Skip to main content

Erasmus+ Programme Guide

The essential guide to understanding Erasmus+

Proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja

Din l-azzjoni ta’ mobbiltà tal-edukazzjoni għolja tappoġġa l-mobbiltà fiżika u mħallta tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja fi kwalunkwe qasam u ċiklu ta’ studju (ċiklu qasir, baċellerat, master u dottorat). L-istudenti jistgħu jew jistudjaw barra minn pajjiżhom f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sieħba jew iwettqu traineeship f’intrapriża, f’istitut tar-riċerka, f’laboratorju, f’organizzazzjoni jew fi kwalunkwe post tax-xogħol ieħor rilevanti barra minn pajjiżhom. L-istudenti jistgħu jikkombinaw ukoll perjodu ta’ studju barra minn pajjiżhom bi traineeship, u b’hekk ikomplu jtejbu l-eżiti tal-apprendiment u l-iżvilupp ta’ ħiliet trażversali. Filwaqt li l-mobbiltà fiżika fit-tul hija mħeġġa bil-qawwa, din l-azzjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi offruta durata ta’ mobbiltà fiżika aktar flessibbli biex jiġi żgurat li l-Programm ikun aċċessibbli għal studenti minn kull sfond, ċirkostanza u qasam ta’ studju.

Din l-azzjoni tappoġġa wkoll lill-persunal tat-tagħlim tal-edukazzjoni għolja u dak amministrattiv biex jieħu sehem f’attivitajiet ta’ żvilupp professjonali barra mill-pajjiż kif ukoll lill-persunal mid-dinja tax-xogħol biex jgħallem u jħarreġ lil studenti jew persunal f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Dawn l-attivitajiet jistgħu jikkonsistu f’perjodi ta’ tagħlim kif ukoll ta’ taħriġ (bħal job shadowing, perjodi ta’ osservazzjoni, korsijiet ta’ taħriġ).

Barra minn hekk, din l-azzjoni tappoġġa l-programmi intensivi mħallta, li jippermettu lil gruppi ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jiżviluppaw b’mod konġunt kurrikuli u attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta għall-istudenti kif ukoll għall-persunal akkademiku u amministrattiv. 

Objettivi tal-azzjoni

L-objettiv ta’ din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni b’sensibilizzazzjoni globali u li ssaħħaħ ir-rabta bejn l-edukazzjoni u r-riċerka.

Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem l-impjegabbiltà, l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali fl-Ewropa u lil hinn minnha billi tippermetti lill-istudenti mill-oqsma kollha tal-istudju u fiċ-ċikli kollha tal-istudju jkollhom l-opportunità li jistudjaw jew jitħarrġu barra mill-pajjiż bħala parti mill-istudji tagħhom. L-objettivi tal-azzjoni huma li: 

  • tesponi lill-istudenti għal fehmiet, għarfien, metodi ta’ tagħlim u riċerka differenti kif ukoll għal prattiki tax-xogħol fil-qasam tal-istudju tagħhom fil-kuntest Ewropew u internazzjonali;
  • tiżviluppa l-ħiliet trażversali tagħhom bħall-ħiliet ta’ komunikazzjoni, il-ħiliet lingwistiċi, il-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħiliet interkulturali u l-ħiliet ta’ riċerka;
  • tiżviluppa l-ħiliet li jħarsu ’l quddiem tagħhom, bħall-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, li jippermettulhom jindirizzaw l-isfidi tal-lum u ta’ għada;
  • tiffaċilita l-iżvilupp personali bħall-kapaċità li wieħed jadatta għal sitwazzjonijiet ġodda u li wieħed ikollu fiduċja fih innifsu.

L-objettiv huwa wkoll li kwalunkwe membru tal-persunal, inkluż persunal minn intrapriżi, jgħallem jew jitħarreġ barra mill-pajjiż bħala parti mill-iżvilupp professjonali tiegħu biex:

  • jikkondividi l-għarfien espert tiegħu;
  • jesperjenza ambjenti ġodda ta’ tagħlim;
  • jikseb ħiliet ġodda pedagoġiċi u fit-tfassil tal-kurrikulu kif ukoll ħiliet diġitali;
  • jingħaqad ma’ sħabu barra mill-pajjiż biex jiżviluppa attivitajiet komuni ħalli jintlaħqu l-objettivi tal-programm;
  • jiskambja prattiki tajba u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;
  • jipprepara aħjar lill-istudenti għad-dinja tax-xogħol.

Barra minn hekk, l-objettiv huwa li jitrawwem l-iżvilupp ta’ kurrikuli tranżnazzjonali u transdixxiplinarji kif ukoll modi innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim, inklużi kollaborazzjoni online, apprendiment ibbażat fuq ir-riċerka u approċċi bbażati fuq l-isfidi bl-objettiv li jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà.

Kif taċċessa l-opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-edukazzjoni għolja tal-Erasmus+?

L-organizzazzjoni applikanti trid tkun stabbilita fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-programm Erasmus+ u jkollha akkreditazzjoni tal-edukazzjoni għolja. Tista’ jew tapplika bħala istituzzjoni individwali tal-edukazzjoni għolja, li teħtieġ Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE, Erasmus Charter for Higher Education), jew f’isem konsorzju tal-mobbiltà, li jirrikjedi akkreditazzjoni ta’ konsorzju. 

Akkreditazzjoni ta’ organizzazzjoni individwali - il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) iridu jkunu ngħataw il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE)1 qabel ma japplikaw għal proġett ta’ mobbiltà mal-Aġenzija Nazzjonali tagħhom tal-Erasmus+. Meta jiffirmaw il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jimpenjaw ruħhom li jipprovdu l-appoġġ kollu meħtieġ lill-parteċipanti mobbli, inkluż it-tħejjija lingwistika. Il-parteċipanti mobbli jistgħu jużaw l-Appoġġ Lingwistiku Online tal-Erasmus+ (OLS) sabiex itejbu l-kompetenzi tagħhom fil-lingwi barranin qabel u/jew matul il-mobbiltà.

Fost prinċipji oħrajn tal-ECHE, l-HEI parteċipanti trid twettaq mobbiltà għall-iskop tal-istudju u t-tagħlim biss fil-qafas ta’ ftehimiet preċedenti bejn l-istituzzjonijiet u tagħżel parteċipanti prospettivi u tagħti għotjiet għall-mobbiltà b’mod ġust, trasparenti, koerenti u ddokumentat, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ għotja tagħha mal-Aġenzija Nazzjonali. Għandha tiżgura tali proċeduri ġusti u trasparenti matul l-istadji kollha tal-mobbiltà u fil-proċess ta’ rispons għal mistoqsijiet/ilmenti mill-parteċipanti. Din trid tiżgura li ma tintalab l-ebda tariffa fil-każ ta’ mobbiltà tal-kreditu, lil studenti mobbli li jkunu deħlin għal tagħlim, reġistrazzjoni, eżamijiet jew aċċess għall-faċilitajiet tal-laboratorju u tal-librerija. Wara l-mobbiltà, l-istituzzjoni trid tiżgura wkoll li hija tirrikonoxxi b’mod awtomatiku u bis-sħiħ l-eżiti mill-perjodu ta’ apprendiment barra mill-pajjiż.

L-ECHE hija kkomplementata mil-linji gwida tal-ECHE,2 dokument li jappoġġa lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ECHE. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jeħtiġilhom jirrispettaw kif xieraq l-ECHE u l-linji gwida ta’ appoġġ tagħha filwaqt li jimplimentaw l-azzjonijiet kollha li jeħtieġu din l-akkreditazzjoni. Għal dan l-iskop, hija disponibbli Awtovalutazzjoni tal-ECHE3 biex tappoġġa lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jivvalutaw il-prestazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ECHE u liema oqsma jistgħu jissaħħu, kif ukoll toffri suġġerimenti dwar kif jistgħu jagħmlu aktar titjib.

Għalkemm l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mhumiex eliġibbli biex jiffirmaw l-ECHE,4 dawn iridu jirrispettaw il-prinċipji tal-ECHE. Għalhekk, aspetti bħall-għażla ġusta u trasparenti tal-parteċipanti, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment u l-appoġġ kollu meħtieġ offrut lill-parteċipanti mobbli jridu jkunu espliċiti fil-ftehim interistituzzjonali għall-mobbiltà internazzjonali.

Akkreditazzjoni ta’ grupp - akkreditazzjoni Erasmus għall-konsorzji tal-mobbiltà għall-edukazzjoni għolja

Minbarra l-HEIs individwali, il-gruppi ta’ HEIs jistgħu japplikaw għall-finanzjament ta’ proġett ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja. Grupp bħal dan jissejjaħ konsorzju tal-mobbiltà. Il-konsorzju tal-mobbiltà jeħtieġ li jkollu akkreditazzjoni Erasmus għall-konsorzji tal-mobbiltà għall-edukazzjoni għolja. 

Il-koordinatur tal-konsorzju tal-mobbiltà japplika f’isem konsorzju tal-mobbiltà għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-konsorzji tal-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja u għal għotja tal-Erasmus+. Din l-akkreditazzjoni tingħata mill-istess Aġenzija Nazzjonali li tivvaluta t-talba għal finanzjament għal proġett ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja. It-talbiet għal akkreditazzjoni u għal għotjiet għall-proġetti ta’ mobbiltà jistgħu jsiru matul l-istess sejħa. Madankollu, l-għotja għall-proġetti ta’ mobbiltà tingħata biss lil dawk il-gruppi ta’ HEIs u organizzazzjonijiet li jkollhom suċċess fi tmiem il-proċess ta’ akkreditazzjoni.

Sabiex tinkiseb l-akkreditazzjoni ta’ konsorzju, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

Kriterji tal-eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Konsorzju tal-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja jista’ jkun magħmul mill-organizzazzjonijiet parteċipanti li ġejjin:

  • istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li għandhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni għolja;
  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ.

Kull organizzazzjoni parteċipanti trid tkun stabbilita fl-istess Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Ma jistgħux jiġu stabbiliti konsorzji ta’ mobbiltà f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm.

L-organizzazzjonijiet membri kollha tal-konsorzju tal-mobbiltà jridu jiġu identifikati meta japplikaw għal akkreditazzjoni ta’ konsorzju.

Min jista’ japplika?

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli tista’ tagħmilha ta’ koordinatur u tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet kollha involuti fil-konsorzju.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Konsorzju tal-mobbiltà jrid jinkludi minimu ta’ tliet organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli, inklużi żewġ HEIs.

Durata tal-akkreditazzjoni tal-konsorzju

Il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni.

Wara l-għoti tal-akkreditazzjoni, bidliet sostanzjali fil-kompożizzjoni tal-konsorzju tal-mobbiltà jkunu jeħtieġu applikazzjoni ġdida għall-akkreditazzjoni.

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tal-akkreditazzjoni tagħhom sad-19 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew mill-1 ta’ Ġunju tal-istess sena jew tas-snin ta’ wara.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet sottomessi se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-punteġġi ta’ hawn taħt. Sabiex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 punt mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-erba’ kriterji għall-għoti ta’ hawn taħt.

Rilevanza tal-konsorzju (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proposta għall-:
    • objettivi tal-azzjoni;
    • ħtiġijiet u l-objettivi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-konsorzju u tal-parteċipanti individwali.
  • Il-punt sa fejn il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Kemm il-proposta hija adattata għal dan li ġej:
    • għall-produzzjoni ta’ eżiti tal-apprendiment ta’ kwalità għolja għall-parteċipanti;
    • għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-kamp ta’ applikazzjoni internazzjonali tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-konsorzju;
    • għall-kisba ta’ valur miżjud fil-livell tal-UE permezz ta’ riżultati li ma jkunux jistgħu jinkisbu b’attivitajiet imwettqa minn kull HEI individwali.

Kwalità tal-kompożizzjoni tal-konsorzju u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Kemm:
    • il-konsorzju jinvolvi kompożizzjoni xierqa ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jibagħtu, fejn rilevanti, ma’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplementari minn setturi soċjoekonomiċi oħrajn bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
    • il-koordinatur tal-konsorzju għandu esperjenza preċedenti fil-ġestjoni ta’ konsorzju jew tip ta’ proġett simili;
    • id-distribuzzjoni tar-rwoli, tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti/riżorsi hija ddefinita sew u turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
    • il-kompiti/ir-riżorsi jinġabru flimkien u jiġu kondiviżi;
    • ir-responsabbiltajiet huma ċari għal kwistjonijiet ta’ ġestjoni kuntrattwali u finanzjarja;
    • il-konsorzju jinvolvi parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza għall-azzjoni.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-attività tal-konsorzju (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha ta’ proġett ta’ mobbiltà (it-tħejjija, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, u s-segwitu);
  • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-modalitajiet ta’ ġestjoni u ta’ appoġġ (eż. is-sejbien ta’ organizzazzjonijiet li jilqgħu, it-tlaqqigħ, l-informazzjoni, l-appoġġ interkulturali u lingwistiku, il-monitoraġġ);
  • Il-kwalità tal-kooperazzjoni, tal-koordinazzjoni u tal-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn;
  • Fejn rilevanti, il-kwalità tal-arranġamenti għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll l-użu konsistenti tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent;
  • Jekk applikabbli, l-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla tal-parteċipanti fl-attivitajiet ta’ mobbiltà u għall-promozzjoni tal-persuni b’inqas opportunitajiet sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ mobbiltà.

Impatt u tixrid (punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-attivitajiet immexxija mill-konsorzju;
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:
    • fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • lil hinn mill-organizzazzjonijiet u l-individwi li jipparteċipaw b’mod dirett fil-proġett, fil-livelli istituzzjonali, lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali.
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-attivitajiet immexxija mill-konsorzju fi ħdan l-organizzazzjonijiet u s-sħab parteċipanti u barra minnhom.

Stabbiliment ta’ proġett

L-organizzazzjoni applikanti tapplika għall-għotja tal-proġett ta’ mobbiltà, tiffirma u timplimenta l-ftehim ta’ għotja u tagħmel ir-rapportar. 

L-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti fil-proġett ta’ mobbiltà jassumu r-rwoli u l-kompiti li ġejjin: 

  • L-organizzazzjoni li tibgħat: inkarigata biex tagħżel lill-istudenti/il-persunal u tibgħathom barra l-pajjiż. Dawn ir-responsabbiltajiet jinkludu wkoll il-pagamenti ta’ għotjiet (għal dawk il-parteċipanti fl-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm), it-tħejjija, il-monitoraġġ u r-rikonoxximent awtomatiku marbuta mal-perjodu ta’ mobbiltà.
  • Organizzazzjoni li tilqa’: inkarigata biex tilqa’ lill-istudenti/il-persunal minn barra l-pajjiż u toffrilhom programm ta’ studju/traineeship jew programm ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, jew li jibbenefikaw minn attività ta’ tagħlim. Dawn ir-responsabbiltajiet jinkludu wkoll pagamenti ta’ għotjiet (għal dawk il-parteċipanti li ġejjin minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm),
  • L-organizzazzjoni intermedjarja:din hija organizzazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Tista’ tkun membru f’konsorzju tal-mobbiltà, iżda ma tkunx organizzazzjoni li tibgħat. Ir-rwol tagħha jista’ jkun li tikkondividi u tiffaċilita l-proċeduri amministrattivi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jibagħtu u li tqabbel aħjar il-profili tal-istudenti mal-ħtiġijiet tal-intrapriżi f’każ ta’ traineeships u tħejji lill-parteċipanti b’mod konġunt.

L-organizzazzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu, flimkien mal-istudenti/il-persunal, jeħtiġilhom ikunu qablu fuq l-attivitajiet li se jitwettqu mill-istudenti - fi “ftehim tal-apprendiment” - jew minn membri tal-persunal - fi “ftehim tal-mobbiltà” - qabel ma jibda l-perjodu ta’ mobbiltà. Dawn il-ftehimiet jiddefinixxu l-kontenut għall-perjodu tal-mobbiltà barra l-pajjiż u jispeċifikaw d-dispożizzjonijiet ta’ rikonoxximent formali ta’ kull parti. Id-drittijiet u l-obbligi huma stabbiliti fil-ftehim ta’ għotja ffirmat bejn il-benefiċjarju u l-parteċipant. Meta l-attività tkun bejn żewġ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (mobbiltà tal-istudenti għall-istudji li jinkludu mobbiltà mħallta u mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim), irid ikun hemm fis-seħħ “ftehim interistituzzjonali” bejn l-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk li jilqgħu qabel ma jibdew l-iskambji.

Dimensjonijiet orizzontali

Meta jitfassal proġett ta’ mobbiltà, iridu jissaħħu d-dimensjonijiet orizzontali li ġejjin:

Inklużjoni u diversità fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja

Sabiex l-aċċess għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal ikun faċli kemm jista’ jkun, f’konformità mal-prinċipji tal-ECHE, l-HEIs iridu jiżguraw aċċess u opportunitajiet ugwali u ekwi għall-parteċipanti attwali u prospettivi minn kull sfond. Dan ifisser li jiġu inklużi parteċipanti b’inqas opportunitajiet, bħal parteċipanti b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali u relatati mas-saħħa, studenti bit-tfal, l-istudenti li jaħdmu jew li huma atleti professjonali u studenti mill-oqsma kollha ta’ studju li ma humiex rappreżentati biżżejjed fil-mobbiltà. Id-definizzjoni tal-proċeduri tal-għażla interni li jqisu l-ekwità u l-inklużjoni u jivvalutaw il-mertu u l-motivazzjoni tal-applikanti b’mod olistiku hija essenzjali biex jiġi rrispettat dan il-prinċipju.Barra minn hekk, l-HEIs huma mħeġġa jistabbilixxu opportunitajiet ta’ mobbiltà inkorporati, bħal twieqi ta’ mobbiltà fil-kurrikuli tagħhom sabiex jgħinu jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-istudenti mill-oqsma kollha tal-istudju. F’dan ir-rigward, il-mobbiltà mħallta tista’ tgħin biex jiġu offruti opportunitajiet addizzjonali li jistgħu jkunu aktar xierqa għal xi individwi jew gruppi ta’ studenti. F’dan il-kuntest, il-preżenza ta’ uffiċjali tal-inklużjoni f’dawk l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tgħin biex jiġu indirizzati l-inklużjoni u d-diversità. L-uffiċjali tal-inklużjoni jistgħu pereżempju jgħinu biex iqajmu sensibilizzazzjoni, jiddefinixxu l-istrateġiji għall-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, jiżguraw appoġġ adegwat matul il-mobbiltà f’kooperazzjoni mal-kollegi rilevanti u jgħinu biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn il-persunal rilevanti fl-istituzzjoni b’għarfien espert fil-qasam tal-inklużjoni u d-diversità.

SostenibbiltàAmbjentali u prattiki ekoloġiċi fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja

F’konformità mal-prinċipji tal-ECHE, l-HEIs iridu jippromwovu prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent fl-attivitajiet kollha relatati mal-Programm. Dan ifisser il-promozzjoni tal-użu ta’ mezzi sostenibbli ta’ trasport għall-mobbiltà, it-teħid ta’ passi attivi fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, il-konferenzi u l-laqgħat relatati mal-mobbiltà tal-Erasmus+ b’mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent, u s-sostituzzjoni ta’ proċessi amministrattivi bbażati fuq il-karti bi proċessi diġitali (skont l-istandards u l-iskeda ta’ żmien tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti). L-HEIs għandhom iqajmu wkoll sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti kollha dwar diversi miżuri li jistgħu jieħdu waqt li jkunu barra minn pajjiżhom biex inaqqsu l-impronti tal-karbonju u tal-ambjent tal-attivitajiet tal-mobbiltà tagħhom u jimmonitorjaw il-progress lejn il-kisba ta’ attivitajiet tal-mobbiltà aktar sostenibbli tal-istudenti u l-persunal.

Diġitalizzazzjoni u edukazzjoni u ħiliet diġitali fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja

F’konformità mal-prinċipji tal-ECHE, l-HEIs għandhom jimplimentaw il-ġestjoni diġitali tal-mobbiltà tal-istudenti f’konformità mal-istandards tekniċi tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti .5 . Dan ifisser li l-HEIs li jipparteċipaw fil-programm iridu jingħaqdu man-Network Erasmus Mingħajr Karti sabiex jiskambjaw id-data dwar il-mobbiltà u jiġġestixxu ftehimiet ta’ apprendiment diġitali u ftehimiet interistituzzjonali diġitali hekk kif dawn il-karatteristiċi jsiru operazzjonali. L-HEIs jistgħu jużaw il-fondi ta’ appoġġ organizzazzjonali tagħhom għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni tal-mobbiltà diġitali. L-istituzzjonijiet għandhom jippromwovu l-mobbiltà mħallta, il-kombinazzjoni ta’ mobbiltà fiżika ma’ komponent virtwali, fi ħdan l-istituzzjoni tagħhom biex joffru formati ta’ mobbiltà aktar flessibbli u jkomplu jsaħħu l-eżiti tal-apprendiment u l-impatt tal-mobbiltà fiżika. L-HEIs iridu jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà mħallta u r-rikonoxximent formali għall-parteċipazzjoni f’mobbiltà mħallta, inkluż il-komponent virtwali. L-istituzzjonijiet għandhom iqajmu wkoll sensibilizzazzjoni fost l-istudenti u l-persunal tagħhom dwar l-opportunitajiet fi ħdan il-programm biex jiksbu u jiżviluppaw aktar il-ħiliet diġitali rilevanti fl-oqsma kollha tal-istudju, inklużi Traineeships tal-Opportunitajiet Diġitali għall-istudenti u l-gradwati reċenti biex ikomplu jiżviluppaw jew jiksbu ħiliet diġitali6 . L-għalliema u l-persunal amministrattiv jistgħu jibbenefikaw ukoll minn taħriġ fil-ħiliet diġitali biex jiksbu ħiliet diġitali rilevanti biex jagħmlu użu minn teknoloġiji diġitali f’korsijiet u għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni7

Parteċipazzjoni u Involviment ċiviku 

Il-programm għandu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. L-attivitajiet ta’ mobbiltà appoġġati għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipattivi f’oqsma differenti tas-soċjetà ċivika, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. Kull fejn ikun possibbli, il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, l-involviment soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali, kif ukoll it-trawwim ta’ prattiki ta’ ħolqien konġunt u ta’ tfassil konġunt ta’ attivitajiet ta’ apprendiment. Il-parteċipazzjoni fil-mobbiltajiet għandha ttejjeb ukoll il-fehim tal-parteċipanti dwar l-Unjoni Ewropea u l-valuri komuni Ewropej, inkluż ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, l-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

Deskrizzjoni tal-attivitajiet

Mobbiltà tal-istudenti

Il-mobbiltà tal-istudenti tista’ titwettaq fi kwalunkwe qasam u ċiklu ta’ studju (ċiklu qasir/baċellerat/master/dottorat). Sabiex tiżgura attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja bl-akbar impatt possibbli fuq l-istudenti, l-attività ta’ mobbiltà trid tkun kompatibbli mal-ħtiġijiet ta’ apprendiment relatati mal-lawrja u mal-iżvilupp personali tal-istudent.

L-istudenti jistgħu jwettqu l-attivitajiet deskritti hawn taħt:

  • Perjodu ta’ studju barra l-pajjiż f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sieħba. Il-perjodu ta’ studju barra l-pajjiż irid ikun parti mill-programm ta’ studju tal-istudent sabiex ilesti lawrja fi kwalunkwe ċiklu ta’ studju. Perjodu ta’ studju barra l-pajjiż jista’ jinkludi wkoll perjodu ta’ traineeship. Tali kombinazzjoni toħloq sinerġiji bejn l-esperjenza akkademika u professjonali barra l-pajjiż.
  • F’termini tal-ammont ta’ xogħol, f’pajjiżi li jappartjenu għaż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (EHEA), sena akkademika ta’ studju full-time normalment tkun magħmula minn komponenti edukattivi li jammontaw għal 60 kreditu tal-ECTS (jew unitajiet ekwivalenti f’pajjiżi barra mill-EHEA). Huwa rrakkomandat li għal perjodi ta’ mobbiltà iqsar minn sena akkademika sħiħa, il-komponenti edukattivi inklużi fil-ftehim ta’ apprendiment għandhom jiġu aġġustati proporzjonalment.
  • Traineeship (kollokament ta’ xogħol, internship) barra l-pajjiż f’intrapriża, f’istitut tar-riċerka, f’laboratorju, f’organizzazzjoni jew fi kwalunkwe post tax-xogħol rilevanti ieħor. It-traineeships barra l-pajjiż huma appoġġati matul l-istudji fi kwalunkwe ċiklu ta’ studju u għal gradwati reċenti. Dan jinkludi wkoll assistantships tat-tagħlim għall-għalliema studenti u assistantships tar-riċerka għal studenti u kandidati għad-dottorat fi kwalunkwe faċilità ta’ riċerka rilevanti. Sabiex ikomplu jissaħħu s-sinerġiji ma’ Orizzont Ewropa, dawn il-mobbiltajiet jistgħu jseħħu wkoll fil-kuntest ta’ proġetti ta’ riċerka ffinanzjati minn Orizzont Ewropa, b’rispett sħiħ tal-prinċipju li ma jkunx hemm finanzjament doppju tal-UE għall-attivitajiet. Kull meta jkun possibbli, it-traineeships għandhom ikunu parti integrata tal-programm ta’ studju tal-istudent.
  • F’termini ta’ ammont ta’ xogħol, fil-prinċipju, il-parteċipanti jridu jaħdmu full-time, fuq il-bażi tal-ħin tax-xogħol tal-organizzazzjoni li tilqa’ tagħhom.

Fil-każ ta’ mobbiltà għad-dottorat, biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet diversi ta’ apprendiment u taħriġ tal-kandidati għad-dottorat u biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs ma’ dawk li għandhom l-istatus ta’ persunal tal-edukazzjoni għolja, il-kandidati għad-dottorat u l-gradwati reċenti (“postdottorati”)8 jistgħu jwettqu studju fiżiku fuq perjodu ta’ żmien qasir jew fuq perjodu ta’ żmien twil jew perjodi ta’ mobbiltà ta’ traineeship barra minn pajjiżhom. Huwa mħeġġeġ li jiżdied komponent virtwali mal-mobbiltà fiżika.

Kull perjodu ta’ studju jew traineeship barra l-pajjiż ta’ kwalunkwe durata, inkluż il-mobbiltà għal dottorat, jista’ jsir bħala mobbiltà mħallta. Il-mobbiltà mħallta hija taħlita ta’ mobbiltà fiżika b’komponent virtwali li jiffaċilita skambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u l-ħidma f’tim. Pereżempju, il-komponent virtwali jista’ jgħaqqad lill-istudenti online minn pajjiżi u oqsma ta’ studju differenti sabiex isegwu korsijiet online jew sabiex jaħdmu b’mod kollettiv u simultanjament fuq inkarigi li huma rikonoxxuti bħala parti mill-istudji tagħhom.

Kwalunkwe student jista’ jwettaq ukoll mobbiltà mħallta billi jipparteċipa fi programm intensiv imħallat skont il-kriterji tal-eliġibbiltà speċifiċi għal programmi intensivi mħallta, deskritti f’din il-Gwida.

Mobbiltà tal-persunal

Il-mobbiltà tal-persunal tista’ titwettaq minn kwalunkwe tip ta’ persunal tal-edukazzjoni għolja jew minn persunal mistieden minn barra l-HEIs. Sabiex jiġu żgurati attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja bl-akbar impatt, l-attività ta’ mobbiltà trid tkun relatata mal-iżvilupp personali tal-istudent u tindirizza l-ħtiġijiet ta’ apprendiment u tal-iżvilupp personali tagħhom.

L-istudenti jistgħu jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet deskritti hawn taħt:

  • Perjodu ta’ tagħlim barra l-pajjiż f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sieħba. Il-perjodu ta’ tagħlim barra l-pajjiż jippermetti lil kwalunkwe persunal tat-tagħlim f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja jew lil persunal minn intrapriżi sabiex jgħallem f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sieħba barra l-pajjiż. Il-mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim tista’ sseħħ fi kwalunkwe qasam ta’ studju.
  • Perjodu ta’ taħriġ barra l-pajjiż f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja sieħba, intrapriża jew kwalunkwe post tax-xogħol ieħor rilevanti. Il-perjodu ta’ taħriġ barra l-pajjiż jippermetti lil kwalunkwe persunal f’HEI sabiex jieħu sehem f’attività ta’ taħriġ barra l-pajjiż li tkun rilevanti għax-xogħol ta’ kuljum tiegħu fil-HEI. Dan jista’ jieħu l-forma ta’ avvenimenti ta’ taħriġ (minbarra konferenzi) jew perjodi ta’ job shadowing u ta’ osservazzjoni. 

Perjodu ta’ mobbiltà tal-persunal barra l-pajjiż jista’ jikkombina attivitajiet ta’ tagħlim u ta’ taħriġ. Kwalunkwe perjodu ta’ tagħlim jew taħriġ barra l-pajjiż jista’ jsir bħala mobbiltà mħallta.

Programmi intensivi mħallta

Dawn huma programmi qosra u intensivi li jużaw modi innovattivi ta’ apprendiment u tagħlim, inkluż l-użu ta’ kooperazzjoni online. Il-programmi jistgħu jinkludu apprendiment ibbażat fuq l-isfidi fejn timijiet tranżnazzjonali u transdixxiplinarji jaħdmu flimkien sabiex jindirizzaw l-isfidi pereżempju dawk marbuta mal-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti jew sfidi oħrajn tas-soċjetà identifikati mir-reġjuni, l-ibliet jew il-kumpaniji. Il-programm għandu jkollu valur miżjud meta mqabbel ma’ korsijiet jew taħriġ eżistenti offruti mill-HEI parteċipanti u jista’ jkun pluriennali. Billi jippermettu formati ta’ mobbiltà ġodda u aktar flessibbli li jikkombinaw il-mobbiltà fiżika ma’ parti virtwali, il-programmi intensivi mħallta għandhom l-għan li jilħqu t-tipi kollha ta’ studenti minn kull sfond, qasam u ċiklu ta’ studju.

Il-gruppi ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja se jkollhom l-opportunità li jorganizzaw programmi intensivi mħallta qosra ta’ apprendiment, tagħlim u taħriġ għall-istudenti u l-persunal. Matul dawn il-programmi intensivi mħallta, il-gruppi ta’ studenti u/jew persunal bħala studenti se jwettqu mobbiltà fiżika fuq perjodu ta’ żmien qasir barra l-pajjiż flimkien ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita l-iskambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u l-ħidma f’tim. Il-komponent virtwali jrid jgħaqqad flimkien lill-istudenti online sabiex jaħdmu b’mod kollettiv u simultanju fuq inkarigi speċifiċi li huma integrati fil-programm intensiv imħallat u jgħoddu mal-eżiti kumplessivi tal-apprendiment.

Barra minn hekk, il-programmi intensivi mħallta jistgħu jkunu miftuħa għall-istudenti u l-persunal minn kwalunkwe HEI, inklużi studenti lokali u persunal lokali. Il-programmi intensivi mħallta jibnu l-kapaċità għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ prattiki innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment fl-HEIs parteċipanti.

Mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm

L-enfasi primarja tal-azzjoni ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja hija li tappoġġa l-attivitajiet ta’ mobbiltà fost l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm – id-dimensjoni Ewropea. 

Barra minn hekk, l-azzjoni tappoġġa d-dimensjoni internazzjonali permezz ta’ żewġ fergħat ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà li jinvolvu pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm madwar id-dinja kollha. 

Fergħa waħda tappoġġa l-mobbiltà lejn il-pajjiżi terzi kollha mhux assoċjati mal-Programm bl-eċċezzjoni tal-Belarussja u r-Russja, u hija ffinanzjata mill-fondi tal-politika interna tal-UE.9  

Fergħa oħra tappoġġa l-mobbiltà lejn u minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, bl-eċċezzjoni tal-mobbiltà lejn il-Belarussja u r-Russja u l-mobbiltà tal-persunal mill-Belarussja u mir-Russja. Din il-fergħa hija ffinanzjata mill-istrumenti ta’ azzjoni esterna tal-UE.10

Iż-żewġ fergħat tal-mobbiltà internazzjonali jsegwu objettivi differenti, iżda komplementari, li jirriflettu l-prijoritajiet tal-politika tas-sorsi ta’ finanzjament rispettivi: 

Mobbiltà internazzjonali ħierġa appoġġata minn fondi ta’ politika interna

L-enfasi prijoritarja hija fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet li jħarsu ’l quddiem u ħiliet rilevanti oħrajn ta’ studenti u persunal minn HEIs li jinsabu fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. L-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali għal kwalunkwe pajjiż mhux assoċjat huma ffinanzjati mill-għotja mogħtija lil proġetti ta’ mobbiltà. Il-benefiċjarji tal-għotjiet jistgħu jużaw sa 20 % tal-aħħar għotja tal-proġett mogħtija għall-mobbiltà ħierġa lejn pajjiżi mhux assoċjati madwar id-dinja kollha. Dawn l-opportunitajiet huma maħsuba sabiex iħeġġu organizzazzjoni fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm biex jiġu żviluppati attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa ma’ diversi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, u huma mistennija jkopru l-aktar ambitu ġeografiku wiesa’ possibbli.

Mobbiltà internazzjonali ħierġa u dieħla appoġġata minn fondi tal-politika esterna

Din l-azzjoni ssegwi l-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE; u bħala tali, numru ta’ miri u regoli għall-kooperazzjoni huma stabbiliti mat-tnax-il reġjun eliġibbli (1-12), li huma dettaljati hawn taħt fit-taqsima “informazzjoni addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna”.

L-attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali deskritti f’din l-azzjoni, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor, huma applikabbli għaż-żewġ fergħat.

X’inhuma l-kriterji tal-eliġibbiltà għal proġett ta’ mobbiltà?

Il-kriterji tal-eliġibbiltà għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’din is-sejħa għal proposti. It-taqsima li ġejja tindika wkoll l-attivitajiet eliġibbli li jistgħu jiġu ffinanzjati, id-durata ta’ proġett, fejn u meta għandha tapplika għal proġett ta’ mobbiltà.

Kriterji tal-Eliġibbiltà tal-Proġetti ta’ Mobbiltà

Sabiex applikant ikun eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, jeħtieġlu jikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

Attivitajiet eliġibbli

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) jistgħu jimplimentaw attività waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

  • Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ studju
  • Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships
  • Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim
  • Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ taħriġ
  • Programmi intensivi mħallta (mhux għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna).

Flussi eliġibbli ta’ attività ta’ mobbiltà:

  • Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna: mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm ma’ kwalunkwe pajjiż fid-dinja (Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1 sa 3 u 5 sa 14).
  • Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna: bejn l-Istati Membri tal-UE jew il-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, minbarra r-Reġjuni 13 u 14.

Nota Bene: Il-mobbiltajiet tal-istudenti u tal-persunal lejn il-Belarussja u r-Russja u l-mobbiltajiet tal-persunal mill-Belarussja u mir-Russja mhumiex eliġibbli.

Min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet bl-akkreditazzjoni li ġejja jistgħu japplikaw għal għotja:

  • Għal applikazzjoni bħala HEI individwali: l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u mogħtija b’Karta Erasmus għall-Edukazzjoni għolja (ECHE).
  • Għal applikazzjoni bħala konsorzju tal-mobbiltà: l-organizzazzjonijiet ta’ koordinazzjoni stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u l-koordinazzjoni ta’ konsorzju mogħti b’akkreditazzjoni Erasmus għall-konsorzji tal-mobbiltà għall-edukazzjoni għolja. L-organizzazzjonijiet li ma jkollhomx akkreditazzjoni valida tal-konsorzju jistgħu japplikaw għal din l-akkreditazzjoni f’isem konsorzju tal-mobbiltà matul l-istess sejħa bħal meta japplikaw għal għotja ta’ proġett ta’ mobbiltà jew sejħa preċedenti. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja involuti kollha mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm irid ikollhom Karta Erasmus għall-Edukazzjoni għolja (ECHE). Dawn l-organizzazzjonijiet se jkunu eliġibbli għal proġett ta’ mobbiltà biss jekk l-applikazzjoni tagħhom għall-akkreditazzjoni ta’ konsorzju tiġi aċċettata.

L-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja ma jistgħux japplikaw direttament għal għotja; il-kriterji tal-għażla għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ mobbiltà u fi programmi intensivi mħallta huma ddefiniti mill-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li fiha jistudjaw jew huma impjegati.

Pajjiżi eliġibbli

Għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet:

  • kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm
  • kwalunkwe pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm (għal kundizzjonijiet possibbli fi proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna jekk jogħġbok ara t-taqsima “Informazzjoni addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna” ta’ din l-azzjoni u “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A).

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

L-għadd ta’ organizzazzjonijiet fil-formola tal-applikazzjoni huwa wieħed fil-każ ta’ applikazzjoni bħala HEI individwali jew, fil-każ ta’ applikazzjoni minn konsorzju tal-mobbiltà, l-applikant u l-membri tal-konsorzju tal-mobbiltà.

Matul l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ mobbiltà, iridu jiġu involuti minimu ta’ żewġ organizzazzjonijiet (tal-inqas organizzazzjoni waħda li tibgħat u tal-inqas organizzazzjoni waħda li tilqa’). Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna, trid tiġi involuta mill-inqas organizzazzjoni waħda minn pajjiż terz mhux assoċjat.

Għall-programmi intensivi mħallta fil-proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna: minbarra l-applikant (l-HEI li tapplika jew l-HEI f’konsorzju tal-mobbiltà li japplika), għandhom jiġu involuti tal-inqas żewġ HEIs minn żewġ Stati Membri oħrajn tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm fl-organizzazzjoni tal-programm intensiv imħallat matul l-implimentazzjoni.

Durata tal-proġett

Proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna: 26 xahar

Proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna: 24 xahar jew 36 xahar

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-għotja sad-19 ta’ Frar f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) kemm għall-proġetti ffinanzjati b’fondi ta’ politika interna li jibdew fl-1 ta’ Ġunju tal-istess sena kif ukoll għal proġetti ffinanzjati bi strumenti ta’ azzjonijiet esterni li jibdew fl-1 ta’ Awwissu tal-istess sena.

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għad-dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Rekwiżiti minimi oħra

Il-HEI tista’ tapplika għall-għotjiet mal-Aġenzija Nazzjonali tagħha permezz ta’żewġ mezzi differenti:

  • direttament bħala HEI individwali
  • permezz ta’ konsorzju tal-mobbiltà li tkun koordinatur/membru tiegħu.

Il-HEI tista’ tapplika darba biss għal kull ċiklu ta’ għażla għal proġett ta’ mobbiltà bħala HEI individwali u/jew bħala l-HEI ta’ koordinazzjoni  ta’ konsorzju partikolari. Madankollu, il-HEI tista’ tkun parti minn bosta konsorzji ta’ mobbiltà differenti li japplikaw fl-istess ħin, jew tikkoordinahom.

Iż-żewġ mezzi (applikazzjoni individwali u applikazzjoni ta’ konsorzju) jistgħu jintużaw simultanjament. Madankollu, il-HEI tibqa’ responsabbli sabiex tevita il-finanzjament doppju ta’ parteċipant meta ż-żewġ mezzi jintużaw fl-istess sena akkademika.

Il-proġett ta’ mobbiltà għandu jimplimenta l-Inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti sabiex jiffaċilita l-ġestjoni online taċ-ċiklu tal-mobbiltà u approċċi oħrajn li jirrispettaw aktar l-ambjent u inklużivi f’konformità mal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja (ECHE) u l-linji gwida tal-ECHE.

Minbarra l-kriterji tal-eliġibbiltà indikati hawn fuq, l-applikanti jiġu vvalutati skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà rilevanti indikati fit-taqsimiet li ġejjin u skont il-kriterji tal-esklużjoni, tal-għażla u għall-għoti. Għal aktar informazzjoni dwar il-kriterji ta’ esklużjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Kriterji tal-eliġibiltà għall-mobbiltà tal-istudenti

Attivitajiet eliġibbli

Jekk jogħġbok ara l-attivitajiet eliġibbli taħt l-Eliġibbiltà tal-Proġetti ta’ Mobbiltà.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ studju:

L-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha mill-Istati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm (kemm dawk li jibagħtu kif ukoll dawk li jilqgħu) iridu jkunu istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) mogħtija b’ECHE. L-organizzazzjonijiet kollha minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (kemm dawk li jibagħtu kif ukoll dawk li jilqgħu) iridu jkunu HEIs rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti u jridu jkunu ffirmaw ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tagħhom mill-Istati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships:

L-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun HEI minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Fil-każ ta’ mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships, l-organizzazzjoni li tilqa’ tista’ tkun11 :

  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ, tar-riċerka u tal-innovazzjoni. Pereżempju, tali organizzazzjoni tista’ tkun:
    • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, medja jew kbira (inkluż l-intrapriżi soċjali);
    • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
    • ambaxxati jew uffiċċji konsulari tal-Istat Membru tal-UE li jibgħat jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
    • sieħeb soċjali jew rappreżentant ieħor tal-ħajja tax-xogħol, inklużi kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet tas-snajja’/professjonali u trade unions;
    • istitut tar-riċerka;
    • fondazzjoni;
    • skola/istituzzjoni/ċentru edukattiv (fi kwalunkwe livell, mill-edukazzjoni preprimarja sa edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, u bl-inklużjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti);
  • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO;
  • korp li jipprovdi gwida għall-karriera, konsulenza professjonali u servizzi ta’ informazzjoni;
  • HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE, jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Durata tal-attività

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ studju: minn xahrejn (jew terminu akkademiku wieħed jew trimestru) sa 12-il xahar ta’ mobbiltà fiżika, minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar.Dan jista’ jinkludi perjodu komplementari ta’ traineeship, jekk ippjanat, u jista’ jiġi organizzat b’modi differenti skont il-kuntest: jew attività waħda wara l-oħra jew it-tnejn fl-istess ħin. Il-kombinazzjoni ssegwi r-regoli ta’ finanzjament u d-durata minima tal-mobbiltà għall-istudju.

Mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships: minn xahrejn sa 12-il xahar ta’ mobbiltà fiżika, minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar.

Kwalunkwe student, b’mod partikolari dawk li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw f’mobbiltà fiżika fit-tul għal studji jew għal traineeships, pereżempju minħabba l-qasam ta’ studju tiegħu jew minħabba li għandu inqas opportunitajiet għall-parteċipazzjoni, jista’ jikkombina mobbiltà fiżika iqsar ma’ komponent virtwali (mobbiltà mħallta fuq perjodu ta’ żmien qasir). Barra minn hekk, kwalunkwe student jista’ jipparteċipa fi programmi intensivi mħallta. F’dawn il-każijiet, il-mobbiltà fiżika trid iddum bejn 5 ijiem u 30 jum (minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar) u tista’ tkun ikkombinata ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita l-iskambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u ħidma f’tim. Il-mobbiltà mħallta għall-istudji trid tagħti minimu ta’ tliet krediti tal-ECTS.

Mobbiltà għal studji u/jew għal traineeships għall-kandidati għad-dottorat: minn 5 ijiem sa 30 jum jew minn xahrejn sa 12-il xahar ta’ mobbiltà fiżika (mobbiltà għal studju tista’ tinkludi perjodu ta’ traineeship komplementari, jekk ikun ippjanat), minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar.

Durata totali eliġibbli għal kull ċiklu ta’ studju:

L-istess student jista’ jipparteċipa f’perjodi ta’ mobbiltà li jammontaw għal massimu ta’ 12-il xahar12 ta’ mobbiltà fiżika għal kull ċiklu ta’ studju13 , indipendentement mill-għadd u mit-tip ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà:

  • waqt l-ewwel ċiklu ta’ studju (grad ta’ Baċellerat jew ekwivalenti) inkluż iċ-ċiklu l-qasir (il-livelli 5 u 6 tal-QEK);
  • waqt it-tieni ċiklu ta’ studju (Master jew ekwivalenti - il-livell 7 tal-QEK); u
  • waqt it-tielet ċiklu ta’ studju bħala kandidat għal dottorat (livell ta’ dottorat jew il-livell 8 tal-QEK).

Id-durata tat-traineeships minn gradwati reċenti tgħodd lejn il-massimu ta’ 12-il xahar taċ-ċiklu li matulu japplikaw għat-traineeship.

Il-perjodu ta’ mobbiltà fiżika jista’ jiġi interrott. Il-perjodu ta’ interruzzjoni ma jgħoddx għad-durata tal-attività ta’ mobbiltà.

Għat-traineeships, btala ta’ intrapriża/organizzazzjoni ma titqiesx bħala perjodu ta’ interruzzjoni. L-għotja tinżamm matul dik il-btala. Il-perjodu ta’ btala jgħodd għad-durata minima ta’ perjodu ta’ traineeship.

Post(ijiet) tal-attività

L-istudenti jridu jwettqu l-attività ta’ mobbiltà fiżika tagħhom fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programmjew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm differenti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat u mill-pajjiż fejn l-istudent għandu l-akkomodazzjoni tiegħu matul l-istudji tiegħu14 .

Parteċipanti eliġibbli

L-istudenti rreġistrati f’HEI u miktubin fi studji li jwasslu għal lawrja rikonoxxuta, inklużi lawrji doppji/konġunti15 , jew kwalifika ta’ livell terzjarju rikonoxxuta oħra (sa u inkluż il-livell tad-dottorat). Fil-każ tal-mobbiltà għal dottorat, il-parteċipant jeħtieġlu jkun fil-livell 8 tal-QEK.

Gradwati reċenti tal-edukazzjoni għolja jistgħu jipparteċipaw f’mobbiltà għall-finijiet ta’ traineeships. L-organizzazzjoni benefiċjarja tista’ ma tiħux sehem fi traineeships għal gradwati reċenti. Il-gradwati reċenti jridu jintgħażlu mill-HEI tagħhom fl-aħħar sena ta’ studju tagħhom, u jridu jwettqu u jlestu t-traineeships tagħhom barra l-pajjiż fi żmien sena minn meta jiggradwaw16 .

Rekwiżiti oħrajn

Il-mobbiltà tal-istudenti tista’ tkun fi kwalunkwe qasam ta’ studju. Il-mobbiltà tal-istudenti tista’ tkun perjodu ta’ studju kkombinat ma’ traineeship qasir (ta’ inqas minn xahrejn) filwaqt li titqies bħala perjodu ta’ studju kumplessiv. L-istudent, l-organizzazzjoni li tibgħat u dik li tilqa’ jeħtiġilhom jiffirmaw ftehim ta’ apprendiment.

Il-perjodu ta’ studju barra l-pajjiż irid ikun parti mill-programm ta’ studju tal-istudent sabiex itemm lawrja. Kull meta jkun possibbli, it-traineeships għandhom ikunu parti integrata mill-programm ta’ studju tal-istudent.

L-insegwiment ta’ korsijiet f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja ma jistax jitqies bħala traineeship.

Fil-każ ta’ mobbiltà mħallta tal-istudenti, l-attivitajiet jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni fil-korsijiet offruti f’format ta’ apprendiment imħallat fi kwalunkwe HEI sieħba, taħriġ online u inkarigi ta’ xogħol jew parteċipazzjoni fi programmi intensivi mħallta.

Fir-rigward tal-mobbiltà internazzjonali, ara t-taqsima dwar il-“Mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm”.

Kriterji tal-eliġibbiltà għall-mobbiltà tal-persunal

Attivitajiet eliġibbli

Jekk jogħġbok ara l-attivitajiet eliġibbli taħt l-Eliġibbiltà tal-Proġetti ta’ Mobbiltà.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim:

  • L-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun:
  • HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE, jew
  • HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, jew
    • fil-każ ta’ persunal mistieden biex jgħallem fl-HEI: kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata (mhux mogħtija b’ECHE) fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Pereżempju, tali organizzazzjoni tista’ tkun:
    • intrapriża pubblika jew privata, żgħira, medja jew kbira (inkluż l-intrapriżi soċjali);
    • korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
    • sieħeb soċjali jew rappreżentant ieħor tal-ħajja tax-xogħol, inklużi kmamar tal-kummerċ, assoċjazzjonijiet tas-snajja’/professjonali u trade unions;
    • istitut tar-riċerka;
    • fondazzjoni;
    • skola/istituzzjoni/ċentru edukattiv (fi kwalunkwe livell, mill-edukazzjoni preprimarja sa edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, u bl-inklużjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni għall-adulti);
    • organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, assoċjazzjoni, NGO;
    • korp li jipprovdi gwida għall-karriera, konsulenza professjonali u servizzi ta’ informazzjoni.

L-organizzazzjoni li tilqa’ trid tkun HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm li tkun ingħatat ECHE jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti u li tkun iffirmat ftehim interistituzzjonali mas-sieħeb minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ taħriġ:

L-organizzazzjoni li tibgħat trid tkun HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm li tkun ingħatat ECHE, jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti li tkun iffirmat ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tagħha minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

L-organizzazzjoni li tilqa’ trid tkun:

  • HEI minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm mogħti b’ECHE, jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti li jkun iffirma ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tiegħu minn Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà, jew
  • kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm (jew minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, jekk il-proġett ta’ mobbiltà jkun iffinanzjat minn fondi ta’ politika interna) attiva fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Durata tal-attività tal-mobbiltà

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim u taħriġ:

Id-durata tal-mobbiltà fost l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati mal-Programm trid tkun minn jumejn sa 60 jum ta’ mobbiltà fiżika, minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar. Fil-każ ta’ persunal mistieden minn intrapriżi, id-durata minima hija ta’ ġurnata ta’ mobbiltà fiżika.

Fil-każ ta’ mobbiltà li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, id-durata trid tkun bejn 5 ijiem u 60 jum, minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar. L-istess japplika għall-persunal mistieden mill-intrapriżi.

Fil-każijiet kollha, in-numru minimu ta’ jiem irid ikun magħmul minn jiem konsekuttivi.

Il-perjodu ta’ mobbiltà fiżika jista’ jiġi interrott. Il-perjodu ta’ interruzzjoni ma jgħoddx għad-durata tal-attività ta’ mobbiltà.

Attività ta’ tagħlim għandha tinkludi minimu ta’ 8 sigħat ta’ tagħlim kull ġimgħa (jew kwalunkwe perjodu ieħor ta’ soġġorn iqsar minn ġimgħa). Jekk il-mobbiltà ddum aktar minn ġimgħa, in-numru minimu ta’ sigħat ta’ tagħlim għal ġimgħa mhux kompluta għandu jkun proporzjonali għad-durata ta’ dik il-ġimgħa. L-eċċezzjonijiet li ġejjin japplikaw:

  • Ma hemmx numru minimu ta’ sigħat ta’ tagħlim għall-persunal mistieden mill-intrapriżi.
  • Jekk l-attività ta’ tagħlim tingħaqad ma’ attività ta’ taħriġ matul perjodu wieħed barra l-pajjiż, in-numru minimu ta’ sigħat ta’ tagħlim kull ġimgħa (jew kwalunkwe perjodu ieħor ta’ soġġorn iqsar minn ġimgħa) jitnaqqas għal erba’ sigħat.

Kwalunkwe membru tal-persunal jista’ jipparteċipa fi programmi intensivi mħallta. Fil-każ ta’ mobbiltà tal-persunal għal taħriġ fi programm intensiv imħallat, il-mobbiltà fiżika trid iddum bejn 5 ijiem u 30 jum (minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar) u tkun ikkombinata ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita l-iskambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u l-ħidma f’tim. Għall-mobbiltà tal-persunal għal tagħlim fi programm intensiv imħallat appoġġat minn fondi ta’ politika interna, il-mobbiltà fiżika trid iddum bejn jumejn u 30 jum (minbarra l-ħin tal-ivvjaġġar), jew minimu ta’ jum wieħed għall-persunal mistieden mill-intrapriżi, u l-komponent virtwali huwa fakultattiv.

Post(ijiet) tal-attività

Il-persunal irid iwettaq l-attività ta’ mobbiltà fiżika tiegħu fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm differenti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat u l-pajjiż ta’ residenza tal-persunal17 .

Parteċipanti eliġibbli

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ tagħlim:

  • Persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.
  • Persunal minn kwalunkwe intrapriża minn kwalunkwe pajjiż, li jaħdem f’organizzazzjoni pubblika jew privata (li ma hijiex HEI li għandha ECHE), attiv fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni u huwa mistieden jgħallem f’HEI fi kwalunkwe pajjiż (inklużi kandidati għad-dottorat li jkunu impjegati). 

Mobbiltà tal-persunal għall-finijiet ta’ taħriġ: 

Persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.

Rekwiżiti oħrajn

Il-mobbiltà tal-persunal tista’ tkun perjodu ta’ tagħlim ikkombinat ma’ perjodu ta’ taħriġ, filwaqt li titqies bħala perjodu ta’ tagħlim kumplessiv. Il-mobbiltà ta’ tagħlim jew ta’ taħriġ tista’ sseħħ f’aktar minn organizzazzjoni waħda li tilqa’ fl-istess pajjiż, filwaqt li titqies bħala perjodu wieħed ta’ tagħlim jew taħriġ bid-durata minima ta’ soġġorn applikabbli.

Il-mobbiltà għat-tagħlim tista’ tkun fi kwalunkwe qasam ta’ studju.

Il-mobbiltà għat-tagħlim tista’ tinkludi l-għoti ta’ taħriġ għall-iżvilupp tal-HEI sieħba.

Il-membru tal-persunal, l-organizzazzjoni li tibgħat u dik li tilqa’ jeħtiġilhom jiffirmaw ftehim ta’ mobbiltà.

Fir-rigward tal-mobbiltà internazzjonali, ara “Mobbiltà internazzjonali li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm”.

Kriterji ta’ eliġibbiltà għal programmi intensivi mħallta

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Għandu jiġi żviluppat u implimentat programm intensiv imħallat minn tal-inqas tliet istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) li jkunu ġejjin minn tal-inqas tliet Stati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Barra minn hekk, kwalunkwe HEI jew organizzazzjoni oħra li tinsab fi Stat Membru tal-UE, f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm tista’ tipparteċipa sabiex tibgħat parteċipanti.

L-HEIs li jibagħtu studenti u persunal sabiex jipparteċipaw bħala studenti fi programmi intensivi mħallta jridu jkunu HEIs minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm li jkun ingħata ECHE jew HEI minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti li tkun iffirmat ftehimiet interistituzzjonali mas-sħab tagħha minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm, qabel ma sseħħ il-mobbiltà.

Għall-persunal tat-tagħlim u t-taħriġ involut fit-twettiq tal-programm, tista’ tkun kwalunkwe organizzazzjoni minn Stat Membru tal-UE jew minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm (ara l-parteċipanti eliġibbli).

Il-parteċipanti jistgħu jintbagħtu bil-finanzjament tal-Erasmus+ jew jieħdu sehem billi jġarrbu l-kostijiet huma stess. L-HEIs minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm jistgħu jibagħtu l-parteċipanti bl-Erasmus+, jekk l-istituzzjoni li tilqa’ jkollha, fl-istess ħin, proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat minn fondi tal-politika esterna li jiffinanzjaw studenti u persunal li jkunu deħlin minn dawn il-pajjiżi. Dawn il-parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma jgħoddux għar-rekwiżiti minimi.

Il-HEI li tilqa’ trid tingħata l-ECHE. Il-HEI li tilqa’ tista’ tkun l-istess bħall-HEI li tikkoordina jew differenti minnha. Organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jospitaw ukoll b’mod konġunt parteċipanti fil-pajjiż li jilqa’ matul parti mill-attività fiżika.

Il-HEI li tikkoordina wkoll trid tingħata ECHE. Il-HEI li tikkoordina/tilqa’ hija jew il-HEI applikanti jew membru tal-HEI tal-konsorzju tal-mobbiltà li japplika għal proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat b’fondi ta’ politika interna.

Durata tal-attività

Id-durata tal-komponent fiżiku ta’ programm intensiv imħallat trid tkun ta’ bejn 5 ijiem u 30 jum għall-istudenti. L-ebda durata minima ma hija meħtieġa għall-komponent virtwali iżda l-komponenti virtwali u fiżiċi kkombinati jridu jagħtu minimu ta’ tliet krediti tal-ECTS lill-istudenti.

Post(ijiet) tal-attività

L-attività fiżika tista’ sseħħ fil-HEI li tilqa’ jew fi kwalunkwe post ieħor fil-pajjiż tal-HEI li tilqa’.

Parteċipanti eliġibbli

Studenti

L-istudenti rreġistrati f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm, u rreġistrati fi studji li jwasslu għal grad rikonoxxut jew kwalifika rikonoxxuta oħra ta’ livell terzjarju (sa u inkluż il-livell ta’ dottorat).

Persunal

Persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.

Persunal ta’ tagħlim u ta’ taħriġ involut fit-twettiq tal-programm:

  • Il-persunal li jaħdem f’HEI fi Stat Membru tal-UE, f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm.
  • Il-persunal mistieden jgħallem f’HEI: li jkun ġej minn kwalunkwe intrapriża/organizzazzjoni pubblika jew privata (bl-eċċezzjoni tal-HEIs mogħtija b’ECHE); l-intrapriża/organizzazzjoni għandha tkun minn Stat Membru tal-UE, minn pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew minn pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm attiv fis-suq tax-xogħol jew fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, ir-riċerka u l-innovazzjoni; il-kandidati għad-dottorat li jkunu impjegati jgħoddu wkoll bħala eliġibbli taħt din l-azzjoni.

Rekwiżiti oħrajn

Il-programmi intensivi mħallta għall-istudenti u l-persunal iridu jinkludu mobbiltà fiżika fuq perjodu qasir barra mill-pajjiż ikkombinat ma’ komponent virtwali obbligatorju li jiffaċilita skambju kollaborattiv ta’ apprendiment online u ta’ ħidma f’tim. Il-komponent virtwali jrid jgħaqqad flimkien lill-istudenti online sabiex jaħdmu b’mod kollettiv u simultanju fuq inkarigi speċifiċi li huma integrati fil-programm intensiv imħallat u jgħoddu mal-eżiti kumplessivi tal-apprendiment.

Il-programmi intensivi mħallta għandhom jagħtu mill-inqas tliet krediti tal-ECTS lill-istudenti.

Sabiex ikun eliġibbli għal appoġġ organizzazzjonali, programm intensiv imħallat jeħtieġ li jinvolvi minimu ta’ 10 studenti mobbli tal-Erasmus+ appoġġati minn fondi ta’ politika interna (li ma jinkludux persunal tat-tagħlim/tat-taħriġ involut fl-eżekuzzjoni tal-programm). Dawn l-10 studenti mobbli jridu jkunu qegħdin iwettqu l-mobbiltà tagħhom speċifikament sabiex jattendu l-programm intensiv imħallat permezz ta’ waħda mill-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-Erasmus+ li ġejjin: il-mobbiltà mħallta tal-istudenti għal perjodu qasir għal studji jew il-mobbiltà mħallta tal-persunal għat-taħriġ.

L-appoġġ individwali u, fejn applikabbli, l-appoġġ għall-ivvjaġġar lill-parteċipanti għall-attività fiżika jiġi pprovdut mill-HEI li tibgħat (u l-HEI li tilqa’ fil-każ ta’ persunal mistieden minn intrapriżi u fil-każ ta’ parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm iffinanzjat bi strumenti ta’ azzjoni esterna).

Informazzjoni addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna

Il-fondi disponibbli għall-proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna huma maqsuma bejn reġjuni differenti tad-dinja fi 12-il pakkett baġitarju u d-daqs ta’ kull pakkett baġitarju huwa differenti skont il-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE. Aktar informazzjoni dwar l-ammonti disponibbli taħt kull pakkett baġitarju se jkunu ppubblikati fuq is-siti web tal-Aġenziji Nazzjonali.

L-UE stabbiliet numru ta’ miri indikattivi rigward il-bilanċ ġeografiku u l-prijoritajiet li għandhom jinkisbu fil-livell Ewropew matul id-durata kollha tal-programm (2021–2027), inkluż il-kooperazzjoni mal-pajjiżi l-inqas żviluppati18 . Dawn il-miri u l-prijoritajiet indikattivi ma għandhomx għalfejn jintlaħqu mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja individwali, iżda l-Aġenziji Nazzjonali se jikkunsidrawhom biex jiġi allokat il-baġit disponibbli. Dawn huma l-miri stabbiliti għall-proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna inġenerali fil-livell tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati mal-Programm skont is-sejħa tal-2027:

  • L-Asja:  
    • Għandu jintefaq minimu ta’ 25 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) tar-reġjun;
    • Ma għandux jintefaq aktar minn 25 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-Pajjiżi b’Introjtu Għoli (HICs) tar-reġjun;
    • Ma għandux jintefaq aktar minn 15 % tal-baġit fuq il-mobbiltà maċ-Ċina;
    • Ma għandux jintefaq aktar minn 10 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-Indja.
  • Il-Paċifiku:
    • Ma għandux jintefaq aktar minn 86.5 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-Awstralja u n-New Zealand flimkien.
  • L-Afrika sub-Saħarjana:
    • Għandu jintefaq minimu ta’ 35 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) tar-reġjun, b’enfasi speċjali fuq il-pajjiżi prijoritarji tal-migrazzjoni;
    • ma għandux jintefaq aktar minn 8 % tal-baġit fuq il-mobbiltà ma’ kwalunkwe pajjiż.
  • L-Amerka Latina:
    • Ma għandux jintefaq aktar minn 30 % tal-baġit fuq il-mobbiltà mal-Brażil u l-Messiku flimkien.
  • Sħubija tal-Lvant:
    • Minimu ta’ 40 % tal-baġit għandu jiġi allokat lil studenti b’inqas opportunitajiet.
  • Viċinat tan-Nofsinhar:
    • Ma għandux jintefaq aktar minn 15 % tal-baġit fuq il-mobbiltà ma’ kwalunkwe pajjiż;
    • Għandu jiġi allokat minimu ta’ 65 % tal-fondi lill-istudenti, li 50 % minnhom għandhom ikunu studenti b’inqas opportunitajiet.
  • Il-Balkani tal-Punent: l-enfasi għandha tkun fuq il-mobbiltà tal-istudenti.

Minħabba r-rekwiżit li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-azzjoni esterna tal-UE, il-mobbiltajiet ta’ ċiklu qasir, tal-ewwel u tat-tieni ċiklu li l-istudenti wettqu mal-pajjiżi eliġibbli għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA, Official Development Assistance)19 fir-reġjuni 2-1120 huma limitati għall-mobbiltà dieħla minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Il-mobbiltà ħierġa lejn dawn ir-reġjuni hija disponibbli biss għall-istudenti fil-livell ta’ dottorat u għall-persunal. 

Jekk l-applikant ikun ingħata proġett ta’ mobbiltà appoġġat minn fondi ta’ politika interna, il-flussi internazzjonali ta’ mobbiltà ħierġa mhux eliġibbli msemmija hawn fuq għal dawn ir-reġjuni jistgħu jiġu ffinanzjati b’mod komplementari minn dan il-proġett ta’ mobbiltà appoġġat minn fondi ta’ politika interna.

Fl-aħħar nett, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu japplikaw għal 100 % tal-mobbiltà tal-persunal jew 100 % tal-mobbiltà tal-istudenti jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, sakemm dan ikun konformi ma’ kwalunkwe kriterju tal-eliġibbiltà addizzjonali għall-proġetti stabbilit mill-Aġenzija Nazzjonali (ara t-taqsima li jmiss).

Kriterji tal-eliġibbiltà addizzjonali għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna stabbiliti minn aġenziji nazzjonali

Meta l-pakkett tal-baġit għal reġjun sieħeb partikolari jkun limitat, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tagħżel li żżid kriterju tal-eliġibbiltà wieħed jew aktar mil-lista ta’ hawn taħt: 

  • Jiġi limitat il-livell tal-lawrja għall-parteċipanti (pereżempju billi l-applikazzjonijiet jiġu limitati għal ċiklu wieħed jew tnejn biss – livell ta’ baċellerat, master jew dottorat);
  • Jiġi limitat it-tip ta’ parteċipanti għal persunal jew għal studenti biss;
  • Tiġi limitata d-durata tal-perjodi ta’ mobbiltà (pereżempju tiġi limitata l-mobbiltà tal-istudenti għal 6 xhur, jew tiġi limitata l-mobbiltà tal-persunal għal 10 ijiem).

Fl-eventwalità li Aġenzija Nazzjonali tiddeċiedi li tuża dawn il-kriterji tal-eliġibbiltà addizzjonali għall-proġetti, din id-deċiżjoni tkun ikkomunikata qabel id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, b’mod partikulari fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali.

X’inhuma l-kriterji għall-għoti għal proġett ta’ mobbiltà?

Kriterji għall-għoti ta’ proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna

Ma teżisti l-ebda valutazzjoni kwalitattiva (il-kwalità ġiet ivvalutata fil-fażi tal-applikazzjoni tal-ECHE jew meta kien qiegħed jintgħażel il-konsorzju tal-mobbiltà) u għaldaqstant ma jeżisti l-ebda kriterju għall-għoti.

Kwalunkwe applikazzjoni għal għotja eliġibbli (wara li tkun għaddiet mill-verifika tal-eliġibbiltà) tingħata finanzjament.

L-ammont massimu tal-għotja jiddependi fuq numru ta’ elementi:

  • in-numru ta’ mobbiltajiet applikati għalihom;
  • il-prestazzjoni tal-imgħoddi tal-applikant f’termini ta’ numru ta’ perjodi ta’ mobbiltà, kwalità tajba fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet u tal-ġestjoni finanzjarja tajba, f’każ li l-applikant ikun irċieva għotja simili fis-snin ta’ qabel;
  • in-numru ta’ programmi intensivi mħallta applikati għalihom;
  • il-baġit nazzjonali totali allokat għall-azzjoni ta’ mobbiltà għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna.

Kriterji għall-għoti għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati mill-fondi tal-politika esterna

L-applikazzjonijiet eliġibbli għall-għotja (wara li jkunu għaddew mill-verifika tal-eliġibbiltà) jiġu vvalutati abbażi tal-kriterji għall-għoti li ġejjin:

Kriterju għall-għoti fil-livell tal-proġett: Kwalità tat-tfassil tal-proġett u arranġamenti ta’ koperazzjoni (massimu ta’ 40 punt)

  • Kemm l-organizzazzjoni applikanti tiddeskrivi b’ċarezza r-responsabbiltajiet, ir-rwoli u l-kompiti bejn is-sħab.
  • Il-punt sa fejn il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Il-kompletezza u l-kwalità tal-arranġamenti għall-għażla tal-parteċipanti, l-appoġġ li ngħatalhom u r-rikonoxximent tal-perjodu ta’ mobbiltà tagħhom (b’mod partikolari fil-pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm).

Kriterju għall-għoti fil-livell tar-reġjun: Rilevanza tal-istrateġija (massimu ta’ 40 punt)

Għal kull sħubija reġjonali:

  • Kemm il-proġett ta’ mobbiltà ppjanat huwa rilevanti għall-istrateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja involuti.
  • Ir-raġunament wara l-għażla ta’ mobbiltà tal-persunal u/jew tal-istudenti.
  • Ir-raġunament wara l-immirar tal-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi speċifiċi fir-reġjun sieħeb.

Kriterju għall-għoti fil-livell tar-reġjun: Impatt u tixrid (massimu ta’ 20 punt)

Għal kull sħubija reġjonali:

  • L-impatt potenzjali tal-proġett fuq il-parteċipanti, l-applikanti, l-organizzazzjonijiet sħab, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali
  • Il-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tar-riżultati tal-proġett ta’ mobbiltà fil-livelli tal-fakultà u tal-istituzzjoni, u oltre minn hekk, fejn applikabbli, fil-pajjiżi kollha involuti.

L-applikant se jispjega kif il-proġett jissodisfa dawn it-tliet kriterji mill-perspettiva tal-istituzzjoni tiegħu stess (jew l-istituzzjonijiet fil-każ ta’ applikazzjonijiet sottomessi minn konsorzji) u dik tal-istituzzjonijiet sħab fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Il-mistoqsija li tikkorrispondi għall-kriterju għall-għoti Kwalità tad-disinn tal-proġett u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni trid titwieġeb darba għall-proposta kollha tal-proġett, filwaqt li l-mistoqsijiet li jikkorrispondu għall-kriterji għall-għoti Rilevanza tal-istrateġija u Impatt u tixrid iridu jitwieġbu darba għal kull reġjun li l-applikant ikun qiegħed jippjana li jinvolvi fil-proġett.

L-applikanti għandhom jgħaqqdu l-proposta tagħhom fi “sħubijiet reġjonali”, jiġifieri jirraggruppaw l-attivitajiet kollha li jinvolvu pajjiżi tal-istess reġjun. Kull sħubija reġjonali tingħata punteġġ separat. Il-ftehim reġjonali li jgħaqqad tal-inqas 60 punt, filwaqt li jilħaq il-livell limitu ta’ 50 % għal kull kriterju tal-għotja ppreżentata fit-tabella, se jkun ikkunsidrat għal finanzjament.

L-għotja totali mogħtija lill-proġett tkun somma tal-għotjiet mogħtija lis-sħubijiet reġjonali li jkunu laħqu l-limitu minimu ta’ kwalità, skont numru ta’ elementi:

  • in-numru ta’ parteċipanti u d-durata tal-attività li għaliha ssir l-applikazzjoni;
  • il-baġit allokat għal kull pajjiż jew reġjun;
  • il-bilanċ ġeografiku f’reġjun partikolari.

Irrispettivament mill-punteġġ tas-sħubija reġjonali ogħla mil-limitu indikat, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tagħti prijorità lill-mobbiltajiet ma’ ċerti pajjiżi sabiex tiżgura l-bilanċ ġeografiku f’dak ir-reġjun, kif definit mill-miri ġeografiċi msemmija hawn fuq.

L-Aġenzija Nazzjonali ma hijiex obbligata li tiffinanzja l-mobbiltajiet kollha mitluba għal pajjiż terz partikolari mhux assoċjat mal-Programm, jekk it-talba titqies bħala eċċessiva fir-rigward tal-baġit disponibbli.

Regoli ta’ finanzjament

A) Regoli ta’ finanzjament applikabbli għall-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà fl-edukazzjoni għolja

Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kostijiet marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà (bl-esklużjoni tas-sussistenza u l-ivvjaġġar għall-parteċipanti).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti fil-mobbiltà.

Ammont

Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna:

Sal-100 parteċipant: EUR 400 għal kull parteċipant, u lil hinn mill-100 parteċipant: EUR 230 għal kull parteċipant addizzjonali

Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna:

EUR 500 għal kull parteċipant

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-ivvjaġġar

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Il-kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, mill-post tal-oriġini tagħhom għall-post tal-attività u lura.

Taħt it-500 KM, il-parteċipanti, bħala regola ġenerali, se jivvjaġġaw b’mezzi tat-trasport b’emissjonijiet baxxi. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar għal kull parteċipant/akkumpanjatur. L-applikant jeħtieġlu jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività21 billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea22

Jekk ikun meħtieġ, appoġġ individwali biex ikopri il-kostijiet ta’ sussistenza huwa eliġibbli għall-ħin tal-ivvjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta ’ vvjaġġar għall-parteċipanti/l-akkumpanjaturi li ma jużawx  mezzi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi, u massimu ta’ 6 ijiem ta’ vvjaġġar bl-użu ta’   mezzi ta’ trasport b’emissjonijiet baxxi.

Ammont

Distanza tal-ivvjaġġarVjaġġar ekoloġikuVjaġġar mhux ekoloġiku
10 – 99 kmEUR 56EUR 28
100 – 499 kmEUR 285EUR 211
500 – 1999 kmEUR 417EUR 309
2000 – 2999 kmEUR 535EUR 395
3000 – 3999 kmEUR 785580EUR
4000 – 7999 kmEUR 1188EUR 1188
8000 km jew aktarEUR 1735EUR 1735

Kategorija tal-baġit - Appoġġ għall-inklużjoni

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Appoġġ għall-inklużjoni għall-organizzazzjonijiet: Kostijiet relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet li jirrikjedu appoġġ addizzjonali abbażi ta’ kostijiet reali.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet li jirċievu appoġġ addizzjonali abbażi tal-kostijiet reali permezz tal-kategorija ta’ appoġġ għall-inklużjoni.

Ammont

EUR 125 għal kull parteċipant

Appoġġ għall-inklużjoni għall-parteċipanti:Kostijiet addizzjonali relatati direttament mal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. B’mod partikolari, dawn il-kostijiet għandhom l-għan li jkopru l-appoġġ finanzjarju addizzjonali meħtieġ għall-parteċipanti b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa biex jippermettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-mobbiltà kif ukoll fi żjarat preparatorji u għall-akkumpanjaturi (inklużi kostijiet relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, jekk dan ikun iġġustifikat u sakemm ma jkunx kopert permezz tal-kategoriji tal-baġit “appoġġ għall-ivvjaġġar” u “appoġġ individwali” għal dawn il-parteċipanti )23 .

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

100 % tal-kostijiet eliġibbli 

Kategorija tal-baġit - Kostijiet eċċezzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Fil-każ ta’ proġett ta’ mobbiltà ffinanzjat b’fondi ta’ politika interna: kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin. 

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kostijiet reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Ammont

Kostijiet għal garanzija finanzjarja:80 % tal-kostijiet eliġibbli

Kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin: 80 % tal-kostijiet eliġibbli tal-ivvjaġġar 

Għotja għal appoġġ organizzazzjonali għall-benefiċjarju (istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew konsorzji)

L-appoġġ organizzazzjonali marbut mal-mobbiltajiet huwa kontribuzzjoni għal kwalunkwe kost imġarrab mill-istituzzjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal, kemm ’il ġewwa kif ukoll ’il barra, biex tinżamm konformità mal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u mal-prinċipji tal-ECHE kif riflessi fil-ftehimiet interistituzzjonali li sar qbil dwarhom fil-każ ta’ istituzzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. Pereżempju:

  • arranġamenti organizzazzjonali ma’ istituzzjonijiet sħab, inklużi żjarat lejn sħab potenzjali, biex jintlaħaq ftehim dwar il-ftehimiet interistituzzjonali għall-għażla, it-tħejjija, l-ospitabilità u l-integrazzjoni tal-parteċipanti mobbli; u biex dawn il-ftehimiet interistituzzjonali jinżammu aġġornati;
  • l-għoti ta’ katalogi tal-korsijiet aġġornati għall-istudenti internazzjonali;
  • l-għoti ta’ informazzjoni u assistenza lill-istudenti u l-persunal;
  • l-għażla tal-istudenti u l-persunal;
  • it-tħejjija tal-ftehimiet tal-apprendiment biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent sħiħ tal-komponenti edukattivi tal-istudenti; it-tħejjija u r-rikonoxximent tal-ftehimiet ta’ mobbiltà għall-persunal;
  • it-tħejjija lingwistika u interkulturali pprovduta kemm għall-istudenti u għall-persunal li deħlin kif ukoll għal dawk li ħerġin, komplementarja għall-Appoġġ Lingwistiku Online tal-Erasmus+;
  • l-iffaċilitar tal-integrazzjoni ta’ parteċipanti mobbli li deħlin fil-HEI;
  • l-iżgurar ta’ arranġamenti ta’ mentoraġġ u superviżjoni effiċjenti tal-parteċipanti mobbli;
  • arranġamenti speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-kwalità tat-traineeships tal-istudenti fl-intrapriżi/l-organizzazzjonijiet li jilqgħu;
  • l-iżgurar tar-rikonoxximent tal-komponenti edukattivi u l-krediti relatati, bil-ħruġ ta’ traskrizzjonijiet ta’ rekords u supplimenti ta’ diplomi;
  • l-appoġġ għar-riintegrazzjoni tal-parteċipanti mobbli u li jkomplu jiġu żviluppati l-kompetenzi l-ġodda li jkunu kisbu għall-benefiċċju tal-HEI u l-pari;
  • l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Kard Ewropea tal-Istudenti (diġitalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-mobbiltà);
  • il-promozzjoni ta’ modi ta’ mobbiltà li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u proċeduri amministrattivi aktar ekoloġiċi;
  • il-promozzjoni u l-ġestjoni tal-parteċipazzjoni ta’ individwi b’inqas opportunitajiet;
  • l-identifikazzjoni u l-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ involviment ċiviku u l-monitoraġġ tal-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet;
  • il-promozzjoni u l-ġestjoni tal-mobbiltà mħallta u/jew internazzjonali.

L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jimpenjaw ruħhom biex jikkonformaw mal-prinċipji kollha tal-Karta ħalli jiżguraw mobbiltà ta’ kwalità għolja, inklużi dawn: “jiżguraw li l-parteċipanti mobbli li jkunu ħerġin ikunu ppreparati sew għall-attivitajiet tagħhom barra mill-pajjiż, inkluża l-mobbiltà mħallta, billi jwettqu attivitajiet sabiex jiksbu l-livell meħtieġ ta’ profiċjenza lingwistika u jiżviluppaw il-kompetenzi interkulturali tagħhom” u “jipprovdu appoġġ lingwistiku xieraq lill-parteċipanti mobbli li jkunu deħlin”. Jista’ jittieħed vantaġġ minn faċilitajiet eżistenti fl-istituzzjonijiet għat-taħriġ fil-lingwi. Dawk l-HEIs li jkunu jistgħu jipprovdu mobbiltà ta’ kwalità għolja lill-istudenti u lill-persunal, inkluż appoġġ lingwistiku, b’kost irħas (jew minħabba li jkun iffinanzjat minn sorsi oħrajn li ma humiex finanzjament tal-UE) ikollhom il-possibbiltà li jittrasferixxu sehem tal-għotja tal-appoġġ organizzazzjonali ħalli jiffinanzjaw aktar attivitajiet ta’ mobbiltà. Il-ftehim ta’ għotja jispeċifika l-livell ta’ flessibbiltà f’dan ir-rigward.

Fil-każijiet kollha, il-benefiċjarji se jkunu obbligati kuntrattwalment li jipprovdu servizzi ta’ kwalità għolja u l-prestazzjoni tagħhom se tiġi mmonitorjata u vverifikata mill-Aġenziji Nazzjonali, filwaqt li jitqiesu r-rapporti tal-parteċipanti pprovduti mill-istudenti u mill-persunal u direttament aċċessibbli mill-Aġenziji Nazzjonali u mill-Kummissjoni.

L-appoġġ organizzazzjonali huwa kkalkulat fuq in-numru tal-parteċipanti mobbli appoġġati kollha (inklużi parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-Erasmus+ għall-perjodu kollu tal-mobbiltà — ara hawn taħt dwar mobbiltajiet b’għotja żero — u persunal minn intrapriżi ta’ tagħlim fl-HEI). Il-parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-Erasmus+ għall-perjodu kollu tal-mobbiltà jgħoddu bħala parteċipanti mobbli appoġġati peress li jibbenefikaw mill-qafas ta’ mobbiltà u mill-attivitajiet organizzazzjonali. Għalhekk jitħallas ukoll appoġġ organizzazzjonali għal dawn il-parteċipanti mobbli. Dan jeskludi l-persuni li jakkumpanjaw lill-parteċipanti matul l-attività tagħhom barra mill-pajjiż. Il-kalkolu tal-appoġġ organizzazzjonali ma jiżdiedx awtomatikament meta jiġu organizzati mobbiltajiet addizzjonali billi jiġu ttrasferiti fondi bejn il-kategoriji tal-baġit.

Fil-każ ta’ konsorzji tal-mobbiltà, l-appoġġ organizzazzjonali riċevut jista’ jiġi kondiviż bejn il-membri kollha skont ir-regoli li jkunu ftiehmu bejniethom.

Għal proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi tal-politika esterna, l-għotja tal-appoġġ organizzazzjonali se tkun kondiviża bejn is-sħab ikkonċernati fuq bażi aċċettabbli b’mod reċiproku li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarha mill-istituzzjonijiet parteċipanti.

Parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE tal-Erasmus+

L-istudenti u l-persunal b’għotja żero mill-fondi tal-UE tal-Erasmus+ huma parteċipanti mobbli li ma jirċevux għotja tal-Erasmus+ relatata mal-ivvjaġġar u s-sussistenza, iżda li jissodisfaw b’mod ieħor il-kriterji kollha ta’ mobbiltà tal-istudenti u l-persunal u li jibbenefikaw mill-vantaġġi kollha billi huma studenti u persunal tal-Erasmus+. Dawn jistgħu jirċievu għotja minn fond tal-UE mhux tal-Erasmus+ (FSE, eċċ.) jew għotja nazzjonali, reġjonali , jew ta’tip ieħor bħala kontribuzzjoni għall-kostijiet tal-mobbiltà tagħhom. In-numru ta’ parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE tal-Erasmus+ għall-perjodu ta’ mobbiltà kollu jgħodd fl-istatistika għall-indikatur tal-prestazzjoni użat sabiex jalloka l-baġit tal-UE bejn il-pajjiżi. Parteċipanti b’inqas opportunitajiet ma jistgħux ikunu parteċipanti b’għotja żero.

Appoġġ għall-inklużjoni

Persuna b’inqas opportunitajiet tiffaċċja kundizzjonijiet personali, fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa li jagħmlu l-parteċipazzjoni fl-azzjoni tal-proġett/mobbiltà impossibbli mingħajr appoġġ finanzjarju supplimentari jew appoġġ ieħor. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinkludu studenti u/jew persunal b’inqas opportunitajiet fost il-parteċipanti tal-proġetti jistgħu japplikaw għal appoġġ ta’ għotja addizzjonali mal-Aġenzija Nazzjonali biex ikopru l-kostijiet supplimentari għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet ta’ mobbiltà. Għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, b’mod partikolari dawk b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa, l-appoġġ ta’ għotja jista’ għalhekk ikun ogħla mill-ammont massimu ta’ għotja individwali stabbilit hawn taħt. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja se jiddeskrivu fuq is-sit web tagħhom kif l-istudenti u l-persunal b’inqas opportunitajiet jistgħu jitolbu u jiġġustifikaw tali appoġġ ta’ għotja addizzjonali.

Il-finanzjament addizzjonali għall-istudenti u l-persunal b’inqas opportunitajiet jista’ jiġi pprovdut ukoll minn sorsi oħrajn fil-livell lokali, reġjonali u/jew nazzjonali.

Kull istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, billi tiffirma l-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, timpenja ruħha li tiżgura aċċess u opportunitajiet ugwali għall-parteċipanti minn kull sfond. Għaldaqstant, l-istudenti u l-persunal b’inqas opportunitajiet jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi ta’ appoġġ li l-istituzzjoni li tilqa’ toffri lill-istudenti u lill-persunal lokali tagħha.

Kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali

Huma biss il-parteċipanti eliġibbli għal appoġġ għall-ivvjaġġar li jipparteċipaw fi proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna li huma eliġibbli għal kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali.

Il-benefiċjarji tal-proġetti ta’ mobbiltà se jitħallew jitolbu appoġġ finanzjarju għall-kostijiet tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti skont l-intestatura tal-baġit “kostijiet eċċezzjonali” (80 % tal-kostijiet totali eliġibbli). Dan se jkun permess diment li l-benefiċjarji jkunu jistgħu jiġġustifikaw li r-regoli tal-finanzjament (ibbażati fuq il-kostijiet unitarji għal kull medda tad-distanza tal-ivvjaġġar) ma jkoprux tal-inqas 70 % tal-kostijiet tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti. Jekk jingħataw, il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali jissostitwixxu l-appoġġ għall-ivvjaġġar.

Sorsi oħrajn ta’ finanzjament

Apparti l-għotja tal-Erasmus+, jew minbarra l-għotja tal-Erasmus+ (parteċipanti mobbli b’għotja żero mill-fondi tal-UE), l-istudenti u l-persunal jistgħu jirċievu għotja reġjonali, nazzjonali jew ta’ kwalunkwe tip ieħor, ġestita minn organizzazzjoni oħra li ma hijiex l-Aġenzija Nazzjonali (eż. Ministeru jew awtoritajiet reġjonali). L-għotjiet tal-Erasmus+ jistgħu jiġu ssostitwiti wkoll minn fondi oħrajn mill-baġit tal-UE (FSE, eċċ.). L-għotjiet ipprovduti minn sorsi oħrajn ta’ finanzjament apparti l-baġit tal-UE mhumiex soġġetti għall-ammonti u l-meded minimi/massimi stabbiliti f’din is-sejħa għall-proposti.

L-organizzazzjonijiet riċeventi għat-traineeships jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju jew kontribuzzjoni in natura lit-trainees.

B) Regoli ta’ finanzjament applikabbli għall-mobbiltà tal-istudenti

Appoġġ individwali għall-mobbiltà fiżika – ammonti bażi għall-mobbiltà fit-tul

L-istudenti jistgħu jirċievu għotja ta’ appoġġ individwali bħala kontribuzzjoni għall-kostijiet addizzjonali tagħhom għas-sussistenza relatati mal-perjodu ta’ studju jew mat-traineeships barra l-pajjiż.

Għall-mobbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14, l-ammonti ta’ kull xahar se jiġu ddefiniti mill-Aġenziji Nazzjonali bi qbil mal-Awtoritajiet Nazzjonali, u/jew mal-HEIs abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti kif deskritt hawn taħt. L-ammonti eżatti se jiġu ppubblikati fuq is-siti web tal-Aġenziji Nazzjonali u tal-HEIs.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 1424 huma maqsuma fit-tliet gruppi li ġejjin: 

Grupp 1 Pajjiżi b’għoli tal-ħajja ogħla

L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu,  in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja.

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14.

Grupp 2 Pajjiżi b’għoli tal-ħajja medju

Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja.

Grupp 3 Pajjiżi b’għoli tal-ħajja aktar baxx

Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Serbja, it-Turkija.

L-appoġġ ta’ għotja individwali tal-UE tal-Erasmus+ li tingħata lill-istudenti se tiddependi fuq il-fluss tal-mobbiltà tagħhom bejn il-pajjiżi li jibagħtu u dawk li jilqgħu tal-istudent, kif ġej:

  • il-mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja simili: l-istudenti se jirċievu l-għotja tal-UE ta’ medda medja;
  • il-mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja ogħla: l-istudenti se jirċievu l-għotja tal-UE ta’ medda ogħla;
  • il-mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja aktar baxx: l-istudenti se jirċievu l-għotja tal-UE ta’ medda baxxa.

L-ammonti ddefiniti mill-Aġenziji Nazzjonali se jkunu stabbiliti fil-meded minimi u massimi li ġejjin:

  • Għotja tal-UE ta’ medda medja: medda medja, bejn EUR 292 u EUR 606 fix-xahar, se tapplika għall-attivitajiet ta’ mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja simili: a) mill-Grupp 1 lejn il-Grupp 1, b) mill-Grupp 2 lejn il-Grupp 2 u c) mill-Grupp 3 lejn il-Grupp 3.
  • Għotja tal-UE ta’ medda ogħla: tikkorrispondi għall-medda medja applikata mill-Aġenzija Nazzjonali flimkien ma’ mill-inqas EUR 50 u bejn EUR 348 u EUR 674 fix-xahar. Din tapplika għall-attivitajiet ta’ mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja ogħla: a) minn Grupp 2 għal pajjiżi tal-Grupp 1 u b) minn Grupp 3 għal pajjiżi tal-Grupp 1 u 2.
  • Għotja tal-UE ta’ medda baxxa: tikkorrispondi għall-medda medja applikata mill-Aġenzija Nazzjonali bi tnaqqis ta’ mill-inqas EUR 50 u bejn EUR 225 u EUR 550 fix-xahar. Din tapplika għall-attivitajiet ta’ mobbiltà lejn pajjiż b’għoli tal-ħajja aktar baxx: a) mill-Grupp 1 lejn pajjiżi tal-Grupp 2 u 3 u b) mill-Grupp 2 lejn il-Grupp 3.

Meta jiġu ddefiniti l-ammonti li għandhom jiġu applikati mill-benefiċjarji f’pajjiżhom, l-Aġenziji Nazzjonali se jikkunsidrawiż-żewġ elementi li ġejjin:

  • id-disponibbiltà u l-livell ta’ sorsi oħrajn ta’ kofinanzjament minn korpi privati jew pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali sabiex jissupplimentaw l-għotja tal-UE;
  • il-livell ġenerali tad-domanda tal-istudenti li beħsiebhom jistudjaw jew jirċievu taħriġ barra l-pajjiż.

Għall-attivitajiet ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jagħtu flessibbiltà lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tagħhom billi jistabbilixxu meded minflok ammonti fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet iġġustifikati, pereżempju f’pajjiżi fejn ikun disponibbli kofinanzjament fil-livell reġjonali jew istituzzjonali.

L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet - ammont supplimentari għall-appoġġ individwali għall-mobbiltà fit-tul

L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet jirċievu ammont supplimentari għall-appoġġ individwali tal-għotja tal-UE tal-Erasmus+ tagħhom b’ammont ta’ EUR 250 fix-xahar. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati huma ddefiniti fil-livell nazzjonali mill-Aġenziji Nazzjonali bi ftehim mal-Awtoritajiet Nazzjonali.

L-istudenti u l-gradwati reċenti b’apprendistati - ammont supplimentari għall-appoġġ individwali għall-mobbiltà fit-tul

L-istudenti u l-gradwati reċenti li jwettqu traineeships jirċievu ammont supplimentari għall-appoġġ individwali tal-għotja tal-UE tal-Erasmus+ tagħhom b’ammont ta’ EUR 150 fix-xahar. L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet li jieħdu sehem fi traineeships huma intitolati jirċievu l-ammont supplimentari għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet u l-ammont supplimentari għat-traineeships.

Studenti u gradwati reċenti mir-reġjuni ultraperiferiċi u mill-ptee fuq mobbiltà fit-tul

B’kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti mill-pożizzjoni remota minn Stati Membri oħrajn tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-livell ekonomiku, l-istudenti u l-gradwati reċenti li jkunu qegħdin jistudjaw jew li jkunu studjaw f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Istati Membri tal-UE, u Pajjiżi u Territorji Ekstra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-Istati Membri tal-UE se jirċievu l-ammonti ogħla li ġejjin għal appoġġ individwali:

MinnSaAmmont
Ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEEL-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-reġjuni 13 u 14.EUR 786 fix-xahar

F’dan il-każ, l-ammont supplimentari għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet mhux se japplika. Japplika l-ammont supplimentari għat-traineeships.

Studenti u gradwati reċenti fuq mobbiltà internazzjonali fit-tul li tinvolvi pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm

L-ammont bażi għall-appoġġ individwali huwa stabbilit kif ġej:

MinnSaAmmont
L-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-ProgrammPajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1 sa 3 u 5 sa 12.EUR 700 fix-xahar
L-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14.Kif deskritt hawn fuq fit-taqsima “Appoġġ ta’ għotja għall-mobbiltà tal-istudenti – Appoġġ individwali għall-mobbiltà fiżika”
Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1-12.

Grupp 1 tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Grupp 2 tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Grupp 3 tal-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

EUR 900 fix-xahar

EUR 850 fix-xahar

EUR 800 fix-xahar

F’dan il-każ se japplika l-ammont supplimentari għall-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet.

L-ammont supplimentari għat-traineeships se japplika biss fil-każ ta’ mobbiltà lejn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE.

Studenti u gradwati reċenti dwar il-mobbiltà fiżika għal perjodu qasir – ammonti bażi ta’ appoġġ individwali (mobbiltà mħallta u mobbiltà għal perjodu qasir għad-dottorat)

L-ammonti bażi għall-appoġġ individwali huma stabbiliti kif ġej:

Durata tal-attività fiżikaAmmont (għal kwalunkwe Stat Membru tal-UE u pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm)
Sal-14-il jum ta’ attivitàEUR 79 kull jum
mill-15-il jum sat-30 jum ta’ attivitàEUR 56 kull jum

L-ammont supplimentari għat-traineeships mhux se japplika f’dan il-każ.

L-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE.

Studenti u gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet — żieda fl-ammont għall-appoġġ individwali għall-mobbiltà fiżika għal perjodu ta’ żmien qasir

L-istudenti u l-gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet jirċievu żieda tal-ammont għall-appoġġ individwali mill-għotja tal-UE tal-Erasmus+ tagħhom ta’ ammont ta’ EUR 100 għal perjodu ta’ attività ta’ mobbiltà fiżika ta’ 5-14-il jum u EUR 150 għal dak ta’ 15-30 jum. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati huma ddefiniti fil-livell nazzjonali mill-Aġenziji Nazzjonali bi ftehim mal-Awtoritajiet Nazzjonali.

C) Regoli ta’ finanzjament applikabbli għall-mobbiltà tal-persunal 

Il-persunal se jirċievi kontribuzzjoni mill-UE għall-kostijiet tiegħu għas-sussistenza matul il-perjodu barra l-pajjiż kif ġej:

Kategorija tal-baġit - Appoġġ individwali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet relatati direttament mas-sussistenza tal-parteċipanti matul l-attività.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-durata tas-soġġorn għal kull parteċipant u l-pajjiż li jibgħat u li jirċievi .

Ammont

Sal-14-il jum ta’ attività: tabella A1.1, għal kull jum għal kull parteċipant mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-programm jew it-tabellaA1.2, għal kull jum għal kull parteċipant minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm.

bejn il-15-il jum u s-60 jum ta’ attività: 70 % tat-tabella A1.1, għal kull jum għal kull parteċipant mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-programm jew 70 % tat-tabella A1.2, għal kull jum għal kull parteċipant minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm.

Tabella A – Appoġġ individwali (ammonti f’euro għal kull jum) 

L-ammonti jiddependu fuq il-pajjiż li jilqa’. Dawn l-ammonti jiġu stabbiliti fil-meded minimi u massimi pprovduti fit-tabella ta’ hawn taħt. Meta jiġu ddefiniti l-ammonti li għandhom jiġu applikati mill-benefiċjarji f’pajjiżhom, l-Aġenziji Nazzjonali, bi qbil mal-Awtoritajiet Nazzjonali, se jikkunsidraw iż-żewġ elementi li ġejjin:

  • id-disponibbiltà u l-livell ta’ sorsi oħrajn ta’ kofinanzjament minn korpi privati jew pubbliċi fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali sabiex jissupplimentaw l-għotja tal-UE;
  • il-livell ġenerali tad-domanda tal-persunal li għandu l-ħsieb li jgħallem jew jirċievi taħriġ barra l-pajjiż.

L-istess perċentwal fil-medda jrid jiġi applikat għall-pajjiżi li jilqgħu kollha. Mhuwiex possibbli li jingħata l-istess ammont għall-pajjiżi li jilqgħu kollha.

Pajjiż li jilqa’Persunal mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-ProgrammPersunal minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm
 Minimu-Massimu (għal kull jum)Ammont (għal kull jum)
 

A1.1

A1.2

L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Iżlanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Liechtenstein, il-Lussemburgu, in-Netherlands, in-Norveġja, l-Iżvezja. 

96-190

190

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14.

96-190

Mhux eliġibbli
Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja. 

84-170

170

Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Serbja, it-Turkija.

71-148

148

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 1-3, 5-12.

190

Mhux eliġibbli

Għall-attivitajiet ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jagħtu flessibbiltà lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja tagħhom billi jistabbilixxu meded minflok ammonti fil-livell nazzjonali. Dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet iġġustifikati, pereżempju f’pajjiżi fejn ikun disponibbli kofinanzjament fil-livell reġjonali jew istituzzjonali. L-ammonti eżatti se jiġu ppubblikati fuq is-sit web ta’ kull Aġenzija Nazzjonali u tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

D) Livell ta’ appoġġ finanzjarju għall-istudenti u l-persunal definit mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-konsorzji tal-mobbiltà

Fil-każijiet kollha, l-HEIs u l-konsorzji tal-mobbiltà se jkunu meħtieġa jħarsu l-prinċipji u l-kriterji li ġejjin meta jiddefinixxu u/jew japplikaw ir-rati tal-UE fi ħdan l-istituzzjoni tagħhom:

  • Ladarba r-rati jkunu ġew iddefiniti mill-istituzzjonijiet/il-konsorzji, dawn għandhom jibqgħu l-istess matul id-durata tal-proġett ta’ mobbiltà. Ma huwiex possibbli li jitnaqqas jew jiżdied il-livell ta’ għotjiet fl-istess proġett.
  • Ir-rati jridu jiġu ddefiniti u/jew applikati b’mod oġġettiv u trasparenti, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji kollha u l-metodoloġija deskritta hawn fuq (jiġifieri b’kunsiderazzjoni tal-fluss tal-mobbiltà kif ukoll il-finanzjament speċifiku addizzjonali).
  • L-istess livell ta’ għotja jrid jingħata lill-istudenti kollha li jmorru fl-istess grupp ta’ pajjiżi għall-istess tip ta’ mobbiltà – studji jew traineeships (ħlief studenti u gradwati reċenti b’inqas opportunitajiet jew minn reġjuni u PTEE ultraperiferiċi).

E) Regoli ta’ finanzjament applikabbli għal programmi intensivi mħallta

Kategorija tal-baġit - Appoġġ Organizzazzjonali

Kostijiet eliġibbli u regoli applikabbli

Kostijiet relatati direttament mal-organizzazzjoni tal-programmi intensivi (bl-esklużjoni tal-kostijiet tas-sussistenza u tal-ivvjaġġar għall-parteċipanti).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-kostijiet unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti fil-mobbiltà tal-edukazzjoni għolja iffinanzjati minn  proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna, mingħajr ma jitqiesu l-għalliema/il-ħarrieġa involuti fit-twettiq tal-programm.

L-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li tikkoordina tapplika għall-appoġġ tal-organizzazzjoni f’isem il-grupp ta’ istituzzjonijiet li jorganizzaw b’mod konġunt il-programm intensiv imħallat.

Ammont

EUR 400 għal kull parteċipant, b’minimu ta’ 10 studenti u b’massimu ta’ 20 student mobbli tal-Erasmus+ iffinanzjat.

L-għotja ta’ appoġġ organizzazzjonali għall-programmi intensivi mħallta hija kontribuzzjoni għal kwalunkwe kost imġarrab mill-istituzzjonijiet involuti fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-programmi intensivi mħallta, bħall-kostijiet relatati mat-tħejjija, id-disinn, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni, u s-segwitu tal-programmi, inkluż it-twettiq ta’ attivitajiet fiżiċi u virtwali/remoti kif ukoll il-ġestjoni u l-koordinazzjoni kumplessivi.

Il-HEI li tikkoordina hija responsabbli għall-kondiviżjoni tal-għotja ta’ appoġġ organizzazzjonali għal programmi intensivi mħallta fost is-sħubija fejn jiġġarrbu l-kostijiet imsemmija hawn fuq.

  1. Il-Karta Erasmus għal Edukazzjoni Għolja:  https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/applicants/higher-education-charter_mt ↩ back
  2. Il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja 2021-2027 Linji Gwida:  https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-charter-higher-education-2021-2027-guidelines_mt ↩ back
  3. Awtovalutazzjoni għall-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja:   https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/eche/start_en ↩ back
  4. Bl-eċċezzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-Balkani tal-Punent, pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, għall-iskop tas-Sejħa għal Proposti dwar l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, li għaliha huma eliġibbli. ↩ back
  5. Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/european-student-card-initiative ↩ back
  6. Kwalunkwe traineeship għall-istudenti se titqies bħala “traineeship fil-ħiliet diġitali” meta waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin tiġi pprattikata mit-trainee: il-kummerċjalizzazzjoni diġitali (pereżempju l-ġestjoni tal-media soċjali, l-analitika tal-web); id-disinn grafiku, mekkaniku jew arkitettoniku diġitali; l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet, software, kitbiet, jew siti web; l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi u n-networks tal-IT; iċ-ċibersigurtà; l-analitika tad- data , l-estrazzjoni u l-viżwalizzazzjoni; l-ipprogrammar u t-taħriġ tar-robots u l-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali. L-appoġġ ġeneriku tal-klijent, it-twettiq tal-ordni, id-dħul tad- data  jew il-kompiti tal-uffiċċju ma jitqisux f’din il-kategorija. ↩ back
  7. Kwalunkwe mobbiltà tal-persunal għat-taħriġ titqies bħala “taħriġ fil-ħiliet diġitali” meta waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin tiġi pprattikata mill-membru tal-persunal: job shadowing/parteċipazzjoni f’korsijiet ta’ taħriġ dwar għodod tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti (ESCI, European Student Card Initiative), għodod/software tal-edukazzjoni diġitali, programmazzjoni, u software u sistemi tal-IT speċjalizzati għall-amministrazzjoni tal-HEI. ↩ back
  8. Il-postdottorati jistgħu jipparteċipaw fi traineeships bl-istess rekwiżiti bħal kwalunkwe gradwat reċenti ieħor fi żmien 12-il xahar minn meta jkunu gradwaw . Għal dawk il-pajjiżi li fihom il-gradwati jeħtiġilhom jirreġistraw f’servizz militari jew fis-servizz ċivili obbligatorju wara li jkunu ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-gradwati reċenti se jiġi estiż bid-durata ta’ dak is-servizz. ↩ back
  9. Intestatura 2 tal-baġit tal-UE - Koeżjoni, reżiljenza u valuri. ↩ back
  10. Intestatura tal-baġit tal-UE 6 – Il-Viċinat u d-Dinja ↩ back
  11. It-tipi ta’ organizzazzjonijiet li ġejjin mhumiex eliġibbli bħala organizzazzjonijiet li jilqgħu għall-mobbiltà tal-istudenti għall-finijiet ta’ traineeships:  L-istituzzjonijiet tal-UE u korpi oħrajn tal-UE inklużi l-aġenziji speċjalizzati (il-lista eżawrjenti tagħhom hija disponibbli fuq is-sit web    http://europa.eu/european-union/about-eu/institutions-bodies_mt );  l-organizzazzjonijiet li jiġġestixxu l-programmi tal-UE bħall-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ (sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi possibbli u/jew finanzjament doppju). ↩ back
  12. L-esperjenza preċedenti taħt il-Programm Erasmus+ u/jew bħala detenturi ta’ boroż ta’ studju tal-Erasmus Mundus tgħodd mat-12-il xahar għal kull ċiklu ta’ studju. ↩ back
  13. Fi programmi ta’ studju ta’ ċiklu wieħed, bħall-mediċina, l-istudenti jistgħu jkunu mobbli sa 24 xahar. ↩ back
  14. Fil-każ ta’ fergħat ta’ kampusijiet li huma legalment dipendenti fuq l-istituzzjoni prinċipali u li ma jistgħux jiffirmaw ftehimiet interistituzzjonali separati, il-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni prinċipali jitqies bħala l-pajjiż li jibgħat jew jirċievi għad-determinazzjoni tal-appoġġ individwali u l-eliġibbiltà tal-fluss tal-mobbiltà. Il-benefiċjarji jridu jużaw il-post reali tal-fergħa(t) meta jikkalkulaw il-faxxa tad-distanza għall-appoġġ għall-ivvjaġġar. Fergħat indipendenti għandhom jipparteċipaw fil-programm separatament mill-istituzzjonijiet prinċipali tagħhom. ↩ back
  15. Il-mobbiltà bejn l-istituzzjonijiet involuti fit-twettiq ta’ lawrja konġunta jew doppja hija eliġibbli biex tiġi ffinanzjata sakemm ma jkun hemm l-ebda finanzjament doppju. Fil-każ ta’ lawrji konġunti jew doppji, l-istituzzjoni li tibgħat il-parteċipant fuq mobbiltà hija dik li tiffinanzja l-mobbiltà appoġġata minn fondi ta’ politika interna. Fil-każ ta’ mobbiltà internazzjonali, l-istituzzjonijiet involuti fit-twettiq ta’ lawrja konġunta jew doppja jistgħu jużaw finanzjament minn proġetti ta’ mobbiltà appoġġati minn fondi ta’ politika interna u esterna, filwaqt li jirrispettaw l-eliġibbiltà tal-attivitajiet u l-flussi f’kull qasam. ↩ back
  16. Għal dawk il-pajjiżi li fihom il-gradwati jridu jirreġistraw f’servizz militari jew fis-servizz ċivili obbligatorju wara li jkunu ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għall-gradwati reċenti se jiġi estiż bid-durata ta’ dak is-servizz. ↩ back
  17. Fil-każ ta’ fergħat ta’ kampusijiet li huma legalment dipendenti fuq l-istituzzjoni prinċipali u li ma jistgħux jiffirmaw ftehimiet interistituzzjonali separati, il-pajjiż fejn tinsab l-istituzzjoni prinċipali jitqies bħala l-pajjiż li jibgħat jew jirċievi għad-determinazzjoni tal-appoġġ individwali u l-eliġibbiltà tal-fluss tal-mobbiltà.  Il-benefiċjarji jridu jużaw il-post reali tal-fergħa(t) meta jikkalkulaw il-faxxa tad-distanza għall-appoġġ għall-ivvjaġġar. Fergħat indipendenti għandhom jipparteċipaw fil-programm separatament mill-istituzzjonijiet prinċipali tagħhom. ↩ back
  18. Programm Indikattiv Pluriennali Erasmus+:  www.international-partnerships.ec.europa.eu/document/download/ae1b61bc-1638-49bd-a2d6-2f9d5bbf609f_mt ↩ back
  19. Il-lista ta’ pajjiżi li għalihom japplika dan ir-rekwiżit tista’ tinstab fil-Lista tad-DAC ta’ Pajjiżi li jirċievu Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp:   https://www.oecd.org/content/dam/oecd/en/topics/policy-sub-issues/oda-eligibility-and-conditions/DAC-List-of-ODA-Recipients-for-reporting-2024-25-flows.pdf . Il-lista tad-DAC tiġi aġġornata perjodikament, sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jiċċaqalqu minn kategorija għal oħra jew joħorġu mil-lista. Madankollu, l-istatus tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) ta’ pajjiż u r-restrizzjonijiet relattivi jibqgħu l-istess għaċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-proġetti taħt l-istess sejħa. ↩ back
  20. Il-lista ta’ reġjuni hija deskritta fil-Parti A ta’ din il-Gwida. ↩ back
  21. Pereżempju , jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività f’Ruma (l-Italja), l-applikant jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1,365.28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1,999 km). ↩ back
  22. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm ↩ back
  23. Fil-każ tal-akkumpanjaturi, jistgħu japplikaw ir-rati għall-persunal kif ukoll il-kostijiet eċċezzjonali għall-ivvjaġġar għali. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-akkumpanjatur ikun jeħtieġ li joqgħod barra l-pajjiż għal aktar minn 60 jum, il-kostijiet żejda ta’ sussistenza wara s-60 jum jiġu appoġġati taħt l-intestatura tal-baġit “appoġġ għall-inklużjoni”. ↩ back
  24. Il-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjuni 13 u 14 huma biss pajjiżi li jilqgħu, sakemm ma jiġix konkluż arranġament ma’ pajjiż ġar biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-Programm kemm bħala pajjiż li jibgħat kif ukoll bħala pajjiż li jilqa’. ↩ back
Tagged in:  Higher education