Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Min jista’ jipparteċipa fil-Programm Erasmus+?

L-individwi jikkostitwixxu l-popolazzjoni ewlenija fil-mira tal-Programm. Il-Programm jilħaq lil dawn l-individwi l-aktar permezz ta’ organizzazzjonijiet, istituzzjonijiet, korpi jew gruppi li jorganizzaw attivitajiet appoġġati mill-programm Erasmus+. Il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-Programm jirrigwardaw dawn iż-żewġ atturi: il-“parteċipanti” (individwi li jieħdu sehem fl-attivitajiet ta’ proġett Erasmus+ u li jistgħu jirċievu parti mill-għotja tal-UE maħsuba sabiex tkopri l-kostijiet tal-parteċipazzjoni tagħhom) u l-“organizzazzjonijiet parteċipanti”1  (inklużi gruppi informali ta’ żgħażagħ involuti fi proġett Erasmus+, bħala applikanti jew sħab u persuni li jaħdmu għal rashom). Kemm fil-każ tal-parteċipanti kif ukoll tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni jiddependu fuq il-pajjiż li jkunu bbażati fih. 

Parteċipanti f’attivitajiet ta’ proġetti tal-Erasmus+

Bħala regola ġenerali, il-parteċipanti fil-proġetti tal-Erasmus+ jeħtiġilhom ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Xi Azzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport, huma miftuħa wkoll għal parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.

Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni fi proġett tal-Erasmus+ jiddependu fuq it-tip ta’ Azzjoni kkonċernata.

F’termini ġenerali, il-gruppi fil-mira ewlenin huma:

  • Għall-proġetti rilevanti fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, il-miri ewlenin huma: l-istudenti tal-edukazzjoni għolja (ċiklu qasir, l-ewwel, it-tieni jew it-tielet ċiklu), l-għalliema u l-professuri tal-edukazzjoni għolja, il-persunal tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, il-ħarrieġa u l-professjonisti fl-intrapriżi;
  • Għall-proġetti rilevanti fil-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni vokazzjonali, il-miri ewlenin huma: l-apprendisti u l-istudenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-professjonisti u l-ħarrieġa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-persunal ta’ organizzazzjonijiet inizjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħarrieġa u l-professjonisti fl-intrapriżi;
  • Għal proġetti rilevanti fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika, il-miri ewlenin huma: il-mexxejja tal-iskejjel, l-għalliema tal-iskejjel u l-persunal tal-iskejjel, l-istudenti tal-iskola fl-edukazzjoni preprimarja, tal-primarja u tas-sekondarja;
  • Għall-proġetti rilevanti fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti, il-miri ewlenin huma: il-membri ta’ organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni mhux vokazzjonali għall-adulti, il-ħarrieġa, il-persunal u l-istudenti fl-edukazzjoni mhux vokazzjonali għall-adulti;
  • Għall-proġetti rilevanti fil-qasam taż-żgħażagħ, il-miri ewlenin huma: iż-żgħażagħ li għandhom bejn 13-il sena u 30 sena2 , il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-persunal u l-membri ta’ organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • Għal proġetti rilevanti fil-qasam tal-isport, il-miri ewlenin huma: il-professjonisti u l-voluntiera fil-qasam tal-isport, l-atleti u l-kowċis.

Għal aktar dettalji dwar il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’kull Azzjoni speċifika, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta’ din il-Gwida.

Organizzazzjonijiet parteċipanti

Il-proġetti tal-Erasmus+ huma sottomessi u implimentati mill-organizzazzjonijiet parteċipanti. Jekk jintgħażel proġett, l-organizzazzjoni applikanti ssir benefiċjarju ta’ għotja tal-Erasmus+. Il-benefiċjarji jiffirmaw ftehim ta’ għotja li jagħtihom id-dritt li jirċievu appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom.

Bħala regola ġenerali, l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-proġetti tal-Erasmus+ iridu jkunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Xi Azzjonijiet huma miftuħa wkoll għall-organizzazzjonijiet parteċipanti minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, b’mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport.

Il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-parteċipazzjoni fi proġett tal-Erasmus+ jiddependu mit-tip ta’ Azzjoni appoġġata mill-Programm. F’termini ġenerali, il-Programm huwa miftuħ għal kwalunkwe organizzazzjoni attiva fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ jew l-isport. Diversi Azzjonijiet huma miftuħa wkoll għall-parteċipazzjoni ta’ atturi oħrajn fis-suq tax-xogħol.

Għal aktar dettalji, jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta’ din il-Gwida. 

  • 1

    Il-persuni fiżiċi ma humiex eliġibbli li japplikaw direttament għal għotja mal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ jew mal-Aġenzija Eżekuttiva EACEA, bl-eċċezzjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom (jiġifieri kummerċjanti waħdiena, fejn il-kumpanija ma jkollhiex personalità ġuridika separata minn dik tal-persuna fiżika).Entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika skont id-dritt nazzjonali tagħhom jistgħu jipparteċipaw b’mod eċċezzjonali, diment li r-rappreżentanti tagħhom ikollhom il-kapaċità jassumu obbligi ġuridiċi f’isimhom, u li dawn joffru garanziji għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE li huma ekwivalenti għal dawk offruti minn persuni ġuridiċi.Il-Korpi tal-UE (bl-eċċezzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea) ma jistgħux ikunu parti mill-konsorzju.

    ↩ back

  • 2 Japplikaw limiti differenti ta’ età skont it-tipi differenti ta’ attivitajiet. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti B ta’ din il-Gwida. Jekk jogħġbok qis ukoll dawn li ġejjin:
  • limiti aktar baxxi tal-età - il-parteċipanti jridu jkunu laħqu l-età minima fid-data tal-bidu tal-attività.
  • limiti massimi tal-età - il-parteċipanti ma jridux ikunu akbar mill-età massima indikata fid-data tal-bidu tal-attività.
    ↩ back