Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

This guide is a detailed technical description of the Erasmus+ programme. It is mainly intended for organisations applying for funding.

If you are looking for a quicker overview, please read how to take part.

Search the guide

X’inhi l-istruttura tal-Programm Erasmus+?

Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-Programm Erasmus+ jipprevedi l-implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Ewlenin li ġejjin fil-perjodu 2021-2027:

Azzjoni Ewlenija 1 - Mobbiltà tal-Individwi

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġa:

  • Mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal: opportunitajiet għal studenti, studenti adulti, trainees u żgħażagħ, kif ukoll għal professuri, għalliema, ħarrieġa, edukaturi, persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, persunal tal-isport, persunal ta’ istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex iwettqu esperjenza ta’ apprendiment u/jew esperjenza professjonali f’pajjiż ieħor;
  • Attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ: l-inizjattivi lokali u tranżnazzjonali mmexxija miż-żgħażagħ ġestiti minn gruppi informali ta’ żgħażagħ u/jew ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jgħinu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom u jitgħallmu jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-valuri komuni u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jlaqqgħu liż-żgħażagħ u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew, kif ukoll jikkontribwixxu għall-għanijiet komuni tal-Unjoni Ewropea;
  • Mobbiltà tal-persunal fil-qasam tal-isport: il-persunal tal-organizzazzjonijiet sportivi, primarjament fl-isport għad-dilettanti, jingħata l-opportunità li jtejjeb il-kompetenzi u l-kwalifiki tiegħu u jikseb ħiliet ġodda permezz tal-mobbiltà għall-apprendiment billi jqatta’ perjodu ta’ żmien barra mill-pajjiż, u b’hekk jikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċitajiet u għall-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet sportivi. Din l-azzjoni tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-kowċijiet u persunal ieħor (kemm persunal imħallas kif ukoll voluntiera) fl-isport għad-dilettanti. Il-persunal fl-isport mhux għad-dilettanti, inklużi dawk involuti fi sport doppju u f’karrieri mhux sportivi, ukoll jista’ jtejjeb l-impatt tal-apprendiment u t-trasferiment tal-għarfien għall-persunal u l-organizzazzjonijiet tal-isport għad-dilettanti. L-opportunitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-persunal fl-isport mhux għad-dilettanti jistgħu jiġu appoġġati meta l-parteċipazzjoni ta’ tali persunal tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-isport għad-dilettanti.
  • DiscoverEU: lil dawk li għandhom 18-il sena, l-azzjoni toffrilhom l-opportunità li jkollhom esperjenza ta’ vvjaġġar individwali jew fi grupp fuq perjodu ta’ żmien qasir madwar l-Ewropa. Bħala attività ta’ apprendiment informali, DiscoverEU għandha l-għan li trawwem is-sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea tal-parteċipanti u tippermettilhom jesploraw id-diversità kulturali tagħha. Din tfittex ukoll li tipprovdi liż-żgħażagħ b’ħiliet u kompetenzi ta’ valur għall-ħajja futura tagħhom, kif ukoll tispirahom sabiex iħaddnu l-ivvjaġġar sostenibbli b’mod partikolari u l-kuxjenza ambjentali b’mod ġenerali. DiscoverEU tinkludi azzjoni ġenerali, fejn iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw direttament fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, kif ukoll azzjoni ta’ inklużjoni. L-Azzjoni ta’ Inklużjoni ta’ DiscoverEU hija mmirata lejn iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom f’DiscoverEU fuq l-istess livell tal-pari tagħhom.
  • Il-programm joffri opportunitajiet ta’ apprendiment tal-lingwi lill-parteċipanti li jwettqu attività ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż. Dan l-appoġġ se jiġi offrut prinċipalment permezz tal-għodda tal-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS) tal-Erasmus+, adattata kif meħtieġ għal setturi individwali, peress li l-e-Apprendiment joffri vantaġġi għall-apprendiment tal-lingwi f’termini ta’ aċċess u flessibbiltà. F’każijiet partikolari, jiġifieri, meta l-apprendiment online ma jkunx l-aħjar għodda biex jintlaħaq il-grupp fil-mira, se jiġu offruti forom addizzjonali ta’ appoġġ lingwistiku.
  • Skambji virtwali fl-edukazzjoni għolja u ż-żgħażagħ:din l-azzjoni tagħti l-opportunità li jiġu organizzati attivitajiet online bejn il-persuni li jippromwovu d-djalogu interkulturali u l-iżvilupp ta’ ħiliet personali bejn individwi minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm, Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-programm. Dawn isiru fi gruppi żgħar u dejjem jiġu mmoderati minn faċilitatur imħarreġ.

Azzjoni Ewlenija 2 – Kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġa:

Sħubijiet għall-Kooperazzjoni, inklużi:

  • Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni: L-għan primarju tas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni huwa li jippermettu lill-organizzazzjonijiet iżidu l-kwalità u r-rilevanza tal-attivitajiet tagħhom, jiżviluppaw u jsaħħu n-networks ta’ sħab tagħhom, iżidu l-kapaċità tagħhom li joperaw b’mod konġunt fil-livell tranżnazzjonali, jagħtu spinta lill-internazzjonalizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, u permezz tal-iskambju jew l-iżvilupp ta’ prattiki u metodi ġodda kif ukoll il-kondiviżjoni u l-indirizzar tal-ideat;
  • Sħubijiet Fuq Skala Żgħira: Din l-azzjoni għandha l-għan li twessa’ l-aċċess għall-programm għal atturi fuq skala żgħira u għall-individwi li diffiċli jintlaħqu fl-oqsma tal-edukazzjoni skolastika, l-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport. B’ammonti ta’ għotjiet aktar baxxi mogħtija lill-organizzazzjonijiet, durata iqsar u rekwiżiti amministrattivi aktar sempliċi meta mqabbla mas-Sħubijiet ta’ Kooperazzjoni, din l-azzjoni għandha l-għan li tilħaq lill-organizzazzjonijiet lokali, lill-parteċipanti l-ġodda fil-Programm u lill-organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza, u tnaqqas l-ostakli għad-dħul fil-Programm għal organizzazzjonijiet b’kapaċità organizzazzjonali iżgħar.

Sħubijiet għall-Eċċellenza, li jinkludu:

  • Universitajiet Ewropej: Din l-azzjoni tappoġġa l-ħolqien ta’ alleanzi minn isfel għal fuq ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, li se jġibu kooperazzjoni transfruntiera fil-livell ta’ ambizzjoni li jmiss, permezz tal-iżvilupp ta’ strateġiji konġunti fit-tul għall-edukazzjoni, għar-riċerka u għall-innovazzjoni tal-aqwa kwalità, ibbażati fuq viżjoni komuni u valuri kondiviżi;
  • Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (CoVE): Din l-azzjoni tappoġġa approċċ minn isfel għal fuq għall-eċċellenza vokazzjonali li jinvolvi firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati lokali u li jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-VET jadattaw malajr il-provvista tal-ħiliet għall-ħtiġijiet ekonomiċi u soċjali li qegħdin jevolvu. Dawn joperaw f’kuntest lokali partikolari, u joħolqu ekosistemi tal-ħiliet għall-innovazzjoni, l-iżvilupp reġjonali, u l-inklużjoni soċjali, filwaqt li jaħdmu ma’ CoVEs f’pajjiżi oħrajn permezz ta’ networks kollaborattivi internazzjonali.  Dawn jipprovdu opportunitajiet għat-taħriġ inizjali taż-żgħażagħ kif ukoll għat-tkomplija tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-adulti, permezz ta’ offerta flessibbli u f’waqtha ta’ taħriġ li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ suq tax-xogħol dinamiku, inkluż fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;
  • Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+: L-objettiv kumplessiv ta’ din l-azzjoni huwa li toħloq sħubijiet Ewropej ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema sabiex jiġu stabbiliti l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ li se jiżviluppaw perspettiva Ewropea u internazzjonali fl-edukazzjoni tal-għalliema. L-Akkademji se jħaddnu l-multilingwiżmu u d-diversità kulturali, se jiżviluppaw l-edukazzjoni tal-għalliema f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE fil-politika tal-edukazzjoni u se jikkontribwixxu għall-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.
  • Azzjoni Erasmus Mundus: Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni madwar id-dinja tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja permezz ta’ programmi ta’ studju – fil-livell ta’ master – li jitwasslu flimkien u jiġu rrikonoxxuti b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja stabbiliti fl-Ewropa, u miftuħa għal istituzzjonijiet f’pajjiżi oħrajn tad-dinja.

Sħubijiet għall-Innovazzjoni, li jinkludu:

  • Alleanzi għall-Innovazzjoni: Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem il-kooperazzjoni strateġika bejn l-atturi ewlenin fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fin-negozju u fir-riċerka – it-“triangolu tal-għarfien” – biex trawwem l-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-identifikazzjoni u l-forniment tas-sett it-tajjeb ta’ ħiliet, għarfien u kompetenzi sabiex jissodisfaw id-domanda futura tas-suq tax-xogħol f’setturi u oqsma li huma strateġiċi għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività tal-Ewropa;
  • Proġetti li Jħarsu ’l Quddiem: Din l-azzjoni għandha l-għan li trawwem l-innovazzjoni, il-kreattività u l-parteċipazzjoni, kif ukoll l-intraprenditorija soċjali f’oqsma differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Din se tappoġġa ideat li jħarsu ’l quddiem ibbażati fuq il-prijoritajiet Ewropej ewlenin, u li għandhom il-potenzjal li jiġu integrati u jagħtu kontribut għat-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, kif ukoll li jġibu effett innovattiv sostanzjali f’termini tal-metodi u l-prattiki għat-tipi kollha ta’ kuntesti ta’ apprendiment u ta’ parteċipazzjoni attiva għall-koeżjoni soċjali tal-Ewropa.

Proġetti tal-Bini tal-Kapaċità, inkluż: 

  • Proġetti tal-Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni għolja: Din l-azzjoni tappoġġa l-proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għolja fl-Istati Membri tal-UE jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm. Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw ir-rilevanza, il-kwalità, il-modernizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm bħala xprunatur tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli.
  • Proġetti tal-Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali: Din l-azzjoni fil-qasam tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali tappoġġa proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-VET fl-Istati Membri tal-UE, f’pajjiżi terzi assoċjati mal-programm u f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm. Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw ir-rilevanza, l-aċċessibbiltà, u r-rispons tal-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-VET f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm, bħala xprunatur tal-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli.
  • Proġetti tal-Bini tal-Kapaċità fil-qasam taż-żgħażagħ: din l-azzjoni tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju fil-qasam taż-żgħażagħ bejn l-organizzazzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm u l-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm u tkopri attivitajiet ta’ apprendiment mhux formali, b’enfasi fuq iż-żieda tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu maż-żgħażagħ barra mill-apprendiment formali, filwaqt li tiżgura l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ.
  • Proġetti tal-Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-isport: L-azzjoni se tappoġġa l-proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-isport fl-Istati Membri tal-UE, f’pajjiżi terzi assoċjati mal-programm u f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm. Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw l-attivitajiet u l-politiki tal-isport f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-programm bħala mezz biex jiġu promossi l-valuri kif ukoll bħala għodda edukattiva biex jiġi promoss l-iżvilupp personali u soċjali tal-individwi u ħalli jinbnew komunitajiet aktar koeżivi.

Avvenimenti sportivi Ewropej mingħajr skop ta’ qligħ:  Din l-azzjoni se tappoġġa t-tħejjija, l-organizzazzjoni u s-segwitu tal-avvenimenti sportivi mingħajr skop ta’ qligħ, organizzati jew f’pajjiż wieħed jew f’diversi pajjiżi minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ jew minn korpi pubbliċi attivi fil-qasam tal-isport. Dawn l-avvenimenti se jkollhom l-għan li jżidu l-viżibbiltà tal-azzjonijiet sportivi tal-Erasmus+ kif ukoll li jqajmu sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-isport fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, l-opportunitajiet indaqs u l-attivitajiet fiżiċi li jtejbu s-saħħa.

Pjattaformi online bħall-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika (inkluż l-eTwinning), il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE), il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ se joffru spazji virtwali ta’ kollaborazzjoni, bażijiet tad-data biex jinstab sieħeb, komunitajiet ta’ prattika u servizzi online oħra għall-għalliema, il-ħarrieġa, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, dawk li jfasslu l-politika u prattikanti oħra, kif ukoll għall-istudenti tal-iskola, iż-żgħażagħ u l-istudenti adulti fl-Ewropa u lil hinn minnha.

Azzjoni Ewlenija 3 – Appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u l-kooperazzjoni

Din l-Azzjoni Ewlenija tappoġġa:

L-azzjoni Żgħażagħ Ewropej Flimkien, immirata kemm lejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-livell lokali kif ukoll lejn organizzazzjonijiet akbar u tappoġġa sħubijiet bejn il-fruntieri. L-attivitajiet taħt din l-azzjoni għandhom jikkontribwixxu għat-twessigħ tas-sensibilizzazzjoni lejn iż-żgħażagħ sabiex tiġi żgurata diversità ta’ ilħna u sabiex tintlaħaq firxa diversa ta’ żgħażagħ fi ħdan l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u lil hinn minnhom, inklużi żgħażagħ b’inqas opportunitajiet. Dawn għandhom jinvolvu varjetà ta’ mezzi tradizzjonali u diġitali u jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ sħubijiet u networks, li jippermettu l-parteċipazzjoni u l-aċċess għal NGOs fil-livell lokali u movimenti taż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, din l-Azzjoni Ewlenija tkopri:

  • L-azzjonijiet immirati lejn it-tħejjija u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-aġenda politika tal-UE dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, inklużi aġendi settorjali għall-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-iskejjel u l-apprendiment għall-adulti, u b’mod partikolari billi jiffaċilitaw il-governanza u l-funzjonament tal-Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni;
  • It-twettiq ta’ esperimentazzjonijiet tal-politika Ewropea, immexxija minn awtoritajiet pubbliċi ta’ livell għoli u li jinvolvu provi fuq il-post fir-rigward ta’ miżuri ta’ politika f’diversi pajjiżi, abbażi ta’ metodi ta’ evalwazzjoni sodi. F’konformità mal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ, se jingħata wkoll appoġġ finanzjarju lill-istrutturi li janimaw il-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali li jiġu maħtura minn kull awtorità nazzjonali fil-qafas tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali;
  • L-azzjonijiet immirati lejn il-ġbir ta’ evidenza u ta’ għarfien dwar is-sistemi u l-politiki tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport fil-livell nazzjonali u Ewropew, bil-għan li jiffaċilitaw tfassil ta’ politika mmotivat. Il-ġbir u l-analiżi tal-evidenza se jsiru permezz ta’ stħarriġ u studji madwar l-UE jew internazzjonali kif ukoll għarfien espert tematiku u speċifiku għall-pajjiż;
  • L-azzjonijiet li jiffaċilitaw it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kwalifiki, kif ukoll it-trasferiment tal-krediti, biex titrawwem l-assigurazzjoni tal-kwalità, tiġi appoġġata l-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali, il-ġestjoni tal-ħiliet u l-gwida. Dan il-qasam se jinkludi wkoll l-appoġġ lil korpi jew networks fil-livell nazzjonali u Ewropew li jiffaċilitaw skambji trans-Ewropej kif ukoll l-iżvilupp ta’ perkorsi flessibbli ta’ apprendiment bejn oqsma differenti tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ u f’ambjenti ta’ apprendiment formali, mhux formali u informali;

L-azzjonijiet li jrawmu djalogu ta’ politika mal-partijiet ikkonċernati fl-Unjoni Ewropea u barra minnha, permezz ta’, pereżempju, konferenzi, avvenimenti u attivitajiet oħrajn li jinvolvu lil dawk li jfasslu l-politika, prattikanti u partijiet ikkonċernati oħrajn fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport, sabiex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar l-aġendi ta’ politika Ewropej rilevanti u jippromwovu l-Ewropa bħala destinazzjoni eċċellenti għall-istudju u għar-riċerka;

  • Il-Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’għarfien espert u kapaċità analitika rikonoxxuti ħafna (bħall-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa) sabiex jissaħħu l-impatt u l-valur miżjud tal-politiki fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport.

Azzjonijiet Jean Monnet

L-Azzjonijiet Jean Monnet jappoġġaw:

  • Azzjoni Jean Monnet fil-qasam tal-Edukazzjoni Għolja: Din l-azzjoni tappoġġa l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja fl-Ewropa u barra minnha biex jippromwovu t-tagħlim u r-riċerka dwar l-integrazzjoni Ewropea u jippromwovu d-dibattitu u l-iskambji ta’ politika li jinvolvu d-dinja akkademika u dawk li jfasslu l-politika dwar il-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni. Is-subazzjonijiet li ġejjin huma appoġġati: Moduli Jean Monnet: programmi qosra ta’ tagħlim f’dixxiplina waħda jew aktar tal-istudji tal-Unjoni Ewropea; Katedri Jean Monnet: karigi ta’ tagħlim itwal bi speċjalizzazzjoni fl-istudji tal-Unjoni Ewropea għall-professuri individwali tal-università; Ċentri ta’ Eċċellenza Jean Monnet: punti fokali li jiġbru l-għarfien tal-esperti ta’ livell għoli f’diversi dixxiplini ta’ studji Ewropej, filwaqt li jiżviluppaw attivitajiet tranżnazzjonali u rabtiet strutturali ma’ istituzzjonijiet akkademiċi f’pajjiżi oħrajn; 
  • Azzjoni Jean Monnet f’oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ: Din l-azzjoni tippromwovi l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea fl-iskejjel u fl-istituti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) fl-Istati Membri tal-UE u f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Din għandha l-għan li toffri opportunitajiet lill-fornituri tal-edukazzjoni biex jiżviluppaw u jwasslu l-kontenut lill-istudenti u lill-fornituri tat-taħriġ tal-għalliema biex jappoġġaw lill-għalliema b’metodoloġiji u b’għarfien aġġornat dwar il-kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea u biex jippromwovu d-dibattitu u l-iskambji bejn ir-rappreżentanti tal-iskola u tal-VET u l-partijiet ikkonċernati fuq l-apprendiment dwar is-suġġetti tal-Unjoni Ewropea. Is-subazzjonijiet li ġejjin huma appoġġati: Taħriġ tal-Għalliema: ifassal u joffri proposti ta’ taħriġ strutturat fuq suġġetti tal-UE lill-għalliema; Inizjattiva għall-Apprendiment dwar l-UE: biex jiġi promoss fehim aħjar, fl-edukazzjoni ġenerali u fit-taħriġ vokazzjonali (ISCED 1 – 4);
  • Dibattitu ta’ orjentazzjoni Jean Monnet: In-Networks Jean Monnet fl-Edukazzjoni Għolja, f’konformità ma’ tema speċifika marbuta ma’ prijorità tal-Kummissjoni, se jiġbru, jikkondividu u jiddiskutu fost is-sħab, is-sejbiet tar-riċerka, il-kontenut tal-korsijiet u l-esperjenzi u l-prodotti (l-istudji, l-artikli, il-kontenut tal-korsijiet, eċċ.). Networks għal oqsma oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-iskambju ta’ prattiki tajba u l-esperjenza ta’ kotagħlim fi grupp ta’ pajjiżi;
  • Appoġġ lill-istituzzjonijiet maħtura: L-azzjoni tappoġġa l-istituzzjonijiet li jsegwu għan ta’ interess Ewropew, li jipprovdi lill-Unjoni, lill-Istati Membri tagħha u liċ-ċittadini tagħha b’servizzi ta’ kwalità għolja f’oqsma speċifiċi ta’ prijorità. L-attivitajiet ewlenin u s-sensibilizzazzjoni ta’ dawn l-istituzzjonijiet jinvolvu r-riċerka, inkluż il-ġbir tad-data u l-analiżi tagħha għat-tħejjija ta’ politiki futuri, it-tagħlim in situ u online għall-persunal futur tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u għall-impjegati taċ-ċivil b’mod partikolari fl-oqsma ġuridiċi u ta’ ġestjoni, li jorganizzaw avvenimenti dwar il-kwistjonijiet ta’ prijorità għall-Unjoni u jxerrdu r-riżultati speċifiċi u l-informazzjoni ġenerali għall-pubbliku ġenerali.