Inizjattivi għall-apprendiment dwar l-UE f’oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ
L-inizjattivi għall-Apprendiment dwar l-UE se jappoġġaw lill-iskejjel u lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ Vokazzjonali (VETs), ISCED 1 – 4, u b’hekk jippermettulhom jipprovdu kontenut speċifiku dwar suġġetti bbażati fl-UE (id-demokrazija, l-istorja tal-UE, kif taħdem l-UE, id-diversità kulturali – fost oħrajn). L-attivitajiet għandhom jiġu mgħallma matul is-sena skolastika u jistgħu jinkludu ġimgħat tal-proġett, żjarat ta’ studju, u attivitajiet immersivi oħrajn.
L-attivitajiet se jiġu offruti mill-iskejjel u mill-VETs (ISCED 1 – 4). Dawn jistgħu jfasslu u jwasslu kontenut dwar kwistjonijiet tal-UE u joħolqu esperjenzi ta’ apprendiment huma stess jew bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jew ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn (NGOs, Assoċjazzjonijiet, eċċ.). L-attivitajiet organizzati taħt din it-taqsima se jagħtu spinta lill-apprendiment dwar l-Unjoni Ewropea b’modi li jispiraw. Dawn se jgħinu lill-istudenti jsaħħu s-sens ta’ appartenenza tagħhom mal-UE, l-impatt li għandha fuq ħajjithom u l-fehim tagħhom dwar il-mekkaniżmi u l-politiki tal-UE.
Objettivi tal-azzjoni
L-Inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE se jrawmu l-introduzzjoni ta’ perspettiva tal-Unjoni Ewropea fil-kultura edukattiva tal-iskejjel u l-VETs (ISCED 1-4) u se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva fost l-istudenti u l-għalliema.
B’mod partikolari, l-objettivi ewlenin huma:
- numru akbar ta’ skejjel u VETs (ISCED 1-4) li jgħallmu kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea mill-Istat Membru tal-UE jew il-pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
- numru akbar ta’ klassijiet fl-iskejjel u fil-VETs (ISCED 1-4) involuti fl-esperjenzi ta’ apprendiment dwar suġġetti tal-Unjoni Ewropea;
- numru akbar ta’ oqsma ta’ suġġett ewlenin, jew attivitajiet ekstrakurrikulari, fejn l-UE qiegħda tiġi mgħallma fl-iskejjel u fil-VETs (ISCED 1-4) għal kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm;
- numru akbar ta’ għalliema sabiex jinvolvu ruħhom fit-titjib tal-litteriżmu dwar l-UE;
- titjib fil-kwalità ta’ metodi innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment tal-UE, b’attenzjoni partikolari għall-prijoritajiet tal-UE;
- riżultati mtejba tal-apprendiment dwar l-UE ta’ studenti li jkunu mgħammra aħjar b’għarfien u fehim tal-UE, l-istorja, il-valuri, l-objettivi tagħha kif ukoll l-istituzzjonijiet, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jinfluwenzaw il-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ Ewropej u ċittadinanza attiva mtejba fost l-istudenti u l-għalliema.
Stabbiliment ta’ proġett
L-inizjattivi Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE huma speċifikament immirati lejn l-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VETs) (ISCED 1 – 4).
L-inizjattivi għall-Apprendiment dwar l-UE Jean Monnet iridu jirrispettaw waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:
- it-tagħlim dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea inkorporati uffiċjalment fil-kurrikuli (it-tagħlim f’suġġett eżistenti wieħed jew aktar);
- esperjenzi ta’ apprendiment fuq is-suġġetti dwar l-Unjoni Ewropea li jikkomplementaw korsijiet diġà eżistenti: l-apprendiment kollaborattiv, it-tagħlim konġunt, fost suġġetti oħra;
- seminars ekstrakurrikulari, żjarat ta’ studju, tipi oħrajn ta’ esperjenzi tal-UE li jinvolvu organizzazzjonijiet oħrajn.
Għall-fini tal-azzjoni, siegħa ta’ tagħlim tinftiehem bħala siegħa ta’ esperjenza ta’ apprendiment fil-kuntest tal-attivitajiet tal-iskola jew tal-VET. Dan jista’ jkun apprendiment fil-klassi jew mhux fil-klassi (jiġifieri workshops, laqgħat ma’ esperti, żjarat ta’ studju) iżda jeħtieġ li jkun marbut ma’ eżiti konkreti ta’ apprendiment u ma’ studji tal-UE/valuri tal-UE.
L-Awtoritajiet Nazzjonali jistgħu jiġu infurmati dwar l-iskejjel pubbliċi li japplikaw għal din l-Azzjoni għal kull pajjiż, inkluża data personali limitata bħall-isem u l-email tal-persuna ta’ kuntatt, sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ validazzjoni tal-entitajiet tagħhom.
Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għall-Inizjattivi Jean Monnet għall-apprendiment dwar l-UE?
Kriterji tal-eliġibbiltà
Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli (min jista’ japplika?)
Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk ikun hemm) iridu jkunu:
- skola jew istituzzjoni tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali (VET) (ISCED 1 - 4);
- stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Huma permessi biss applikazzjonijiet minn applikanti uniċi.
Attivitajiet eliġibbli
Inizjattiva Jean Monnet għall-Apprendiment dwar l-UE trid tiġi implimentata għal minimu ta’ 40 siegħa tagħlim għal kull sena skolastika għal tliet snin konsekuttivi b’rabta ma’ suġġetti bbażati fl-UE.
Durata tal-proġett
Normalment il-proġetti idumu 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja).
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA)
ID tas-Sejħa: ERASMUS-JMO-2025-OFET-LEARNING-EU
Meta napplika?
L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sat-12 ta’ Frar fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell)
Kif napplika?
Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
Kriterji għall-għoti
Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin:
Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 25 punt)
Il-proposta trid turi r-rilevanza meta mqabbla mal-objettivi ta’ din l-azzjoni u fost l-oħrajn, se titqies ir-rilevanza, permezz ta’:
- it-tip u n-numru ta’ suġġetti tal-UE proposti għall-proġett;
- l-innovazzjoni u l-kreattività fil-proposta;
- l-użu ta’ metodoloġija diġitali – fejn possibbli;
- il-metodoloġiji ġodda ta’ tagħlim u apprendiment biex is-suġġetti tal-Unjoni Ewropea jsiru aktar attraenti u mfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-istudenti tal-iskola u l-istudenti.
Il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (massimu ta’ 25 punt)
F’termini ta’ kwalità, il-proposta għandha turi:
- il-kwalità u l-fattibbiltà tal-metodoloġija proposta;
- il-metodoloġiji tat-tagħlim użati, inklużi l-lekċers fi gruppi, is-seminars, it-tutorials, l-apprendiment mill-bogħod iżda mhux l-istruzzjoni individwali;
- evidenza taċ-ċarezza u s-sustanza tal-programm ta’ ħidma propost, fil-fażijiet kollha tiegħu (tħejjija, implimentazzjoni, evalwazzjoni u segwitu).
Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (massimu ta’ 25 punt)
Il-proposta tal-proġett għandha tipprovdi:
- evidenza ta’ impenn ċar tal-ġestjoni tal-iskejjel/tal-VET;
- evidenza ta’ impenn ċar b’appoġġ għall-għalliema fit-tħejjija tal-kontenut kif ukoll fl-attivitajiet ta’ tagħlim tagħhom;
- evidenza tal-monitoraġġ tal-attivitajiet u l-viżibbiltà tar-riżultati miksuba mill-persunal involut f’din l-inizjattiva;
- evidenza tal-involviment tal-persunal bil-ħiliet pedagoġiċi rilevanti.
Impatt (massimu ta’ 25 punt)
Il-proposta tal-proġett għandha tipprovdi:
- evidenza ta’ miżuri u riżorsi xierqa biex tiżgura li r-riżultati u l-benefiċċji jkunu sostnuti wara l-ħajja tal-proġett;
- deskrizzjoni ċara tal-istrateġija ta’ tixrid fi ħdan l-istituzzjoni u lil hinn minnha;
- spjegazzjoni tal-impatt mistenni fuq l-iskejjel u l-VETs (ISCED 1 – 4), fuq l-istudenti tal-iskola, l-istudenti u l-għalliema li jibbenefikaw mill-attivitajiet.
Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti jridu jġibu tal-inqas 70 punt. Barra minn hekk, iridu jiksbu mill-inqas 15-il punt f’kull waħda mill-kategoriji ta’ kriterji tal-għoti msemmija hawn fuq.
Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità se tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.
Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord.
Impatt mistenni
L-Inizjattivi għall-Apprendiment tal-UE Jean Monnet huma mistennija li jġibu effetti pożittivi u fit-tul kemm għall-iskejjel kif ukoll għall-fornituri tal-VET u għall-parteċipanti fl-attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari l-għalliema u l-istudenti.
L-impatt tal-Inizjattivi għall-Apprendiment tal-UE Jean Monnet jitkejjel permezz ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi (ara t-tabella ta’ hawn taħt), marbuta mal-objettivi tal-Azzjoni li huma deskritti fit-taqsima introduttorja, “Objettivi tal-Azzjoni”.
L-applikanti huma mħeġġa jużaw l-indikaturi li ġejjin fl-applikazzjonijiet tagħhom, u jistabbilixxu l-valuri fil-mira tagħhom:
Objettivi
Numru akbar ta’ klassijiet fl-iskejjel u fil-VETs (ISCED 1-4) involuti fl-esperjenzi ta’ apprendiment dwar suġġetti tal-Unjoni Ewropea
Indikaturi
Numru ta’ klassijiet u studenti involuti fl-Azzjoni (diżaggregati skont il-ġeneru).
Objettivi
Numru akbar ta’ oqsma ta’ suġġett ewlenin, jew attivitajiet ekstrakurrikulari, fejn l-UE qiegħda tiġi mgħallma fl-iskejjel u fil-VETs (ISCED 1-4) għal kull Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
Indikaturi
Numru u t-tip ta’ oqsma u avvenimenti tas-suġġett li fihom qed tiġi mgħallma l-UE.
Objettivi
Numru akbar ta’ għalliema sabiex jinvolvu ruħhom fit-titjib tal-litteriżmu dwar l-UE
Indikaturi
Numru ta’ għalliema involuti fl-Azzjoni (diżaggregati skont il-ġeneru).
Objettivi
Titjib fil-kwalità ta’ metodi innovattivi ta’ tagħlim u apprendiment tal-UE, b’attenzjoni partikolari għall-prijoritajiet tal-UE
Indikaturi
Numru ta’ proġetti li jinkorporaw metodi innovattivi.
Objettivi
Riżultati tal-apprendiment dwar l-UE mtejba ta’ studenti li jkunu mgħammra aħjar b’għarfien u fehim tal-UE, l-istorja, il-valuri, l-objettivi tagħha kif ukoll l-istituzzjonijiet, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jinfluwenzaw il-ħajja ta’ kuljum taż-żgħażagħ Ewropej
Indikaturi
Perċentwal tar-rata ta’ suċċess fit-test tal-apprendiment dwar l-UE (diżaggregat skont il-ġeneru).
X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?
Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. Din l-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu.
L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 35,000.
Il-kontribuzzjonijiet ta’ somma f’daqqa se jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (tixrid tal-informazzjoni, pubblikazzjoni, traduzzjoni).
L-applikanti jeħtiġilhom jitolbu l-ammont predefinit tas-somma waħda f’daqqa indikata, li tikkorrispondi għall-pajjiż, kif indikat fit-tabella ta’ hawn taħt. Innota li s-somma f’daqqa għal kull pajjiż tirrifletti n-numru totali ta’ sigħat ta’ tagħlim fuq perjodu ta’ tliet snin. L-ammonti fit-tabella jirrappreżentaw il-kontribuzzjoni finali tal-UE b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 %.
Inizjattivi għall-Apprendiment dwar l-UE
| Pajjiżi/ sigħat ta’ tagħlim matul il-perjodu ta’ tliet snin (minimu ta’ 40 siegħa/sena) | 120-150 siegħa ta’ tagħlim | 151-180 siegħa ta’ tagħlim | 181-210 siegħa ta’ tagħlim | 211 - 240 siegħa ta’ tagħlim | >241 siegħa ta’ tagħlim |
|---|---|---|---|---|---|
| Il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Liechtenstein, is-Serbja | EUR 12.250 | EUR 14.750 | EUR 17.250 | EUR 19.750 | EUR 22.000 |
| It-Turkija, il-Kroazja, il-Latvja | EUR 14.250 | EUR 17.500 | EUR 20.750 | EUR 24.000 | EUR 27.250 |
| L-Ungerija, il-Polonja, il-Litwanja, iċ-Ċekja, l-Estonja, is-Slovakkja | EUR 16.000 | EUR 19.500 | EUR 23.500 | EUR 27.000 | EUR 31.000 |
| Il-Portugall, il-Greċja, is-Slovenja, Malta | EUR 20.000 | EUR 24.000 | EUR 28.000 | EUR 32.000 | EUR 35.000 |
| Ċipru, l-Iżlanda, Spanja, l-Italja | EUR 23.500 | EUR 29.000 | EUR 34.000 | EUR 35.000 | EUR 35.000 |
| L-Irlanda, Franza, il-Finlandja | EUR 27.000 | EUR 33.000 | EUR 35.000 | EUR 35.000 | EUR 35.000 |
| Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, l-Iżvezja, in-Norveġja | EUR 30.000 | EUR 35.000 | EUR 35.000 | EUR 35.000 | EUR 35.000 |