Attivitajiet ta’parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
Attivitajiet barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali li jħeġġu, irawmu u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew
Objettivi tal-azzjoni1
L-Erasmus+ jappoġġa proġetti ta’ parteċipazzjoni lokali, nazzjonali u tranżnazzjonali mmexxija miż-żgħażagħ u ġestiti minn gruppi informali ta’ żgħażagħ u/jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa u li jsegwu wieħed mill-objettivi li ġejjin jew aktar:
- jipprovdu liż-żgħażagħ b’opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom u jitgħallmu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivika (jipprovdu perkorsi ta’ impenn għaż-żgħażagħ fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom iżda wkoll fil-ħajja demokratika, bil-għan li jkun hemm parteċipazzjoni ċivika, ekonomika, soċjali, kulturali u politika sinifikanti taż-żgħażagħ minn kull sfond, b’enfasi speċjali fuq dawk b’inqas opportunitajiet);
- iqajmu sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar il-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali Ewropej u jikkontribwixxu għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, inkluż permezz tal-kontribuzzjoni għall-ilħuq ta’ wieħed mill-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ jew aktar;
- jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali u l-litteriżmu medjatiku taż-żgħażagħ (b’mod partikolari l-ħsieb kritiku u l-kapaċità li jivvalutaw u jaħdmu bl-informazzjoni) bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza taż-żgħażagħ għad-diżinformazzjoni, l-aħbarijiet foloz u l-propaganda, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika;
- ilaqqgħu flimkien liż-żgħażagħ u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tranżnazzjonali u/jew jikkontribwixxu għad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.
Kuntest tal-politika
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-20272 [1] tistabbilixxi Qafas għal Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ”. Taħt il-qasam ewlieni l-“Impenn”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ timmira lejn parteċipazzjoni ċivika, ekonomika, soċjali, kulturali u politika sinifikanti taż-żgħażagħ. L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-impenn soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jieħdu sehem fis-soċjetà.
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi wkoll proċess ta’ djalogu maż-Żgħażagħ u f’dak il-kuntest, fl-2018 ġew żviluppati 11-il għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ, li jidentifikaw firxa ta’ oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi li għandhom jiġu indirizzati f’kull wieħed minnhom. Abbażi tal-kontribut tal-partijiet ikkonċernati żgħażagħ, kull ċiklu ta’ 18-il xahar tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jidentifika prijoritajiet tematiċi speċifiċi, imfasslin biex isiru l-fokus tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ matul perjodu partikolari.
Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ
Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS)3 .
Deskrizzjoni tal-attivitajiet
L-attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma attivitajiet ta’ apprendiment mhux formali li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ. Tali attivitajiet għandhom l-għan li jippermettu liż-żgħażagħ jesperjenzaw skambji, kooperazzjoni, azzjoni kulturali u ċivika. L-attivitajiet appoġġati għandhom jgħinu lill-parteċipanti jsaħħu l-kompetenzi personali, soċjali, taċ-ċittadinanza u dawk diġitali tagħhom u jsiru ċittadini Ewropej attivi.
Din l-Azzjoni tappoġġa l-użu ta’ forom alternattivi, innovattivi, intelliġenti u diġitali ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, inkluża l-estensjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’varjetà ta’ setturi u spazji (servizzi tal-kura tas-saħħa, faċilitajiet sportivi eċċ., irrispettivament minn jekk dawn humiex operati mis-settur pubbliku jew privat), il-ftuħ ta’ perkorsi għal parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ minn kull sfond.
L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jintużaw b’mod attiv biex jitwettqu djalogi u diskussjonijiet bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa. Bħala riżultat konkret, iż-żgħażagħ jistgħu jsemmgħu leħinhom (permezz tal-formulazzjoni ta’ pożizzjonijiet, proposti u rakkomandazzjonijiet) speċjalment dwar kif għandhom jitfasslu u jiġu implimentati l-politiki dwar iż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jieħdu wkoll il-forma ta’ azzjoni ċivika u ta’ attivitajiet taż-żgħażagħ, li jippermettu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom f’diversi modi biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet li huma importanti għalihom.
L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jkunu jew tranżnazzjonali (implimentati f’pajjiż parteċipant wieħed jew aktar u jinvolvu sħab minn diversi pajjiżi parteċipanti) jew nazzjonali (implimentati fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali u jinvolvu grupp(i) informali ta’ żgħażagħ u/jew organizzazzjonijiet minn pajjiż parteċipant wieħed). L-attivitajiet nazzjonali tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma partikolarment adatti biex jittestjaw l-ideat fil-livell lokali u bħala għodda għas-segwitu ta’ inizjattivi preċedenti biex jgħinu fit-titjib u l-iżvilupp ulterjuri ta’ ideat ta’ suċċess.
L-attivitajiet kollha tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, irrispettivament mil-livell li fih jiġu implimentati, jeħtieġ li jkollhom dimensjoni Ewropea ċara u/jew valur miżjud u kull attività individwali appoġġata trid tikkontribwixxi b’mod ċar biex jintlaħaq wieħed mill-objettivi tal-Azzjoni elenkati hawn fuq jew aktar.
L-attivitajiet appoġġati jistgħu jieħdu l-forma ta’ (jew kombinament ta’): workshops, dibattiti, logħob ta’ rwol, simulazzjonijiet, użu ta’ għodod diġitali (eż. għodod għad-demokrazija diġitali), kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, taħriġ, laqgħat u forom oħra ta’ interazzjoni online jew offline bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, konsultazzjonijiet, avvenimenti ta’ informazzjoni u/jew kulturali eċċ.
Xi eżempji ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu implimentati fi ħdan proġett huma:
- workshops u/jew laqgħat wiċċ imb wiċċ jew online, seminars jew avvenimenti/proċessi oħra fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew tranżnazzjonali li joffru spazju għal informazzjoni, dibattitu u parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet rilevanti għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom bħala ċittadini Ewropej attivi, fosthom idealment li jinkludu, li jwasslu jew li jsegwu l-interazzjonijiet ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u partijiet ikkonċernati oħra kkonċernati minn tali kwistjonijiet;
- konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ li jidentifikaw suġġetti/kwistjonijiet ta’ rilevanza speċifika għalihom (fil-kuntest lokali, reġjonali, nazzjonali jew tranżnazzjonali) u jidentifikaw il-ħtiġijiet tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni fl-indirizzar ta’ tali suġġetti/kwistjonijiet;
- kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, inklużi avvenimenti ta’ informazzjoni u/jewkulturali marbuta ma’ sfidi speċifiċi tas-soċjetà rilevanti għaż-żgħażagħ;
- il-faċilitazzjoni tal-aċċess għal spazji virtwali u/jew fiżiċi miftuħa, sikuri u aċċessibbli għaż-żgħażagħ, li joffru opportunitajiet effettivi għall-apprendiment biex wieħed jipparteċipa fil-ħajja u l-proċessi demokratiċi;
- simulazzjonijiet tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u r-rwoli ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan tali istituzzjonijiet.
Kull fejn ikun rilevanti, huwa mħeġġeġ ħafna li jiġu integrati formati ta’ attività diġitali (eż. webinars, hackathons, diversi għodod tal-e-parteċipazzjoni eċċ.) u/jew taħriġ dwar l-użu ta’ għodod tad-demokrazija diġitali f’attivitajiet li għandhom jiġu implimentati fi ħdan proġett ta’ attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.
Proġett għandu jikkonsisti minn attivitajiet differenti li flimkien jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi ppjanati. Uħud minn dawn l-attivitajiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ mobbiltajiet, fejn il-parteċipanti,biex jieħdu sehem f’esperjenza parteċipattiva, jivvjaġġaw lejn post differenti minn fejn jirrisjedu. Dawn il-mobbiltajiet jistgħu jkunu kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali. L-attivitajiet jistgħu jieħdu wkoll il-forma ta’ avveniment fiżiku, li jinvolvi l-preżenza fiżika taż-żgħażagħ u ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, inklużi parteċipanti li mhumiex involuti direttament fl-implimentazzjoni tal-proġett, f’post speċifiku. Kategoriji tal-baġit separati jappoġġaw l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà u avvenimenti ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Skont il-ħtiġijiet ta’ proġetti speċifiċi, mobbiltajiet u avvenimenti fiżiċi jistgħu jkunu jew awtonomi jew jistgħu jiġu kkombinati (eż. jekk ikun meħtieġ li l-parteċipanti jivvjaġġaw biex jieħdu sehem f’avveniment, dan jista’ jiġi ddikjarat bħala attività ta’ mobbiltà kif ukoll avveniment, li jiskatta appoġġ rilevanti għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza). Proġett tipiku se jinkludi wkoll attivitajiet li la huma attivitajiet ta’ mobbiltà u lanqas avvenimenti fiżiċi. Dawn huma daqstant importanti għall-implimentazzjoni tal-proġett u għandhom ikunu koperti mill-kategorija tal-baġit “ġestjoni tal-proġett”.
It-tipi ta’ attivitajiet li ġejjin ma jistgħux jiġu appoġġati taħt din l-Azzjoni: laqgħat statutorji ta’ organizzazzjonijiet jew networks ta’ organizzazzjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti politiċi partiġjani, infrastruttura fiżika (eż. il-kost tal-kostruzzjoni/l-akkwist ta’ binjiet u t-tagħmir permanenti tagħhom).
Eżempji ta’ proġetti b’element qawwi ta’ parteċipazzjoni (mhux limitat għall-format tal-attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ) u l-aħjar prattiki rilevanti jistgħu jinstabu fis-Sett ta’ Għodod għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ4 .
Stabbiliment ta’ proġett
Proġett appoġġat minn din l-Azzjoni għandu jinkludi waħda jew aktar mill-attivitajiet deskritti hawn fuq. L-attivitajiet jistgħu jiġu kkombinati b’mod flessibbli, skont l-objettivi tal-proġett u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti u l-parteċipanti.
Proġett huwa implimentat minn grupp informali wieħed jew aktar ta’ żgħażagħ, organizzazzjoni waħda jew aktar, jew taħlita tagħhom. Il-grupp(i) informali taż-żgħażagħ u/jew l-organizzazzjonijiet parteċipanti jridu jiġu identifikati fl-istadju tal-applikazzjoni. Jekk ikun involut biss grupp informali ta’ żgħażagħ, wieħed minnhom japplika f’isem il-grupp. Jekk ikunu involuti diversi gruppi jew organizzazzjonijiet, wieħed minnhom jieħu r-rwol ta’ koordinatur u japplika għall-proġett kollu f’isem is-sħubija.
Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u ż-żgħażagħ involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom (“attivitajiet maħsuba miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ”). Is-Sett ta’ Għodod għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ jista’ jipprovdi ideat u gwida prattiċi biex tittejjeb il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ.
- L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet, eċċ.)
- It-tħejjija (arranġamenti prattiċi, l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab, il-konferma tal-grupp(i) fil-mira tal-attivitajiet previsti, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u mal-kompiti tal-parteċipanti, eċċ.);
- L-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
- Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett). Bħala parti mill-fażi ta’ segwitu, kull proġett għandu jipprevedi li jipprovdi feedback dwar eżiti konkreti tal-proġett lill-parteċipanti żgħażagħ, inkluż dwar kif tali eżiti jkunu ġew ikkomunikati lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra u/jew użati minnhom.
Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ
Is-suġġetti u l-prijoritajiet identifikati fil-kuntest tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ5 jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għall-attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ fil-livelli kollha. Sors simili ta’ ispirazzjoni jista’ jinsab fl-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ żviluppati fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u li jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi. Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ ta’ suċċess jistgħu jintużaw bħala kontribut għal stadji ulterjuri tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.
Proċess ta’ Apprendiment
Proġett ta’ attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ jeħtieġ li jipprevedi appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment individwali, b’mod partikolari permezz tal-Youthpass.
Inklużjoni u diversità
Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma partikolarment adatti għall-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet:
- L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma mfassla bħala format ta’ azzjoni ta’ bażi b’parametri flessibbli ħafna (id-durata, l-għadd ta’ parteċipanti, l-attivitajiet nazzjonali/tranżnazzjonali eċċ.), li jistgħu jiġu adattati faċilment għall-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet;
- Gruppi informali ta’ żgħażagħ li jwettqu proġett ta’ attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ jistgħu jiġu appoġġati minn kowċ6 . Is-servizzi ta’ kowċ jistgħu jkunu partikolarment rilevanti u ta’ għajnuna biex jappoġġaw liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fl-iżvilupp u fit-twettiq tal-proġetti tagħhom.
- L-objettivi tal-azzjoni jinkludu li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet biex jitgħallmu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivika, kif ukoll li jtejbu l-litteriżmu diġitali u medjatiku. Il-proġetti li jsegwu dawn l-għanijiet jistgħu jkunu utli b’mod speċjali biex jgħinu liż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet jegħlbu xi wħud mill-isfidi li jistgħu jkunu qed jiffaċċjaw.
L-attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ huma wkoll partikolarment adattati biex jaħdmu tematikament fuq l-inklużjoni u d-diversità fis-soċjetà, pereżempju biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-istereotipi, irawmu l-fehim, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni.
Protezzjoni u Sikurezza tal-parteċipanti
Matul l-ippjanar u t-tħejjija ta’ proġett, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji.
Bini ta’ Komunità
L-inklużjoni tal-attivitajiet tal-bini ta’komunità f’attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija mħeġġa bil-qawwa. Kull fejn ikun possibbli, tali attivitajiet għandhom jfittxu li jissopravivu lil hinn mid-durata tal-proġetti appoġġati u jsiru awto sostenibbli.
Sostenibbiltà ambjentali
Proġett għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, filwaqt li jqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dan għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kuxjenza ambjentali billi eż. jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ, il-mezzi sostenibbli ta’ trasport.
Tranżizzjoni diġitali
Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u biex itejbu l-kwalità tal-attivitajiet. Hija mħeġġa l-introduzzjoni ta’ elementi diġitali u online biex jitnaqqas il-limitu għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Permezz ta’ proġetti u attivitajiet li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ħiliet diġitali, irawmu l-litteriżmu diġitali u/jew jiżviluppaw fehim tar-riskji u l-opportunitajiet tat-teknoloġija diġitali, il-programm jista’ jibdel il-mentalità u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi diġitali u mħallta fl-attivitajiet taż-żgħażagħ.
Skont it-tfassil u l-objettivi tal-attivitajiet, l-iżvilupp tal-kompetenzi u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda jistgħu jiġu introdotti f’avvenimenti fiżiċi jew f’mobbiltajiet ta’ apprendiment, filwaqt li komponenti purament virtwali għandhom jiġu ffinanzjati mill-kostijiet tal-ġestjoni tal-proġett. Spejjeż debitament ġustifikati għall-inklużjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet jistgħu jiġu applikati taħt il-kostijiet tal-inklużjoni.
Standards ta’ kwalità tal-Erasmus għaż-żgħażagħ
L-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha appoġġati taħt din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards tal-kwalità tal-erasmus għaż-żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll prattiki ta’ implimentazzjoni konkreti għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġetti, eċċ. L-istandards tal-kwalità tal-erasmus għaż-żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_en
Kriterji li jintużaw biex jiġi vvalutat dan il-proġett
Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli
Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:
- organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni , NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;
- grupp informali ta’ żgħażagħ.7
stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).
Min jista’ japplika?
Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm tista’ tkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett8 .
Għadd u profil tal-organizzazzjonijiet parteċipanti
- Proġetti Nazzjonali għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: trid tiġi involuta mill-inqas organizzazzjoni parteċipanti waħda.
- Proġetti Tranżnazzjonali għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: iridu jiġu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti minn pajjiżi differenti.
Durata tal-proġett
Minn 3 xhur sa 24 xahar.
Post(ijiet) tal-attivitajiet
L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż ta’ organizzazzjoni parteċipanti waħda jew aktar. L-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea9 , anke jekk fil-proġett ma jkunx hemm organizzazzjonijiet parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni.
Parteċipanti eliġibbli
Żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena10 residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet rilevanti għas-suġġetti indirizzati mill-proġett.
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.
Meta napplika?
L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:
23 ta’ frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ ġunju u l-31 ta’ diċembru tal-istess sena
4 ta’ ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ jannar u l-31 ta’ mejju tas-sena ta’ wara
Rawnd addizzjonali possibbli:
L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu rawnd addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinfurmaw lill-applikanti dwar il-ftuħ tar-rawnd addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom.
Jekk jiġi organizzat rawnd addizzjonali, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sal-4 ta’ mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.
Kif napplika?
Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għal dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.
Annessi
Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa dikjarazzjoni fuq l-unur tar-rappreżentant legali.
Mal-formola tal-applikazzjoni, jrid ikun hemm annessa skeda taż-żmien ta’ kull xahar tal-proġett tal-attivitajiet tal-parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ li turi l-attivitajiet kollha ppjanati.
Barra minn hekk, jekk il-proġett jippjana attivitajiet u/jew avvenimenti ta’ mobbiltà: Skeda ta’ żmien għal kull waħda mill-attivitajiet u għal kull wieħed mill-avvenimenti ta’ mobbiltà ppjanati fil-proġett trid tiġi annessa mal-formola tal-applikazzjoni.
Kriterji għall-għoti
Rilevanza, raġunament u impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- Ir-rilevanza tal-proġett għall-:
- objettivi tal-Azzjoni;
- ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti.
- Kemm il-proġett se jindirizza waħda jew aktar mill-prijoritajiet identifikati fil-kuntest tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jew l-Għanijiet dwar iż-Żgħażagħ;
- Kemm il-proġett huwa adatt biex jipproduċi eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-parteċipanti;
- Kemm il-proġett jipprovdi valur miżjud Ewropew;
- L-impatt potenzjali tal-proġett:
- fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
- barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jieħdu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew jew globali.
- Kemm il-proġett jinkorpora miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu r-riżultati tiegħu sostenibbli lil hinn mill-ħajja tal-proġett.
- Il-punt sa fejn il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għall-inklużjoni u d-diversità, id-dimensjonijiet ekoloġiċi, diġitali u parteċipatorji tal-Programm;
- Il-punt sa fejn il-proġett jintroduċi organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza għall-Azzjoni;
- Il-punt sa fejn il-proġett jindirizza prattiki sostenibbli u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)
- Il-konsistenza bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-objettivi tal-proġett, il-profili tal-parteċipanti u l-attivitajiet proposti;
- Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha tal-proġett: it-tħejjija (inkluża t-tħejjija tal-parteċipanti), l-implimentazzjoni u s-segwitu (inkluż mekkaniżmu ta’ feedback għall-parteċipanti;
- Kemm iż-żgħażagħ huma involuti fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet;
- Kemm l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet;
- L-adegwatezza tal-metodi ta’ apprendiment parteċipattiv proposti, inkluż ta’ kwalunkwe komponent virtwali;
- Kemm il-proġett jagħmel użu minn forom alternattivi, innovattivi u intelliġenti ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b’mod partikolari biex jiġu ttestjati ideat ġodda u jsir segwitu;
- Il-kwalità tal-arranġamenti u l-appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu konsistenti tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari l-Youthpass;
- L-adegwatezza u l-effettività tal-miżuri previsti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti;
- Kemm l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.
Kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi u l-modalitajiet ta’ ġestjoni u ta’ appoġġ;
- Il-kwalità tal-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-parteċipanti tal-grupp(i), l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti rilevanti;
- Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett;
- L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u lil hinn minnhom.
Regoli ta’ finanzjament
Il-baġit tal-proġett irid jiġi abbozzat skont ir-regoli ta’ finanzjament li ġejjin (f’euro):
Għotja massima mogħtija għal kull proġett għal attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: EUR 60,000
Kategorija tal-baġit - Ġestjoni tal-proġett
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet marbuta mal-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-proġett (eż . it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ laqgħat tal-proġett, it-tħejjija tal-attivitajiet, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni, it-tixrid u s-segwitu).
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tal-proġett.
Ammont
EUR 500 kull xahar
Kategorija tal-baġit - Kostijiet tal-ikkowċjar
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet marbuta mal-involviment ta’ kowċ fil-proġett. Il-kostijiet tal-ikkowċjar huma applikabbli biss jekk il-proġett jiġi implimentat minn grupp informali ta’ żgħażagħ.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-pajjiż fejn iseħħ il-proġett u l-jiem tax-xogħol.
It-talba għall- appoġġ finanzjarju biex jiġu koperti l-kostijiet tal-kowċ trid tkun iġġustifikati fil-formola ta’ applikazzjoni. Id-durata tal-ikkowċjar mhijiex marbuta mad-durata tal-proġett.
Ammont
Tabella B3 għal kull jum ta’ xogħol.
Massimu ta’ 12-il jum.
Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet addizzjonali relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi tagħhom, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-faċilitaturi (inklużi kostijiet iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.
Ammont
100% tal-kostijiet eliġibbli
Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.
Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi.
Kostijiet tal-ivvjaġġar għali tal-parteċipanti, inklużi l-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi; inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.
Ammont
Garanzija finanzjarja: 80 % tal-kostijiet eliġibbli
Kostijiet tal-ivvjaġġar għali: 80 % tal-kostijiet eliġibbli
Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli
Tabella B3 kostijiet tal-ikkowċjar
|
Għalliem/Ħarrieġ/Riċerkatur Persuna li taħdem maż-żgħażagħ Kontribuzzjoni unitarja għal kull jum |
---|---|
Id-danimarka, l-irlanda, il-lussemburgu, in-netherlands, l-awstrija, l-iżvezja, il-liechtenstein, in-norveġja |
241 |
Il-belġju, il-ġermanja, franza, l-italja, il-finlandja, l-iżlanda |
214 |
Ir-repubblika ċeka, il-greċja, spanja, ċipru, malta, il-portugall, is-slovenja |
137 |
Il-bulgarija, l-estonja, il-kroazja, il-latvja, il-litwanja, l-ungerija, il-polonja, ir-rumanija, is-serbja, is-slovakkja, il-maċedonja ta’ fuq, it-turkija |
74 |
Finanzjament addizzjonali għal avvenimenti fiżiċi mwettqa fil-qafas tal-proġett
Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-avvenimenti tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Il-kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni ta’ avvenimenti fiżiċi nazzjonali u tranżnazzjonali li huma ċentrali għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġett tal-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ. Din il-kategorija tal-baġit mhijiex maħsuba biex tkopri l-parteċipazzjoni tal-persunal tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti/ membri tal-grupp(i) informali taż-żgħażagħ u tal-faċilitaturi, peress li l-attendenza tal-laqgħat minn dawn il-parteċipanti għandha tkun koperta mill-kategorija tal-baġit “ġestjoni tal-proġetti”.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti fl-avveniment, inklużi dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, bl-esklużjoni tal-faċilitaturi. Meta jkun rilevanti, l-appoġġ għall-avvenimenti ta’ parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ jista’ jiġi kkombinat ma’ finanzjament għall-mobbiltajiet.
Ammont
EUR 100 għal kull parteċipant
Finanzjament addizzjonali għall-mobbiltajiet imwettqa fil-qafas tal-proġett
Kategorija tal-baġit – Ivvjaġġar
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-akkumpanjaturi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-faċilitaturi, mill-post ta’ oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura, irrispettivament minn jekk l-ivvjaġġar ikunx nazzjonali jew tranżnazzjonali.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u l-għadd ta’ persuni..
L-applikant irid jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea .
Għall-attivitajiet itineranti, l-applikant għandu jżid id-distanzi bejn il-postijiet individwali u jagħżel il-medda ta’ distanza li tikkorrispondi għat-total.
Ammont
Distanza tal-ivvjaġġar |
Vjaġġar standard |
Vjaġġar ekoloġiku |
---|---|---|
10 – 99 km |
eUR 23 |
|
100 – 499 km |
EUR 180 |
EUR 210 |
500 – 1,999 km |
EUR 275 |
EUR 320 |
2,000 – 2,999 km |
EUR 360 |
EUR 410 |
3,000 – 3,999 km |
EUR 530 |
EUR 610 |
4,000 – 7,999 km |
EUR 820 |
|
8,000 km jew aktar |
EUR 1,500 |
|
Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet marbuta mas-sussistenza.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall- kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant, inklużi l-akkumpanjaturi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-faċilitaturi (jekk ikun meħtieġ), inkluż ukoll jum ta’ vjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta’ vjaġġar ieħor wara l-attività (jekk meħtieġ), u sa erbat ijiem addizzjonali għall-parteċipanti li jirċievu għotja għall-ivvjaġġar ekoloġiku
Ammont
Tabella A2.1 għal kull parteċipant għal kull jum
Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.
Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-għadd ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, esklużi l-akkumpanjaturi, il-faċilitaturi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.
Ammont
EUR 100 għal kull parteċipant
Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali
Kostijiet eliġibbli u r-regoli applikabbli
Kostijiet tal-ivvjaġġar għali tal-parteċipanti, inklużi l-akkumpanjaturi, il-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-faċilitaturi; inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi.
Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.
Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali. L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti.
Ammont
80% tal-kostijiet eliġibbli
Tabella A2.1 : appoġġ individwali għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
|
Attivitajiet ta’ Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ (euro għal kull jum) |
---|---|
L-Awstrija |
EUR 45 |
Il-Belġju |
EUR 42 |
Il-Bulgarija |
EUR 32 |
Il-Kroazja |
EUR 35 |
Ċipru |
EUR 32 |
Ir-Repubblika Ċeka |
EUR 32 |
Id-Danimarka |
EUR 45 |
L-Estonja |
EUR 33 |
Il-Finlandja |
EUR 45 |
Il-Maċedonja ta’ Fuq |
EUR 28 |
Franza |
EUR 38 |
Il-Ġermanja |
EUR 41 |
Il-Greċja |
EUR 38 |
L-Ungerija |
EUR 33 |
L-Iżlanda |
EUR 45 |
L-Irlanda |
EUR 49 |
L-Italja |
EUR 39 |
Il-Latvja |
EUR 34 |
Il-Liechtenstein |
EUR 45 |
Il-Litwanja |
EUR 34 |
Il-Lussemburgu |
EUR 45 |
Malta |
EUR 39 |
In-Netherlands |
EUR 45 |
In-Norveġja |
EUR 50 |
Il-Polonja |
EUR 34 |
Il-Portugall |
EUR 37 |
Ir-Rumanija |
EUR 32 |
Is-Serbja |
EUR 29 |
Is-Slovakkja |
EUR 35 |
Is-Slovenja |
EUR 34 |
Spanja |
EUR 34 |
L-Iżvezja |
EUR 45 |
It-Turkija |
EUR 32 |
Pajjiżi terzi ġirien mhux assoċjati mal-Programm |
EUR 29 |
- 1 Il-baġit ewlieni ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa proġetti li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Madankollu, madwar 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja proġetti internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ġirien tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).
- 2 https://europa.eu/youth/strategy_mt
- 3 L-istrateġiji jistgħu jinsabu hawn: Strateġija għall-parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ: https://participationpool.eu/ Youthpass: https://www.youthpass.eu/de/ SALTO-ŻGĦAŻAGĦ - X’inhu Youthpass? / ETS: https://www.salto-youth.net/rc/training-and-cooperation/trainingstrategy/
- 4 https://participationpool.eu/toolkit/
- 5 https://europa.eu/youth/strategy/euyouthdialogue_mt
- 6 Skont il-ħtiġijiet tagħhom, gruppi informali ta’ żgħażagħ jistgħu jużaw kowċ wieħed jew aktar matul il-proġett.
- 7 Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali. Għall-finijiet ta’ din l-azzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni relatata magħha, “grupp informali ta’ żgħażagħ” għandu jkun konformi mal-kunċett ta’ “organizzazzjoni parteċipanti”. Fejn issir referenza għal “organizzazzjoni parteċipanti”, din għandha titqies li tkopri wkoll “grupp informali ta’ żgħażagħ”.
- 8 L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jkollhom jiffirmaw mandat lill-organizzazzjoni applikanti. Il-mandati għandhom jiġu pprovduti fl-istadju tal-applikazzjoni u mhux aktar tard miż-żmien tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
- 9 Is-Sedi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea huma Brussell, Frankfurt, il-Lussemburgu, Strasburgu u The Hague
- 10
Jekk jogħġbok qis dawn li ġejjin:
limiti inferjuri tal-età - il-parteċipanti jridu jkunu laħqu l-età minima fid-data tal-bidu tal-attività.
limiti massimi tal-età - il-parteċipanti ma jridux ikunu ikbar mill-età massima indikata fil-bidu tal-attività.