Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

X’inhu proġett ta’ mobbiltà?

L-organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ se jirċievu appoġġ mill-Programm Erasmus+ sabiex iwettqu proġetti li jippromwovu tipi differenti ta’ mobbiltà. Proġett ta’ mobbiltà se jkun jikkonsisti fl-istadji li ġejjin:

  • Ippjanar (inkluża d-definizzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet)
  • Tħejjija (inklużi l-arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, l-istabbiliment ta’ ftehimiet ma’ sħab u parteċipanti, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti speċifiċi tal-parteċipanti qabel it-tluq);
  • Implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà;
  • Segwitu (inklużi l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, il-validazzjoni u r-rikonoxximent formali - fejn applikabbli - tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti matul l-attività, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett).

Il-Programm Erasmus+ isaħħaħ l-appoġġ offrut lill-parteċipanti tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fit-titjib tal-kompetenzi tagħhom fil-lingwa barranija qabel u matul il-permanenza tagħhom barra mill-pajjiż, inkluż l-għoti ta’ appoġġ lingwistiku msaħħaħ għall-parteċipanti f’mobbiltà fit-tul fl-oqsma tal-VET, tal-edukazzjoni tal-adulti u tal-edukazzjoni skolastika. Is-servizz ta’ Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+ jipprovdi lill-parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobbiltà l-opportunità li jivvalutaw l-għarfien tagħhom tal-lingwi kif ukoll li jsegwu korsijiet lingwistiċi online biex itejbu l-kompetenzi tagħhom.

Barra minn hekk, l-Erasmus+ joffri spazju għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ mobilità li jinvolvu organizzazzjonijiet sħab bi sfondi differenti u attivi f’oqsma differenti jew setturi soċjoekonomiċi (eż traineeships ta’ studenti universitarji jew studenti tal-VET f’intrapriżi, NGOs, korpi pubbliċi; għalliema fi skejjel wara korsijiet ta’ żvilupp professjonali f’kumpaniji jew f’ċentri ta’ taħriġ; esperti tan-negozju jagħtu lekċers jew taħriġ f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, eċċ.).

It-tielet element importanti tal-innovazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà huwa li l-organizzazzjonijiet parteċipanti tal-Erasmus+ ikollhom il-possibbiltà li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fi ħdan qafas strateġiku usa’ u fuq perjodu medju. Permezz ta’ applikazzjoni waħda għal għotja, il-koordinatur ta’ proġett ta’ mobbiltà se jkun jista’ jorganizza bosta attivitajiet ta’ mobbiltà, li bihom bosta individwi jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn pajjiżi differenti. Bħala konsegwenza ta’ dan, taħt l-Erasmus+ l-applikanti se jkunu jistgħu jfasslu l-proġett tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-parteċipanti, iżda anke skont il-pjanijiet interni tagħhom għall-internazzjonalizzazzjoni, il-bini tal-kapaċità u l-modernizzazzjoni.

L-iskemi ta’ akkreditazzjoni għandhom rwol importanti fl-iżgurar ta’ impatt għoli tal-Azzjoni Ewlenija 1. Il-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, l-akkreditazzjoni Erasmus għall-konsorzji tal-mobbiltà għall-edukazzjoni għolja u l-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus fl-oqsma tal-VET, l-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni tal-adulti, u ż-żgħażagħ jippermettu lill-organizzazzjonijiet jibbenefikaw mill-Azzjoni Ewlenija 1 fuq bażi kontinwa, u b’hekk dawn jitħallew jiffokaw fuq l-objettivi fuq perjodu itwal u fuq l-impatt istituzzjonali.

Skont il-profil tal-parteċipanti involuti, it-tipi ta’ proġetti ta’ mobbiltà li ġejjin jiġu appoġġati mill-Azzjoni Ewlenija 1 tal-Programm Erasmus+:

Fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ:

  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għolja;
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-VET;
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-iskola;
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-edukazzjoni għall-adulti.

Fil-qasam taż-Żgħażagħ:

  • Proġetti ta’ mobbiltà għaż-żgħażagħ - Skambji taż-żgħażagħ
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ
  • L-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ
  • Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU

Fil-qasam tal-Isport:

  • Il-mobbiltà tal-persunal fil-qasam tal-isport

It-taqsimiet ta’ hawn taħt jipprovdu l-informazzjoni dettaljata dwar il-kriterji u l-kundizzjonijiet li japplikaw għal kull tip ta’ proġett ta’ mobbiltà.