Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Min jimplimenta l-Programm Erasmus+?

IL-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hija finalment responsabbli għat-tmexxija tal-Programm Erasmus+. Tamministra l-baġit u tistabbilixxi l-prijoritajiet, il-miri u l-kriterji għall-Programm fuq bażi kontinwa. Barra minn hekk, tiggwida u timmonitorja l-implimentazzjoni ġenerali, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-Programm fil-livell Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea terfa’ wkoll ir-responsabbiltà kumplessiva għas-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-istrutturi inkarigati mill-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali.

L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u Għall-Kultura (EACEA)

Fil-livell Ewropew, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) tal-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ numru ta’ azzjonijiet tal-Programm Erasmus+. L-EACEA timplimenta l-programm f’ġestjoni diretta. Minbarra l-informazzjoni li tinsab f’din il-Gwida, id-dokumenti rilevanti tas-Sejħa u l-formoli ta’ applikazzjoni għall-azzjonijiet koperti minn din il-Gwida u ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva huma ppubblikati fil-Portal dwar l-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti: https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/portal/screen/home.

L-Aġenzija Eżekuttiva hija inkarigata mill-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ dawn il-proġetti, mill-promozzjoni tal-Programm, l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għal għotja, il-monitoraġġ tal-proġetti, sat-tixrid tal-proġetti u r-riżultati tal-Programm. Hija responsabbli wkoll għat-tnedija ta’ sejħiet speċifiċi għall-proposti relatati ma’ xi azzjonijiet tal-Programm li ma humiex koperti minn din il-gwida.

Il-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva, hija responsabbli wkoll:

  • Għat-twettiq tal-istudji fl-oqsma appoġġati mill-Programm;
  • Għat-twettiq tal-attivitajiet ibbażati fuq ir-riċerka u l-evidenza permezz tan-network Eurydice;
  • Għat-titjib tal-viżibbiltà u l-impatt sistemiku tal-Programm permezz tal-attivitajiet ta’ tixrid u sfruttament tar-riżultati tal-Programm;
  • Għall-iżgurar tal-ġestjoni kuntrattwali u l-finanzjament ta’ korpi u networks appoġġati mill-Programm Erasmus+;
  • Għall-amministrazzjoni tas-sejħiet għall-offerti sabiex jiġu pprovduti servizzi fil-qafas tal-Programm. 

L-Aġenziji Nazzjonali

L-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+ hija prinċipalment implimentata permezz ta’ ġestjoni indiretta, jiġifieri li l-Kummissjoni Ewropea tafda l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lill-Aġenziji Nazzjonali. Ir-raġunament wara dan l-approċċ huwa li l-Erasmus+ jitressaq kemm jista’ jkun qrib il-benefiċjarji tiegħu u jadatta għad-diversità tas-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ. Għal dan l-iskop, kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm ħatar Aġenzija Nazzjonali waħda jew aktar (għad-dettalji ta’ kuntatt, jekk jogħġbok ikkonsulta l-link li ġejja: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/contact_mt). Dawn l-Aġenziji Nazzjonali jippromwovu u jimplimentaw il-Programm fil-livell nazzjonali u huma l-konnessjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-organizzazzjonijiet parteċipanti fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali. Il-kompiti tagħhom huma li:   

  • Jipprovdu informazzjoni xierqa dwar il-Programm Erasmus+; 
  • Jamministraw proċess ta’ għażla ġust u trasparenti għall-applikazzjonijiet tal-proġett li għandhom jiġu ffinanzjati f’pajjiżhom;
  • Jimmonitorjaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-Programm f’pajjiżhom;
  • Jipprovdu appoġġ lill-applikanti tal-proġett u lill-organizzazzjonijiet parteċipanti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett;
  • Jikkollaboraw b’mod effettiv man-network tal-Aġenziji Nazzjonali kollha u mal-Kummissjoni Ewropea;
  • Jippromwovu u jiżguraw il-viżibbiltà tal-Programm;
  • Jippromwovu t-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tal-Programm fil-livell lokali u nazzjonali.

Barra minn hekk, l-Aġenziji Nazzjonali għandhom rwol importanti bħala strutturi intermedjarji għall-iżvilupp tal-politika u għall-implimentazzjoni kwalitattiva tal-Programm Erasmus+ billi:

  • Iwettqu proġetti u attivitajiet barra l-kompiti tal-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett li jappoġġaw l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-Programm u/jew jixprunaw żviluppi tal-politika fl-oqsma appoġġati mill-Programm, bħal Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni u Attivitajiet ta’ Networking;
  • Jipprovdu approċċ ta’ appoġġ għall-parteċipanti l-ġodda, għall-organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza u għall-gruppi fil-mira b’inqas opportunitajiet, sabiex ineħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni sħiħa fil-Programm;
  • Ifittxu kooperazzjoni ma’ korpi esterni u Awtoritajiet Nazzjonali sabiex jiżdied l-impatt tal-Programm fl-oqsma ta’ azzjoni rispettivi tagħhom, f’pajjiżhom u fl-Unjoni Ewropea.

L-approċċ ta’ appoġġ tal-Aġenziji Nazzjonali għandu l-għan li jiggwida lill-applikanti u lill-benefiċjarji potenzjali tal-Programm matul il-fażijiet kollha, mill-ewwel kuntatt mal-Programm permezz tal-proċess ta’ applikazzjoni sal-implimentazzjoni tal-proġett u l-evalwazzjoni finali. Dan l-approċċ huwa allinjat mal-prinċipji ta’ ġustizzja u trasparenza tal-proċeduri tal-għażla. Huwa bbażat fuq l-idea li sabiex jiġu ggarantiti opportunitajiet indaqs għal kulħadd, huwa meħtieġ li jiġu appoġġati l-gruppi fil-mira tal-Programm permezz ta’ sistemi ta’ għoti ta’ pariri, konsulenza, monitoraġġ u kkowċjar imfassla għall-ħtiġijiet tagħhom.

Is-sejħiet rilevanti li jkopru l-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ jiġu ppubblikati fuq is-Sit Web tal-Erasmus+1  u ppubbliċizzati fuq is-siti web tal-Aġenziji Nazzjonali.

Liema korpi oħrajn huma involuti fl-implimentazzjoni tal-Programm?

Minbarra l-korpi msemmija hawn fuq, iċ-Ċentri tar-Riżorsi u l-uffiċċji tal-informazzjoni, il-pjattaformi u n-networks tal-għarfien u tal-esperti li ġejjin jipprovdu għarfien espert komplementari għall-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+.

Ċentri tar-Riżorsi SALTO

L-għan taċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO huwa li jtejbu l-kwalità u l-impatt tal-programm Erasmus+ f’livell sistemiku billi jipprovdu għarfien espert, riżorsi, informazzjoni u attivitajiet ta’ taħriġ f’oqsma speċifiċi għall-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ u atturi oħrajn involuti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. Fost l-oħrajn, dawn l-attivitajiet jinkludu l-organizzazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ, seminars, workshops, żjarat ta’ studju, fora, kooperazzjoni u attivitajiet ta’ bini ta’ sħubija dwar temi ta’ prijorità tal-Erasmus+.

Kull Ċentru tar-Riżorsi SALTO jista’ jkopri bis-sħiħ l-oqsma kollha tal-Programm, jew xi wħud biss. Skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-azzjoni tagħhom, iċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO jista’ jkollhom fokus tematiku jew reġjonali (il-Pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u r-Russja, in-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Balkani tal-Punent) jew fokus ta’ appoġġ (il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni). Is-SALTOs reġjonali, pereżempju, ikopru biss l-azzjonijiet fil-qasam taż-Żgħażagħ.

Barra minn hekk, iċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO joffru serje ta’ għodod u bażijiet tad-data online permezz tas-Siti Web SALTO, bħal ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta’ taħriġ Ewropej għall-ħaddiema żgħażagħ fil-Kalendarju Ewropew tat-Taħriġ; għodod u metodi għall-attivitajiet edukattivi; opportunitajiet ta’ apprendiment online; bażi tad-data ta’ ħarrieġa u persuni tar-riżorsi fil-qasam tal-ħidma fost iż-żgħażagħ; u l-possibbiltà li jitfittxu organizzazzjonijiet sħab. Il-kompiti taċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO jinkludu l-monitoraġġ u l-preżentazzjoni tal-kisbiet, l-esperjenzi u t-tagħlimiet tal-programm meħuda fl-oqsma speċifiċi tagħhom.

Ċentri tar-riżorsi SALTO li jappoġġaw il-prijoritajiet trażversali tal-Erasmus+

F’konformità mal-prijoritajiet trażversali tal-Erasmus+, erba’ Ċentri tar-Riżorsi SALTO jappoġġaw dawn il-prijoritajiet:

Inklużjoni u diversità SALTO

Żewġ Ċentri tar-Riżorsi SALTO jaħdmu flimkien biex jappoġġaw il-prijorità dwar l-Inklużjoni u d-Diversità fl-oqsma kollha tal-programm: wieħed fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u wieħed fil-qasam taż-żgħażagħ.

Il-missjoni ta’ dawn iċ-Ċentri tar-Riżorsi SALTO hija li jtejbu l-kwalità u l-impatt tal-proġetti Erasmus+ bil-għan li l-programm isir aktar inklużiv u divers.

B’mod aktar speċifiku, dawn is-SALTOs jaġixxu wkoll bħala ċentri ta’ għarfien ibbażati fuq l-evidenza u sensara imparzjali bbażati fuq l-għarfien espert u fuq l-esperjenza tagħhom bil-ġestjoni tal-programm fil-qasam tal-inklużjoni u tad-diversità. Dan ifisser il-bini u l-allokazzjoni kontinwi tal-għarfien u tat-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-programm f’dan il-qasam tematiku fil-kuntesti tal-iżvilupp tal-programm f’kooperazzjoni man-network tal-Aġenzija Nazzjonali (NA) u mal-Kummissjoni permezz ta’ pjattaformi xierqa. Barra minn hekk, dawn is-SALTOs jappoġġaw lill-Aġenziji Nazzjonali biex jimplimentaw il-programm b’mod li jpoġġi fil-prattika d-deċiżjonijiet ta’ politika rilevanti (eż. konklużjonijiet/riżoluzzjonijiet tal-Kunsill), riżultati ta’ attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku, u deċiżjonijiet dwar il-prijorità tal-inklużjoni u d-diversità.

Ir-responsabbiltajiet ewlenin tas-SALTOs għall-Inklużjoni u d-Diversità huma li:

  • Iżidu l-kwalità u l-impatt tal-proġetti u tal-attivitajiet tal-Erasmus+, filwaqt li jiffokaw fuq il-prijorità tal-inklużjoni u tad-diversità;
  • Jgħinu sabiex jiġu ottimizzati l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-prijorità tal-inklużjoni u d-diversità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ kif iddefiniti fil-programm Erasmus+;
  • Jaqdu rwol ewlieni fl-iggwidar tal-Aġenziji Nazzjonali dwar l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ proġetti li jiffokaw fuq il-prijorità tal-inklużjoni u tad-diversità fl-edukazzjoni u fit-taħriġ.

SALTO dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi SALTO dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli jkopri l-oqsma kollha tal-Programm Erasmus+ u jikkontribwixxi għall-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima permezz tal-programmi tagħna, li jindirizzaw suġġetti relatati mal-klima u l-ambjent matul l-azzjonijiet.

Dan is-SALTO qiegħed jappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijorità dwar il-ħarsien tal-ambjent, is-sostenibbiltà u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-Programmi l-ġodda f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Patt Klimatiku, filwaqt li jappoġġa l-azzjonijiet taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni f’termini ta’ edukazzjoni għall-klima u s-sostenibbiltà, u jikkontribwixxi direttament għall-kisba ta’ wieħed mill-11-il Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ (Ewropa Ekoloġika Sostenibbli) inklużi fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ. Ir-responsabbiltajiet ewlenin tas-SALTO dwar it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli huma li:

  • Iżid il-kwalità u l-impatt tal-proġetti u l-attivitajiet tal-Erasmus+, filwaqt li jiffoka fuq is-sostenibbiltà u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
  • Jgħin sabiex jiġu ottimizzati l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-prijorità dwar il-ħarsien tal-ambjent, is-sostenibbiltà u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif iddefiniti fil-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;
  • Jaqdi rwol ewlieni fl-iggwidar tal-Aġenziji Nazzjonali dwar l-analiżi u l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ proġetti li jiffokaw fuq il-prijorità tal-programmi ta’ ħarsien tal-ambjent, sostenibbiltà, u ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

SALTO diġitali

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi SALTO Diġitali jkopri l-oqsma kollha tal-Programm Erasmus+ u, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u d-dokumenti ta’ politika ewlenin għaż-żgħażagħ, jappoġġa l-implimentazzjoni tad-dimensjoni diġitali bħala prijorità kumplessiva fil-Programmi Erasmus u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, filwaqt li jtejjeb b’mod kontinwu l-kwalità tal-edukazzjoni diġitali u l-aspetti diġitali fil-qasam taż-żgħażagħ. Jaġixxi bħala ċentru tal-għarfien ibbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-Edukazzjoni Diġitali u ż-Żgħażagħ, u jgħaddi l-għarfien fil-qasam tal-mandat tiegħu fl-iżvilupp ta’ programm kif ukoll ta’ politika. Ir-responsabbiltajiet ewlenin għal SALTO Diġitali huma li:

  • Iżid il-kwalità u l-impatt tal-proġetti u l-attivitajiet tal-programmi tagħna, b’enfasi fuq il-prijoritajiet diġitali;
  • Jgħin sabiex jiġu ottimizzati l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-prijoritajiet tal-edukazzjoni diġitali u ż-Żgħażagħ kif iddefiniti fil-programmi Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;
  • Jaqdi rwol ewlieni fl-iggwidar tal-Aġenziji Nazzjonali fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tal-impatt ta’ proġetti li jiffokaw fuq il-prijoritajiet diġitali tal-programmi, li jikkontribwixxu wkoll għall-politika u fora ta’ partijiet ikkonċernati u b’mod partikolari ċ-Ċentru Ewropew għall-Edukazzjoni Diġitali.

Parteċipazzjoni u informazzjoni SALTO

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi SALTO għall-Parteċipazzjoni u l-Informazzjoni jkopri l-oqsma kollha tal-Programm Erasmus+ u jistabbilixxi azzjonijiet strateġiċi u innovattivi sabiex iħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja demokratika, inkluż billi:

  • Jiżviluppa gwida għall-applikanti u l-benefiċjarji, b’mod partikolari biex jitrawmu l-involviment taż-żgħażagħ fit-teħid ta’ deċiżjonijiet demokratiċi, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja ċivika u soċjali permezz tal-volontarjat jew it-teħid ta’ rwol fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;
  • Joffri gwida u appoġġ lill-Aġenziji Nazzjonali kollha dwar l-istrateġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku biex jilħqu lil numru akbar ta’ żgħażagħ, iżidu l-kwalità u l-impatt tal-attivitajiet ta’ informazzjoni kif ukoll l-inklużività tagħhom u s-sostenibbiltà u t-trasferibbiltà tar-riżultati tal-proġetti.

Minbarra dawn is-SALTOs, żewġ Ċentri tar-Riżorsi SALTO speċifiċi għall-oqsma jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Aġenziji Nazzjonali u l-organizzazzjonijiet benefiċjarji sabiex jaħdmu ma’ Erasmus+, billi jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tranżnazzjonali, in-networking u l-apprendiment reċiproku fost l-Aġenziji Nazzjonali u partijiet ikkonċernati differenti, primarjament permezz ta’ Attivitajiet ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni (TCAs).

It-TCAs huma organizzati mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ bil-għan li jġibu valur miżjud u jżidu l-kwalità ġenerali tal-programm Erasmus+. It-TCAs jistgħu jkunu workshops, seminars u tipi oħrajn ta’ avvenimenti jew attivitajiet (bħar-riċerka) li jiffokaw fuq il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin, tagħlimiet meħuda u jipprovdu opportunitajiet ta’ networking fost il-partijiet ikkonċernati tal-Erasmus+. B’mod partikolari, is-seminars biex isir kuntatt huma mod effiċjenti biex jinstabu sħab għal parteċipanti ġodda. Il-parteċipanti tat-TCA jistgħu jkunu r-rappreżentanti ta’ dawk l-istituzzjonijiet li diġà qed jipparteċipaw fil-Programm Erasmus+ jew li qed jippjanaw biex japplikaw għal għotja fil-Programm.

Taħriġ u kooperazzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ SALTO

  • Joffri pjattaforma biex tappoġġa l-Attivitajiet Ewropej ta’ Taħriġ u Kooperazzjoni (TCAs); 
  • Jippermetti lill-partijiet ikkonċernati sabiex, fost l-oħrajn, jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tagħhom sabiex jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet tal-Erasmus+;
  • Jikkondividi l-aħjar prattiki fost il-pajjiżi Ewropej, isib sħab, jew iżid l-impatt tal-proġetti tagħhom fil-livell Ewropew.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: www.salto-et.net 

Taħriġ u kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ SALTO

Iċ-Ċentru tar-Riżorsi SALTO Taħriġ u Kooperazzjoni jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ azzjonijiet strateġiċi u innovattivi sabiex jiġi żgurat approċċ ġenerali ta’ kwalità għall-istrateġiji u l-attivitajiet ta’ taħriġ fil-qasam taż-żgħażagħ, u r-rikonoxximent ta’ apprendiment mhux formali u informali fil-ħidma fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa, inkluż billi:

  • Jiżviluppa u jimplimenta proċessi, attivitajiet u għodod fl-Istrateġija Youthpass sabiex jappoġġa u jippromwovi r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta’ attivitajiet ta’ apprendiment mhux formali u informali u ta’ ħidma fost iż-żgħażagħ;
  • Jiżviluppa u jimplimenta proċessi, attivitajiet u għodod fl-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ fil-qasam taż-żgħażagħ, sabiex jappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp tal-kwalità tal-ħidma Ewropea fost iż-żgħażagħ;
  • Itejjeb il-kwalità tal-proġetti taż-żgħażagħ permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ, għodod u pubblikazzjonijiet u gwida prattiċi;
  • Joffri appoġġ lill-persunal tal-Aġenziji Nazzjonali permezz tal-Ġestjoni tal-Għarfien u t-Taħriġ tal-Persunal.

Ċentri tar-riżorsi SALTO reġjonali fil-qasam taż-żgħażagħ

It-tliet SALTOs reġjonali: SALTO EWROPA TAX-XLOKK, SALTO EWROPA TAL-LVANT u L-KAWKASU u s-SALTO EUROMED irawmu l-kooperazzjoni strateġika u innovattiva bejn il-partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u mill-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm fl-Erasmus+ u fil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, bil-għan li:

  • ikomplu jżidu l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-proġetti u s-sħubijiet;
  • jappoġġaw il-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-politika dwar iż-żgħażagħ f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.rispettivament fil-Balkani tal-Punent, fis-Sħubija tal-Lvant u r-Russja u fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: www.salto-et.net u www.salto-youth.net

Uffiċċji tal-Informazzjoni

Uffiċċji Nazzjonali tal-Erasmus+

F’ċerti pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (il-Balkani tal-Punent, il-Viċinat tal-Lvant, il-pajjiżi tal-Mediterran tan-Nofsinhar, l-Asja Ċentrali), l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Erasmus+ (NEOs) jgħinu lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Eżekuttiva u lill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni tal-Programm Erasmus+. Dawn huma l-punti fokali f’dawn il-pajjiżi għall-partijiet ikkonċernati tagħhom involuti fil-Programm Erasmus+ fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport. Huma jikkontribwixxu għat-titjib tal-għarfien, il-viżibbiltà, ir-rilevanza, l-effettività u l-impatt tad-dimensjoni internazzjonali tal-Erasmus+.

L-Uffiċċji Nazzjonali tal-Erasmus+ huma responsabbli li:

  • jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Erasmus+ li huma miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi tagħhom (inkluż fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, il-VET, iż-żgħażagħ u l-isport, fejn rilevanti);
  • jagħtu pariri u jassistu lill-applikanti potenzjali;
  • jikkoordinaw it-tim lokali ta’ Esperti dwar ir-Riforma fl-Edukazzjoni Għolja (HEREs);
  • jikkontribwixxu għall-istudji u l-avvenimenti;
  • jipprovdu appoġġ għad-djalogu ta’ politika;
  • iżommu kuntatti mal-awtoritajiet lokali u d-delegazzjonijiet tal-UE;
  • isegwu l-iżviluppi ta’ politika fl-oqsma msemmija hawn fuq f’pajjiżhom.

Punti Fokali Nazzjonali tal-Erasmus+

F’ċerti pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm (il-Kontinent Amerikan, l-Afrika sub-Saħarjana, il-Lvant Nofsani, l-Asja u l-Paċifiku), in-network ta’ Punti Fokali Nazzjonali (NFPs) jappoġġa lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Eżekuttiva u lill-awtoritajiet lokali sabiex jipprovdu gwida, informazzjoni u assistenza prattiċi dwar l-aspetti kollha tal-parteċipazzjoni fl-Erasmus+ fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u tal-isport. Dawn jaġixxu bħala punti fokali għall-partijiet ikkonċernati f’pajjiżhom u jikkontribwixxu għat-titjib tas-sensibilizzazzjoni, tal-viżibbiltà, tar-rilevanza, tal-effettività u tal-impatt tad-dimensjoni internazzjonali tal-Erasmus+.

Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC)

In-network tan-NARIC jipprovdi informazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta’ diplomi u perjodi ta’ studju mwettqa f’pajjiżi Ewropej oħrajn kif ukoll pariri dwar diplomi akkademiċi barranin fil-pajjiż fejn in-NARIC ikun stabbilit. In-network tan-NARIC jipprovdi pariri awtorevoli lil kull min jivvjaġġa barra l-pajjiż għall-iskopijiet ta’ xogħol jew edukazzjoni ulterjuri, iżda wkoll lill-istituzzjonijiet, l-istudenti, il-konsulenti, il-ġenituri, l-għalliema u l-impjegaturi prospettivi.

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-attivitajiet tan-network tan-NARIC permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-esperjenza bejn il-pajjiżi, l-identifikazzjoni ta’ prattiki tajba, l-analiżi komparattiva tas-sistemi u l-politiki f’dan il-qasam, u d-diskussjoni u l-analiżi ta’ kwistjonijiet ta’ interess politiku edukattiv komuni.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: https://www.enic-naric.net/

Network tal-Eurodesk

In-network tal-Eurodesk joffri servizzi ta’ informazzjoni liż-żgħażagħ u lil dawk li jaħdmu magħhom dwar l-opportunitajiet Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, u l-involviment taż-żgħażagħ f’attivitajiet Ewropej.

In-network tal-Eurodesk, li jinsab fl-Istati Membri kollha tal-UE u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u li huwa kkoordinat fil-livell Ewropew mill-Uffiċċju tal-Eurodesk Brussels-link, joffri servizzi ta’ tweġibiet għall-mistoqsijiet, informazzjoni dwar il-finanzjament, avvenimenti u pubblikazzjonijiet. Dan jikkontribwixxi wkoll għall-animazzjoni tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ joffri informazzjoni u opportunitajiet Ewropej u nazzjonali li huma ta’ interess għaż-żgħażagħ li qegħdin jgħixu, jitgħallmu u jaħdmu fl-Ewropa. Dan jipprovdi informazzjoni fi 28 lingwa.

Biex taċċessa l-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, jekk jogħġbok żur: http://europa.eu/youth/. Għal aktar informazzjoni dwar il-Eurodesk, jekk jogħġbok żur: https://www.eurodesk.eu

Otlas – l-għodda biex jinstab sieħeb għall-organizzazzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ

Waħda mill-għodod żviluppati u ospitati miċ-Ċentri tar-Riżorsi għaż-Żgħażagħ-SALTO hija l-Otlas, għodda ċentrali online biex jinstab sieħeb għall-organizzazzjonijiet fil-qasam taż-żgħażagħ. L-organizzazzjonijiet jistgħu jirreġistraw id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom u l-oqsma ta’ interess fl-Otlas, kif ukoll joħolqu talbiet għal sieħeb għall-ideat tal-proġetti.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: www.salto-youth.net/otlas jew https://www.otlas.eu/

Pjattaformi u għodod

Il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+

Il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+ tipprovdi aċċess għall-informazzjoni u r-riżultati dwar il-proġetti kollha ffinanzjati taħt il-Programm Erasmus+. L-organizzazzjonijiet jistgħu jsibu l-ispirazzjoni tagħhom fir-rikkezza tal-informazzjoni tal-proġett u jagħmlu użu mir-riżultati u mit-tagħlimiet meħuda mill-implimentazzjoni tal-Erasmus+. 

L-informazzjoni u r-riżultati tal-proġett murija fuq il-pjattaforma jridu jkunu konformi bis-sħiħ mar-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar id-data personali. Din hija primarjament ir-responsabbiltà tal-benefiċjarji tal-proġett taħt is-sorveljanza tal-uffiċjali tal-proġetti fl-Aġenziji.

Il-proġetti jistgħu jiġu mfittxija permezz ta’ keyword, azzjoni ewlenija, sena, pajjiż, suġġett, tip ta’ riżultati, eċċ. It-tiftix jista’ jiġi ssejvjat u aġġornat b’mod kontinwu fuq l-aktar proġetti reċenti, skont kriterji definiti minn qabel. Il-proġetti ta’ prattika tajba - li ġew identifikati f’termini ta’ rilevanza ta’ politika, impatt, potenzjal ta’ komunikazzjoni - huma mmarkati.

Il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+ tista’ tiġi aċċessata hawnhekk: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects/

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika (ESEP) u l-eTwinning

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika hija l-punt fejn jiltaqgħu l-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tal-edukazzjoni skolastika – il-persunal tal-iskejjel, ir-riċerkaturi, dawk li jfasslu l-politika u professjonisti oħrajn – li jkopru kull livell mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-iskola primarja u sekondarja, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali.

Il-pjattaforma tospita wkoll l-eTwinning, komunità ta’ għalliema u persunal tal-iskejjel li jospitaw spazju sigur aċċessibbli biss għall-persunal skrinjat mill-Organizzazzjonijiet Nazzjonali ta’ Appoġġ (NSO). Il-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem f’ħafna attivitajiet: it-twettiq ta’ proġetti ma’ skejjel u klassijiet oħrajn, diskussjonijiet mal-kollegi u l-iżvilupp ta’ networking professjonali, l-involviment f’varjetà ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali (online u wiċċ imb wiċċ).

L-għalliema u l-iskejjel li jipparteċipaw fl-eTwinning jirċievu appoġġ mill-Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ Nazzjonali (NSO) tagħhom. Dawn huma organizzazzjonijiet maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Jassistu lill-iskejjel matul il-proċess tar-reġistrazzjoni, il-proċess biex jinstab sieħeb u l-attivitajiet tal-proġett, jippromwovu l-użu tal-eTwinning, jagħtu l-premjijiet u t-tikketti tal-kwalità u jorganizzaw attivitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-għalliema.

L-Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ Nazzjonali huma kkoordinati minn Servizz ta’ Appoġġ Ċentrali (CSS), li huwa responsabbli wkoll għall-iżvilupp tal-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika u għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ żvilupp professjonali tal-għalliema fil-livell Ewropew.

Tista’ taċċessa l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika u l-eTwinning fuq: https://school-education.ec.europa.eu/mt

Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE)

Il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa – magħrufa bħala EPALE – hija inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea ffinanzjata mill-Programm Erasmus+. Hija miftuħa għall-professjonisti tal-apprendiment għall-adulti: għalliema, edukaturi, ħarrieġa u voluntiera, kif ukoll għal dawk li jfasslu l-politika, riċerkaturi, ġurnalisti u professuri, u oħrajn involuti fl-apprendiment għall-adulti.

Is-sit joffri aħbarijiet aġġornati dwar żviluppi fil-qasam u fin-networks interattivi, li jippermettu lill-utenti jingħaqdu ma’ oħrajn minn madwar l-Ewropa kollha, jinvolvu ruħhom f’diskussjonijiet u jiskambjaw prattika tajba. Fost ħafna għodod u kontenut, l-EPALE toffri strumenti ta’ interess speċifiku għall-benefiċjarji (potenzjali) tal-Erasmus+. Xi eżempji jinkludu:

  • Kalendarju ta’ korsijiet u avvenimenti;
  • Għodda għat-tiftix ta’ sieħeb, utli biex jinsabu s-sħab ħalli jitħejja proġett iffinanzjat mill-UE jew sabiex tinsab jew tiġi offruta opportunità ta’ job shadowing;
  • Katalgu ta’ Korsijiet, fejn il-viżitaturi jistgħu jsibu firxa wiesgħa ta’ korsijiet online u offline;
  • Komunitajiet ta’ prattika joffru faċilità addizzjonali sabiex ikun hemm kollaborazzjoni ma’ persuni u ma’ organizzazzjonijiet b’interess simili;
  • Spazji kollaborattivi, fejn is-sħab tal-proġett ikunu jistgħu jaħdmu f’ambjent sikur sabiex jiżviluppaw il-proġett tagħhom;
  • Erasmus+Space, għodda sikura u sigura b’mod partikolari għall-koordinaturi tal-proġetti KA1 u KA2 tal-Erasmus+ u s-sħab tagħhom biex ipoġġu l-mobbiltà/il-kooperazzjoni mħallta fil-prattika u sabiex jużawha għall-ġestjoni u t-tixrid tal-proġetti;
  • Ċentru tar-riżorsi, fejn il-benefiċjarji tal-proġett jistgħu jiksbu materjal ta’ referenza utli u/jew itellgħu artikli, materjali għat-tagħlim, rapporti, manwali, u kwalunkwe materjal ieħor prodott mill-proġett tagħhom jew mill-organizzazzjoni tagħhom, u b’hekk joffri opportunità ta’ tixrid addizzjonali;
  • Blogg, fejn il-parteċipanti fil-proġetti jistgħu jikkondividu l-esperjenza tagħhom jew itellgħu vidjos fejn jippreżentaw ir-riżultati tagħhom b’mod informali u dinamiku.

Il-proġetti li jirċievu finanzjament mill-UE huma mħeġġa li jikkondividu l-informazzjoni dwar l-attivitajiet u r-riżultati tagħhom fuq il-pjattaforma permezz ta’ posts fuq il-blogg, aħbarijiet, avvenimenti u tipi oħrajn ta’ attivitajiet.

L-EPALE hija implimentata permezz ta’ Servizz ta’ Appoġġ Ċentrali u ta’ network ta’ Organizzazzjonijiet ta’ Appoġġ Nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, li huma responsabbli sabiex jidentifikaw informazzjoni interessanti u jħeġġu lill-partijiet ikkonċernati sabiex jużaw u jikkontribwixxu għall-pjattaforma.

L-EPALE tista’ tiġi aċċessata fuq: https://epale.ec.europa.eu/mt.

Awtoriflessjoni dwar l-Apprendiment Effettiv billi Jitrawwem l-użu ta’ Teknoloġiji Edukattivi Innovattivi (SELFIE)

SELFIE (“Awtoriflessjoni dwar l-Apprendiment Effettiv billi Jitrawwem l-użu ta’ Teknoloġiji Edukattivi Innovattivi”) hija għodda tal-awtoriflessjoni bla ħlas, multilingwi u bbażati fuq il-web li tgħin lill-iskejjel ġenerali u vokazzjonali jiżviluppaw il-kapaċità diġitali tagħhom.

SELFIE għall-iskejjel tiġbor b’mod anonimu l-fehmiet tal-istudenti, tal-għalliema u tal-mexxejja tal-iskejjel dwar kif tintuża t-teknoloġija fl-iskola tagħhom. Dan isir bl-użu ta’ dikjarazzjonijiet qosra u mistoqsijiet u skala sempliċi ta’ tweġibiet minn 1-5. Abbażi ta’ dan l-input, l-għodda tiġġenera rapport – ritratt (“SELFIE”) tal-punti b’saħħithom u dawk dgħajfa ta’ skola fl-użu tat-teknoloġija tagħhom. SELFIE hija disponibbli għall-iskejjel primarji, sekondarji u vokazzjonali fl-Ewropa u lil hinn minnha, u f’aktar minn 30 lingwa. Din tista’ tintuża minn kwalunkwe skola – mhux biss minn dawk b’livelli avvanzati ta’ infrastruttura, tagħmir u użu ta’ teknoloġija.

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet bidla enormi lejn it-teknoloġiji diġitali għax-xogħol u l-apprendiment mill-bogħod, inkluż għall-VET. Din uriet ukoll id-diffikultà li tinżamm il-parti tal-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol (WBL) tal-VET fil-kumpaniji, li jagħmilha saħansitra aktar urġenti li tiżdied l-effettività tad-djalogu bejn l-għalliema tal-VET u l-ħarrieġa fil-kumpaniji permezz ta’ mezzi diġitali.

Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, għodda ġdida għall-għalliema (“SELFIE għall-Għalliema”) disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE tippermetti lill-għalliema jagħmlu awtovalutazzjoni tal-kompetenza u l-kunfidenza diġitali tagħhom u jiksbu feedback immedjat dwar l-aspetti b’saħħithom u n-nuqqasijiet u fejn jistgħu jkomplu jiżviluppaw. It-timijiet tal-għalliema jistgħu wkoll jaħdmu flimkien biex jużaw l-għodda u jiżviluppaw pjan ta’ taħriġ.

F’Ottubru 2021, l-għodda l-ġdida SELFIE għall-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol (WBL) tnediet bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Din tgħin biex l-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tal-VET jitqarrbu lejn xulxin ħalli jiddiskutu b’mod konġunt kif l-aħjar tiġi inkorporata t-teknoloġija diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ ipprovduti. SELFIE għall-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol mhux biss tiġbor it-tliet perspettivi tal-mexxejja tal-iskejjel, tal-għalliema u tal-istudenti tal-VET, iżda żżid ukoll l-fehma tal-ħarrieġa fil-kumpaniji bħala r-raba’ perspettiva. Aktar ħidma fuq SELFIE għall-apprendiment imsejjes fuq ix-xogħol se tiffoka fuq l-esplorazzjoni ta’ kif l-għodda tista’ tappoġġa l-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-politika fil-livell tal-pajjiżi u tal-UE. Barra minn hekk, l-impatt ta’ SELFIE għad-WBL fuq il-kumpaniji għandu jiġi analizzat aktar sabiex jiġi esplorat aktar involviment tal-kumpaniji jew sabiex tiġi żviluppata aktar l-għodda sabiex tkopri aspetti differenti skont il-ħtiġijiet tal-kumpaniji.

SELFIE ġiet żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC).

Aktar informazzjoni dwar SELFIE tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/education/schools-go-digital_mt    

HEInnovate

Il-qafas ta’ gwida ta’ HEInnovate joffri lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) fl-UE u lil hinn minnha l-opportunità biex jeżaminaw il-kapaċitajiet ta’ innovazzjoni u ta’ intraprenditorija tagħhom permezz ta’ awtoriflessjoni f’dimensjoni waħda jew aktar minn tmien dimensjonijiet disponibbli, li huma:

  • Tmexxija u Governanza
  • Kapaċità Organizzattiva: Finanzjament, Persuni u Inċentivi
  • Tagħlim u Apprendiment Intraprenditorjali
  • Tħejjija u Appoġġ lill-Intraprendituri
  • Trasformazzjoni u Kapaċità Diġitali
  • Skambju tal-Għarfien u Kollaborazzjoni 
  • L-Istituzzjoni Internazzjonalizzata
  • Kejl tal-Impatt

HEInnovate hija wkoll komunità ta’ prattika u l-esperti tagħha joffru workshops għall-HEIs biex itejbu l-prestazzjoni tal-innovazzjoni tagħhom u jħarrġu l-avvenimenti ta’ ħarrieġa sabiex ixerrdu l-approċċ b’mod aktar wiesa’ fil-livell nazzjonali. Il-materjali ta’ taħriġ huma disponibbli fuq is-sit web. Il-pjattaforma tipprovdi wkoll studji ta’ każijiet u stejjer ta’ utenti biex turi eżempji ta’ approċċi ta’ innovazzjoni differenti fil-HEIs madwar l-UE. Saru għadd ta’ Rieżamijiet tal-Pajjiżi b’kollaborazzjoni mal-OECD u huma disponibbli fuq is-siti web tal-HEInnovate u tal-OECD. Ir-Rapporti tal-Pajjiżi ta’ HEInnovate juru approċċi ta’ innovazzjoni u intraprenditorija fi stati membri differenti tal-UE.

Il-proġetti ffinanzjati mill-Erasmus+ bħall-Alleanzi tal-Università Ewropea u l-Alleanzi għall-Innovazzjoni huma mistiedna jużaw il-HEInnovate fejn rilevanti sabiex jakkumpanjaw il-proġetti tagħhom.

HEInnovate tista’ tiġi aċċessata fuq: https://heinnovate.eu/en

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ joffri informazzjoni u opportunitajiet Ewropej u nazzjonali li huma ta’ interess għaż-żgħażagħ li qegħdin jgħixu, jitgħallmu u jaħdmu fl-Ewropa. Dan iħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ u permezz ta’ inizjattivi oħrajn sabiex jiġu involuti ż-żgħażagħ bil-għan li jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika. Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jipprovdi wkoll informazzjoni għal partijiet ikkonċernati oħrajn li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ u huwa disponibbli fi 28 lingwa u jista’ jiġi aċċessat hawnhekk: https://europa.eu/youth/Eu_mt

Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti

L-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti għandha l-għan li tissimplifika l-mobbiltà għall-apprendiment u t-taħriġ billi tiddiġitalizza l-komponenti ewlenin kollha meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti, mill-għoti ta’ informazzjoni sal-proċessi ta’ applikazzjoni u l-issetiljar fil-komunità ospitanti meta jkunu barra minn pajjiżhom. Fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva, l-Applikazzjoni Mobbli tal-Erasmus+ u n-Network Erasmus Mingħajr Karti issa huma disponibbli għall-istituzzjonijiet u għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja u se jkomplu jissaħħu biż-żieda ta’ servizzi u karatteristiċi ġodda għall-utenti.

L-Applikazzjoni Mobbli tal-Erasmus+ tagħti lill-istudenti punt uniku ta’ aċċess online għall-informazzjoni u s-servizzi kollha li jeħtieġu qabel, l-iskambji tagħhom barra minn pajjiżhom, matulhom u warajhom. L-Applikazzjoni Mobbli tal-Erasmus+ tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fil-programm għal studenti f’setturi oħra. L-applikazzjoni hija disponibbli biex titniżżel mill-App store u l-Google Play. Għal aktar informazzjoni: erasmusapp.eu

In-Network Erasmus Mingħajr Karti jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkonnettjaw ma’ mezz ċentrali ta’ komunikazzjoni sabiex jiskambjaw mingħajr xkiel id-data dwar il-mobbiltà tal-istudenti b’mod sigur u simplifikat li jappoġġa ġestjoni tal-mobbiltà kompletament diġitalizzata, inkluż ftehimiet ta’ apprendiment diġitali u ftehimiet interistituzzjonali diġitali. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li qed ifittxu informazzjoni dwar kif jingħaqdu man-Network Erasmus Mingħajr Karti u jużawh, jistgħu jaċċessaw informazzjoni, linji gwida u tutorials billi jżuru l-Paġna tal-Erasmus Mingħajr Karti fuq il-portal tal-Inizjattiva tal-Kard Ewropea tal-Istudenti fuq: https://erasmus-plus.ec.europa.eu/european-student-card-initiative/ewp

Networks ta’ għarfien u ta’ esperti

In-network Eurydice

In-network Eurydice primarjament jiffoka fuq il-mod kif l-edukazzjoni fl-Ewropa hija strutturata u organizzata fil-livelli kollha u jimmira sabiex jikkontribwixxi għal fehim reċiproku aħjar tas-sistemi tal-edukazzjoni fl-Ewropa. Dan jipprovdi analiżijiet komparattivi fil-livell Ewropew u informazzjoni speċifika nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ lil dawk responsabbli għas-sistemi u l-politiki tal-edukazzjoni fl-Ewropa, u se jgħinhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom.

In-network Eurydice jipproduċi sors enormi ta’ informazzjoni, inkluż deskrizzjonijiet iddettaljati u ħarsiet ġenerali lejn is-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali (Sistemi u Politiki Nazzjonali tal-Edukazzjoni), rapporti tematiċi komparattivi ddedikati għas-suġġetti speċifiċi ta’ interess Komunitarju (Rapporti Tematiċi), indikaturi u statistika (Serje ta’ Data Ewlenija) u serje ta’ fatti u ċifri relatati mal-edukazzjoni, bħall-istrutturi nazzjonali tal-edukazzjoni, il-kalendarji skolastiċi, il-paragun tal-pagi tal-għalliema u taż-żmien ta’ tagħlim meħtieġ għall-pajjiżi u l-livelli ta’ edukazzjoni (Fatti u Ċifri).

Dan jikkonsisti f’unità ċentrali ta’ koordinazzjoni li tinsab fl-Aġenzija Eżekuttiva u f’unitajiet nazzjonali bbażati fl-Istati Membri kollha tal-UE u fil-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, kif ukoll l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Montenegro. 

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq is-sit web tal-Aġenzija Eżekuttiva: https://eacea.ec.europa.eu/homepage u fuq is-sit web tan-netwerk Eurydice: https://eurydice.eacea.ec.europa.eu/

Network Nazzjonali tal-Korrispondenti tal-Wiki taż-Żgħażagħ

F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u mal-objettiv li jittejjeb l-għarfien dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa, qiegħed jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju lill-Istrutturi Nazzjonali li jikkontribwixxu għall-Wiki taż-Żgħażagħ, għodda interattiva li tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa u dwar il-politiki nazzjonali taż-żgħażagħ b’mod koerenti, aġġornat u sfruttabbli.

L-appoġġ finanzjarju jingħata lill-korpi maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali, li jinsabu fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm, għall-azzjonijiet imwettqa minn dawn il-korpi għall-produzzjoni ta’ informazzjoni speċifika għall-pajjiż, deskrizzjonijiet u indikaturi komparabbli tal-pajjiż li jikkontribwixxu għal fehim reċiproku aħjar tas-sistemi u l-politiki taż-żgħażagħ fl-Ewropa.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq il-pjattaforma online: https://national-policies.eacea.ec.europa.eu/youthwiki  

Network ta’ Esperti fir-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja (HEREs)

Fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm moqdi mill-Uffiċċji tal-Erasmus+ Nazzjonali, it-Timijiet Nazzjonali ta’ Esperti fir-Riforma tal-Edukazzjoni Għolja jipprovdu ġabra ta’ esperti lill-awtoritajiet lokali u l-partijiet ikkonċernati sabiex jippromwovu r-riforma u jtejbu l-progress fl-edukazzjoni għolja. Dawn jieħdu sehem fl-iżvilupp tal-politiki fl-edukazzjoni għolja fil-pajjiż rispettiv tagħhom. L-attivitajiet tal-HERE huma bbażati fuq “kuntatti bejn il-pari”. Kull tim nazzjonali jikkonsisti minn ħames membri sa ħmistax-il membru. Il-HEREs huma esperti fil-qasam tal-edukazzjoni għolja (Retturi, Viċi-Retturi, Dekani, akkademiċi ta’ livell għoli, uffiċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali, studenti eċċ.).

Il-missjoni tal-HEREs tinvolvi appoġġ:

  • Għall-iżvilupp tal-politika fil-pajjiżi rispettivi tagħhom, billi jappoġġaw il-modernizzazzjoni, il-proċessi ta’ riforma u l-istrateġiji fl-edukazzjoni għolja, f’kuntatt mill-qrib mal-awtoritajiet lokali kkonċernati;
  • Għad-djalogu ta’ politika mal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni għolja;
  • Għall-attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ konsulenza mmirati lejn il-partijiet ikkonċernati lokali, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-persunal tagħhom;
  • għall-proġetti tal-Erasmus+ (b’mod partikolari dawk implimentati taħt l-Azzjoni għall-Bini tal-Kapaċità) billi xxerred ir-riżultati u l-eżiti tagħhom, b’mod partikolari prattiki tajba u inizjattivi innovattivi u tisfruttahom għall-iskopijiet ta’ taħriġ.

Timijiet Nazzjonali biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-għodod tal-VET tal-UE

L-iskop tat-timijiet nazzjonali tal-esperti tal-VET huwa li jipprovdu ġabra ta’ għarfien espert sabiex jippromwovu l-applikazzjoni tal-għodod u l-prinċipji tal-VET tal-UE fi proġetti ffinanzjati mill-UE appoġġati mill-Programm Erasmus+. L-għodod tal-VET tal-UE kkonċernati huma stabbiliti fid-dokumenti rilevanti tal-politika tal-VET tal-UE bħall-Qafas Ewropew għall-Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET (bħall-Qafas tal-EQAVET, il-profili ewlenin tal-UE, it-traċċar tal-gradwati u oħrajn). L-esperti għandhom b’mod partikolari jipprovdu appoġġ lill-benefiċjarji ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE appoġġati mill-Programm Erasmus+ sabiex jimplimentaw l-għodod tal-VET tal-UE msemmija hawn fuq fil-proġetti tagħhom.

Punti ta’ Referenza Nazzjonali tan-Network tal-EQAVET

Il-Punti ta’ Referenza Nazzjonali (NRPs) tal-EQAVET huma stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali u jġibu flimkien il-korpi rilevanti eżistenti li jinvolvu s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati kollha fil-livelli nazzjonali u reġjonali, biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità fil-VET kif iddefinit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għal kompetittività sostenibbli, ġustizzja soċjali u reżiljenza.

L-NRPs tal-EQAVET għandhom l-għan li:

  • Jieħdu inizjattivi konkreti biex jimplimentaw u jiżviluppaw aħjar il-Qafas tal-EQAVET;
  • Jinformaw u jimmobilizzaw firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-qafas tal-EQAVET;
  • Jappoġġaw l-awtovalutazzjoni bħala mezz komplementari u effettiv ta’ assigurazzjoni tal-kwalità;
  • Jipprovdu deskrizzjoni aġġornata tal-arranġamenti nazzjonali/reġjonali ta’ assigurazzjoni tal-kwalità abbażi tal-Qafas tal-EQAVET;
  • Jinvolvu ruħhom f’rieżamijiet bejn il-pari fil-livell tal-UE tal-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell tas-sistema tal-VET.

QEK, Europass u Euroguidance - Ċentri Nazzjonali

Għal kull pajjiż, dawn it-tliet networks ta’ ċentri nazzjonali huma appoġġati permezz ta’ ftehim ta’ għotja wieħed jew aktar:

Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (NCPs tal-QEK)

L-NCPs tal-QEK, maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali, jappoġġawhom:

  • Fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fir-rieżaminar tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u r-referenzjar tagħhom fil-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK);
  • Fir-rieżaminar u fl-aġġornament, fejn rilevanti, tar-referenzjar tal-livelli tal-oqfsa jew tas-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki għal-livelli tal-QEK.

L-NCPs tal-QEK iġibu l-QEK eqreb tal-individwi u tal-organizzazzjonijiet billi:

  • Jappoġġaw l-inklużjoni tal-livelli xierqa tal-QEK dwar iċ-ċertifikati, id-diplomi, is-supplimenti u dokumenti oħrajn tal-kwalifiki u dwar il-bażijiet tad-data tal-kwalifiki;
  • Jiżviluppaw reġistri jew bażijiet tad-data tal-kwalifiki li jinkludu kwalifiki inklużi fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki u jippubblikawhom fuq il-pjattaforma tal-Europass.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: https://europa.eu/europass/mt/ghodod-tal-europass/il-qafas-ewropew-tal-kwalifiki/oqfsa-nazzjonali-tal-kwalifiki

Ċentri Nazzjonali tal-Europass

Il-karatteristika prinċipali tal-Europass hija pjattaforma online li tipprovdi lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet b’għodod u informazzjoni interattivi dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment, l-oqfsa ta’ kwalifiki u l-kwalifiki, il-gwida, l-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-għodod ta’ awtovalutazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki, u l-konnettività ma’ opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ impjieg.  Dan jirrikjedi ħidma sostanzjali fil-livell nazzjonali, imwettqa minn korpi maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan jinkludi b’mod partikolari:

  • Id-disponibbiltà tal-informazzjoni nazzjonali għall-pjattaforma tal-UE, jiġifieri l-iżgurar tal-interkonnessjoni bejn il-pjattaforma tal-UE u s-sorsi ta’ data nazzjonali għall-opportunitajiet ta’ apprendiment u l-bażijiet tad-data jew ir-reġistri nazzjonali tal-kwalifiki;
  • Il-promozzjoni tal-użu tas-servizzi pprovduti mill-pjattaforma tal-UE;
  • Il-kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali.

Network Euroguidance

Il-Euroguidance huwa network Ewropew ta’ ċentri nazzjonali ta’ riżorsi u informazzjoni, maħtur mill-awtoritajiet nazzjonali. Iċ-ċentri kollha tal-Euroguidance jikkondividu l-għanijiet komuni li ġejjin:

  • Il-kooperazzjoni u l-appoġġ fil-livell tal-Unjoni sabiex jissaħħu l-politiki, is-sistemi u l-prattiki għall-gwida fi ħdan l-Unjoni (l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-gwida tul il-ħajja); 
  • L-appoġġ tal-iżvilupp tal-kompetenza tal-prattikanti ta’ gwida; 
  • Il-provvediment tal-informazzjoni ta’ kwalità dwar il-gwida tul il-ħajja;
  • Il-promozzjoni tal-opportunitajiet Ewropej għall-mobbiltà għall-apprendiment u l-ġestjoni tal-karriera (permezz tal-pjattaforma tal-Europass).

Il-grupp prinċipali fil-mira tal-Euroguidance huwa l-prattikanti ta’ gwida u dawk li jfasslu l-politika kemm mis-settur tal-edukazzjoni kif ukoll minn dak tal-impjiegi.

Aktar informazzjoni hi disponibbli fuq: https://euroguidance.eu