Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Erasmus+ Gwida tal-Programm 2025

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2025.

Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2025 bħala PDF fil-lingwa li għażilt.

Glossarju tat-termini - Edukazzjoni Għolja

Kreditu

Sett ta’ eżiti tal-apprendiment ta’ individwu li jkunu ġew ivvalutati u li jistgħu jiġu akkumulati lejn kwalifika jew jistgħu jiġu ttrasferiti għal programmi ta’ apprendiment jew kwalifiki oħrajn.

Mobbiltà tal-kreditu

Perjodu limitat ta’ studju jew traineeship barra mill-pajjiż fil-qafas ta’ studji kontinwi f’istituzzjoni lokali - bl-iskop li jinkisbu l-krediti. Wara l-fażi ta’ mobbiltà, l-istudenti jirritornaw lejn l-istituzzjoni lokali tagħhom biex ilestu l-istudji tagħhom.

Mobbiltà tal-lawrja

Perjodu ta’ studju barra mill-pajjiż bil-għan li matulu tinkiseb lawrja jew ċertifikat sħiħ fil-pajjiż/i ta’ destinazzjoni.

Suppliment tad-Diploma

Anness tad-dokumentazzjoni uffiċjali tal-kwalifika, li huwa mfassal biex jipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-istudji li tlestew skont format maqbul, li huwa rikonoxxut internazzjonalment; dokument li jakkumpanja diploma fl-edukazzjoni għolja, li jipprovdi deskrizzjoni standardizzata tan-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus tal-istudji mwettqa mid-detentur tagħha. Dan jiġi prodott minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja skont l-istandards maqbula mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO. Fil-kuntest ta’ programm ta’ studju konġunt internazzjonali, huwa rrakkomandat li jingħata “suppliment ta’ diploma konġunta” li jkopri l-programm kollu u huwa approvat mill-universitajiet ta’ ħruġ tal-lawrji kollha.

Lawrja doppja/lawrja multipla

(Mill-inqas) żewġ ċertifikati separati tal-lawrja mogħtija lil student mat-tlestija b’suċċess ta’ programm konġunt. Lawrja doppja hija tip speċifiku ta’ lawrja multipla.Kull lawrja trid tkun iffirmata mill-awtorità kompetenti tal-istituzzjoni kkonċernata, u rikonoxxuta b’mod uffiċjali fil-pajjiżi fejn ikunu jinsabu l-istituzzjonijiet differenti li jagħtu l-għotja.

ECHE (Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja)

Akkreditazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea li tagħti l-possibbiltà lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm biex ikunu eliġibbli li japplikaw u jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment u l-kooperazzjoni fil-qafas tal-Erasmus+. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-pajjiżi terzi tal-Balkani tal-Punent mhux assoċjati mal-Programm jistgħu japplikaw għal ECHE u tingħatalhom għall-iskopijiet tas-Sejħa għal Proposti dwar l-Universitajiet Ewropej, li għaliha huma eliġibbli. Il-Karta tiddeskrivi l-prinċipji fundamentali li istituzzjoni għandha taderixxi magħhom fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ mobbiltà u kooperazzjoni ta’ kwalità għolja. Din tiddikjara r-rekwiżiti li l-istituzzjoni taqbel li tikkonforma magħhom biex tiżgura servizzi u proċeduri ta’ kwalità għolja, kif ukoll l-għoti ta’ informazzjoni affidabbli u trasparenti.

ECTS (Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti)

Sistema ċċentrata fuq l-istudent għall-akkumulazzjoni u t-trasferiment ta’ krediti, abbażi tat-trasparenza tal-proċessi ta’ apprendiment, tagħlim u valutazzjoni. L-objettiv tagħha huwa li tiffaċilita l-ippjanar, it-twassil u l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ studju u l-mobbiltà tal-istudent permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-perjodi ta’ apprendiment. Sistema li tgħin fit-tfassil, id-deskrizzjoni u t-twettiq ta’ programmi ta’ studju u fl-għoti ta’ kwalifiki tal-edukazzjoni għolja. L-użu tal-ECTS, flimkien ma’ oqfsa ta’ kwalifiki bbażati fuq l-eżiti, jagħmel il-programmi ta’ studju u l-kwalifiki aktar trasparenti u jiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki.

Istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja

Tfisser istituzzjoni li, f’konformità mad-dritt jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji rikonoxxuti jew kwalifiki rikonoxxuti oħrajn fil-livell terzjarju, irrispettivament minn dak li jissejjaħ tali stabbiliment, jew istituzzjoni komparabbli fil-livell terzjarju li skont l-awtoritajiet nazzjonali titqies bħala eliġibbli li tipparteċipa fil-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom.

Lawrja konġunta

Ċertifikat ta’ lawrja unika mogħti lil student mat-tlestija b’suċċess ta’ programm konġunt. Il-lawrja konġunta trid tkun iffirmata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ żewġ istituzzjonijiet parteċipanti jew aktar b’mod konġunt u rikonoxxuta b’mod uffiċjali fil-pajjiżi fejn ikunu jinsabu dawk l-istituzzjonijiet parteċipanti.

Programmi konġunti

Programmi ta’ edukazzjoni għolja (studju jew riċerka) imfassla b’mod konġunt, imwassla u rikonoxxuti b’mod sħiħ minn żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew aktar. Il-programmi konġunti jistgħu jiġu implimentati fi kwalunkwe ċiklu ta’ edukazzjoni għolja, jiġifieri baċellerat, master jew dottorat jew anke ċiklu qasir. Il-programmi konġunti jistgħu jkunu nazzjonali (jiġifieri meta l-universitajiet kollha involuti jkunu mill-istess pajjiż) jew tranżnazzjonali/internazzjonali (jiġifieri meta tal-inqas żewġ pajjiżi differenti huma rrappreżentati fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja involuti).

Programmi ta’ studju ta’ ċiklu wieħed

Programmi integrati/twal li jwasslu jew għall-ewwel lawrja jew għal lawrja tat-tieni ċiklu u li, f’xi pajjiżi, għadhom jistgħu jiġu kkaratterizzati aħjar skont id-durata fi snin milli skont il-krediti. F’ħafna minn dawn il-pajjiżi, il-programmi barra mill-mudell tal-ewwel ċiklu ta’ Bolonja huma fl-oqsma tal-mediċina, id-dentistrija, il-mediċina veterinarja, l-infermerija u l-kura mill-qwiebel u f’ħafna każijiet jinvolvu 1-8 % tal-popolazzjoni ta’ studenti. It-tul normali ta’ programmi integrati li jwasslu għall-professjonijiet regolati huwa b’mod ġenerali ta’ 300-360 ECTS jew ħames sa sitt snin skont il-professjoni regolata partikulari.

It-tielet ċiklu

Il-livell tat-tielet ċiklu fil-Qafas tal-Kwalifiki għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja maqbul mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni għolja fil-laqgħa tagħhom f’Bergen f’Mejju 2005 fil-qafas tal-proċess ta’ Bolonja. Id-deskrittur tat-tielet ċiklu tal-QF-EHEA jikkorrispondi għall-eżiti tal-apprendiment tal-livell 8 tal-QEK.

Tagged in:  Higher education