Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus +

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għalliema u l-Ħarrieġa Ewropej għall-Futur ta’ Mejju 20201 itennu r-rwol tal-għalliema bħala l-pedamenti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jappellaw għal aktar appoġġ għall-iżvilupp tal-karriera u l-kompetenza tal-għalliema kif ukoll għall-benesseri tagħhom fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom. Il-Konklużjonijiet jenfasizzaw il-benefiċċji tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħtieġa li l-mobbiltà tiddaħħal bħala parti mill-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema. Barra minn hekk, il-Konklużjonijiet stiednu lill-Kummissjoni tappoġġa kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema fi ħdan il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-Kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni2 tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-għalliema u tal-ħarrieġa u tistabbilixxi l-viżjoni li jkun hemm edukaturi kompetenti u motivati ħafna li jistgħu jibbenefikaw minn firxa ta’ opportunitajiet ta’ appoġġ u ta’ żvilupp professjonali matul il-karrieri varjati tagħhom. Din tipproponi għadd ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-professjonijiet tat-tagħlim illum, inkluż il-pjan biex jitnedew l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) tal-Kummissjoni3 jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għalliema u l-ħarrieġa kollha jkollhom il-fiduċja u l-kompetenzi biex jużaw it-teknoloġija b’mod effettiv u kreattiv biex jinvolvu ruħhom u jimmotivaw lill-istudenti tagħhom kif ukoll biex jiżguraw li l-istudenti kollha jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali tagħhom għall-apprendiment, l-għajxien u x-xogħol f’dinja dejjem aktar diġitalizzata.

F’Novembru tal-2023, il-Kunsill adotta r- <a href="https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32024H01115" target="_blank" class=" eac-external-link"><span>Rakkomandazzjoni dwar il-fatturi abilitanti ewlenin għas-suċċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali</span></a> ”4 filwaqt li appella lill-istati membri tal-UE biex jiżguraw aċċess universali għal edukazzjoni u taħriġ diġitali inklużivi u ta’ kwalità għolja.Ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-istati membri tal-UE jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali, jaħdmu mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati, jinvestu fit-tagħmir, l-infrastruttura, l-għodod u l-kontenut diġitali u jinkoraġġixxu taħriġ immirat biex jappoġġaw lill-għalliema fl-użu tat-teknoloġiji diġitali fit-tagħlim u l-apprendiment. Barra minn hekk, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ”5 filwaqt li appella lill-istati membri tal-UE biex jipprovdu ħiliet diġitali b’mod koerenti permezz tas-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Ir-rakkomandazzjoni tissuġġerixxi li l-istati membri tal-UE jieħdu azzjonijiet biex jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, minn ħiliet diġitali bażiċi għal dawk avvanzati u speċjalizzati, inkluża l-IA.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Perkorsi għas-Suċċess</span> fl-Iskola”6 tirrikonoxxi wkoll lill-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel bħala forza ta’ tmexxija indispensabbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ u tenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati u aġġornati aktar il-kompetenzi tagħhom. Fost il-miżuri proposti, tirrakkomanda li l-Istati Membri jinkorporaw l-inklużjoni, l-ekwità u d-diversità, jifhmu n-nuqqas ta’ kisba u d-diżimpenn, u jindirizzaw il-benesseri, is-saħħa mentali u l-bullying fil-programmi statutorji kollha tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (ITE, initial teacher education). Barra minn hekk, ir-rakkomandazzjoni tenfasizza l-ħtieġa ta’ edukazzjoni inizjali tal-għalliema ta’ kwalità għolja u bbażata fuq ir-riċerka u żvilupp professjonali kontinwu (CPD, continuous professional development) biex jitħejjew il-mexxejja tal-iskejjel, l-għalliema, il-ħarrieġa u persunal edukattiv ieħor biex jifhmu r-riskju u l-fatturi protettivi li jista’ jkollhom impatt fuq il-prestazzjoni akkademika, id-diżimpenn jew it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll diffikultajiet soċjali, emozzjonali u ta’ mġiba; jifhmu l-benesseri, id-diżabilità u l-problemi relatati mas-saħħa mentali, inkluż l-istress post-trawmatiku, u jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u emozzjonali tal-istudenti.

Minkejja l-impatt pożittiv tal-mobbiltà għall-apprendiment barra mill-pajjiż fuq l-iżvilupp professjonali tal-għalliema kif ukoll fuq is-sistemi edukattivi, din għadha mhix inkorporata fl-edukazzjoni tal-għalliema b’mod effettiv, minħabba ħafna ostakli prattiċi li għandhom jitneħħew b’politiki aktar konsistenti. Għal dak l-għan, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Ewropa Attiva” — opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd”7 , tinkludi anness iddedikat li jiffoka fuq il-mobbiltà tal-għalliema. Dan l-anness jiddeskrivi sett ta’ azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati l-ostakli għall-mobbiltà tal-għalliema identifikati fl-Istati Membri tal-UE, pereżempju, l-integrazzjoni tal-mobbiltà fl-edukazzjoni inizjali u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, it-titjib tal-kooperazzjoni fil-livell lokali billi jiġi żviluppat u implimentat approċċ strateġiku lejn il-mobbiltà tal-għalliema, l-inkorporazzjoni tal-mobbiltà tal-għalliema fl-iżvilupp ġenerali tal-iskejjel, l-allokazzjoni tar-riżorsi meħtieġa; il-promozzjoni tal-benefiċċji tal-mobbiltà għall-apprendiment u l-appoġġ tagħha bit-taħriġ meħtieġ.

Hemm il-ħtieġa għat-titjib tal-attraenza tal-professjoni: fil-pajjiżi tal-UE li qed jipparteċipaw fl-istħarriġ TALIS tal-OECD, bħala medja, inqas minn 20 % tal-għalliema tal-iskola sekondarja inferjuri ħassew li l-professjoni tagħhom hija apprezzata mis-soċjetà. 

It-tixjiħ tal-professjonisti fil-qasam tat-tagħlim huwa ta’ tħassib peress li l-mewġiet ta’ rtirar li ġejjin jistgħu jirriżultaw f’nuqqasijiet potenzjali fil-forza tax-xogħol fil-qasam tat-tagħlim f’pajjiż. Minkejja offerta wiesgħa ta’ żvilupp professjonali kontinwu, l-għalliema għadhom jirrapportaw huma stess nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali skont l-istħarriġ TALIS tal-OECD.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha (2021-2030) tirreferi għall-potenzjal tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ fil-faċilitazzjoni ta’ networking, il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-mobbiltà u l-forniment għall-għalliema u l-ħarrieġa b’opportunitajiet ta’ apprendiment fil-fażijiet kollha tal-karrieri tal-għalliema u tal-ħarrieġa.

Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ tal-2023 jindika wkoll li kważi l-pajjiżi Ewropej kollha qed jiffaċċjaw nuqqasijiet serji ta’ għalliema, b’mod ġenerali jew f’xi suġġetti bħax-xjenza, jew fi profili speċifiċi bħat-tagħlim ta’ studenti tal-iskola bi bżonnijiet speċjali.

L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ għandhom l-għan li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet billi jippromwovu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema, jikkomplementaw xogħol ieħor li jsir fil-kisba taż-Żona tal-Edukazzjoni, u jgħinu fit-trasferiment tar-riżultati għat-tfassil tal-politika nazzjonali u reġjonali u eventwalment għall-edukazzjoni tal-għalliema u l-appoġġ għall-iskejjel.

Dawn għandhom jibnu fuq l-innovazzjonijiet u l-prattika effettiva li teżisti fi ħdan l-edukazzjoni nazzjonali tal-għalliema u l-kooperazzjoni Ewropea u jiżviluppawhom aktar. Għandha tingħata attenzjoni speċifika għat-tixrid u l-isfruttament ta’ prattika effettiva fost il-pajjiżi u l-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, u biex jiġu żgurati r-reazzjonijiet u l-impatt ukoll fil-livell ta’ politika.

Objettivi tal-azzjoni

L-objettiv kumplessiv ta’ din l-azzjoni huwa li toħloq sħubijiet Ewropej ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema8 sabiex jistabbilixxu Akkademji tal-Għalliema li se jiżviluppaw perspettiva Ewropea u internazzjonali fl-edukazzjoni tal-għalliema.

Dawn l-Akkademji għandhom l-għan li jiżviluppaw  l-edukazzjoni tal-għalliema f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE fil-politika tal-edukazzjoni u jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. L-azzjoni tiffoka fuq in-networking, il-mobbiltà u metodi innovattivi, u se tħaddan ukoll il-multilingwiżmu, l-għarfien tal-lingwa u s-suġġetti tad-diversità kulturali.

L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ għandhom l-objettivi li ġejjin:

  • Jikkontribwixxu għat-titjib tal-politiki u l-prattiki tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa billi joħolqu networks u komunitajiet ta’ prattika dwar l-edukazzjoni tal-għalliema li jlaqqgħu flimkien fornituri tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (edukazzjoni ta’ qabel is-servizz għal għalliema futuri) u fornituri ta’ żvilupp professjonali kontinwu (fis-servizz), atturi rilevanti oħrajn bħal assoċjazzjonijiet tal-għalliema, ministeri u partijiet ikkonċernati biex jiżviluppaw u jittestjaw strateġiji u programmi għal apprendiment professjonali li huwa effettiv, aċċessibbli u trasferibbli għal kuntesti oħrajn.
  • Jiżviluppaw u jittestjaw flimkien mudelli differenti ta’ mobbiltà (virtwali, fiżika u mħallta) fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema sabiex itejbu l-kwalità u n-numru ta’ mobbiltà kif ukoll jagħmlu l-mobbiltà parti integrali mill-provvediment tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa.
  • Jiżviluppaw kollaborazzjoni sostenibbli bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema b’impatt fuq il-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa u bil-ħsieb li jinformaw il-politiki tal-edukazzjoni tal-għalliema fil-livelli Ewropej u nazzjonali.
  • Isaħħu d-dimensjoni Ewropea u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni tal-għalliema permezz ta’ kollaborazzjoni innovattiva u prattika mal-edukaturi tal-għalliema u l-għalliema f’pajjiżi Ewropej oħra u permezz tal-kondiviżjoni ta’ esperjenzi għall-iżvilupp ulterjuri tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa. 

L-Akkademji tal-Għalliema għandhom jidentifikaw u jaħdmu fuq prijorità waħda jew aktar li huma partikolarment rilevanti għas-sħubija tagħhom u jesploraw sinerġiji mal-prijoritajiet l-oħra, bl-għan li jtejbu edukazzjoni/żvilupp professjonali ta’ kwalità għolja, u jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti (futuri) tal-għalliema, b’mod partikolari billi joffru korsijiet, moduli u opportunitajiet ta’ apprendiment oħrajn lill-għalliema dwar: 

1. L-inklużjoni u d-diversità, b’mod partikolari:

Biex jgħinu lill-għalliema jiksbu l-kompetenzi meħtieġa pereżempju l-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet għall-inklużjoni edukattiva tat-tfal/tal-istudenti b’inqas opportunitajiet, inklużi tfal/studenti b’diżabilità jew bżonnijiet speċjali, bi sfond ta’ migranti/refuġjati, kif ukoll tfal/studenti li jgħixu f’żoni rurali u remoti bħar-reġjuni ultraperiferiċi, tfal/studenti li jiffaċċjaw inugwaljanzi minħabba l-ġeneru, diffikultajiet soċjoekonomiċi jew kwalunkwe sors potenzjali ieħor ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Dan ifisser ukoll li jiġi mifhum in-nuqqas ta’ kisba, kif muri fir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) 20229 , Eżempji jinkludu: L-iżvilupp ta’ kompetenzi għat-tagħlim f’ambjenti multilingwi u multikulturali, dwar prattiki sensittivi għall-ġeneru, edukazzjoni inklużiva għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, dwar il-ħolqien ta’ ambjenti u strateġiji ta’ apprendiment ta’ appoġġ li jindirizzaw il-benesseri tal-istudenti u tal-għalliema fl-iskola, dwar l-għoti ta’ appoġġ psikosoċjali ,dwar kif jużaw varjetà ta’ approċċi ta’ apprendiment u apprendiment imħallat, inkluża pedagoġija interdixxiplinari f’suġġetti differenti u b’enfasi fuq l-arti, kif ukoll metodi u għodod ta’ valutazzjoni formattiva.   

Li l-għalliema jkunu mgħammra biex jindirizzaw l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-gruppi fl-aċċess għall-edukazzjoni, kif ukoll jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ klima ta’ apprendiment pożittiva u ambjenti inklużivi li jrawmu l-ekwità u l-ugwaljanza, u li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunità usa’; il-bini ta’ relazzjonijiet ta’ fiduċja ma’ studenti, ġenituri, familji u persuni li jindukraw; l-użu ta’ prattiki kollaborattivi u ħidma f’timijiet multidixxiplinarji fl-iskejjel. 

Referenzi oħrajn: 

  • Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim10
  • Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola (li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2011 dwar linji politiċi sabiex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskejjel)11
  • Outputs tal-Grupp ta’ Ħidma taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni dwar il-perkorsi għas-suċċess fl-iskejjel12  

2. Il-benesseri, notevolment:

Jintegra bis-sħiħ il-prinċipji tal-benesseri fil-Programmi tal-Edukazzjoni Inizjali tal-Għalliema (ITE): jistabbilixxi l-fondazzjoni biex tagħti s-setgħa lill-għalliema futuri biex jieħdu s-sjieda tal-benesseri tagħhom (eż. strateġiji ta’ intervent ta’ għajnuna personali, apprendiment soċjali u emozzjonali), biex jiżviluppaw kompetenzi meħtieġa għall-bini ta’ relazzjonijiet mill-qrib, ta’ kura u kollaborattivi ma’ studenti (futuri), kollegi, ġenituri, inklużi kompetenzi għal riżoluzzjoni kostruttiva tal-kunflitti, jipprovdu mentoraġġ lill-għalliema tal-istudenti u programmi ta’ mudelli ta’ rwoli.

Jipprovdi żvilupp professjonali kontinwu (CPD) u appoġġ lill-għalliema, l-edukaturi u l-mexxejja tal-iskejjel dwar il-benesseri: jiddisinja taħriġ, gwida u standards tas-CPD li jinkorporaw il-perspettiva doppja tat-taħriġ tal-għalliema għall-benesseri personali tagħhom u jipprovdulhom għodod biex jappoġġaw lill-istudenti tagħhom. 

3. L-ambjent, it-tibdil fil-klima u s-sostenibbiltà, b’mod partikolari:

Li jappoġġaw lill-istudenti biex isiru aġenti tal-bidla u biex jirriflettu u jaġixxu, kemm individwalment kif ukoll kollettivament, lokalment u globalment, għal dinja aktar sostenibbli.  L-indirizzar tat-tibdil fil-klima u l-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà fit-tagħlim huwa kompitu urġenti għall-edukazzjoni u t-taħriġ. L-edukazzjoni tal-għalliema hija waħda mill-aktar katalisti sinifikanti għat-tranżizzjoni ekoloġika, peress li twassal għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ta’ sostenibbiltà u b’hekk tappoġġa lill-istudenti biex isawru din it-tranżizzjoni.

Li joffru lill-għalliema (futuri) taħriġ/edukazzjoni professjonali dwar il-klima, il-kriżijiet ambjentali u s-sostenibbiltà; jiżviluppaw kompetenzi ta’ sostenibbiltà ta’ għalliema/edukaturi (futuri) u mexxejja tal-edukazzjoni; jippromwovu approċċi ta’ awtoevalwazzjoni u prattika riflessiva. 

Li jappoġġaw lill-għalliema fl-adozzjoni ta’ pedagoġiji u l-ittestjar ta’ prattiki innovattivi, bħal approċċi interdixxiplinari u approċċi bbażati fuq il-problemi li jtejbu t-tagħlim u l-apprendiment għas-sostenibbiltà, inklużi l-aspetti soċjo-emozzjonali u t-trattament tal-eko-ansjetà. Li joffru approċċi integrati li jikkombinaw aspetti tematiċi u pedagoġiċi. 

Li jesploraw kif l-għodod u t-teknoloġiji diġitali jistgħu jtejbu t-tagħlim u l-apprendiment dwar il-klima, il-kriżi ambjentali u s-sostenibbiltà u kif it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jistgħu jiġu ttrattati b’modi li jsaħħu lil xulxin fl-edukazzjoni tal-għalliema.

Li jrawmu approċċi sħaħ tal-istituzzjonijiet għas-sostenibbiltà, jiġi vvalutat it-tagħlim tas-sostenibbiltà, jiġu żviluppati riżorsi ta’ tagħlim ta’ kwalità kif ukoll kurrikuli orjentati lejn il-futur. 

Li jesploraw iċ-ċertifikazzjoni tat-taħriġ tal-għalliema dwar is-sostenibbiltà permezz tal-mikrokredenzjali; jiżviluppaw linji gwida biex jevalwaw l-effettività tal-programmi ta’ żvilupp professjonali u r-riżorsi relatati mas-sostenibbiltà.

Referenzi oħrajn: 

4. Il-bini tal-kapaċità diġitali tal-għalliema, l-istudenti u l-organizzazzjonijiet, b’mod partikolari:

Li jappoġġaw l-ħtieġa li l-għalliema (futuri) jiġu involuti fit-trasformazzjoni diġitali, bil-ħsieb li jiġi sfruttat il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali, inkluża l-IA, għat-tagħlim u l-apprendiment filwaqt li jinftiehmu u jiġu indirizzati bis-sħiħ l-aspetti etiċi ta’ tali teknoloġiji; li jiżviluppaw il-ħiliet diġitali għal kulħadd;  li jappoġġaw il-benesseri diġitali tal-għalliema u l-istudenti u l-bini tal-kapaċità diġitali u l-prontezza tal-istituzzjonijiet. 

Li jikkontribwixxi għall-prijoritajiet strateġiċi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, (1) l-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja, billi jibni l-kapaċità u l-fehim kritiku dwar kif jiġu sfruttati l-opportunitajiet u jiġu ġestiti r-riskji offruti mit-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u l-apprendiment fil-livelli kollha u biex jiġu żviluppati u implimentati strateġiji diġitali tal-istituzzjonijiet edukattivi; u (2) It-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali għat-trasformazzjoni diġitali, inkluż bl-użu tal-Linji Gwida għall-għalliema u l-edukaturi dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u l-promozzjoni tal-litteriżmu diġitali permezz tal-edukazzjoni.

Li jappoġġaw l-użu bi skop tat-teknoloġiji diġitali għall-involviment professjonali; it-tagħlim, l-apprendiment u l-valutazzjoni; l-għoti tas-setgħa lill-istudenti u l-appoġġ tagħhom biex jibnu l-ħiliet diġitali tagħhom.

Li jippromwovu l-awtoriflessjoni bħala mekkaniżmu għall-aġenzija tal-għalliema, l-awtoeffiċjenza u l-azzjoni. 

 Li jappoġġaw l-iżvilupp tal-pedagoġija u għarfien espert diġitali fl-użu ta’ għodod diġitali, inklużi teknoloġiji aċċessibbli u ta’ assistenza u l-ħolqien u l-użu innovattiv ta’ kontenut ta’ edukazzjoni diġitali.   Se tingħata attenzjoni partikolari lil promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tad-differenzi fir-relazzjoni bejn l-aċċess u l-użu minn gruppi li ma humiex irrappreżentati biżżejjed. 

L-użu tal-oqfsa Ewropej dwar il-kompetenzi diġitali tal-edukaturi, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet kif ukoll l-għodod SELFIE u SELFIE għall-Għalliema huwa mħeġġeġ.

Referenzi oħrajn: 

5. STEM u STEAM

Jgħinu lill-għalliema jiksbu l-kompetenzi meħtieġa permezz ta’ taħriġ inizjali għall-għalliema u żvilupp professjonali kontinwu biex it-tagħlim STEM isir aktar rilevanti u inklużiv. Dan jinkludi pedagoġiji u metodi ta’ valutazzjoni innovattivi , eż. tagħlim STE(A)M integrat/interdixxiplinari f’kuntesti kulturali, ambjentali, ekonomiċi, u oħrajn, bl-involviment tad-dixxiplini akkademiċi kollha; iż-żieda tal-kompetenzi, l-impenn, il-parteċipazzjoni u l-aspirazzjonijiet (tal-karriera) STEM tal-istudenti; il-bini ta’ sħubijiet fi ħdan atturi u ġenituri tal-komunità lokali biex jappoġġaw opportunitajiet ta’ edukazzjoni STEM fi ħdan u barra s-sistemi tal-iskola; l-appoġġ għall-interess tal-bniet fl-iSTEM u biex jingħelbu l-istereotipi tal-ġeneru fl-edukazzjoni u l-karrieri edukattivi (ara wkoll l-Azzjoni 13 tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali); l-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-istudenti minn sfond kulturali u soċjoekonomiku differenti.

6. Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni, b’mod partikolari għal: 

  • it-taħriġ u t-tagħmir tal-għalliema (futuri).
  • il-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva u l-etika fit-tagħlim tagħhom, u t-trawwim tal-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku.
  • li joffri opportunitajiet għall-parteċipazzjoni mit-tfal/mill-istudenti fil-ħajja demokratika, fl-involviment soċjali u ċiviku b’mod partikolari permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali.
  • li titqajjem sensibilizzazzjoni u fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Referenza ulterjuri: 

  • Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim21 .

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti għal proġetti għal Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli (min jista’ japplika?)

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jeħtiġilhom:

  • ikunu entitajiet ġuridiċi (korpi pubbliċi jew privati);
  • ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli, jiġifieri Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

L-organizzazzjonijiet stabbiliti f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma jistgħux jipparteċipaw fl-azzjoni.

L-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni jeħtiġilha tkun Istituzzjoni tal-Edukazzjoni tal-Għalliema. Din tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett. Ma tistax tkun entità affiljata.

L-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jistgħu jkunu, pereżempju (lista mhux eżawrjenti):

  • Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni tal-Għalliema (kulleġġi, istituti, universitajiet li jipprovdu edukazzjoni inizjali tal-għalliema u/jew żvilupp professjonali kontinwu) għall-għalliema u għall-persunal tal-Edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) fil-livelli 0-3 tal-ISCED, inklużi l-għalliema tal-VET;
  • Ministeri jew korpi pubbliċi simili responsabbli għall-politiki tal-edukazzjoni skolastika;
  • Korpi pubbliċi (lokali, reġjonali jew nazzjonali) u privati responsabbli għall-iżvilupp tal-politiki u tal-offerta għall-edukazzjoni tal-għalliema kif ukoll għad-definizzjoni tal-istandards għall-kwalifiki tal-għalliema;
  • Assoċjazzjonijiet tal-għalliema jew fornituri oħra rikonoxxuti nazzjonalment tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu;
  • Awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u s-superviżjoni tal-iżvilupp professjonali kontinwu u l-kwalifiki tagħhom;
  • Skejjel li jaħdmu ma’ fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema biex jippermettu taħriġ prattiku bħala parti mill-edukazzjoni tal-għalliema;
  • Organizzazzjonijiet jew skejjel oħra tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) (minn skejjel primarji sa VET inizjali) jew organizzazzjonijiet oħra (eż. NGOs, assoċjazzjonijiet tal-għalliema) rilevanti għall-proġett.

Entitajiet oħrajn jistgħu jipparteċipaw fi rwoli tal-konsorzju oħrajn, bħal sħab assoċjati.

Kompożizzjoni tal-konsorzju (numru u profil tal-organizzazzjoni parteċipanti)

Minimu ta’ sitt applikanti (benefiċjarji; entitajiet mhux affiljati), minn minimu ta’ erba’ Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, li jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Minimu ta’ erba’ fornituri stabbiliti nazzjonalment tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema minn tliet Stati Membri tal-UE differenti u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u
  • mill-inqas fornitur wieħed stabbilit nazzjonalment ta’ żvilupp professjonali kontinwu (taħriġ fis-servizz) għall-għalliema, u
  • mill-inqas skola tal-prattika/tat-taħriġ waħda.

Il-konsorzju jista’ jinkludi wkoll entitajiet affiljati jew sħab assoċjati, organizzazzjonijiet oħrajn b’għarfien espert rilevanti fl-edukazzjoni tal-għalliema u/jew korpi li jiddefinixxu l-istandards, il-kwalifiki jew l-assigurazzjoni tal-kwalità għall-edukazzjoni tal-għalliema.

Post ġeografiku (post tal-attivitajiet)

L-attivitajiet iridu jsiru fl-Istati Membri tal-UE jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

L-attivitajiet li jseħħu f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma humiex eliġibbli.

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti idumu 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja).

Fejn napplika?

Lill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) permezz tal-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE.

ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2025-PEX-TEACH-ACA

Qabel ma tapplika, jekk jogħġbok, ara l-FAQs rilevanti fl-FTOP.

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sas-26 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Kif napplika?

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment tal-proġett

Kull Akkademja tal-Għalliema għandha timplimenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet, bħal:

  • Jikkollaboraw u jistabbilixxu networks u komunitajiet taprattika internazzjonali bejn fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, assoċjazzjonijiet tal-għalliema, organizzazzjonijiet pubbliċi involuti fl-edukazzjoni tal-għalliema u atturi rilevanti oħrajn biex joħolqu strateġiji u programmi innovattivi għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu għall-għalliema u l-iskejjel.
  • Jiżviluppaw u jwettqu moduli ta’ apprendiment konġunti, innovattivi u effettivi dwar l-edukazzjoni tal-għalliema u għall-kompetenzi tal-għalliema dwar kwistjonijiet pedagoġiċi ta’ tħassib komuni li huma ta’ sfida u/jew ġodda. Huma għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet distinti tal-għalliema studenti (bħala parti mill-edukazzjoni inizjali tagħhom) u tal-għalliema fis-servizz (bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu) u għandhom ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-ħtiġijiet u ttestjati matul il-proġett.
  • Jiżviluppaw offerta ta’ apprendiment konġunt b’dimensjoni Ewropea b’saħħitha li tinkludi attivitajiet ta’ mobbiltà fil-forom kollha tagħha, li twaqqaf, pereżempju, skejjel tas-sajf, żjarat ta’ studju għall-istudenti u għall-għalliema kif ukoll forom oħrajn ta’ kollaborazzjoni bejn il-kampusijiet, kemm fiżiċi kif ukoll virtwali.
  • Jidentifikaw modi effettivi biex jitneħħew l-ostakli tal-mobbiltà u jidentifikaw il-kundizzjonijiet, inklużi l-arranġamenti prattiċi u r-rikonoxximent tal-apprendiment, sabiex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-mobbiltà u l-inklużjoni tagħha bħala parti integrali mill-offerta ta’ apprendiment inizjali u kontinwu għall-għalliema.
  • Jinvolvu lill-iskejjel u b’mod partikolari lill-iskejjel tat-taħriġ biex jesperimentaw u jikkondividu modi ġodda innovattivi ta’ tagħlim (inkluż għal approċċi mill-bogħod u mħallta għat-tagħlim u għall-apprendiment).
  • Iwettqu, f’konformità mal-objettivi ta’ din is-sejħa, studji, riċerka u/jew stħarriġ jew ġbir ta’ prattiki effettivi biex jipproduċu sommarji, dokumenti ta’ diskussjoni, rakkomandazzjonijiet eċċ. biex jistimulaw diskussjoni u biex jinfurmaw il-politiki dwar l-edukazzjoni tal-għalliema.
  • Jippromwovu u jagħtu preferenza lill-għodod eżistenti tal-Erasmus+, bħal eTwinning bħala parti mill-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel, għall-mobbiltà virtwali, għall-kollaborazzjoni, għall-komunikazzjoni għall-ittestjar u l-kondiviżjoni tar-riżultati u Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) biex jittejbu l-ħiliet lingwistiċi għall-mobbiltà.

Kriterji Għall-għoti

Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 35 punt)

  • Rabta għall-objettivi tas-sejħa: kemm il-proposta tistabbilixxi Akkademja tal-Għalliema bil-ħsieb li ttejjeb l-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema b’offerta ta’ apprendiment innovattiva lill-għalliema fir-rigward ta’ mill-inqas waħda mill-prijoritajiet tal-azzjoni:
    • Inklużjoni u diversità;
    • Benesseri;
    • Ambjent, tibdil fil-klima, u sostenibbiltà;
    • Il-bini tal-kapaċità diġitali tal-għalliema, l-istudenti u l-organizzazzjonijiet;
    • STEM u STEAM;
    • Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni.
  • Valuri tal-UE: il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Konsistenza: kemm il-proposta hija bbażata fuq analiżi adegwata tal-ħtiġijiet, miri ddefiniti b’mod ċar u realistiċi, u kemm tindirizza kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-azzjoni.
  • Approċċ innovattiv: Il-proposta tiddeskrivi b’mod ċar il-metodi u t-tekniki tal-ogħla livell, u l-valur miżjud tar-riżultati tal-proġett. Il-proġett iwassal għal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi għall-qasam tiegħu b’mod ġenerali, jew għall-kuntest ġeografiku li fih jiġi implimentat il-proġett (eż. kontenut; outputs prodotti, metodi ta’ ħidma applikati, organizzazzjonijiet u persuni involuti jew immirati).
  • Valur miżjud Ewropew: il-proposta turi b’mod ċar il-valur miżjud fil-livelli individwali (student u/jew persunal), istituzzjonali u sistemiċi, iġġenerat permezz ta’ riżultati li jkunu diffiċli li jinkisbu mis-sħab li jaġixxu mingħajr il-kooperazzjoni Ewropea; il-proposta tuża u tippromwovi l-għodod eżistenti fil-livell tal-UE bħall-eTwinning u l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel għall-kollaborazzjoni, għall-komunikazzjoni u għall-ittestjar u l-kondiviżjoni tar-riżultati.
  • Internazzjonalizzazzjoni: il-proposta turi l-kontribut tagħha għad-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni tal-għalliema, inkluż l-iżvilupp ta’ mudelli konġunti ta’ mobbiltà (virtwali, fiżika u mħallta) u offerta ta’ apprendiment ieħor fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema.
  • Sensittività għall-ġeneru: il-proposta tindirizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet biex jitrawwem b’mod effettiv tagħlim sensittiv għall-ġeneru fl-iskejjel.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Koerenza: it-tfassil kumplessiv tal-proġett jiżgura l-konsistenza bejn l-objettivi, l-attivitajiet u l-baġit propost tal-proġetti. Il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet u servizzi xierqa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet identifikati u jwasslu għar-riżultati mistennija.
  • Metodoloġija: il-kwalità u l-fattibbiltà tal-metodoloġija proposta u l-adegwatezza tagħha għall-produzzjoni tar-riżultati mistennija.
  • Struttura: iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-programm ta’ ħidma, inklużi fażijiet xierqa għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ, għall-isfruttament, għall-evalwazzjoni u għat-tixrid.
  • Ġestjoni: huma previsti arranġamenti sodi ta’ ġestjoni. L-iskedi ta’ żmien, l-organizzazzjoni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet huma ddefiniti sew u realistiċi. Il-proposta talloka riżorsi xierqa għal kull attività.
  • Baġit: il-baġit jipprevedi r-riżorsi xierqa meħtieġa għas-suċċess, la huwa sopravalutat u lanqas sottovalutat.
  • Ġestjoni tar-riskji: l-isfidi/ir-riskji tal-proġett huma identifikati b’mod ċar u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huma indirizzati kif xieraq.
  • Assigurazzjoni tal-Kwalità: miżuri ta’ kontroll (evalwazzjoni kontinwa tal-kwalità, rieżamijiet bejn il-pari, attivitajiet ta’ valutazzjoni komparattiva, eċċ.) jiġu stabbiliti b’mod adegwat.
  • Għodda ta’ monitoraġġ: l-indikaturi huma stabbiliti biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja u kosteffiċjenti.

Kwalità tal-arranġamenti ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Konfigurazzjoni: il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplimentari bil-profil, il-kompetenzi, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett.
  • Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati: is-sħubija tistabbilixxi networks u komunitajiet ta’ prattika b’saħħithom u kontinwi kemm fil-livell lokali, nazzjonali kif ukoll f’dak tranżnazzjonali ma’ fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema ta’ qabel u ta’ waqt is-servizz, awtoritajiet pubbliċi involuti fl-edukazzjoni tal-għalliema u atturi rilevanti oħrajn, u tippermetti skambju effettiv ta’ għarfien espert u għarfien fost dawk il-partijiet ikkonċernati.
  • Il-bilanċ ġeografiku: is-sħubija tinkludi sħab rilevanti minn żoni ġeografiċi differenti, bi rwoli attivi fil-proġett; l-applikant ikun iġġustifika l-kompożizzjoni ġeografika tas-sħubija u wera r-rilevanza tiegħu għall-kisba tal-objettivi tal-Akkademji tal-Għalliema; Is-sħubija tinkludi firxa wiesgħa u xierqa ta’ atturi rilevanti fil-livelli lokali u reġjonali.
  • Kollaborazzjoni virtwali u mobbiltà: il-kooperazzjoni hija marbuta mal-għodod eżistenti tal-Erasmus+, bħall-eTwinning u l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika.
  • Impenn: id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti hija ċara, xierqa u turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fir-rigward tal-għarfien espert u l-kapaċità speċifika tagħhom.
  • Kompiti: il-koordinatur juri ġestjoni ta’ kwalità għolja, il-kapaċità li jikkoordina n-networks tranżnazzjonali u t-tmexxija f’ambjent kumpless; il-kompiti individwali huma allokati abbażi tal-għarfien prattiku speċifiku ta’ kull sieħeb.
  • Kollaborazzjoni: huwa propost mekkaniżmu effettiv biex jiġu żgurati koordinazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet u komunikazzjoni tajbin bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Sfruttament: il-proposta turi kif l-eżiti tal-proġett se jintużaw mis-sħab u minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Din tipprovdi mezzi biex jitkejjel l-isfruttament matul il-ħajja tal-proġett u wara.
  • Tixrid: il-proposta tipprovdi pjan ċar, matul il-ħajja tal-proġett u wara t-terminazzjoni tal-proġett, għat-tixrid tar-riżultati, u tinkludi miri, attivitajiet, żmien rilevanti, għodod u mezzi xierqa biex ikun żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji se jinfirxu b’mod effettiv għall-partijiet ikkonċernati, dawk li jfasslu l-politika, il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, l-awtoritajiet pubbliċi eċċ. matul u wara l-ħajja tal-proġett; il-proposta tindika wkoll liema sħab se jkunu responsabbli għat-tixrid u turi l-esperjenza rilevanti li għandhom fl-attivitajiet ta’ tixrid; il-proposta tistabbilixxi l-mezzi użati għat-tixrid, bi preferenza għall-għodod tal-Erasmus+ bħall-eTwinning u l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel.
  • Impatt: il-proposta turi l-impatt potenzjali tal-proġett:
    • Dwar il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti, u dak li huwa mistenni li jinbidel matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • Barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li ħadu sehem direttament fil-proġett, fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew.

Il-proposta tinkludi miżuri kif ukoll miri u indikaturi biex timmonitorja l-progress u tivvaluta l-impatt mistenni (fuq terminu qasir u twil).

  • Sostenibbiltà: il-proposta tispjega kif l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ se jiġu implimentati u żviluppati aktar. Il-proposta tinkludi t-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-introduzzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett wara li jkun intemm il-proġett. Dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq sħubijiet sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (ta’ qabel is-servizz għall-għalliema futuri) u l-fornituri tal-iżvilupp professjonali kontinwu (fis-servizz). Għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza xierqa, kif ukoll pjanijiet għall-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja, inkluża l-identifikazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (Ewropej, nazzjonali u privati) biex jiġi żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji miksuba jkollhom sostenibbiltà fit-tul.

Sabiex jiġu meqjusa għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jiksbu tal-inqas 70 punt (minn total ta’ 100 punt), filwaqt li jitqies ukoll il-punteġġ minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti: minimu ta’ 25 punt għall-kategorija “Rilevanza tal-proġett”; minimu ta’ 13-il punt għall-“Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett” u 11-il punt għall-kategoriji ta’ “Kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u “Impatt”.

Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.

Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord. 

Impatt mistenni

L-iżvilupp tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ huwa mistenni li jtejjeb l-attrazzjoni tal-professjoni tal-għalliema u li jiżgura edukazzjoni inizjali ta’ kwalità għolja u żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema, għall-edukaturi u għall-mexxejja tal-iskejjel. L-għalliema, l-edukaturi u l-kapijiet tal-iskejjel se jkunu mgħammra aħjar biex jindirizzaw l-isfidi attwali u emerġenti tas-soċjetà u oħrajn fil-klassi u barra minnha.

L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ huma mistennija li jtejbu d-dimensjoni Ewropea u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni tal-għalliema billi joħolqu sħubijiet Ewropej ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-atturi rilevanti bejn il-fruntieri Ewropej, tipprevedi kooperazzjoni Ewropea innovattiva u żvilupp sostanzjali tal-politiki u l-prattiki tal-edukazzjoni tal-għalliema, filwaqt li tibni fuq l-innovazzjonijiet eżistenti u l-prattiki effettivi fi ħdan is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni tal-għalliema u fuq l-offerta tal-apprendiment konġunt organizzat għall-għalliema parteċipanti. Dan l-approċċ huwa mistenni li jwitti t-triq biex il-mobbiltà ssir parti integrali mill-forniment tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa, billi jitneħħew l-ostakli attwali għall-mobbiltà u billi jiġu identifikati l-kundizzjonijiet għal strateġiji u programmi ta’ mobbiltà li jirnexxu. 

B’ħidma fil-livell nazzjonali u Ewropew, l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ se jiffurmaw sħubijiet b’saħħithom u sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu. Dawn se jipprovdu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, filwaqt li jwittu t-triq lejn sħubijiet strutturali u programmi konġunti bejn l-istituzzjonijiet. L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ b’hekk se jiżguraw żvilupp professjonali inizjali u kontinwu ta’ kwalità għolja u effettiv u se jiżguraw li jiksbu riżultati li jkunu diffiċli li jinkisbu mingħajr il-kondiviżjoni tal-għarfien u kooperazzjoni effettiva.

Permezz tal-użu ta’ diversi mezzi ta’ tixrid fil-livelli tranżnazzjonali, nazzjonali u/jew reġjonali kif ukoll l-użu ta’ pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-introduzzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett, il-proġetti huma mistennija li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti fi ħdan u barra l-organizzazzjonijiet parteċipanti u jiżguraw impatt dejjiemi wkoll wara l-ħajja tal-proġett.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma unika f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultat tal-evalwazzjoni u rata ta’ finanzjament ta’ 80%.

L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 1,500,000

Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi fil-forma ta’ għotjiet jew premjijiet ma huwiex permess.

Il-kostijiet għall-verifiki finanzjarji mhumiex permessi.

Il-kostijiet tal-voluntiera huma permessi. Il-kostijiet unitarji indikati jridu jiġu allinjati ma’ dawk fid-Deċiżjoni dwar il-kostijiet unitarji għall-voluntiera22 .

Il-kostijiet unitarji tal-SMEs għas-sidien tal-SMEs huma permessi. Il-kostijiet unitarji indikati jridu jiġu allinjati ma’ dawk fid-Deċiżjoni dwar il-kostijiet unitarji għas-sidien tal-SMEs23 .

Il-pakkett ta’ ħidma rilevanti għandu jinkludi l-kostijiet għal mill-inqas laqgħa annwali waħda (rappreżentant wieħed minn kull sieħeb sħiħ tal-proġett) organizzata mill-Kummissjoni Ewropea/mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura jew fuq l-inizjattiva tagħha għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u għall-apprendiment reċiproku bejn l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+.

Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin: 

  1. Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  2. Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
  3. Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  4. Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, mistenni, il-kwalità u l-effiċjenza tal-azzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. 

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja. Jekk jogħġbok irreferi għall-Parti C ta’ din il-Gwida tal-Programm, it-taqsima “Kostijiet diretti eliġibbli”. 

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. Din l-iskema ta’ finanzjament se tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE.

  1. https://www.consilium.europa.eu/media/44115/st08269-en20.pdf ↩ back
  2. https://ec.europa.eu/education/resources-and-tools/document-library/eea-communication-sept2020_en ↩ back
  3. https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/digital-education-action-plan_mt ↩ back
  4. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32024H01115 ↩ back
  5. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202401030 ↩ back
  6. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32022H1209%2801%29 ↩ back
  7. https://erasmus-plus.ec.europa.eu/document/proposal-for-a-council-recommendation-europe-on-the-move-learning-mobility-for-everyone ↩ back
  8. Għall-finijiet ta’ din is-sejħa, it-terminu “għalliem” għandu jinftiehem b’mod usa’, li jinkludi l-ħarrieġa u l-persunal tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC, early childhood education and care). ↩ back
  9. Ara wkoll l-analiżi komparattiva tal-UE tar-riżultati tal-PISA 2022:  https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/d9d9adad-c71b-11ee-95d9-01aa75ed71a1/language-en ↩ back
  10. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32018H0607(01)&from=EN ↩ back
  11. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32022H1209%2801%29&qid=1671106078506 ↩ back
  12. https://wikis.ec.europa.eu/display/EAC/Pathways+to+School+Success ↩ back
  13. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32022H0627(01) ↩ back
  14. https://joint-research-centre.ec.europa.eu/greencomp-european-sustainability-competence-framework_en ↩ back
  15. https://wikis.ec.europa.eu/display/EAC/Learning+for+Sustainability ↩ back
  16. https://education.ec.europa.eu/mt/focus-topics/digital-education/action-plan ↩ back
  17. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32024H01115 ↩ back
  18. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:C_202401030 ↩ back
  19. https://joint-research-centre.ec.europa.eu/digcompedu_en ↩ back
  20. https://education.ec.europa.eu/focus-topics/digital-education/tools-for-schools-and-educators ↩ back
  21. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32018H0607(01)&from=EN ↩ back
  22. https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/common/guidance/unit-cost-decision-volunteers_en.pdf ↩ back
  23. unit-cost-decision-sme-owners-natural-persons_en.pdf (europa.eu) ↩ back
Tagged in:  Persunal tal-edukazzjoni skolastika