Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Inizjattivi għall-apprendiment dwar l-UE f’oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ

L-inizjattivi għall-Apprendiment dwar l-UE se jappoġġaw lill-iskejjel u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ Vokazzjonali (VETs), ISCED 1 – 4, u b’hekk jippermettulhom jipprovdu kontenut speċifiku dwar suġġetti bbażati fl-UE (id-demokrazija, l-istorja tal-UE, kif taħdem l-UE, id-diversità kulturali – fost oħrajn). L-attivitajiet għandhom jiġu mgħallma matul is-sena skolastika u jistgħu jinkludu ġimgħat tal-proġett, żjarat ta’ studju, u attivitajiet immersivi oħrajn.

L-attivitajiet se jiġu offruti mill-iskejjel u mill-VETs (ISCED 1 – 4). Dawn jistgħu jfasslu u jwasslu kontenut dwar kwistjonijiet tal-UE u joħolqu esperjenzi ta’ apprendiment huma stess jew bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn (NGOs, Assoċjazzjonijiet, eċċ.). L-attivitajiet organizzati taħt din it-taqsima se jagħtu spinta lill-apprendiment dwar l-Unjoni Ewropea b’modi li jispiraw. Dawn se jgħinu lill-istudenti jsaħħu s-sens ta’ appartenenza tagħhom mal-UE, l-impatt li għandha fuq ħajjithom u l-fehim tagħhom dwar il-mekkaniżmi u l-politiki tal-UE.

Objettivi tal-azzjoni

L-Inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE se jrawmu l-introduzzjoni ta’ perspettiva tal-Unjoni Ewropea fil-kultura edukattiva tal-iskejjel u l-VETs (ISCED 1-4) u se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva fost l-istudenti u l-għalliema.  

  • Sabiex jagħtu s-setgħa lill-għalliema li jgħallmu dwar l-UE permezz ta’ metodi li jinvolvu lill-istudenti u jġibu fatti u għarfien dwar l-Unjoni Ewropea lill-istudenti tagħhom;
  • Biex itejbu l-eżiti tal-apprendiment dwar kwistjonijiet tal-UE;
  • Biex isaħħu l-litteriżmu dwar l-UE fl-iskejjel (ISCED 1-4);
  • Ħalli joħolqu interess fl-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-istudenti fil-proċess demokratiku u jħalluhom mgħammra aħjar sabiex isiru ċittadini attivi.

Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għall-inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE?

Kriterji tal-eliġibbiltà

Min jista’ japplika?

L-applikanti jeħtiġilhom ikunu:

  • skola jew istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (VET) (ISCED 1 - 4);
  • stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.      

Kompożizzjoni tal-konsorzju

Huma permessi biss applikazzjonijiet minn applikanti uniċi (benefiċjarji uniċi).

Attivitajiet eliġibbli

Inizjattiva Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE trid tiġi implimentata għal minimu ta’ 40 siegħa tagħlim għal kull sena skolastika għal tliet snin konsekuttivi b’rabta ma’ suġġetti bbażati fl-UE.

Durata tal-proġett

Normalment il-proġetti għandhom idumu 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA)

ID tas-Sejħa: ERASMUS-JMO-2023-OFET-LEARNING-EU

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sal-14 ta’ Frar fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell)

Stabbiliment ta’ proġett

L-inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE huma speċifikament immirati lejn l-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VETs) (ISCED 1 – 4). L-inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE jridu jirrispettaw waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • it-tagħlim dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea inkorporati uffiċjalment fil-kurrikuli (it-tagħlim f’suġġett eżistenti wieħed jew aktar)
  • esperjenzi ta’ apprendiment dwar suġġetti tal-Unjoni Ewropea li jikkomplementaw korsijiet diġà eżistenti: apprendiment kollaborattiv, kotagħlim, fost suġġetti oħrajn
  • seminars ekstrakurrikulari, żjarat ta’ studju, tipi oħrajn ta’ esperjenzi tal-UE li jinvolvu organizzazzjonijiet oħrajn

Għall-iskop tal-azzjoni, siegħa ta’ tagħlim tinftiehem bħala siegħa ta’ esperjenza ta’ apprendiment fil-kuntest tal-attivitajiet tal-iskola jew tal-VET. Dan jista’ jkun tagħlim fil-klassi jew mhux fil-klassi (jiġifieri workshops, laqgħat mal-esperti, żjarat ta’ studju) iżda jeħtieġ ikun marbut ma’ eżiti konkreti ta’ apprendiment u ma’ studji tal-UE/tal-valuri tal-UE.

Impatt mistenni

Kwantitattiv

  • numru akbar ta’ skejjel u VETs (ISCED 1 – 4) li jgħallmu dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea skont l-Istat Membru tal-UE jew il-pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
  • numru akbar ta’ klassijiet fl-iskejjel u fil-VETs (ISCED 1 – 4) involuti fl-esperjenzi ta’ apprendiment dwar suġġetti tal-Unjoni Ewropea
  • numru akbar ta’ oqsma ta’ suġġett ewlenin, jew attivitajiet ekstrakurrikulari, fejn l-UE qiegħda tiġi mgħallma fl-iskejjel u fil-VETs (ISCED 1-4) għal kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
  • numru akbar ta’ għalliema sabiex jinvolvu ruħhom fit-titjib tal-litteriżmu dwar l-UE

Kwalitattiv

Fir-rigward tal-parteċipanti direttament involuti fl-azzjonijiet, l-inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE se jipproduċu effetti pożittivi u fit-tul fuq l-iskejjel u l-VETs (ISCED 1 –4) għall-istudenti u l-għalliema, inkluż permezz ta’:

  • titjib fil-kwalità ta’ metodi innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment tal-UE, b’attenzjoni partikolari għall-prijoritajiet tal-UE 1
  • żieda fl-opportunitajiet għall-persunal tat-tagħlim f’termini ta’ żvilupp professjonali
  • riżultati mtejba tal-apprendiment dwar l-UE ta’ studenti li jkunu mgħammra aħjar b’għarfien u fehim tal-UE, l-istorja, il-valuri, l-objettivi tagħha kif ukoll l-istituzzjonijiet, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jinfluwenzaw il-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ Ewropej
  • ħsieb kritiku msaħħaħ dwar l-UE permezz tat-twassil ta’ fatti u għarfien f’sitwazzjonijiet ta’ klassi u attivitajiet oħrajn tal-iskola bħal żjarat ta’ studju, skambji, proġetti, sabiex tintwera l-importanza taċ-ċittadinanza u d-drittijiet tal-UE

Fir-rigward tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, l-inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE se ssaħħaħ dinamika ġdida u se:

  • iżżid u tissistematizza l-kapaċità tagħhom li jgħallmu dwar suġġetti tal-Unjoni Ewropea b’approċċ multidixxiplinarju
  • tattira aktar għalliema u studenti ġodda interessati li jiksbu fatti u għarfien dwar l-UE

Kriterji għall-għoti

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:

Rilevanza tal-proġett - (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

Il-proposta trid turi r-rilevanza meta mqabbla mal-objettivi ta’ din l-azzjoni u fost l-oħrajn, se titqies ir-rilevanza, permezz ta’:

  • it-tip u n-numru ta’ suġġetti tal-UE proposti għall-proġett
  • l-innovazzjoni u l-kreattività fil-proposta
  • l-użu ta’ metodoloġija diġitali – fejn possibbli
  • il-metodoloġiji ġodda ta’ tagħlim u apprendiment biex is-suġġetti tal-Unjoni Ewropea jsiru aktar attraenti u mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-istudenti

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett - (massimu ta’ 25 punt)

F’termini ta’ kwalità, il-proposta għandha turi:

  • il-kwalità u l-fattibbiltà tal-metodoloġija proposta
  • il-metodoloġiji tat-tagħlim użati, inklużi l-lekċers fi gruppi, is-seminars, it-tutorials, l-apprendiment mill-bogħod iżda mhux l-istruzzjoni individwali
  • evidenza taċ-ċarezza u s-sustanza tal-programm ta’ ħidma propost, fil-fażijiet kollha tiegħu (tħejjija, implimentazzjoni, evalwazzjoni u segwitu)

Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni - (massimu ta’ 25 punt)

Il-proposta tal-proġett għandha tipprovdi:

  • evidenza ta’ impenn ċar tal-ġestjoni tal-iskejjel/tal-VET
  • evidenza ta’ impenn ċar b’appoġġ għall-għalliema fit-tħejjija tal-kontenut kif ukoll fl-attivitajiet ta’ tagħlim tagħhom
  • evidenza  tal-monitoraġġ tal-attivitajiet u l-viżibbiltà tar-riżultati miksuba mill-persunal involut f’din l-inizjattiva
  • evidenza tal-involviment tal-persunal bil-ħiliet pedagoġiċi rilevanti

Impatt, tixrid u sostenibbiltà - (massimu ta’ 25 punt)

Il-proposta tal-proġett għandha tipprovdi:

  • evidenza ta’ miżuri u riżorsi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji jkunu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett
  • deskrizzjoni ċara tal-istrateġija ta’ tixrid fi ħdan l-istituzzjoni u lil hinn minnha
  • spjegazzjoni tal-impatt mistenni fuq l-iskejjel u l-VETs (ISCED 1 – 4), fuq l-istudenti tal-iskola, l-istudenti u l-għalliema li jibbenefikaw mill-attivitajiet

Sabiex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti jridu jiksbu tal-inqas 70 punt u mill-inqas 15-il punt f’kull kriterju għall-għoti.Il-proposti ex aequo fi ħdan l-istess suġġett se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “rilevanza tal-proġett” u mbagħad “impatt”.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. Din l-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu. L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 30,000.

Il-kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa se jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (tixrid tal-informazzjoni, pubblikazzjoni, traduzzjoni).

L-applikanti jeħtiġilhom jitolbu l-ammont predefinit tas-somma waħda f’daqqa indikata, li tikkorrispondi għall-pajjiż, kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt. Innota li s-somma f’daqqa għal kull pajjiż tirrifletti n-numru totali ta’ sigħat ta’ tagħlim fuq perjodu ta’ tliet snin. L-ammonti fit-tabella jirrappreżentaw il-kontribuzzjoni finali tal-UE b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 %.

Inizjattivi għall-Apprendiment dwar l-UE

Pajjiżi/ sigħat ta’ tagħlim matul il-perjodu ta’ tliet snin (minimu ta’ 40 siegħa/sena) 120-150 siegħa ta’ tagħlim 151-180 siegħa ta’ tagħlim 181-210  siegħa ta’ tagħlim 211 - 240 siegħa ta’ tagħlim >241  siegħa ta’ tagħlim
Il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Liechtenstein, is-Serbja 10.250 EUR 12.500 EUR 14.750 EUR 17.000 EUR 19.250 EUR
It-Turkija, il-Kroazja, il-Latvja 12.000 EUR 14.750 EUR 17.500 EUR 20.000 EUR 22.750 EUR
L-Ungerija, il-Polonja, il-Litwanja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, is-Slovakkja 13.500 EUR 16.500 EUR 19.750 EUR 22.750 EUR 26.000 EUR
Il-Portugall, il-Greċja, is-Slovenja, Malta 17.000 EUR 20.500 EUR 24.000 EUR 27.750 EUR 30.000 EUR
Ċipru, l-Iżlanda, Spanja, l-Italja 19.750 EUR 24.500 EUR 29.000 EUR 30.000 EUR 30.000 EUR
L-Irlanda, Franza, il-Finlandja 23.250 EUR 28.500 EUR 30.000 EUR 30.000 EUR 30.000 EUR
Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, l-Iżvezja, in-Norveġja 25.000 EUR 30.000 EUR 30.000 EUR 30.000 EUR

30.000 EUR

Tagged in:  Jean Monnet