Glossarju tat-termini - Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali
Għal terminoloġija oħra tal-VET jekk jogħġbok uża l-pubblikazzjoni uffiċjali tas-Cedefop: https://www.cedefop.europa.eu/files/4117_en.pdf
Apprendistat (Apprendista)1
Mingħajr preġudizzju għat-terminoloġija nazzjonali, l-apprendistati jinftiehmu bħala skemi formali ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali li:
- jikkombinaw l-apprendiment fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ ma’ apprendiment sostanzjali msejjes fuq ix-xogħol f’kumpaniji u postijiet tax-xogħol oħrajn,
- iwasslu għal kwalifiki rikonoxxuti fil-livell nazzjonali,
- huma bbażati fuq ftehim li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-apprendist, tal-impjegatur u, fejn xieraq, tal-istituzzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u
- jinkludu pagament jew kumpens ieħor lill-apprendist għall-komponent imsejjes fuq ix-xogħol.
EQAVET (qafas ta’ referenza ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali)
Għodda ta’ referenza għal dawk li jfasslu l-politika bbażata fuq ċiklu ta’ kwalità f’erba’ stadji li jinkludu l-istabbiliment tal-miri u l-ippjanar, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u r-rieżami. Tirrispetta l-awtonomija tal-gvernijiet nazzjonali u hija sistema volontarja li għandha tintuża mill-awtoritajiet pubbliċi u korpi oħrajn involuti fl-assigurazzjoni tal-kwalità.
Kompetizzjonijiet tal-ħiliet tal-VET
Avvenimenti settorjali internazzjonali li fihom id-dimostrazzjoni kompetittiva tal-ħiliet mill-istudenti tal-VET hija ċentrali għall-promozzjoni, ir-rikonoxximent u l-iskambju tal-esperjenza, l-għarfien espert u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi fil-VET. L-avvenimenti huma r-riżultat ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn in-negozji, il-fornituri tal-VET, il-kmamar tal-kummerċ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn li għandhom l-għan li jtejbu l-attraenza u l-eċċellenza fil-VET, joħolqu standards ta’ taħriġ globali u sistemi ta’ valutazzjonijiet komparattivi, u jinfluwenza lill-industrija, lill-gvern, u lill-edukaturi permezz ta’ kooperazzjoni u riċerka.
L-iskop tal-kompetizzjonijiet tal-ħiliet huwa li jtejbu l-profil u r-rikonoxximent ta’ persuni b’ħiliet speċjalizzati, u juru kemm huma importanti l-ħiliet fil-kisba tat-tkabbir ekonomiku u s-suċċess personali. Dawn huma mfassla biex jispiraw liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw passjoni għall-ħiliet u jsegwu l-eċċellenza, permezz ta’ kompetizzjonijiet u promozzjonijiet.
Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET)
Edukazzjoni u taħriġ li għandhom l-għan li jgħammru liż-żgħażagħ u lill-adulti bl-għarfien, l-għerf, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa f’okkupazzjonijiet partikolari jew b’mod aktar mifrux fis-suq tax-xogħol. Dan jista’ jiġi pprovdut f’ambjenti formali u mhux formali, fil-livelli kollha tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), inkluż fil-livell terzjarju, jekk applikabbli. Għall-iskopijiet tal-Erasmus+, il-proġetti li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali jew kontinwu huma eliġibbli taħt l-azzjonijiet tal-VET.
Student tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET)
Persuna rreġistrata fi programm inizjali jew kontinwu ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jew persunali tkun gradwat jew kisbet kwalifika dan l-aħħar minn programm bħal dan.
Apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol
Akkwist ta’ għarfien u ħiliet permezz tat-twettiq tal-kompiti f’kuntest vokazzjonali, jew fuq il-post tax-xogħol (bħal taħriġ b’alternanza) jew f’istituzzjoni tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u r-riflessjoni fuqhom.