Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Taħriġ tal-għalliema Jean Monnet

L-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja jew l-Istituti/Aġenziji tat-Taħriġ tal-Għalliema se jorganizzaw attivitajiet fil-qafas ta’ din l-azzjoni li jippermettu lill-għalliema fl-iskejjel u lill-fornituri tal-Edukazzjoni u t-taħriġ Vokazzjonali (VET) jiżviluppaw ħiliet ġodda, biex jgħallmu u jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet tal-UE, u b’hekk jagħtuhom is-setgħa permezz ta’ fehim aħjar tal-UE u l-funzjonament tagħha.

Il-korpi tat-taħriġ tal-għalliema (kemm għall-edukazzjoni inizjali tal-għalliema kif ukoll għall-iżvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema) se jsaħħu l-għarfien u l-ħiliet interni tagħhom dwar it-tagħlim fuq kwistjonijiet tal-UE, u b’hekk, l-għalliema se jkunu mgħammra aħjar meta jintroduċu kontenut tal-UE fl-attivitajiet tagħhom.

L-attivitajiet ta’ Taħriġ tal-Għalliema se jappoġġaw lill-persunal edukattiv fl-iskejjel u lill-fornituri tal-VET (ISCED 1 – 4).

Objettivi tal-azzjoni

It-Taħriġ tal-Għalliema Jean Monnet għandu l-għan li jappoġġa l-iskejjel u l-fornituri tal-VET fl-ippjanar, l-organizzazzjoni u t-twassil tal-kontenut tal-UE fl-attivitajiet kurrikulari u ekstrakurrikulari tagħhom. L-objettivi ewlenin huma li:

  • jippermettu lill-iskejjel u lill-fornituri tal-VET (ISCED 1- 4) jibnu għarfien dwar l-UE fost il-persunal tat-tagħlim tagħhom;
  • joffru proposti ta’ taħriġ strutturat fuq is-suġġetti dwar l-UE għall-iskejjel u l-fornituri tal-VET, jipprovdu kontenut u metodoloġiji għat-tagħlim tal-għalliema f’diversi livelli, minn sfondi u esperjenzi differenti;
  • jipprovdu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ individwali jew fi gruppi (modulari, residenzjali, imħallat jew online) għall-għalliema li huma interessati fl-UE u li lesti jintegraw is-suġġetti dwar l-UE fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom;
  • irawmu l-fiduċja tal-għalliema fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-UE fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Stabbiliment ta’ proġett

Għalliema mgħammra b’metodoloġiji ġodda u innovattivi biex jipproponu kontenut dwar l-Unjoni Ewropea lill-istudenti se jgħinu biex jiġu introdotti fatti u għarfien dwar l-Unjoni Ewropea f’attivitajiet kurrikulari u ekstrakurrikulari.

L-Istitut/Aġenzija għat-Taħriġ tal-Għalliema   hija istituzzjoni li fost l-attivitajiet ewlenin tagħha għandha l-provvista tat-taħriġ/tal-edukazzjoni tal-għalliema.

L-attivitajiet ta’ Taħriġ/Edukazzjoni tal-Għalliema Jean Monnet għandhom jinkludu t-tħejjija u t-twassil ta’ attivitajiet ta’ taħriġ/edukazzjoni għall-għalliema. Dawn l-attivitajiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ korsijiet jew moduli mmirati inkluż l-apprendiment mill-bogħod (MOOC u/jew attivitajiet imħallta). It-Taħriġ/l-Edukazzjoni tal-Għalliema għandu jkun formali u jintemm b’ċertifikat.

L-attivitajiet proposti għandhom jinkludu wkoll appoġġ lill-parteċipanti (eż. kontribuzzjoni għall-ivvjaġġar u s-sussistenza, l-għoti ta’ manwali u għodod speċifiċi oħrajn, eżenzjoni mit-tariffi).

It-Taħriġ/l-Edukazzjoni tal-Għalliema Jean Monnet irid jirrispetta waħda minn dawn li ġejjin:

  • taħriġ dwar il-metodoloġiji tat-tagħlim sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea;
  • taħriġ dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea;
  • esperjenzi ta’ apprendiment fuq is-suġġetti dwar l-Unjoni Ewropea li jikkomplementaw korsijiet diġà eżistenti (l-apprendiment kollaborattiv fost il-klassijiet, il-kotagħlim);
  • seminars, korsijiet tas-sajf u intensivi, tipi oħrajn ta’ esperjenzi tal-UE li jinvolvu partijiet ikkonċernati oħrajn.

Dan ta’ hawn fuq jista’ jsir permezz ta’:

  • L-għoti ta’ gwida ad hoc għall-għażla tat-taħriġ;
  • Taħriġ fiżiku, online u/jew imħallat.

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għat-taħriġ tal-għalliema Jean Monnet?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli (Min jista’ japplika?)

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) iridu jkunu:

  • Istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja li tipprovdi taħriġ inizjali u/jew fis-servizz lill-għalliema tal-iskejjel u/jew tal-istituzzjonijiet tal-VET (ISCED 1 - 4) u li jkollha ECHE valida; jew                                                                
  • Istituzzjoni/Aġenzija tat-Taħriġ/tal-Edukazzjoni tal-Għalliema li tipprovdi taħriġ inizjali u/jew fis-servizz lill-għalliema tal-iskejjel u/jew tal-istituzzjonijiet tal-VET (ISCED 1-4).

L-applikanti jeħtiġilhom ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.

Huma permessi biss applikazzjonijiet minn applikant wieħed

Post ġeografiku (Post tal-attivitajiet)

Il-proposti jridu jkunu relatati ma’ attivitajiet li jseħħu fil-pajjiżi eliġibbli (ara l-Parti A ta’ din il-Gwida)

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti jdumu 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu debitament iġġustifikati u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja [GA]).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).

ID tas-Sejħa: ERASMUS-JMO-2024-OFET-TT

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sal-1 ta’ Frar fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Kif napplika?

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Kriterji għall-għoti

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

Il-proposta għandha turi r-rilevanza meta mqabbla mal-objettivi ta’ din l-azzjoni u fost l-oħrajn, se titqies ir-rilevanza, jekk il-proposta:

  • tindirizzax l-Istudji tal-UE (kif deskritt fil-paragrafu introduttorju);
  • tippermettix lill-għalliema fl-iskejjel jiżviluppaw ħiliet ġodda;
  • tagħtix fehim aħjar tal-UE u l-funzjonament tagħha;
  • tippermetti lill-għalliema jintroduċu kontenut tal-UE fl-attivitajiet tagħhom.

Il-punt sa fejn il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.

  • Kemm il-proposta tilħaq il-gruppi prijoritarji fil-mira:
    • skejjel u fornituri tal-VET (ISCED 1-4);
    • għalliema.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Metodoloġija: il-kwalità, in-novità u l-fattibbiltà tal-proposta nnifisha u l-vijabbiltà tal-metodoloġija tagħha. 
  • Kemm il-programm ta’ ħidma:
    • huwa ppreżentat b’mod ċar, komplet u koerenti, b’attenzjoni xierqa mogħtija biex jiġi ppreżentat l-ippjanar xieraq tal-fażijiet ta’ tħejjija, implimentazzjoni, evalwazzjoni, segwitu u tixrid;
    • juri koerenza mal-għanijiet u l-attivitajiet tal-proposta;
    • jinkludi appoġġ lill-parteċipanti (eż. kontribuzzjoni għall-ivvjaġġar u s-sussistenza, provvista ta’ manwali u għodod speċifiċi oħrajn, eżenzjoni mit-tariffi).
  • Kemm ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom.
  • Strateġija ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni.

Kwalità tal-arranġamenti ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Il-livell ta’ kompetenza u l-valur miżjud tat-tim.
  • Il-pertinenza u l-komplementarjetà tal-profil u l-għarfien espert tal-persunal ewlieni involut fl-attivitajiet proposti (fl-oqsma akkademiċi u mhux akkademiċi, jekk xierqa): 
    • f’termini ta’ Studji tal-Unjoni Ewropea (kif deskritt fil-paragrafu introduttorju);
    • f’termini tat-tema speċifika indirizzata mill-proposta.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • L-impatt mistenni tat-taħriġ tal-għalliema u l-effetti fit-tul:
    • fuq l-iskejjel u l-fornituri tal-VET (ISCED 1-4): 
    • kapaċità akbar biex jgħallmu fuq is-suġġetti dwar l-UE;
    • kontenut imtejjeb jew innovattiv, l-iżvilupp ta’ angoli ġodda biex jiġu inklużi s-suġġetti tal-UE fil-kurrikuli;
    • dwar l-istituzzjoni li torganizza l-attivitajiet;
    • kooperazzjoni u kapaċità msaħħa biex jingħaqdu ma’ sħab;
    • in-numru u l-livell tat-taħriġ propost u n-numru potenzjali ta’ benefiċjarji;
    • żieda fl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji biex jissaħħu l-attivitajiet ta’ taħriġ aktar immirati fi ħdan l-istituzzjoni.
  • Fuq il-benefiċċji għall-għalliema mill-Azzjoni Jean Monnet:
    • Isaħħu l-ħiliet tal-għalliema dwar il-kontenut tal-UE fl-attivitajiet tagħhom.
  • Tixrid u komunikazzjoni:
    • L-adegwatezza u l-kwalità tal-azzjonijiet li għandhom l-għan li jxerrdu l-eżiti tal-attivitajiet fi ħdan l-istituzzjoni li tospita l-Azzjoni Jean Monnet u lil hinn minnha,
    • iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-proġetti u r-riżultati, itejbu l-viżibbiltà tal-parteċipanti u tal-organizzazzjonijiet,
    • jilħqu gruppi barra mill-grupp fil-mira dirett,
    • Kemm l-għodod tat-tixrid previsti se jilħqu l-udjenza fil-mira.
    • Sostenibbiltà u kontinwazzjoni: il-proposta tinkludi miżuri u riżorsi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji tal-proġett ikunu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett.

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 70 punt. Barra minn hekk, iridu jiksbu mill-inqas 15-il punt f’kull waħda mill-kategoriji ta’ kriterji tal-għoti msemmija hawn fuq.

Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità se tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.

Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord.

Impatt mistenni

It-Taħriġ/l-Edukazzjoni tal-Għalliema Jean Monnet huwa mistenni li jġib effetti pożittivi u fit-tul kemm lill-istituzzjonijiet li jipprovdu taħriġ tal-għalliema inizjali u/jew fis-servizz kif ukoll lill-parteċipanti fl-attivitajiet tagħhom.

L-impatt tat-Taħriġ/tal-Edukazzjoni tal-Għalliema Jean Monnet jitkejjel permezz ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi (ara t-tabella ta’ hawn taħt), marbuta mal-objettivi tal-Azzjoni li huma deskritti fit-taqsima introduttorja, “Objettivi tal-Azzjoni”.

L-applikanti huma mħeġġa jużaw l-indikaturi li ġejjin fl-applikazzjonijiet tagħhom, u jistabbilixxu l-valuri fil-mira tagħhom:

Objettivi

Jippermettu lill-iskejjel u lill-fornituri tal-VET (ISCED 1-4) jibnu għarfien dwar l-UE fost il-persunal tat-tagħlim tagħhom.

Indikatur

Numru tal-klassijiet u l-istudenti involuti fl-Azzjoni (diżaggregati skont il-ġeneru).

Objettivi

Joffru proposti ta’ taħriġ strutturat fuq is-suġġetti dwar l-UE għall-iskejjel u l-fornituri tal-VET, jipprovdu kontenut u metodoloġiji għat-tagħlim tal-għalliema f’diversi livelli, minn sfondi u esperjenzi differenti.

Indikatur

Numru ta’ għalliema involuti fl-Azzjoni (diżaggregati skont il-ġeneru).

Objettivi

Jipprovdu korsijiet speċifiċi ta’ taħriġ individwali jew fi gruppi (modulari, residenzjali, imħallta jew online) għall-għalliema li huma interessati fl-UE u li lesti jintegraw is-suġġetti dwar l-UE fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom.

Indikatur

Numru ta’ għalliema involuti fl-Azzjoni (diżaggregati skont il-ġeneru).

Objettivi

Irawmu l-fiduċja tal-għalliema fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-UE fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

Indikatur

Perċentwal tar-rata ta’ suċċess fil-valutazzjoni tal-apprendiment dwar l-UE.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma unika f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultati tal-evalwazzjoni, rata ta’ finanzjament ta’ 80 % u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 300,000

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:

  • Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  • Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  • Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  • Il-kostijiet jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 % se tiġi applikata għall-kostijiet eliġibbli totali stmati ddeterminati wara l-evalwazzjoni.

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.

Huwa permess l-appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi fil-forma ta’ għotjiet jew premjijiet.

Il-kostijiet tal-voluntiera huma permessi. Dawn għandhom jieħdu l-forma ta’ kostijiet unitarji kif iddefiniti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kostijiet unitarji għall-voluntiera1

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Tagged in:  Jean Monnet Persunal tal-edukazzjoni skolastika Studenti u persunal tal-ETV