzjoni, gruppi informali ta’ żgħażagħ ma għandhomx jitqiesu bħala organizzazzjoni, u għalhekk ma humiex eliġibbli sabiex jipparteċipaw (la bħala applikanti u lanqas bħala sħab). ↩ back
  3. Dan il-massimu jqis l-applikazzjonijiet kollha sottomessi għal dawn l-oqsma lkoll flimkien. ↩ back
  4. Is-Sedi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strasburgu u The Hague. ↩ back
  5. Għal definizzjoni ta’ x’inhi meqjusa NGO Ewropea  għall-iskopijiet tal-Programm Erasmus+, jekk jogħġbok ara l-“Parti D – Glossarju” ta’ din il-Gwida. ↩ back
  6. Dan jinkludi kemm l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ kif ukoll l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA), ibbażata fi Brussell. ↩ back
  7. https://erasmus-plus.ec.europa.eu/document/implementation-guidelines-erasmus-and-european-solidarity-corps-inclusion-and-diversity-strategy ↩ back
  8. Billi l-punti deċimali ma humiex applikabbli fil-valutazzjoni ta’ din l-azzjoni, il-punteġġ minimu għal dawn il-kriterji jiġi aġġustat ’l isfel għal 13-il punt. ↩ back