Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Karatteristiċi importanti tal-Programm Erasmus +

Il-karatteristiċi li ġejjin tal-Programm jistħoqqilhom attenzjoni speċjali:

Protezzjoni, saħħa u sikurezza tal-parteċipanti

Il-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti involuti fil-proġetti tal-Erasmus+ huma prinċipji importanti tal-Programm. Il-persuni parteċipanti kollha fil-Programm Erasmus+ għandu jkollhom l-opportunità li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet għall-iżvilupp u għall-apprendiment personali u professjonali. Dan għandu jiġi żgurat f’ambjent sikur li jirrispetta u jħares id-drittijiet tal-persuni kollha, l-integrità fiżika u emozzjonali tagħhom, is-saħħa mentali u l-benessri tagħhom.

Kull organizzazzjoni li tipparteċipa fil-Programm irid ikollha fis-seħħ proċeduri u arranġamenti effettivi li jippromwovu u jiggarantixxu s-sikurezza, il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni tal-parteċipanti fl-attività tagħhom. Meta jkun meħtieġ, l-adulti għandhom jakkumpanjaw parteċipanti taħt l-età (studenti tal-iskola, studenti tal-VET, żgħażagħ) f’attivitajiet ta’ mobbiltà. L-adulti akkumpanjaturi għandhom jiżguraw kwalità suffiċjenti tal-komponent tal-apprendiment tal-mobbiltà kif ukoll il-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti taħt l-età.

Barra minn hekk, l-istudenti tal-iskola kollha, it-trainees, l-apprendisti, l-istudenti adulti, iż-żgħażagħ, u l-persunal kollha involuti f’attività ta’ mobbiltà li taqa’ taħt l-Azzjonijiet Ewlenin kollha tal-Programm Erasmus+, iridu jkunu assigurati kontra r-riskji marbuta mal-parteċipazzjoni tagħhom f’dawn l-attivitajiet. Il-Programm iħalli f’idejn l-organizzaturi tal-proġett biex ifittxu l-aktar polza tal-assigurazzjoni adattata skont it-tip ta’ proġett imwettaq u l-formati ta’ assigurazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, ma hemmx bżonn li l-parteċipanti jissottoskrivu għal assigurazzjoni speċifika għal proġett, jekk diġà jkunu koperti minn poloz tal-assigurazzjoni eżistenti tal-organizzaturi tal-proġett.

Fi kwalunkwe każ, l-oqsma li ġejjin iridu jiġu koperti:

  • fejn ikun rilevanti, assigurazzjoni tal-ivvjaġġar (inkluż dannu jew telf ta’ bagalji);
  • responsabbiltà ta’ terzi (inkluż, fejn ikun xieraq, indennizz professjonali jew assigurazzjoni ta’ responsabbiltà);
  • aċċident u mard serju (inkluża l-inkapaċità permanenti jew temporanja);
  • mewt (inkluż ripatrijazzjoni fil-każ ta’ proġetti mwettqa barra mill-pajjiż).

Jekk ikun applikabbli, huwa rrakkomandat bis-sħiħ li l-parteċipanti f’attivitajiet tranżnazzjonali jkunu fil-pussess ta’ Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa.  Din hija kard bla ħlas li tagħti aċċess għal kura tas-saħħa meħtieġa medikament u pprovduta mill-Istat matul soġġorn temporanju fi kwalunkwe wieħed mis-27 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja, bl-istess kundizzjonijiet u bl-istess kost (b’xejn f’xi pajjiżi) bħall-persuni assigurati f’dak il-pajjiż. Aktar informazzjoni dwar il-karta u kif tiksibha hija disponibbli fuq https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559&langId=mt.

Fl-aħħar nett, jekk il-proġetti jkunu jinvolvu żgħażagħ taħt it-18-il sena, l-organizzazzjonijiet parteċipanti huma meħtieġa jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ parteċipazzjoni mill-ġenituri tagħhom jew mingħand dawk li jaġixxu f’isimhom.

Multilingwiżmu

Il-multilingwiżmu huwa wieħed mill-pedamenti tal-proġett Ewropew u simbolu qawwi tal-aspirazzjoni tal-UE li tkun magħquda fid-diversità tagħha. Il-lingwi barranin għandhom rwol prominenti fost il-ħiliet li se jgħinu jħejju aħjar lill-persuni għas-suq tax-xogħol u jagħmlu l-aħjar li jistgħu mill-opportunitajiet disponibbli. L-UE stabbilixxiet l-għan li kull ċittadin għandu jkollu l-opportunità li jitgħallem mill-inqas żewġ lingwi barranin, minn età bikrija.

Il-promozzjoni tal-apprendiment tal-lingwi u d-diversità lingwistika hija waħda mill-objettivi speċifiċi tal-Programm. In-nuqqas ta’ kompetenzi lingwistiċi huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni fil-programmi Ewropej tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ. L-opportunitajiet fis-seħħ biex joffru appoġġ lingwistiku għandhom l-għan li jagħmlu l-mobbiltà aktar effiċjenti u effettiva, itejbu l-prestazzjoni tal-apprendiment u għalhekk jikkontribwixxu għall-objettiv speċifiku tal-Programm.

Il-programm se joffri appoġġ għall-apprendiment tal-lingwi lill-parteċipanti li jwettqu attività ta’ mobbiltà. Dan l-appoġġ se jiġi offrut prinċipalment permezz tal-pjattaforma ta’ Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+, adattata kif meħtieġ għal setturi individwali, peress li l-e-Apprendiment  joffri vantaġġi għall-apprendiment tal-lingwi f’termini ta’ aċċess u flessibbiltà. L-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+ se jippermetti lill-parteċipanti jivvalutaw, jipprattikaw u jtejbu l-għarfien tagħhom tal-lingwi. Minbarra l-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS), jistgħu jiġu offruti forom oħra għall-appoġġ lingwistiku biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-lingwi ta’ gruppi partikolari fil-mira – bħall-użu tal-lingwa tas-sinjali jew il-Braille, li jistgħu jiġu ffinanzjati permezz tal-kategorija ddedikata ta’ appoġġ finanzjarju għall-inklużjoni.

Fil-qafas tal-proġetti ta’ kooperazzjoni, se jiġu mħeġġa wkoll it-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. L-innovazzjoni u l-prattiki tajba bil-għan li jiġu promossi l-ħiliet lingwistiċi jistgħu jinkludu pereżempju metodi ta’ tagħlim u ta’ valutazzjoni, l-iżvilupp ta’ materjal pedagoġiku, ir-riċerka, l-apprendiment tal-lingwi assistit mill-kompjuter u l-impriżi intraprenditorjali permezz tal-użu ta’ lingwi barranin.

Il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet il-premjijiet tat-Tikketta Ewropea għal-Lingwi (ELL) biex tirrikonoxxi l-kwalità, biex tappoġġa l-kondiviżjoni tar-riżultati ta’ proġetti eċċellenti fil-qasam tal-multilingwiżmu, u biex tippromwovi l-interess pubbliku fl-apprendiment tal-lingwi. L-Aġenziji Nazzjonali se jagħtu l-ELL kull sena jew kull sentejn lill-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ li jkunu lestew proġett deċentralizzat tal-Erasmus+ b’riżultati eċċellenti fil-qasam tal-apprendiment u tat-tagħlim tal-lingwi. Minbarra l-għażla fost il-proġetti tal-Erasmus+, l-Aġenzija Nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tagħti l-ELL lil inizjattivi oħra b’approċċi komprensivi, inklużivi jew innovattivi għat-tagħlim u għall-apprendiment tal-lingwi.

Dimensjoni internazzjonali

L-Erasmus+ jinkludi dimensjoni internazzjonali b’saħħitha (jiġifieri kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm) f’attivitajiet ta’ mobbiltà, kooperazzjoni u djalogu ta’ politika. Jappoġġa l-organizzazzjonijiet Ewropej biex jiffaċċjaw l-isfidi globali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali, b’mod partikolari billi jintensifika l-mobbiltà u l-kooperazzjoni internazzjonali ma’ pajjiżi terzi, u jsaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali.  Isaħħaħ ir-rabtiet tas-soċjetà permezz tal-mobbiltà, l-iskambji u l-bini tal-kapaċità, filwaqt li jrawwem ir-reżiljenza soċjali, l-iżvilupp tal-bniedem, l-impjegabbiltà, il-parteċipazzjoni attiva u l-iżgurar ta’ mezzi regolari għall-kooperazzjoni bejn il-persuni billi jippromwovi valuri, prinċipji u interessi madwar prijoritajiet komuni. L-attivitajiet joffru rispons għall-isfidi tal-kwalità, il-modernizzazzjoni u l-impjegabbiltà permezz ta’ rilevanza u rispons akbar tal-edukazzjoni għal irkupru soċjoekonomiku ekoloġiku u sostenibbli, tkabbir u prosperità f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp uman u istituzzjonali, it-tranżizzjoni diġitali, it-tkabbir u l-impjiegi, il-governanza tajba u l-paċi u s-sigurtà. L-involviment taż-żgħażagħ f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm huwa element ewlieni fil-proċess tal-bini ta’ soċjetajiet li huma aktar reżiljenti u bbażati fuq fiduċja reċiproka u fehim interkulturali.

Rikonoxximent u validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki

L-Erasmus+ jappoġġa l-għodod ta’ trasparenza u r-rikonoxximent tal-UE għall-kompetenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki – b’mod partikolari l-Europass, il-Youthpass, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta’ Krediti (ECTS), il-Qafas ta’ Referenza Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAVET), ir-Reġistru Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAR), l-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (ENQA) – kif ukoll networks fl-UE kollha fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jappoġġaw dawn l-għodod, b’mod partikolari ċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (NARIC), in-networks Euroguidance, iċ-Ċentri Nazzjonali tal-Europass u l-Punti ta’ Koordinazzjoni Nazzjonali tal-QEK. L-iskop komuni ta’ dawn l-għodod huwa li jiżguraw li l-kompetenzi, il-ħiliet u l-kwalifiki jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti aktar faċilment u jiġu mifhuma aħjar, fi ħdan il-fruntieri nazzjonali u bejniethom, fis-subsistemi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fis-suq tax-xogħol, irrispettivament minn jekk dawn ikunux ġew akkwistati permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali jew permezz ta’ esperjenzi oħra ta’ apprendiment (eż. esperjenza ta’ xogħol; volontarjat, apprendiment online).

Sabiex jilħqu dawn l-objettivi, l-għodod disponibbli għandhom ikunu jistgħu jindirizzaw fenomeni ġodda bħall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni u l-użu dejjem akbar tal-apprendiment diġitali, u jappoġġaw il-ħolqien ta’ perkorsi ta’ apprendiment flessibbli f’konformità mal-ħtiġijiet u l-objettivi tal-istudenti. L-għodod jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll li jevolvu fil-futur u jwasslu għal koerenza u simplifikazzjoni mtejba li jippermettu lill-istudenti u lill-ħaddiema jiċċaqalqu liberament għall-apprendiment jew għax-xogħol.

Fil-qasam taż-żgħażagħ, l-istrateġiji tematiċi1  bħall-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS) għandhom l-għan li joffru aktar appoġġ għall-iżviluppi f’dawn l-oqsma.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/education/policy/strategic-framework/skills-qualifications_mt

Komunikazzjoni tal-proġetti u r-riżultati tagħhom biex jiġi mmassimizzat l-impatt

Il-komunikazzjoni tal-proġetti u r-riżultati tagħhom hija kruċjali biex jiġi żgurat l-impatt fil-livelli differenti. Skont l-azzjoni, l-applikanti għall-finanzjament taħt l-Erasmus+ huma meħtieġa jippjanaw l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom biex jikkondividu l-informazzjoni dwar il-proġett u r-riżultati tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett u warajh. L-applikazzjonijiet għall-proġetti se jiġu evalwati abbażi ta’ kriterji rilevanti biex jiġi żgurat li dawn l-aspetti jiġu koperti. Se jkun meħtieġ ukoll li l-benefiċjarji tal-finanzjament tal-Erasmus+ jimmonitorjaw u jevalwaw is-suċċess tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħhom, kemm kwalitattivament kif ukoll kwantitattivament. Il-livell u l-intensità tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tixrid għandhom ikunu proporzjonali għall-objettivi, għall-ambitu u għall-miri tal-azzjonijiet differenti tal-Erasmus+.

Il-benefiċjarji jridu jirrikonoxxu b’mod ċar l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet u fil-prodotti kollha ta’ komunikazzjoni u tixrid, bħal avvenimenti, siti web tal-internet u pubblikazzjonijiet. B’mod partikolari, iridu jiżguraw li l-emblema tal-Unjoni Ewropea tkun inkluża fil-materjal kollu tal-komunikazzjoni u tirrispetta d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja jew fid-deċiżjoni tal-għotja2 . L-għotja tal-benefiċjarju tista’ titnaqqas jekk tali dispożizzjonijiet ma jiġux irrispettati.

Sabiex jitfassal pjan tajjeb ta’ komunikazzjoni u tixrid, jeħtieġ li l-applikanti jqisu dan li ġej:

  • Objettivi tal-komunikazzjoni: dawn jidentifikaw dak li tixtieq tikseb bl-attività ta’ komunikazzjoni tiegħek, jiġifieri li tqajjem sensibilizzazzjoni, tippromwovi l-valuri tas-soċjetà, tiżviluppa sħubijiet ġodda għall-futur jew tinfluwenza l-politiki u l-prattiki;
  • Udjenza jew grupp fil-mira: dawn huma l-persuni li tixtieq tilħaq u li jistgħu jagħmlu użu mir-riżultati.  Kun speċifiku kemm tista’.  Jistgħu jkunu l-pubbliku ġenerali, il-partijiet ikkonċernati, l-esperti u l-partijiet ikkonċernati oħra, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-media eċċ.;
  • Mezzi u Attivitajiet biex tintlaħaq l-udjenza fil-mira: l-applikanti jeħtieġ li jagħżlu l-mezzi u l-attivitajiet li huma l-aktar effettivi u xierqa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-miri magħżula tagħhom, bħall-media soċjali, l-avvenimenti, il-pubblikazzjonijiet.
  • Riżultati tal-proġett (outputs u eżiti) bħal gwida ta’ prattika tajba, għodda jew prodott prattiku, rapport ta’ riċerka ta’ studji, liema għarfien u ħiliet nkisbu u oħra. Ir-riżultati għandhom jiġu kondiviżi jew promossi permezz tal-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+ (https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/projects_mt).
  • Twaqqit: jeħtieġ li tippjana b’mod effettiv meta se jseħħu attivitajiet differenti (billi torbothom mal-pjan ta’ ħidma/stadji importanti), taqbel dwar mira realistika u tiżgura l-flessibbiltà skont il-progress tal-proġett, il-bidla fil-ħtiġijiet tal-udjenza jew tal-grupp fil-mira kif ukoll l-iżvilupp fil-politika u l-proċedura.
  • Indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs): l-indikaturi tal-prestazzjoni huma għodda ta’ ġestjoni siewja biex jiġi mmonitorjat il-progress (u jiġu permessi aġġustamenti jekk ikun meħtieġ) matul l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni u tixrid u biex jiġi evalwat il-grad ta’ suċċess fil-kisba tal-objettivi tiegħu.

Rekwiżit ta’ Aċċess Miftuħ tal-Erasmus+ għall-materjali edukattivi

L-Erasmus+ jippromwovi l-aċċess miftuħ tal-outputs tal-proġetti biex jappoġġa l-apprendiment, it-tagħlim, it-taħriġ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ. B’mod partikolari, il-benefiċjarji tal-Erasmus+ huma impenjati li jagħmlu kwalunkwe riżorsa u għodda edukattiva li tiġi prodotta fil-kuntest tal-proġetti appoġġati mill-Programm– dokumenti, media, software jew materjali oħra disponibbli liberament għall-pubbliku taħt liċenzja miftuħa. Il-materjali għandhom ikunu aċċessibbli u li jistgħu jinstabu b’mod faċli mingħajr kost jew limitazzjonijiet, u l-liċenzja miftuħa trid tippermetti lill-pubbliku juża, juża mill-ġdid, jadatta u jikkondividi r-riżorsa. Tali materjali huma magħrufa bħala “Riżorsi Edukattivi Miftuħa” (OER). Biex jintlaħaq dan l-għan, ir-riżorsi għandhom jittellgħu b’forma diġitali li tista’ tiġi editjata, fuq pjattaforma xierqa u aċċessibbli b’mod miftuħ. Filwaqt li l-Erasmus+ iħeġġeġ lill-benefiċjarji biex japplikaw il-liċenzji l-aktar miftuħa,3  il-benefiċjarji jistgħu jagħżlu liċenzji li jimponu xi ftit limitazzjonijiet, eż. jirrestrinġu l-użu kummerċjali minn oħrajn, jew jimpenjaw lil oħra japplikaw l-istess liċenzja fuq xogħlijiet derivattivi, jekk dan ikun xieraq għan-natura tal-proġett u għat-tip ta’ materjal, u jekk xorta waħda tħalli lill-pubbliku juża, juża mill-ġdid, jadatta u jikkondividi r-riżorsa. Ir-rekwiżit għall-aċċess miftuħ huwa obbligatorju u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-benefiċjarji tal-għotja.

Aċċess Miftuħ għar-riċerka u d-data tal-Erasmus+

L-Erasmus+ iħeġġeġ lill-benefiċjarji jippubblikaw l-output tar-riċerka permezz ta’ perkorsi ta’ aċċess miftuħ, jiġifieri b’modi li huma mingħajr kost jew restrizzjonijiet oħra ta’ aċċess. Il-benefiċjarji huma mħeġġa wkoll japplikaw liċenzji miftuħa għal dan l-output tar-riċerka. Kull meta jkun possibbli, id-data miġbura mill-proġetti għandha tiġi ppubblikata bħala “data miftuħa”, jiġifieri b’liċenzja miftuħa, f’format xieraq u fuq pjattaforma xierqa ta’ data miftuħa.

  • 1 L-istrateġiji jinsabu hawnhekk: https://www.salto-youth.net/
  • 2 Gwida dwar kif għandha tintuża l-identità viżiva tal-Kummissjoni Ewropea, inkluża l-emblema tal-Unjoni Ewropea tista’ tinsab hawnhekk  https://ec.europa.eu/info/resources-partners/european-commission-visual-identity_mt#documents
  • 3 Eż il-liċenzji tal-Creative Commons Attribution jew tal-Creative Commons Attribution-Share Alike li jintużaw b’mod wiesa’ għax-xogħlijiet kreattivi, il-GNU Public License u l-GNU Lesser Public License għas-software, jew l-Open Database License għall-bażijiet tad-data.