Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Sħubijiet għall-kooperazzjoni

X’inhuma s-sħubijiet għall-kooperazzjoni?

Din l-azzjoni tippermetti lill-organizzazzjonijiet parteċipanti jiksbu esperjenza fil-kooperazzjoni internazzjonali u li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, iżda anke jipproduċu riżultati tanġibbli innovattivi ta’ kwalità għolja. Skont l-objettivi tal-proġett, l-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti, jew l-impatt mistenni, fost elementi oħrajn, is-Sħubijiet għall-Kooperazzjoni jistgħu jkunu ta’ daqsijiet u kamp ta’ applikazzjoni differenti, u jadattaw l-attivitajiet tagħhom kif xieraq. Il-valutazzjoni kwalitattiva ta’ dawn il-proġetti se tkun proporzjonata għall-objettivi tal-kooperazzjoni u għan-natura tal-organizzazzjonijiet involuti. 

Abbażi ta’ din il-loġika, żewġ tipi ta’ sħubijiet huma offruti lill-organizzazzjonijiet sabiex jaħdmu, jitgħallmu u jikbru flimkien:

  • Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni
  • Sħubijiet fuq skala Żgħira

Dawn iż-żewġ tipi ta’ sħubijiet huma ppreżentati fid-dettall fil-paġni li jmiss. L-informazzjoni inkluża fiż-żewġ taqsimiet se tgħinek tagħżel it-tip ta’ sħubija li taqbel l-aktar mal-profil u l-istruttura tal-organizzazzjoni tiegħek u mal-ideat tal-proġett tiegħek.

Liema attivitajiet tipikament jitwettqu minn sħubijiet għall-kooperazzjoni?

Matul il-ħajja ta’ proġett, l-organizzazzjonijiet jistgħu tipikament iwettqu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Minn attivitajiet tradizzjonali għal dawk aktar kreattivi u innovattivi, l-organizzazzjonijiet għandhom il-flessibbiltà li jagħżlu l-aħjar kombinazzjoni li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-proġett fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u fi proporzjon mal-kapaċitajiet tas-sħubija. Pereżempju:

  • Ġestjoni tal-proġetti: l-attivitajiet li huma meħtieġa biex jiġi żgurat l-ippjanar, l-implimentazzjoni u s-segwitu adegwati tal-proġetti, inkluża kollaborazzjoni bla xkiel u effiċjenti bejn is-sħab tal-proġetti. F’din il-fażi, l-attivitajiet tipikament jinkludu kompiti organizzazzjonali u amministrattivi, laqgħat virtwali bejn is-sħab, it-tħejjija ta’ materjali ta’ komunikazzjoni, it-tħejjija u s-segwitu tal-parteċipanti li jieħdu sehem fl-attivitajiet, eċċ.  
  • Attivitajiet ta’ implimentazzjoni: jistgħu jinkludu avvenimenti ta’ networking, laqgħat, sessjonijiet ta’ ħidma għall-iskambju ta’ prattiki u għall-iżvilupp ta’ riżultati. Dawn l-attivitajiet jistgħu jinvolvu wkoll il-parteċipazzjoni tal-persunal u tal-istudenti (sakemm il-parteċipazzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġett).
  • Attivitajiet ta’ kondiviżjoni u promozzjoni: l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, sessjonijiet, avvenimenti mmirati lejn il-kondiviżjoni, l-ispjegazzjoni u l-promozzjoni tar-riżultati tal-proġett, kemm jekk huma fil-forma ta’ riżultati tanġibbli, konklużjonijiet, prattiki tajba jew fi kwalunkwe forma oħra. 

Kontribuzzjoni ta’ din l-azzjoni għall-kisba tal-prijoritajiet tal-politika

Fuq bażi annwali, il-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi prijoritajiet u objettivi komuni li għandhom jiġu segwiti fil-livell tal-Programm Erasmus+ f’oqsma differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Għalhekk, minbarra l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet involuti fil-proġett, is-sħubijiet għall-kooperazzjoni għandhom l-għan li jikkontribwixxu bir-riżultati tagħhom lejn il-kisba tal-prijoritajiet.

Għalhekk, il-proġetti huma mitluba jfasslu l-ħidma tagħhom fir-rigward ta’ waħda minn dawn il-prijoritajiet jew aktar u li jagħżluhom fl-istadju tal-applikazzjoni. Meta jkunu qegħdin jitfasslu l-proposti tal-proġetti, huwa rrakkomandat ukoll li jiġu kkonsultati r-riżultati prodotti minn proġetti ffinanzjati preċedentement ibbażati fuq prijoritajiet simili, biex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, kif ukoll biex progressivament jiġu żviluppati r-riżultati eżistenti u jingħata kontribut għall-iżvilupp konġunt tal-oqsma differenti. Informazzjoni utli dwar proġetti ffinanzjati tista’ tinsab fil-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects_en .

Barra minn hekk, sabiex il-prijoritajiet Ewropej jintrabtu aħjar mal-ħtiġijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ għandhom il-possibbiltà li jidentifikaw waħda jew aktar minn dawn il-prijoritajiet Ewropej bħala partikolarment rilevanti fil-kuntest nazzjonali tagħhom, biex l-organizzazzjonijiet jiġu mħeġġa jiffokaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom f’dawn l-oqsma magħżula f’sena partikolari.

Fl-2024, is-Sħubijiet għall-Kooperazzjoni jridu jindirizzaw wieħed jew aktar mill-oqsma prijoritarji li ġejjin:

Prijoritajiet li japplikaw għas-setturi kollha tal-Erasmus+

L-inklużjoni u d-diversità fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport: il-Programm se jappoġġa proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali u li għandhom l-għan li jtejbu s-sensibilizzazzjoni għal persuni b’inqas opportunitajiet, inklużi persuni b’diżabilità u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, kif ukoll persuni li jgħixu f’żoni rurali u remoti bħar-reġjuni ultraperiferiċi, persuni li jiffaċċjaw inugwaljanzi bejn il-ġeneri, diffikultajiet soċjoekonomiċi jew kwalunkwe sors potenzjali ieħor ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Dawn il-proġetti se jgħinu biex jiġu indirizzati l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-gruppi fl-aċċess għall-opportunitajiet offruti mill-programm, kif ukoll jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ ambjenti inklużivi li jrawmu l-ekwità u l-ugwaljanza, u li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunità usa’. Taħt din il-prijorità, il-Programm jappoġġa proġetti li jippromwovu attivitajiet edukattivi u jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ persuni li jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna fl-ambjenti ta’ apprendiment il-ġodda tagħhom.

L-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima: il-Programm għandu l-għan li jappoġġa, fis-setturi kollha, is-sensibilizzazzjoni dwar it-tranżizzjoni ekoloġika, l-isfidi ambjentali u dawk tat-tibdil fil-klima. Se tingħata prijorità lil proġetti li għandhom l-għan li jiżviluppaw kompetenzi f’setturi varji b’rilevanza għas-sostenibbiltà, li jiżviluppaw metodoloġiji u strateġiji ta’ ħiliet settorjali ekoloġiċi, kif ukoll kurrikuli orjentati lejn il-futur li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-individwi. Il-Programm se jappoġġa wkoll l-ittestjar ta’ prattiċi innovattivi biex iħejji lill-istudenti, lill-persunal u lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ ħalli jsiru aġenti veri tal-bidla (eż. jiffrankaw ir-riżorsi, inaqqsu l-użu tal-enerġija u l-iskart, jikkumpensaw l-emissjonijiet tal-impronta tal-karbonju, jagħmlu għażliet ta’ ikel u ta’ mobbiltà sostenibbli, eċċ.). Se tingħata prijorità wkoll lil proġetti li — permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-attivitajiet tal-isport — jippermettu bidliet fl-imġiba għal preferenzi individwali, drawwiet ta’ konsum, u stili ta’ ħajja, f’konformità mal-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida1 ; jiżviluppaw kompetenzi ta’ sostenibbiltà tal-edukaturi u tal-mexxejja tal-edukazzjoni u jappoġġaw l-approċċi ppjanati tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fir-rigward tas-sostenibbiltà ambjentali.

Indirizzar tat-trasformazzjoni diġitali permezz tal-iżvilupp tal-prontezza diġitali, ir-reżiljenza u l-kapaċità: Il-Programm se jappoġġa l-pjanijiet tat-trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni għall-adulti. Se tingħata prijorità lil proġetti li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità u l-prontezza tal-istituzzjonijiet biex jiġġestixxu bidla effettiva lejn l-edukazzjoni diġitali. Il-Programm se jappoġġa l-użu bi skop tat-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport għat-tagħlim, l-apprendiment, il-valutazzjoni u l-involviment. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ pedagoġija u għarfien espert diġitali fl-użu ta’ għodod diġitali għall-għalliema, inklużi teknoloġiji aċċessibbli u ta’ assistenza u l-ħolqien u l-użu innovattiv ta’ kontenut ta’ edukazzjoni diġitali. Bl-istess mod, dan jinkludi l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-popolazzjoni kollha permezz ta’ programmi u inizjattivi xierqa. Se tingħata attenzjoni partikolari lil promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tad-differenzi fir-relazzjoni bejn l-aċċess u l-użu minn gruppi sottorappreżentati. Il-Programm se jkompli jappoġġa l-użu tal-oqfsa Ewropej dwar il-kompetenzi diġitali tal-edukaturi, taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet.

Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni: Il-Programm se jappoġġa ċ-ċittadinanza attiva u l-etika fl-apprendiment tul il-ħajja, se jrawwem l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Se tingħata wkoll prijorità lil proġetti li joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni tan-nies fil-ħajja demokratika, l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali, bħal pereżempju attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ promozzjoni tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet tal-2024 għall-Parlament Ewropew. Il-fokus se jkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, notevolment fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Minbarra l-prijoritajiet ġenerali msemmija hawn fuq, il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin se jiġu segwiti fis-setturi rispettivi.

Prijoritajiet speċifiċi għas-settur

Fil-qasam tal-edukazzjoni għolja:

Se tingħata prijorità lil azzjonijiet li huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. L-għan huwa li jiġi appoġġat is-settur tal-edukazzjoni għolja sabiex isir aktar interkonness, innovattiv, inklużiv u diġitali. Għal dan l-iskop, il-Programm se jħeġġeġ kooperazzjoni ħafna aktar profonda u interdixxiplinari bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, kif ukoll mal-ekosistemi tal-innovazzjoni ta’ madwarhom, u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. B’mod partikolari, l-enfasi se tkun fuq it-tisħiħ tal-inklużjoni, il-mobbiltà, id-diġitalizzazzjoni, l-apprendiment tul il-ħajja, l-assigurazzjoni tal-kwalità u r-rikonoxximent awtomatiku. L-objettiv sottostanti huwa li titħaffef it-trasformazzjoni tal-edukazzjoni għolja madwar l-Ewropa, biex il-ġenerazzjonijiet futuri jiġu mħarrġa fil-ħolqien konġunt tal-għarfien għal soċjetà reżiljenti, inklużiva u sostenibbli.

Promozzjoni ta’ sistemi tal-edukazzjoni għolja interkonnessi: il-programm se jkollu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni strateġika u strutturata bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja permezz ta’: a) appoġġ għall-iżvilupp u l-ittestjar ta’ diversi tipi ta’ mudelli ta’ kooperazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni virtwali u mħallta u l-użu ta’ għodod diġitali u pjattaformi online differenti; b) it-titjib fil-mobbiltà billi jiġi implimentat ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u tal-eżiti tal-apprendiment, u billi l-mobbiltà tiġi integrata fil-kurrikuli; c) l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja biex jimplimentaw il-prinċipji ta’ Bolonja, inkluża l-promozzjoni ta’ valuri akkademiċi fundamentali u l-istandards u l-linji gwida għall-assigurazzjoni tal-kwalità, u għodod biex tissaħħaħ il-mobbiltà għal kulħadd; d) l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, f’kooperazzjoni qawwija mar-rappreżentanti tal-Istati Membri biex jittestjaw il-kooperazzjoni u l-azzjonijiet innovattivi; e) l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Erasmus Mingħajr Karti, il-varar tal-Identifikatur Ewropew tal-Istudenti u l-Kard Ewropea tal-Istudenti.

Stimolu ta’ prattiki innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim: sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u jiġu promossi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta’ appoġġ: a) għall-iżvilupp ta’ kurrikuli orjentati lejn l-eżiti tal-apprendiment u ċċentrati fuq l-istudenti li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet ta’ apprendiment tal-istudenti u jnaqqsu l-ispariġġi fil-ħiliet, u jippromwovu l-intraprenditorija, filwaqt li jkunu rilevanti wkoll għas-suq tax-xogħol u għas-soċjetà usa’, pereżempju billi jiġi mistieden persunal mill-intrapriżi u mid-dinja tax-xogħol jew billi l-kurrikuli jitfasslu b’mod konġunt mal-industrija, inklużi l-SMEs; b) għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta’ perkorsi ta’ apprendiment flessibbli u t-tfassil ta’ kors modulari (part-time, online jew imħallat) u forom xierqa ta’ valutazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ valutazzjoni online; c) għall-promozzjoni tad-dimensjoni tal-apprendiment tul il-ħajja tal-edukazzjoni għolja, inkluż billi jiġu esplorati l-possibbiltajiet għall-użu, il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta’ korsijiet ta’ apprendiment qosra li jwasslu għal mikrokredenzjali; d) għall-implimentazzjoni ta’ approċċi transdixxiplinari u pedagoġiji innovattivi bħall-apprendiment invertit, l-apprendiment internazzjonali kollaborattiv online, l-apprendiment ibbażat fuq ir-riċerka u programmi intensivi mħallta, li jappoġġaw l-akkwist ta’ ħiliet u intraprenditorija trasferibbli li jħarsu ’l quddiem permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-isfidi;

L-iżvilupp ta’ approċċ ta’ STEAM fl-edukazzjoni għolja, u t-trawwim tal-parteċipazzjoni tan-nisa fi STEM: Din il-prijorità tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ kurrikuli ta’ edukazzjoni għolja ta’ STEM li huma adegwati għall-użu, li jsegwu approċċ ta’ STEAM; il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-oqsma ta’ studju tal-iSTEM u speċjalment fl-inġinerija, l-ICT u l-ħiliet diġitali avvanzati; l-iżvilupp ta’ programmi ta’ gwida u ta’ mentoraġġ għall-istudenti, speċjalment il-bniet u n-nisa, biex isegwu oqsma ta’ studju u okkupazzjonijiet ta’ STEM u tal-ICT; it-trawwim ta’ prattiki ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ sensittivi għall-ġeneru fl-edukazzjoni tal-iSTEM; l-eliminazzjoni tal-istereotipi tal-ġeneri fl-iSTEM;

L-ippremjar tal-eċċellenza fl-apprendiment, fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-ħiliet, permezz ta’ a) l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u ta’ kultura ta’ kwalità biex tiġi ppremjata u inċentivata l-eċċellenza fit-tagħlim, inkluż it-tagħlim online, il-kwalità msaħħa tal-esperjenza ta’ studju u t-tagħlim għall-istudenti b’inqas opportunitajiet, l-apprendiment u t-tagħlim iffokati fuq l-istudenti fl-edukazzjoni għolja, kif ukoll permezz ta’ appoġġ għal karrieri akkademiċi flessibbli u attraenti, filwaqt li jiġu apprezzati l-attivitajiet ta’ tagħlim, riċerka, intraprenditorija, ġestjoni u tmexxija; b) it-taħriġ tal-akkademiċi f’pedagoġiji ġodda u innovattivi, inkluż it-tagħlim f’ambjenti online jew imħallta, approċċi transdixxiplinari, tfassil ġdid tal-kurrikulu, metodi ta’ twassil u valutazzjoni li jorbtu l-edukazzjoni mar-riċerka u l-innovazzjoni fejn rilevanti, c) l-iżvilupp ta’ prattiki ġodda fid-disinn istruttiv, abbażi tar-riċerka edukattiva u l-kreattività.

L-appoġġ għall-kapaċitajiet diġitali u ekoloġiċi tas-settur tal-edukazzjoni għolja; permezz ta’ appoġġ għal a) trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (inkluża l-interoperabbiltà) u d-diġitalizzazzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti marbuta mal-inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti, b) l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali tal-istudenti u tal-persunal, u c) bażijiet tad-data ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika, il-programm se jappoġġa a) approċċi li jkopru istituzzjonijiet sħaħ, b) approċċi transdixxiplinari flimkien ma’ sfond dixxiplinari b’saħħtu u apprendiment tul il-ħajja, inkluż permezz ta’ mikrokredenzjali, c) l-iżvilupp ta’ kurrikuli f’konformità mal-ħiliet ekoloġiċi meħtieġa, d) l-appoġġ ta’ sħubijiet tranżnazzjonali bejn studenti, professuri, universitajiet, impjegaturi, komunitajiet u partijiet ikkonċernati oħrajn dwar l-isfidi klimatiċi sabiex jinħolqu mexxejja reali tal-edukazzjoni għolja fil-qasam klimatiku.

Bini ta’ sistemi ta’ edukazzjoni għolja inklużivi: Il-programm se jrawwem approċċi inklużivi għal attivitajiet ta’ mobbiltà u ta’ kooperazzjoni bħal a) l-appoġġ għall-edukazzjoni ta’ studenti u persunal refuġjati, u l-appoġġ lill-istituzzjonijiet u lill-persunal tal-pajjiżi ospitanti sabiex ilaħħqu ma’ dan l-impenn, b) iż-żieda fir-rati ta’ aċċess, ta’ parteċipazzjoni u ta’ tlestija tal-persuni b’inqas opportunitajiet, inklużi gruppi sottorappreżentati, anke permezz tal-iżvilupp ta’ miri kwantitattivi volontarji; c) l-appoġġ attiv lill-parteċipanti mobbli deħlin, matul il-proċess tat-tfittxija tal-akkomodazzjoni, inkluż permezz ta’ kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għall-provvista ta’ akkomodazzjoni xierqa u affordabbli; d) l-appoġġ għas-saħħa mentali tal-istudenti u tal-professuri; e) it-trawwim tal-bilanċ bejn il-ġeneri fl-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, fl-oqsma kollha tal-istudju u f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija; f) it-trawwim tal-involviment ċiviku permezz tal-promozzjoni ta’ apprendiment informali u attivitajiet ekstrakurrikulari u r-rikonoxximent ta’ xogħol volontarju u komunitarju fir-riżultati akkademiċi tal-istudenti.

Appoġġ għall-innovazzjoni u għall-ħiliet intraprenditorjali tal-istudenti: Il-programm se jipprovdi appoġġ għall-innovazzjoni u għall-intraprenditorija fl-edukazzjoni għolja, inkluż pereżempju permezz ta’ a) l-appoġġ għall-istabbiliment u għall-funzjonament ta’ laboratorji ħajjin u ta’ inkubaturi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-settur intraprenditorjali u ma’ atturi rilevanti oħrajn, biex jappoġġa l-apprendiment u t-tagħlim innovattivi u jgħin lill-intraprendituri studenti jiżviluppaw l-ideat tagħhom f’negozji, b) l-appoġġ għal sħubijiet ta’ apprendiment u ta’ tagħlim ma’ organizzazzjonijiet kummerċjali u mhux kummerċjali fis-settur privat li jkattru l-esponiment tal-istudenti għall-innovazzjoni u għall-intraprenditorija.

Appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja fil-kooperazzjoni tagħhom ma’ kontroparti Ukreni biex jindirizzaw il-gwerra fl-Ukrajna: Din l-azzjoni se jkollha l-għan li tappoġġa lill-Ukrajna fit-tfassil u l-bini mill-ġdid tas-sistema tal-edukazzjoni għolja tagħha, permezz tal-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa dwar, fost l-oħrajn, il-kwalità u r-rilevanza tat-tagħlim u l-apprendiment aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ studenti; approċċi pedagoġiċi innovattivi; approċċi interdixxiplinari, iffokati fuq l-istudenti u bbażati fuq l-isfidi; ħiliet diġitali u ekoloġiċi; prattiki ta’ apprendiment tul il-ħajja; sistema tal-kwalifiki; prattiki ta’ ġestjoni effettiva; protezzjoni tal-valuri akkademiċi; kooperazzjoni mal-ekosistema tal-innovazzjoni; l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet u programmi edukattivi konġunti.

Fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika:

Indirizzar tal-iżvantaġġ fl-apprendiment, it-tluq bikri mill-iskola u l-profiċjenza baxxa fil-ħiliet bażiċi: L-għan ta’ din il-prijorità huwa li tgħin biex l-istudenti kollha jkollhom suċċess, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet. Il-prijorità tinkludi l-monitoraġġ, l-identifikazzjoni bikrija ta’ studenti tal-iskola f’riskji, approċċi preventivi u ta’ intervent bikri għal studenti b’diffikultajiet, il-promozzjoni ta’ approċċi aktar iffokati fuq l-istudenti, il-promozzjoni tal-benesseri u s-saħħa mentali għall-istudenti u l-għalliema, kif ukoll il-protezzjoni mill-bullying fl-iskola. Fil-livell tal-iskejjel, din il-prijorità tappoġġa approċċi olistiċi għat-tagħlim u l-apprendiment u l-kollaborazzjoni fost l-atturi kollha fl-iskejjel, kif ukoll mal-familji u mal-partijiet ikkonċernati esterni oħrajn. Fl-aħħar nett, fil-livell strateġiku, l-enfasi hija dwar it-titjib tat-tranżizzjonijiet bejn l-istadji differenti tal-edukazzjoni, it-titjib tal-evalwazzjoni u l-iżvilupp ta’ sistemi b’saħħithom ta’ assigurazzjoni tal-kwalità.

Appoġġ lill-għalliema, lill-mexxejja tal-iskejjel u lill-professjonijiet oħra tat-tagħlim: Din il-prijorità tappoġġa lill-prattikanti fil-professjonijiet tal-għalliema (inklużi l-edukaturi tal-għalliema) matul il-fażijiet kollha tal-karriera tagħhom. Il-proġetti taħt din il-prijorità jistgħu jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema, kif ukoll fuq l-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom, b’mod partikolari billi jtejbu l-qafas ta’ politika u l-opportunitajiet konkreti għall-mobbiltà tal-għalliema. It-tieni fokus tal-prijorità huwa li l-karrieri tat-tagħlim isiru aktar attraenti u varjati, u li jissaħħu l-għażla, ir-reklutaġġ u l-evalwazzjoni għall-professjonijiet tat-tagħlim. Fl-aħħar nett, il-proġetti jistgħu jappoġġaw direttament ukoll l-iżvilupp ta’ tmexxija tal-iskola aktar b’saħħitha u metodi innovattivi ta’ tagħlim u ta’ valutazzjoni.

Żvilupp ta’ kompetenzi ewlenin: Il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw fuq il-promozzjoni ta’ kollaborazzjoni transkurrikulari, bl-użu ta’ approċċi ta’ apprendiment innovattivi, l-iżvilupp tal-kreattività, l-appoġġ lill-għalliema biex iwasslu tagħlim ibbażat fuq il-kompetenza u l-iżvilupp tal-valutazzjoni u l-validazzjoni ta’ kompetenzi ewlenin.

Promozzjoni ta’ approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi: Din il-prijorità tinkludi proġetti li jaħdmu fuq l-appoġġ tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-lingwa fil-kurrikuli kollha u l-iżgurar li l-istudenti jilħqu livelli ta’ kompetenza tal-lingwa adegwati sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja. L-integrazzjoni tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda għall-apprendiment tal-lingwi hija wkoll parti mill-isforzi taħt din il-prijorità. Fl-aħħar nett, il-prijorità tappoġġa proġetti li jistgħu jgħinu sabiex jinħolqu skejjel konxji dwar il-lingwa u li jibnu fuq id-diversità lingwistika li dejjem qiegħda tiżdied fl-iskejjel, pereżempju billi jħeġġu l-apprendiment u l-għarfien bikri tal-lingwa u jiżviluppaw alternattivi ta’ tagħlim bilingwi (speċjalment f’reġjuni u żoni tal-fruntiera fejn l-abitanti jużaw aktar minn lingwa waħda).

Il-promozzjoni tal-interess u l-eċċellenza fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija, u fil-matematika (STEM) u l-approċċ ta’ STEAM, u t-trawwim tal-interess tal-bniet fl-iSTEM: Din il-prijorità tappoġġa proġetti li jippromwovu l-approċċ STEM għall-edukazzjoni permezz ta’ tagħlim interdixxiplinari f’kuntesti kulturali, ambjentali, ekonomiċi, ta’ tfassil u oħrajn, filwaqt li tippromwovi b’mod partikolari l-interess fl-iSTEM fost il-bniet. Il-prijorità tinkludi l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ pedagoġiji effettivi u innovattivi u metodi ta’ valutazzjoni. L-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn l-iskejjel, in-negozji, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istituzzjonijiet tar-riċerka, u s-soċjetà usa’ huwa partikolarment siewi f’dan il-kuntest. Fil-livell strateġiku, il-prijorità sservi sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali tal-iSTEM.

Żvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja: Din il-prijorità tiffoka fuq il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kwalità tal-UE għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2019 dwar l-edukazzjoni u l-kura bikrija ta’ kwalità għolja tat-tfal2 . Tinkludi proġetti li jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu tal-persunal involut fl-organizzazzjoni, it-tmexxija u l-provvista ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal. Barra minn hekk, il-prijorità tappoġġa wkoll il-ħolqien, l-ittestjar u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji u prattiki biex titrawwem il-parteċipazzjoni tat-tfal kollha fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, inklużi tfal b’inqas opportunitajiet.

Rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment għall-parteċipanti fil-mobbiltà għall-apprendiment transfruntier: Din il-prijorità għandha l-għan li tgħin biex ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku awtomatiku titpoġġa fil-prattika. Din tappoġġa l-inkorporazzjoni ta’ skambji ta’ klassijiet transfruntiera fi programmi tal-iskola, il-bini tal-kapaċità tal-iskejjel biex jorganizzaw perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż għall-istudenti tal-iskola tagħhom, u l-ħolqien ta’ sħubijiet fit-tul bejn skejjel f’pajjiżi differenti. Fil-livell strateġiku, din il-prijorità għandha l-għan li tinvolvi aktar lill-awtoritajiet tal-iskola fil-livelli kollha fl-isforzi biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent, u tappoġġa l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ għodod u prattiki għat-tħejjija, il-monitoraġġ u r-rikonoxximent ta’ perjodi barra mill-pajjiż.

Appoġġ lill-innovaturi fl-iskola: F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet3 , din il-prijorità għandha l-għan li tinvolvi lil personalitajiet importanti minn negozji ġodda sabiex jaġixxu bħala ambaxxaturi u mentors ħalli jispiraw liż-żgħażagħ, u tistedinhom jiżviluppaw ideat u soluzzjonijiet ġodda.

Appoġġ għar-reazzjoni tas-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-tħarriġ għall-gwerra fl-Ukrajna: Din il-prijorità tappoġġa l-proġetti li għandhom l-għan li jimplimentaw, jikkondividu u jippromwovu approċċi pedagoġiċi inklużivi u prattiki msejsa fuq ix-xogħol, immirati lejn l-istudenti tal-iskola u l-persunal li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Il-proġetti fil-qafas ta’ din il-prijorità għandhom ikunu msejsa fuq standards ta’ kwalità għolja u esperjenza sostanzjali fl-integrazzjoni ta’ parteċipanti ġodda fl-ambjenti ta’ apprendiment u taħriġ. Dawn jista’ jkollhom il-mira li jipprovdu faċilitajiet lingwistiċi, li japplikaw u jespandu r-riċerka, jiskambjaw mal-istituzzjonijiet Ukreni, li jesploraw prattiki tajbin li jappoġġaw il-benesseri psikosoċjali tal-istudenti u tal-persunal li qed jaħarbu mill-gwerra, eċċ.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (kemm fil-bidu u kemm kontinwi):

Adattament tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol: Dan jinkludi l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ programmi tal-VET li joffru taħlita bbilanċjata ta’ ħiliet vokazzjonali u joħolqu opportunitajiet ta’ apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol allinjati tajjeb maċ-ċikli ekonomiċi kollha, l-impjiegi li qegħdin jevolvu u l-metodi ta’ ħidma u l-kompetenzi ewlenin. Din il-prijorità trawwem ukoll l-iżvilupp tal-kurrikuli, tal-offerti tal-programmi u tal-kwalifiki tal-VET li jiġu aġġornati regolarment, filwaqt li tibni fuq l-informazzjoni dwar il-ħiliet. Il-proġetti se jappoġġaw lill-fornituri tal-VET fl-adattament tal-offerta ta’ taħriġ tagħhom għall-ħtiġijiet tal-ħiliet li qegħdin jinbidlu, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u ċ-ċikli ekonomiċi.

Żieda fil-flessibbiltà tal-opportunitajiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din il-prijorità tappoġġa inizjattivi li jiżviluppaw programmi tal-VET flessibbli u ċċentrati fuq l-istudenti, u li jikkontribwixxu biex jingħalqu l-lakuni eżistenti fl-aċċess għat-taħriġ għall-adulti tal-età tax-xogħol sabiex jiġġestixxu b’suċċess it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol. Il-proġetti taħt din il-prijorità jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ vokazzjonali kontinwi mfassla biex ikunu adattabbli għas-suq tax-xogħol, kif ukoll programmi li jiffaċilitaw it-trasferiment, ir-rikonoxximent u l-akkumulazzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment li jwasslu għal kwalifiki nazzjonali.

Kontribuzzjoni għall-innovazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din il-prijorità tappoġġa proġetti li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jibdlu b’mod sostanzjali l-mod li bih il-VET huwa ipprattikat, u b’hekk dan isir aktar rilevanti għall-ħtiġijiet attwali u futuri tal-ekonomija u tas-soċjetà. Dawn il-bidliet jistgħu jkunu organizzazzjonali (ippjanar, finanzjament, ġestjoni tar-riżorsi umani, monitoraġġ u komunikazzjoni). Dawn jistgħu jindirizzaw ukoll proċessi ta’ tagħlim u ta’ apprendiment permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ approċċi ta’ tagħlim u ta’ apprendiment ġodda u aktar rilevanti. Dawn il-bidliet jistgħu jkunu relatati mal-ekosistema tal-fornituri tal-VET u l-mod kif jinvolvu ruħhom mas-sħab, pereżempju permezz ta’ diffużjoni teknoloġika u riċerka applikata, ta’ promozzjoni, ta’ networking u ta’ attivitajiet ta’ internazzjonalizzazzjoni. Dawn jistgħu jimmiraw ukoll l-iżvilupp u l-provvista ta’ prodotti u servizzi tal-VET (eż. l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-riċerka applikata, u l-konsulenza) lil atturi esterni bħal studenti, kumpaniji u gvernijiet.

Attraenza dejjem akbar tal-VET: Se tingħata prijorità lill-proġetti li jikkontribwixxu biex tiżdied l-attraenza tal-VET f’livelli differenti. Eżempji ta’ dawn jistgħu jkunu proġetti li jaħdmu għal permeabbiltà akbar bejn diversi livelli edukattivi, li jrawmu ambjenti ta’ apprendiment miftuħa u parteċipattivi, jappoġġaw l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u tal-ħarrieġa tal-VET, jew jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment u l-użu tal-Europass u ta’ servizzi diġitali oħrajn. Din il-prijorità tappoġġa wkoll proġetti li jiżviluppaw sħubijiet fit-tul għall-istabbiliment jew għat-tisħiħ ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali, nazzjonali, reġjonali u settorjali tal-ħiliet. L-impatt ta’ dawn l-attivitajiet jista’ jiġi ottimizzat billi jaħdmu mill-qrib flimkien man-negozji, mal-fornituri tal-VET, mal-kmamar tal-kummerċ u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra tul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu tal-proġett.

Titjib fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din il-prijorità tiffoka fuq il-kejl u t-titjib tal-kwalità tal-VET billi jiġu żviluppati sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, kemm għall-VET inizjali kif ukoll kontinwu, fl-ambjenti kollha ta’ apprendiment u fil-formati kollha tal-apprendiment, imwassla kemm mill-fornituri pubbliċi kif ukoll minn dawk privati. B’mod partikolari, dan jinkludi l-istabbiliment u l-ittestjar ta’ arranġamenti ta’ traċċar tal-gradwati f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-perkors fil-karriera tal-gradwati, u r-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET)4 , kif ukoll l-esplorazzjoni tal-profili ewlenin vokazzjonali tal-UE, u l-mikrokredenzjali.

Ħolqien u implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni għall-fornituri tal-VET: Din il-prijorità għandha l-għan li tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ appoġġ u oqfsa kuntrattwali għall-promozzjoni tal-mobbiltà ta’ kwalità tal-persunal u tal-istudenti tal-VET. Aspetti partikolarment importanti jinkludu r-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tal-kwalifiki u tal-eżiti tal-apprendiment, kif ukoll l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-istudenti għall-mobbiltà tal-istudenti. Tali servizzi jistgħu jinkludu l-informazzjoni, il-motivazzjoni, it-tħejjija u l-iffaċilitar tal-integrazzjoni soċjali tal-istudenti tal-VET fil-pajjiż ospitanti, kif ukoll it-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni interkulturali u ċ-ċittadinanza attiva tagħhom.

Appoġġ għar-reazzjoni tas-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-tħarriġ għall-gwerra fl-Ukrajna: Din il-prijorità tappoġġa l-proġetti li għandhom l-għan li jimplimentaw, jikkondividu u jippromwovu approċċi pedagoġiċi inklużivi u prattiki tal-apprendiment msejsa fuq ix-xogħol, inkluż apprendistati, immirati lejn l-istudenti tal-VET u l-persunal li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Il-proġetti fil-qafas ta’ din il-prijorità għandhom ikunu msejsa fuq standards ta’ kwalità għolja u esperjenza sostanzjali fl-integrazzjoni ta’ parteċipanti ġodda fl-ambjenti ta’ apprendiment u taħriġ. Dawn jistgħu jiffokaw fuq it-taħriġ lingwistiku, l-integrazzjoni tal-istudenti fil-VET, inkluż fl-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol u l-iskemi ta’ apprendistat (b’appoġġ, kif possibbli, minn għalliema u ħarrieġa Ukreni li qed jaħarbu mill-gwerra), fuq il-proċessi ta’ rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki mal-istituzzjonijiet Ukreni, il-prattiki li jappoġġaw il-benesseri psikosoċjali tal-istudenti u l-persunal li qed jaħarbu mill-gwerra, eċċ.

Fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti:

iż-żieda fl-adozzjoni u fit-titjib tal-inklużività u tal-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni għall-adulti: Se tingħata prijorità lil proġetti li jagħtu s-setgħa u jippermettu lill-adulti jipparteċipaw fit-taħriġ sabiex jitnaqqsu d-differenzi fil-ħiliet u n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol kif ukoll sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment. B’mod partikolari, proġetti li jibnu fuq kontijiet individwali tal-apprendiment u oqfsa abilitanti (inklużi opportunitajiet ta’ validazzjoni u ta’ gwida u strateġiji effettivi ta’ motivazzjoni).

Titjib tad-disponibbiltà ta’ apprendiment ta’ kwalità għolja, flessibbli u rikonoxxut għall-adulti: Din il-prijorità tipprovdi appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ offerti ta’ apprendiment flessibbli adattati għall-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-adulti, pereżempju bl-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment diġitali u mħallta. Tingħata prijorità wkoll lil proġetti li jaħdmu fuq il-validazzjoni tal-ħiliet iċċertifikati b’mikrokredenzjali jew miksuba permezz ta’ apprendiment informali u mhux formali.

Promozzjoni ta’ ċentri ta’ apprendiment lokali u ta’ spazji ta’ tagħlim innovattivi: Din il-prijorità għandha l-għan li tappoġġa ambjenti ta’ apprendiment lokali, li tippromwovi l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku u d-demokrazija, u li tattira u toffri lil kulħadd fil-komunità opportunitajiet ta’ apprendiment tul il-ħajja u fl-aspetti kollha tal-ħajja, anke billi tisfrutta t-teknoloġiji diġitali u tinkludi miżuri għall-ħidma sabiex jintlaħqu l-istudenti u għall-involviment tagħhom. Pereżempju, il-proġetti jistgħu jħeġġu ċentri ta’ apprendiment lokali, libreriji, mużewijiet, ħabsijiet, soċjetà ċivili u l-komunità usa’ (NGOs, awtoritajiet lokali, saħħa, kultura, eċċ.) sabiex jaħdmu flimkien biex jimmotivaw u jippermettu lill-adulti ta’ kull età jitgħallmu l-ħiliet tal-ħajja u l-kompetenzi ewlenin meħtieġa sabiex ikunu reżiljenti u adattabbli fid-dawl tal-bidla u l-inċertezza.

Il-ħolqien ta’ perkorsi għat-titjib u t-tiġdid tal-ħiliet: Din il-prijorità għandha l-għan li tippromwovi opportunitajiet ġodda ta’ edukazzjoni għall-adulti, b’mod partikolari għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi. Il-ħolqien ta’ perkorsi ġodda għat-titjib tal-ħiliet għandu jippermetti lill-istudenti adulti jsaħħu l-kompetenzi ewlenin tagħhom u jagħmlu progress lejn kwalifiki ogħla. Xogħol komplementari kopert taħt din il-prijorità jinkludi l-iżvilupp ta’ gwida bħala servizz biex jiġi żgurat li l-adulti jkollhom aċċess għall-apprendiment rilevanti matul il-ħajja, it-titjib tal-identifikazzjoni u l-iskrinjar tal-ħiliet, it-tfassil ta’ offerti ta’ apprendiment imfassla apposta, u l-iżvilupp ta’ strateġiji effettivi ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ gwida u ta’ motivazzjoni.

It-titjib tal-kompetenzi tal-edukaturi u ta’ persunal ieħor tal-apprendiment għall-adulti: Tingħata prijorità b’mod partikolari lill-proġetti li jiżviluppaw kompetenzi tal-persunal li jwasslu għal titjib kumplessiv fil-provvista, f’konformità mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. B’mod partikolari, se tingħata prijorità lill-proġetti li jappoġġaw lill-edukaturi, inklużi timijiet ta’ tmexxija, biex jgħallmu u jaġixxu għas-sostenibbiltà u biex jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali tal-edukaturi, eż. permezz tat-Traineeships tal-Opportunitajiet Diġitali (DOTs) u jtejbu l-metodi u l-għodod tat-tagħlim permezz tal-użu effettiv ta’ soluzzjonijiet innovattivi u ta’ teknoloġiji diġitali. Se tingħata prijorità lill-proġetti li jimmiraw lejn l-iżvilupp ta’ ħiliet sabiex jirrikonoxxu u jwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ apprendiment individwali eż. jitfasslu perkorsi jew pjanijiet imfassla apposta adattati għall-isfond u għaċ-ċirkostanzi tal-istudenti, il-valutazzjoni tal-għarfien u tal-ħiliet preċedenti tal-istudenti adulti, metodi ta’ tagħlim aħjar u aktar innovattivi, minbarra li jissaħħaħ ir-rwol ta’ appoġġ li għandu l-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti fil-motivazzjoni, fl-iggwidar u fl-għoti ta’ pariri lill-istudenti f’sitwazzjonijiet ta’ apprendiment diffiċli.

Ħolqien u promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment fost iċ-ċittadini u l-ġenerazzjonijiet kollha: Tingħata prijorità lill-proġetti li joħolqu u jippromwovu l-apprendiment interġenerazzjonali, inklużi opportunitajiet ta’ apprendiment u skambji ta’ esperjenzi tal-gruppi kollha tal-età, inklużi l-anzjani, bil-għan li jinbena fehim aħjar tal-Unjoni Ewropea u tal-valuri tagħha, u tissaħħaħ l-identità Ewropea.

Tisħiħ tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-opportunitajiet tal-apprendiment għall-adulti: Din il-prijorità tappoġġa l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità aħjar għall-politiki u l-provvista tal-apprendiment għall-adulti. B’mod partikolari, dan jinkludi l-iżvilupp u t-trasferiment ta’ metodoloġiji ta’ monitoraġġ biex titkejjel l-effettività tal-provvista tal-edukazzjoni għall-adulti u biex jinżamm rendikont tal-progress tal-istudenti adulti.

Appoġġ għar-reazzjoni tas-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni u t-tħarriġ għall-gwerra fl-Ukrajna: Din il-prijorità tappoġġa l-proġetti li għandhom l-għan li jimplimentaw, jikkondividu u jippromwovu approċċi pedagoġiċi inklużivi u prattiki msejsa fuq ix-xogħol, immirati lejn l-istudenti adulti u l-persunal li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Il-proġetti fil-qafas ta’ din il-prijorità għandhom ikunu msejsa fuq standards ta’ kwalità għolja u esperjenza sostanzjali fl-integrazzjoni ta’ parteċipanti ġodda fl-ambjenti ta’ apprendiment u taħriġ. Dawn jista’ jkollhom il-mira li jipprovdu faċilitajiet lingwistiċi, li japplikaw u jespandu r-riċerka, jiskambjaw mal-istituzzjonijiet Ukreni, li jesploraw prattiki tajbin li jappoġġaw il-benesseri psikosoċjali tal-istudenti u tal-persunal li qed jaħarbu mill-gwerra, eċċ.

Fil-qasam taż-żgħażagħ:

Se tingħata prijorità lill-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-oqsma ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027: l-impenn, il-konnessjoni u l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ. Se jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transsettorjali li tippermetti sinerġiji akbar fost oqsma differenti ta’ azzjonijiet li huma importanti għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’diversi skali u formati u l-appoġġ taċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ, b’mod partikolari ż-żgħażagħ f’riskju ta’ esklużjoni soċjali. Prijoritajiet speċifiċi għall-qasam taż-żgħażagħ jinkludu:

Promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva, sens ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ u l-intraprenditorija taż-żgħażagħ,  inkluża l-intraprenditorija soċjali: Il-prijorità għandha l-għan li trawwem ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ, b’mod partikolari permezz tal-volontarjat u ta’ atti ta’ solidarjetà, u b’hekk issaħħaħ is-sens ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, u tappoġġa lill-komunitajiet tagħhom. Il-proġetti taħt din il-prijorità jistgħu jippromwovu wkoll l-intraprenditorija, l-apprendiment kreattiv u l-intraprenditorija soċjali fost iż-żgħażagħ. Id-djalogu interkulturali, l-għarfien u r-rikonoxximent tad-diversità u l-promozzjoni tat-tolleranza huma kruċjali għal din il-prijorità.

Żieda fil-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fost iż-żgħażagħ: Il-prijorità għandha l-għan li tippromwovi r-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-apprendiment informali u mhux formali fil-livelli kollha, u tappoġġa l-iżvilupp u l-innovazzjoni tal-kwalità fil-ħidma fost iż-żgħażagħ, f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Aġenda Ewropea għall-ħidma fost iż-żgħażagħ u d-Dikjarazzjoni ta’ Bonn ta’ Diċembru 2020. Dan jinkludi l-bini tal-kapaċità tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-prattiki online u offline tagħhom, kif ukoll appoġġ għall-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ metodi biex jintlaħqu żgħażagħ emarġinati, jiġu evitati r-razziżmu u l-intolleranza fost iż-żgħażagħ, u r-riskji, l-opportunitajiet u l-implikazzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni.

Tisħiħ tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ: Il-prijorità għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetenzi ewlenin u l-ħiliet bażiċi taż-żgħażagħ. Is-settur taż-żgħażagħ għandu rwol importanti fit-tħaffif tat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ miż-żgħożija sal-età adulta, inkluż fl-appoġġ tal-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. L-attivitajiet li jiffokaw fuq l-inklużjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet (inklużi NEETs), b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ f’riskju ta’ marġinalizzazzjoni u dawk bi sfond ta’ migranti, jinsabu fil-qalba ta’ din il-prijorità.

Tisħiħ tar-rabtiet bejn il-politika, ir-riċerka u l-prattika: Din il-prijorità tindirizza l-ħtieġa għal rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-politika, ir-riċerka u l-prattika fil-qasam taż-żgħażagħ biex tiġi pprovduta evidenza mtejba tal-ħtiġijiet u jiġi ffaċilitat it-tfassil tal-politika. Attivitajiet li jippromwovu għarfien aħjar dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ u l-politiki taż-żgħażagħ fl-Ewropa u lil hinn se jkunu ta’ importanza għal din il-prijorità.

Appoġġ għar-reazzjoni tal-qasam taż-Żgħażagħ fl-Ewropa għall-gwerra fl-Ukrajna: Din il-prijorità tappoġġa l-proġetti li għandhom l-għan li jimplimentaw, jikkondividu u jippromwovu approċċi u prattiki inklużivi immirati lejn iż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajn u lejn il-fornituri tal-ħidma fost iż-żgħażagħ tal-pajjiżi li jilqgħu, involuti b’mod attiv f’tali attivitajiet. L-attivitajiet għandhom jaderixxu mal-prinċipji tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, inkluż l-apprendiment mhux formali u dak interkulturali, u għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni u l-fehim tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija u għaż-żieda fil-kapaċità tal-organizzazzjonijiet parteċipanti. Dawn għandu jkollhom l-għan li jipprovdu faċilitajiet lingwistiċi, li japplikaw u jespandu r-riċerka, li jsaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet mal-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ fl-Ukrajna, li jesploraw il-prattiki tajbin li jappoġġaw il-benesseri psikosoċjali ta’ refuġjati żgħażagħ u ħaddiema li jaħdmu ma’ refuġjati żgħażagħ mill-Ukrajna, u li jrawmu l-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tal-ħidma fost iż-żgħażagħ – fl-Ukrajna u fil-pajjiżi li jilqgħu – eċċ.

Fil-qasam tal-isport:

Se tingħata prijorità lis-sħubijiet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ dokumenti ta’ politika ewlenin bħall-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport (2021-2024) jew ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attività fiżika favur is-saħħa. Prijoritajiet speċifiċi fil-qasam tal-isport jinkludu:

Inkoraġġiment ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa għal kulħadd: il-proġetti fil-qafas ta’ din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq: a) l-implimentazzjoni tat-tliet pilastri tal-inizjattiva HealthyLifestle4All, b) l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-attività fiżika favur is-saħħa u l-Linji Gwida tal-UE dwar l-Attività Fiżika c) l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport d) il-promozzjoni tal-isport u tal-attività fiżika bħala għodda għas-saħħa e) il-promozzjoni tal-attivitajiet kollha li jħeġġu l-prattika tal-isport u tal-attività fiżika f) il-promozzjoni tal-isport u tal-logħob tradizzjonali.

Il-promozzjoni tal-integrità u tal-valuri fl-isport: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq a) il-ġlieda kontra l-użu tad-doping b) il-ġlieda kontra l-logħob mixtri u l-korruzzjoni fl-isport c) it-titjib tal-governanza tajba fl-isport u d) il-promozzjoni tal-valuri pożittivi tal-isport.

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni fl-isport u permezz tiegħu: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw prinċipalment fuq a) l-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-isport, b) l-inkoraġġiment ta’ karrieri doppji tal-atleti c) il-promozzjoni tal-kwalità tal-ikkowċjar u tal-persunal d) l-użu tal-mobbiltà bħala għodda għat-titjib tal-kwalifiki e) il-promozzjoni tal-impjegabbiltà permezz tal-isport.

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza u tal-valuri Ewropej fl-isport u permezz tiegħu: il-proġetti taħt din il-prijorità se jiffokaw l-aktar fuq il-promozzjoni ta’ a) l-ugwaljanza fl-isport, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri5 , b) il-valuri Ewropej inkluż l-użu tal-isport bħala mezz għall-paċi u għall-inklużjoni, c) il-valuri tan-nondiskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, il-ġlieda kontra r-razziżmu, l-aċċess miftuħ u t-tolleranza għal oħrajn.