Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Erasmus+ Gwida tal-Programm 2025

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2025.

Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2025 bħala PDF fil-lingwa li għażilt.

Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ – “Skambji Taż-Żgħażagħ”

Fil-qafas ta’ din l-Azzjoni1 , l-organizzazzjonijiet u l-gruppi informali taż-żgħażagħ jistgħu jirċievu appoġġ biex iwettqu proġetti li jlaqqgħu flimkien żgħażagħ minn pajjiżi differenti biex jiskambjaw u jitgħallmu barra mis-sistema edukattiva formali tagħhom. 

Objettivi tal-azzjoni

L-Erasmus+ jappoġġa l-mobbiltà għall-apprendiment mhux formali taż-żgħażagħ fil-forma ta’ Skambji taż-Żgħażagħ, bil-għan li ż-żgħażagħ jiġu involuti u jingħataw is-setgħa li jsiru ċittadini attivi, jiġu konnessi mal-proġett Ewropew kif ukoll jiġu megħjuna jakkwistaw u jiżviluppaw kompetenzi għall-ħajja u l-futur professjonali tagħhom. 

B’mod aktar speċifiku, l-Iskambji taż-Żgħażagħ għandhom l-għan li: 

  • irawmu d-djalogu u l-apprendiment interkulturali u li wieħed iħossu Ewropew;
  • jiżviluppaw il-ħiliet u l-attitudnijiet taż-żgħażagħ;
  • issaħħu l-valuri Ewropej u jneħħu l-preġudizzji u l-istereotipi;
  • iqajmu sensibilizzazzjoni dwar suġġetti soċjalment rilevanti u b’hekk jistimulaw l-involviment fis-soċjetà u l-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika. 

L-Azzjoni hija miftuħa għaż-żgħażagħ kollha, b’enfasi speċjali fuq dawk b’inqas opportunitajiet.

Kuntest tal-politika

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 hija l-qafas għall-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam taż-żgħażagħ ibbażat fuq ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20182 . L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-involviment soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex jieħdu sehem fis-soċjetà. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi 11-il Għan tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ. 

Taħt il-qasam ewlieni “Konnessjoni”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tiffaċilita l-konnessjonijiet u l-iskambju ta’ esperjenza bejn iż-żgħażagħ bħala assi ċentrali għall-iżvilupp futur tal-UE. Dawn il-konnessjonijiet jitrawmu bl-aħjar mod permezz ta’ forom differenti ta’ mobbiltà, bħal Skambji taż-Żgħażagħ u DiscoverEU. Taħt “Involviment”, l-Istrateġija tiffaċilita l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ permezz, pereżempju, ta’ attivitajiet ta’ Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ. Taħt “Setgħa”, l-Istrateġija tiffaċilita ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ permezz, pereżempju, tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ, it-taħriġ u n-networking. 

Il-proġetti u l-attivitajiet fil-formati u s-setturi kollha jistgħu jieħdu ispirazzjoni mill-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u jikkontribwixxu għaliha. Dan jista’ jsir billi jiġi identifikat jekk u kif il-proġett jikkontribwixxi għat-twettiq ta’: 

Għal appoġġ dwar kif il-proġetti jistgħu jkunu marbuta mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek jew liċ-Ċentri ta’ Riżorsi SALTO.

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ hija disponibbli hawn: https://youth.europa.eu/strategy_mt.

Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS)9 .

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Skambji taż-Żgħażagħ 

L-Iskambji taż-Żgħażagħ huma laqgħat ta’ gruppi ta’ żgħażagħ minn tal-inqas żewġ pajjiżi differenti li jiltaqgħu għal perjodu qasir biex jimplimentaw b’mod konġunt programm ta’ apprendiment mhux formali (taħlita ta’ workshops, eżerċizzji, dibattiti, logħob ta’ rwol, simulazzjonijiet, attivitajiet fuq barra, eċċ.) dwar suġġett ta’ interess għalihom, filwaqt li jfittxu ispirazzjoni mill-Għanijiet Ewropej dwar iż-Żgħażagħ10 . Il-perjodu ta’ apprendiment jinkludi fażi ta’ ppjanar qabel l-applikazzjoni, fażi ta’ tħejjija qabel l-iskambju kif ukoll evalwazzjoni u segwitu wara.

L-attivitajiet li ġejjin ma humiex eliġibbli għal għotjiet fi ħdan l-Iskambji taż-Żgħażagħ: il-vjaġġi għal studji akkademiċi; l-attivitajiet ta’ skambju li jkollhom l-għan li jagħmlu profitt finanzjarju; l-attivitajiet ta’ skambju li jistgħu jitqiesu bħala turiżmu; il-festivals; l-ivvjaġġar għal btala; tours ta’ divertiment, laqgħat statutorji, korsijiet ta’ taħriġ mill-adulti għaż-żgħażagħ. 

Żjarat Preparatorji

Bħala parti mill-Iskambji taż-Żgħażagħ, il-proġetti jistgħu jinkludu wkoll żjarat preparatorji. Iż-żjarat preparatorji għandhom l-għan li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiġu ffaċilitati u jitħejjew arranġamenti amministrattivi, jinbnew il-fiduċja u l-fehim, u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti. Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ Skambji taż-Żgħażagħ li jinkludu żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, iż-żjara preparatorja għandha tippermetti li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-parteċipanti jkunu jistgħu jiġu indirizzati. Iż-żjara preparatorja ssir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu qabel ma tibda l-attività tal-Iskambju taż-Żgħażagħ.

Stabbiliment ta’ proġett

Proġett jiġi implimentat minn tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet. Kundizzjoni fundamentali għat-twassil ta’ proġetti ta’ kwalità għolja hija li l-organizzazzjonijiet involuti kollha jeħtieġ li jiġu identifikati bħala sħubija soda fl-istadju tal-applikazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet involuti jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom, il-proġett għandu jkun ta’ rilevanza għall-ħidma regolari tal-organizzazzjonijiet maż-żgħażagħ u f’konformità mal-objettivi u l-ħtiġijiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet involuti jassumu r-rwoli li “jibagħtu” u/jew “li jilqgħu” l-parteċipanti, jiġifieri li jospitaw l-attività. Waħda mill-organizzazzjonijiet tassumi wkoll ir-rwol ta’ koordinatur u tapplika għall-finanzjament kollu f’isem is-sħubija.

Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu. L-organizzazzjonijiet parteċipanti u ż-żgħażagħ involuti fl-attivitajiet tal-proġett għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u jsaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom:

  • l-ippjanar: id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-objettivi, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet, eċċ. qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni;
  • il-preparazzjoni: arranġamenti prattiċi, it-twaqqif ta’ ftehimiet mas-sħab, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti tal-parteċipanti qabel it-tluq eċċ.;
  • l-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • is-segwitu: l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett.

Skambju taż-Żgħażagħ ta’ kwalità:

  • jiddependi mill-involviment attiv taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet parteċipanti, li t-tnejn li huma għandhom jieħdu rwol attiv fl-erba’ stadji tal-proġett, u b’hekk itejbu b’dan il-mod l-esperjenza tagħhom fl-apprendiment u l-iżvilupp;
  • jinvolvi gruppi diversi ta’ parteċipanti u jibni fuq din id-diversità;
  • ikun ibbażat fuq ħtiġijiet identifikati b’mod ċar tal-parteċipanti żgħażagħ;
  • jiżgura li l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali tal-parteċipanti jiġu identifikati u ddokumentati kif xieraq;
  • iħeġġeġ lill-parteċipanti sabiex jirriflettu dwar suġġetti u valuri Ewropej.

Proċess ta’ apprendiment 

It-twettiq ta’ Skambju taż-Żgħażagħ fil-kuntest tal-apprendiment mhux formali jeħtieġ li mill-inqas parti mill-eżiti tal-apprendiment mixtieqa tiġi ppjanata minn qabel, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet ta’ apprendiment xierqa. Iż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-proġett għandhom jikkontribwixxu għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom u għall-apprendiment li jixtiequ jiksbu jew jiżviluppaw permezz tal-Iskambju taż-Żgħażagħ. 

Il-parteċipanti għandhom ikunu involuti wkoll kemm jista’ jkun fit-tfassil u l-iżvilupp tal-attività (it-twaqqif tal-programm, il-metodi ta’ ħidma u d-definizzjoni tat-tqassim tal-kompiti) u jaħsbu dwar kif għandhom jippreparaw biex jimmassimizzaw l-apprendiment u l-iżvilupp personali li jiksbu matul l-Iskambju.

Wara li tintemm l-attività ewlenija, il-parteċipanti għandhom jiġu mistiedna jipprovdu feedback dwar l-attività, jirriflettu fuq dak li jkunu tgħallmu u kif jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-eżiti tal-apprendiment. Barra minn hekk, il-parteċipanti għandhom iqisu segwitu possibbli tal-attività. Dan jista’ jsir individwalment u, meta jkun possibbli, bħala grupp.

L-organizzazzjonijiet għandhom jappoġġaw il-proċess ta’ apprendiment, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz tal-Youthpass. 

Standards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ

L-implimentazzjoni tal-proġetti kollha appoġġati fil-qafas ta’ din l-Azzjoni trid issegwi l-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll il-prattiki konkreti tal-implimentazzjoni għall-kompiti tal-proġett bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. L-Istandards tal-Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_mt  

Protezzjoni u sikurezza tal-parteċipanti

Skambju taż-Żgħażagħ jinvolvi lill-mexxejja tal-gruppi. Il-mexxejja tal-gruppi jimmonitorjaw u jipprovdu appoġġ lill-parteċipanti biex jiżguraw il-proċess ta’ apprendiment kwalitattiv matul l-attività ewlenija. Fl-istess ħin, dawn jipprovdu ambjent sikur, rispettuż u mhux diskriminatorju, kif ukoll il-protezzjoni tal-parteċipanti tal-proġett. Matul l-ippjanar u t-tħejjija ta’ Skambju taż-Żgħażagħ, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji. 

Dimensjonijiet orizzontali

Meta jitfassal proġett ta’ mobbiltà, iridu jiġu kkunsidrati d-dimensjonijiet orizzontali li ġejjin.

Inklużjoni u diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ taħt din l-azzjoni għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. 

L-Iskambji taż-Żgħażagħ huma partikolarment adattati għall-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, peress li:

  • il-mobbiltà fi gruppi toffri esperjenza ta’ mobbiltà internazzjonali fis-sikurezza ta’ grupp;
  • id-durata qasira tal-Iskambji taż-Żgħażagħ tagħmel l-involviment taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet wieħed xieraq;
  • l-involviment tal-parteċipanti lokali jiffaċilita l-ewwel parteċipazzjoni fi proġetti Ewropej. 

L-Iskambji taż-Żgħażagħ huma adattati wkoll biex issir ħidma fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, pereżempju biex tiġi appoġġata l-ġlieda kontra l-istereotipi, jitrawmu l-fehim, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni.Il-proġett kollu għandu jieħu approċċ konxju lejn l-inklużjoni u d-diversità. Dawn l-aspetti għandhom jitqiesu fl-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu.

Sostenibbiltà ambjentali

Skambju taż-Żgħażagħ għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, iqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni sabiex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Skambju taż-Żgħażagħ għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kuxjenza ambjentali billi pereżempju jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ u mezzi sostenibbli tat-trasport. 

Trasformazzjoni diġitali fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u ħalli jtejbu l-kwalità tal-attivitajiet. Hija mħeġġa l-introduzzjoni ta’ elementi diġitali u online biex jitnaqqas il-limitu għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Permezz ta’ proġetti u attivitajiet li għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-ħiliet diġitali, irawmu l-litteriżmu diġitali u/jew jiżviluppaw fehim tar-riskji u l-opportunitajiet tat-teknoloġija diġitali, il-programm jista’ jibdel il-mentalità u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ approċċi diġitali u mħallta fl-attivitajiet taż-żgħażagħ. 

Skont it-tfassil u l-objettivi tal-attivitajiet, l-iżvilupp tal-kompetenzi u s-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali, u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, jistgħu jiġu introdotti fil-mobbiltajiet għall-apprendiment.

L-Aġenziji Nazzjonali joffru firxa ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u għall-mexxejja taż-żgħażagħ permezz tal-Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni tagħhom, inkluż dwar l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali fil-qasam taż-żgħażagħ. Dawn l-offerti huma ppubblikati fil-Kalendarju Ewropew tat-Taħriġ: https://www.salto-youth.net/tools/european-training-calendar/. TL-ispirazzjoni tista’ tinstab ukoll taħt l-Għodod tas-SALTO: https://www.salto-youth.net/tools/.

Il-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, il-valuri komuni u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti taħt din l-azzjoni għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni demokratika, inkluż l-involviment ċiviku u l-opportunità li jkollhom impatt u jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet li jaffettwawhom, permezz ta’ esperjenzi ta’ apprendiment sinifikanti li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex ikunu involuti b’mod ċiviku qabel, matul u wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’attività ta’ mobbiltà. Il-proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ għandhom joffru wkoll opportunitajiet rilevanti għaż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fil-konċepiment u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett bħala perkors għall-parteċipanti biex ikomplu jinvolvu ruħhom fil-ħajja demokratika.11 Barra minn hekk, dawn għandhom itejbu wkoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

Kriterji tal-eliġibbiltà

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ hawn taħt japplikaw għal proġetti standard ta’ Skambji taż-Żgħażagħ. Għall-akkreditazzjonijiet, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima rilevanti ta’ din il-gwida. 

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni jew grupp informali ta’ żgħażagħ parteċipanti eliġibbli stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jista’ jkun l-applikant. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett.12

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:

  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva
  • grupp informali ta’ żgħażagħ13

stabbilit fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-Reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

L-istess organizzazzjoni (OID wieħed) ma tistax tkun involuta f’aktar minn 5 applikazzjonijiet għal kull skadenza f’din l-azzjoni, jew bħala applikant jew bħala sieħeb.

Durata tal-proġett

Minn 3 xhur sa 24 xahar.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn ikun stabbilit l-applikant

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:

  • 12 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Ġunju u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
  • 1 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Ċiklu addizzjonali possibbli:

L-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jiftħu ċiklu addizzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali se jinformaw lill-applikanti dwar il-ftuħ taċ-ċiklu addizzjonali permezz tas-sit web tagħhom.

Jekk jiġi organizzat ċiklu addizzjonali, l-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sal-7 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Annessi

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa skeda ta’ żmien għal kull waħda mill-attivitajiet ippjanata fil-proġett tal-Iskambji taż-Żgħażagħ u taż-Żjarat Preparatorji.

Rekwiżiti minimi għall-Iskambji taż-Żgħażagħ

Durata tal-attività

Minn 5 ijiem sa 21 jum, bl-esklużjoni tal-jiem tal-ivvjaġġar.

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda (jew diversi, f’każ ta’ attivitajiet itineranti) mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività.

Eċċezzjoni: L-attivitajiet ma jistgħux isiru fil-Belarussja jew fir-Russja.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti14 .

Attivitajiet fi ħdan l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm: l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jkunu minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Attivitajiet ma’ pajjiżi terzi ġirien tal-UE li mhumiex assoċjati mal-Programm: l-attività trid tinvolvi mill-inqas organizzazzjoni parteċipanti waħda minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm u organizzazzjoni parteċipanti waħda minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm ġar tal-UE (ir-reġjuni 1 sa 4).

Parteċipanti eliġibbli

Żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena15 residenti fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jirċievu tagħhom.

Il-mexxejja tal-gruppi u l-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi ma għandhomx jitqiesu bħala parteċipanti tal-attività, iżda huma eliġibbli għall-appoġġ taħt ċerti kategoriji tal-baġit. Dawn jeħtiġilhom li jkollhom mill-inqas 18-il sena.

Numru ta’ parteċipanti għal kull attività u kompożizzjoni tal-gruppi nazzjonali

Minimu ta’ 16 u massimu ta’ 60 parteċipant għal kull attività, minimu ta’ 4 parteċipanti għal kull grupp. Il-mexxejja tal-gruppi, il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi ma għandhomx jingħaddu fin-numru ta’ parteċipanti.

Fil-każijiet ta’ Skambji taż-Żgħażagħ li jinvolvu biss żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, in-numru minimu ta’ parteċipanti huwa 10.

Minimu ta’ żewġ gruppi ta’ żgħażagħ minn żewġ pajjiżi differenti.

Kull grupp irid ikollu mill-inqas mexxej ta’ grupp wieħed. Massimu ta’ żewġ faċilitaturi għal kull attività.

Kriterji oħrajn

Mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet li tibgħat jew waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’ fl-attività trid tkun mill-pajjiż tal-Aġenzija Nazzjonali li lilha tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

Rekwiżiti minimi għaż-żjarat preparatorji

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li tilqa’ għall-attività tal-iskambju taż-żgħażagħ..

Eċċezzjoni: L-attivitajiet ma jistgħux isiru fil-Belarussja jew fir-Russja.

Parteċipanti eliġibbli

Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, faċilitaturi, mexxejja tal-gruppi u żgħażagħ16 .

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-punteġġi ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kriterji għall-għoti hawn taħt.

Rilevanza, raġunament u impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet tal-applikant u l-popolazzjoni fil-mira taż-żgħażagħ huma rilevanti għall-qasam taż-żgħażagħ
  • il-proġett se jindirizza waħda jew aktar mill-prijoritajiet tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ jew l-Għanijiet dwar iż-Żgħażagħ,
  • il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għad-dimensjonijiet tal-inklużjoni u d-diversità, ekoloġiċi, diġitali u parteċipatorji tal-Programm;
  • il-proġett huwa rilevanti għall-objettivi tal-Azzjoni
  • il-proġett huwa rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • il-proġett u l-attivitajiet proposti jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u tal-parteċipanti tal-iskambju;
    • il-proġett huwa adattat sabiex jipproduċi eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-parteċipanti
    • il-proġett x’aktarx ikollu impatt fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett u barra mill-organizzazzjonijiet u l-individwi li jipparteċipaw direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew jew globali.
  • il-proġett jintroduċi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-Azzjoni.

Kwalità tat-tfassil tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Kemm:

  • il-proposta tiddeskrivi b’mod ċar u komprensiv il-fażijiet kollha tal-proġett: it-tħejjija, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u s-segwitu u l-involviment taż-żgħażagħ fil-fażijiet kollha tal-attivitajiet;
  • ir-rappreżentanza bbilanċjata tal-parteċipanti f’termini ta’ pajjiżi u ta’ ġeneru hija rrispettata u l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti bi sfondi u ħiliet differenti;
  • l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent
  • il-metodi ta’ apprendiment proposti, inkluż ta’ kwalunkwe komponent online/diġitali huma xierqa għall-attivitajiet;
  • il-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari l-Youthpass, huma xierqa.

Kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Kemm:

  • il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ huma sodisfaċenti;
  • il-miżuri previsti biex jiġu żgurati s-sikurezza u l-protezzjoni tal-parteċipanti huma adegwati u effettivi;
  • il-kompiti u r-responsabbiltajiet għall-attivitajiet huma ddefiniti b’mod ċar f’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus;
  • il-pjan għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn jipprovdi qafas ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-proġett;
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett fir-rigward tal-objettivi tiegħu
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu mxerrda l-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom;
  • il-proġett fih miżuri mmirati biex ir-riżultati tiegħu jsiru sostenibbli lil hinn mill-ħajja tal-proġett.

Regoli ta’ finanzjament

Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet relatati direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti. Il-mexxejja tal-gruppi, il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi ma humiex eliġibbli għall-appoġġ organizzazzjonali.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant fi Skambju taż-Żgħażagħ

Kategorija tal-baġit - Vjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inklużi l-mexxejja tal-grupp, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi, mill-post tal-oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Taħt 500 km, il-parteċipanti, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġaw b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni.

L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività17 billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea18 .

Għall-attivitajiet itineranti, l-applikant għandu jżid id-distanzi bejn il-postijiet individwaliu jagħżel il-medda ta’ distanza li tikkorrispondi għat-total.19

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġarVjaġġar ekoloġikuVjaġġar mhux ekoloġiku
10 – 99 kmEUR 56EUR 28
100 – 499 kmEUR 285EUR 211
500 – 1999 kmEUR 417EUR 309
2000 – 2999 kmEUR 535EUR 395
3000 – 3999 kmEUR 785EUR 580
4000 – 7999 kmEUR 1188EUR 1188
8000 km jew aktarEUR 1735EUR 1735

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mas-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tal-pajjiż li jilqa’, id-durata taż-żjara għal kull parteċipant, il-mexxejja tal-gruppi, l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi (jekk meħtieġ), inkluż ukoll jum wieħed tal-ivvjaġġar qabel l-attività u jum wieħed tal-ivvjaġġar wara l-attività, u sa erbat ijiem addizzjonali għall-parteċipanti, għall-mexxejja tal-gruppi,għall-akkumpanjaturi u għall-faċilitaturi li jirċievu għotja ta’ vvjaġġar ekoloġiku.

Ammont

Tabella  A2.1 għal kull parteċipant għal kull jum

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu parteċipanti b’inqas opportunitajiet.   Il-mexxejja tal-gruppi, il-faċilitaturi u l-akkumpanjaturi ma humiex eliġibbli għall-appoġġ għall-inklużjoni għal organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant fi Skambju taż-Żgħażagħ

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti: Kostijiet addizzjonali marbuta direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi, il-mexxejja tal-gruppi u l-faċilitaturi tagħhom (inklużi kostijiet iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Vjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għaż-żjara preparatorja

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni taż-żjara preparatorja li jinkludu l-ivvjaġġar u s-sussistenza. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: esklużi l-parteċipanti mill-organizzazzjoni li tilqa’.  Jistgħu jiġu ffinanzjati massimu ta’ żewġ parteċipanti għal kull organizzazzjoni parteċipanti, dment li t-tieni parteċipant ikun żagħżugħ. Barra minn hekk, jista’ jiġi ffinanzjat ukoll faċilitatur wieħed għal kull żjara preparatorja. Kundizzjonali: il-ħtieġa ta’ Żjara Preparatorja, l-objettivi u l-parteċipanti jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Din il-kundizzjoni ma tapplikax għal proġetti ffinanzjati taħt is-sistema ta’ akkreditazzjoni. 

Ammont

EUR 680 għal kull parteċipant għal kull żjara preparatorja. 

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi. 

Il-kostijiet għaljin tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inkluż tal-akkumpanjaturi, tal-mexxejja tal-gruppi, tal-ħarrieġa u tal-faċilitaturi li ma jistgħux jiġu appoġġati bil-kategorija standard ta’ “Vjaġġar” minħabba bogħod ġeografiku jew ostakli oħrajn (jiġifieri meta l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa u b’livell aktar baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jirriżulta f’kostijiet għaljin tal-ivvjaġġar).  Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kostijiet unitarji.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni:it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali

L-ivvjaġġar għali japplika f’każijiet fejn l-appoġġ għall-ivvjaġġar ibbażat fuq il-kost unitarju ma jkoprix 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-għotja għall-ivvjaġġar mhux ekoloġiku.

Ammont

Garanzija finanzjarja:80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar

Kostijiet tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, vaċċinazzjonijiet, ċertifikati mediċi: 100 % tal-kostijiet eliġibbli

Tabella A2.1 Appoġġ individwali għall-iskambji taż-żgħażagħ

 Appoġġ Individwali (euro għal kull jum)
L-Awstrija78
Il-Belġju78
Il-Bulgarija45
Il-Kroazja57
Ċipru63
Iċ-Ċekja53
Id-Danimarka81
L-Estonja48
Il-Finlandja79
Franza67
Il-Ġermanja71
Il-Greċja68
L-Ungerija60
L-Iżlanda76
L-Irlanda73
L-Italja69
Il-Latvja48
Il-Liechtenstein77
Il-Litwanja49
Il-Lussemburgu77
Malta57
In-Netherlands69
Il-Maċedonja ta’ Fuq41
In-Norveġja83
Il-Polonja51
Il-Portugall57
Ir-Rumanija46
Is-Serbja47
Is-Slovakkja48
Is-Slovenja54
Spanja58
L-Iżvezja72
It-Turkija50
Pajjiżi terzi ġirien mhux assoċjati mal-Programm44
  1. Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Madankollu, sa 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja l-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, li huma ġirien tal-UE (ir-reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida). ↩ back
  2. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv%3AOJ.C_.2018.456.01.0001.01.ENG&toc=OJ%3AC%3A2018%3A456%3AFULL ↩ back
  3. https://youth.europa.eu/strategy/european-youth-goals_mt ↩ back
  4. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.MLT ↩ back
  5. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202403526 ↩ back
  6. https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3364 ↩ back
  7. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32022H0411%2801%29 ↩ back
  8. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM:2024:1:FIN ↩ back
  9. L-istrateġiji jistgħu jinsabu hawn:  https://www.salto-youth.net/ ↩ back
  10. L-Għanijiet tal-UE dwar iż-Żgħażagħ ġew żviluppati fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Dawn l-għanijiet jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi:  https://youth.europa.eu/strategy/european-youth-goals_mt ↩ back
  11. Għar-riżorsi u l-ispirazzjoni, jekk jogħġbok ara l-moduli 7 (Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ) u 12 (Ippjanar għall-parteċipazzjoni) tas-Sett ta’ Għodod għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ imħejji minn SALTO PI:  https://participationpool.eu/toolkit/ ↩ back
  12. L-organizzazzjonijiet parteċipanti jeħtieġ li jiffirmaw formola ta’ adeżjoni mal-organizzazzjoni applikanti. Il-formoli ta’ adeżjoni għandhom jiġu pprovduti fl-istadju tal-applikazzjoni u mhux aktar tard miż-żmien tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida. ↩ back
  13. Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali. Għall-iskopijiet ta’ din l-azzjoni u kwalunkwe dispożizzjoni relatata magħha, “grupp informali ta’ żgħażagħ” għandu jkun konformi mal-kunċett ta’ “organizzazzjoni parteċipanti”. Fejn issir referenza għal “organizzazzjoni parteċipanti”, din għandha titqies li tkopri wkoll “grupp informali ta’ żgħażagħ”. ↩ back
  14. Jekk aktar organizzazzjonijiet mill-istess pajjiż jiffurmaw grupp nazzjonali wieħed, kull organizzazzjoni jista’ jkollha l-mexxej tal-grupp tagħha stess. ↩ back
  15. Jekk jogħġbok qis dawn li ġejjin:    limiti aktar baxxi tal-età - il-parteċipanti jridu jkunu laħqu l-età minima fid-data tal-bidu tal-attività. limiti massimi tal-età - il-parteċipanti ma jridux ikunu akbar mill-età massima indikata fid-data tal-bidu tal-attività. ↩ back
  16. Persuni li jieħdu sehem fi żjarat preparatorji huma mistennija li jipparteċipaw ukoll fl-attività ewlenija. ↩ back
  17. Pereżempju , jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1,365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri ,  bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  18. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  19. Pereżempju, jekk parteċipant minn Madrid (Spanja) ikun qed jieħu sehem f’attività itineranti li sseħħ l-ewwel f’Ruma (l-Italja) u mbagħad f’Ljubljana (is-Slovenja), l-applikant l-ewwel se jikkalkula d-distanza bejn Madrid u Ruma (1,365.28 KM), imbagħad bejn Ruma u Ljubljana (489.75 KM) u jżid iż-żewġ distanzi (1,855.03 KM) b) jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 KM) u c) jikkalkula l-għotja tal-UE li se tipprovdi l-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipant minn Madrid għal Ljubljana (b’waqfa f’Ruma) u r-ritorn (EUR 275). ↩ back
Tagged in:  Youth