Parti A – Informazzjoni Ġenerali dwar il-Programm Erasmus+
L-Erasmus+ huwa l-programm tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport għall-perjodu 2021-2027. L-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport huma oqsma ewlenin li jappoġġaw liċ-ċittadini fl-iżvilupp personali u professjonali tagħhom. L-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja u inklużivi, kif ukoll l-apprendiment informali u mhux formali, fl-aħħar mill-aħħar jgħammru liż-żgħażagħ u lill-parteċipanti ta’ kull età bil-kwalifiki u bil-ħiliet meħtieġa għall-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom fis-soċjetà demokratika, għall-fehim interkulturali u għat-tranżizzjoni b’suċċess fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess tal-programm fil-perjodu 2014-2020, l-Erasmus+ isaħħaħ l-isforzi tiegħu biex iżid l-opportunitajiet offruti lil aktar parteċipanti u lil medda usa’ ta’ organizzazzjonijiet, billi jiffoka fuq l-impatt kwalitattiv tiegħu u jikkontribwixxi għal soċjetajiet aktar inklużivi u koeżivi, aktar ekoloġiċi u adatti għad-dinja diġitali.
Iċ-ċittadini Ewropej iridu jkunu mgħammra aħjar bl-għarfien, bil-ħiliet u bil-kompetenzi meħtieġa f’soċjetà li qiegħda tinbidel b’mod dinamiku li qiegħda ssir dejjem aktar mobbli, multikulturali u diġitali. Li wieħed iqatta’ żmien f’pajjiż ieħor biex jistudja, jitgħallem u jaħdem għandha ssir ħaġa komuni, u l-opportunità li wieħed jitgħallem żewġ lingwi oħra flimkien mal-lingwa materna tiegħu għandha tiġi offruta lil kulħadd. Il-Programm huwa komponent ewlieni li jappoġġa l-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u l-Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport (2021-2024).
Kif uriet il-pandemija tal-COVID-19, qiegħed jirriżulta li l-aċċess għall-edukazzjoni, aktar minn qatt qabel, huwa essenzjali biex jiġi żgurat irkupru malajr, filwaqt li jiġu promossi opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Bħala parti minn dan il-proċess ta’ rkupru, il-programm Erasmus+ jieħu d-dimensjoni inklużiva tiegħu għal orizzont ġdid billi jappoġġa opportunitajiet għall-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali tal-persuni fl-Ewropa u lil hinn minnha, bil-għan li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.
Sabiex jiżdied l-impatt kwalitattiv tal-azzjonijiet tiegħu u jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, il-Programm se jilħaq b’mod aħjar aktar persuni ta’ etajiet differenti u minn sfondi kulturali, soċjali u ekonomiċi diversi. Huwa fil-qalba tal-Programm li nersqu aktar viċin ta’ dawk b’inqas opportunitajiet, inklużi l-persuni b’diżabilità u l-migranti, kif ukoll iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jgħixu f’żoni remoti jew li qegħdin jiffaċċjaw diffikultajiet soċjoekonomiċi. B’dan il-mod, il-Programm se jħeġġeġ ukoll lill-parteċipanti tiegħu, b’mod partikolari liż-żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom u jitgħallmu jipparteċipaw fis-soċjetà ċivika, filwaqt li jqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea. Fl-2023, il-Programm se jkompli wkoll jimmobilizza l-isforzi tiegħu biex jimmitiga l-konsegwenzi soċjoekonomiċi u edukattivi tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, inkluż billi jappoġġa proġetti li jippromwovu l-attivitajiet edukattivi u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna fl-ambjenti ta’ apprendiment il-ġodda tagħhom, kif ukoll attivitajiet li jappoġġaw l-organizzazzjonijiet, l-istudenti u l-persunal fl-Ukrajna.
Barra minn hekk, f’konformità mal-objettivi tal-Aġenda Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-appoġġ għall-iżvilupp tat-talent biex tingħata spinta lill-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Ewropa, l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali u tal-kompetenzi u l-ħiliet f’oqsma li jħarsu ’l quddiem, bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-enerġija nadifa, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, l-analiżi tal-big data, eċċ. huwa essenzjali għat-tkabbir sostenibbli u l-koeżjoni futuri tal-Ewropa. Il-Programm jista’ jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti billi jistimola l-innovazzjoni u jnaqqas id-distakk fl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-Ewropa. Jeħtieġ li n-negozji tal-UE jsiru aktar kompetittivi permezz tat-talent u l-innovazzjoni. Dan l-investiment fl-għarfien, fil-ħiliet u fil-kompetenzi se jkun ta’ benefiċċju għall-individwi, għall-istituzzjonijiet, għall-organizzazzjonijiet u għas-soċjetà kollha kemm hi billi jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli u jiżgura l-ekwità, il-prosperità u l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa u lil hinn minnha.
Sfida oħra hija relatata max-xejriet madwar l-Ewropa ta’ parteċipazzjoni limitata fil-ħajja demokratika u l-livelli baxxi ta’ għarfien u ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-kwistjonijiet Ewropej u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej kollha. Ħafna persuni isibuha bi tqila, jew iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet, biex jinvolvu ruħhom u jipparteċipaw b’mod attiv fil-komunitajiet tagħhom jew fil-ħajja politika u soċjali tal-Unjoni Ewropea. It-tisħiħ tal-identità Ewropea u tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi huwa ta’ importanza kbira għall-futur tal-Unjoni Ewropea. Din il-kwistjoni tista’ tiġi mmirata wkoll permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment mhux formali, li għandhom l-għan li jsaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi taż-żgħażagħ kif ukoll iċ-ċittadinanza attiva tagħhom.
F’konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħmel l-ekonomija tagħha sostenibbli, il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti involuti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jkunu qegħdin ifasslu l-proġetti tagħhom, li se jħeġġiġhom jiddiskutu u jitgħallmu dwar il-kwistjonijiet ambjentali, iġegħilhom jaħsbu dwar x’jista’ jsir fil-livell tagħhom u jgħinhom joħorġu b’modi alternattivi aktar ekoloġiċi għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom.
L-appoġġ u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni tranżnazzjonali u internazzjonali bejn l-organizzazzjonijiet fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport huma essenzjali sabiex il-persuni jingħataw aktar kompetenzi ewlenin, filwaqt li jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u jiġu rrikonoxxuti l-kompetenzi miksuba permezz ta’ apprendiment formali, informali u mhux formali. Dan jiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta’ ideat u t-trażmissjoni tal-aħjar prattiki u tal-għarfien espert u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet diġitali u b’hekk jikkontribwixxi għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja filwaqt li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali. Il-Programm Erasmus+ huwa wieħed mill-aktar stejjer ta’ suċċess viżibbli tal-Unjoni Ewropea. Dan jibni fuq il-kisbiet ta’ aktar minn 30 sena ta’ programmi Ewropej fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, u jkopri kemm id-dimensjoni intra-Ewropea kif ukoll id-dimensjoni tas-sħubijiet internazzjonali.
Il-Gwida tal-Programm Erasmus+ hija abbozzata f’konformità mal-Programmi ta’ Ħidma annwali tal-Erasmus+ adottati mill-Kummissjoni Ewropea, u għalhekk tista’ tiġi riveduta sabiex tirrifletti l-prijoritajiet u l-linji ta’ azzjoni definiti. L-implimentazzjoni ta’ din il-Gwida hija soġġetta wkoll għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fl-abbozz tal-baġit wara l-adozzjoni tal-baġit għal dik is-sena mill-Awtorità tal-Baġit tal-UE jew kif previst fis-sistema tad-dodiċeżmi proviżorji.