Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Il -mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal fl-edukazzjoni skolastika

Din l-azzjoni tappoġġa lill-iskejjel u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika li jixtiequ jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-istudenti u l-persunal tal-iskejjel.

Huma appoġġati firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inklużi job shadowing u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-persunal, mobbiltà individwali u ta’ gruppi għall-istudenti, l-esperti mistiedna, u attivitajiet oħra kif spjegat hawn taħt.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jippromwovu b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà ambjentali u l-edukazzjoni diġitali permezz tal-attivitajiet tagħhom: billi jużaw l-opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament ipprovduti mill-Programm għal dawn l-għanijiet, billi jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti tagħhom, billi jaqsmu l-aħjar prattiki, u billi jagħżlu disinn xieraq għall-attivitajiet tagħhom.

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

L-għan tal-attivitajiet ta’ mobbiltà ffinanzjati minn Erasmus+ huwa li jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment lill-individwi u li jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp istituzzjonali tal-iskejjel u organizzazzjonijiet oħra fl-edukazzjoni skolastika. B’mod speċifiku, l-għanijiet ta’ din l-azzjoni huma:

  • It-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u tal-apprendiment billi:
    • jiġu promossi l-valuri tal-inklużjoni u tad-diversità, tat-tolleranza u tal-parteċipazzjoni demokratika
    • jiġi promoss l-għarfien dwar il-wirt u d-diversità komuni Ewropej
    • jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ networks professjonali madwar l-Ewropa
  • It-titjib fil-kwalità tat-tagħlim u tal-apprendiment fl-edukazzjoni skolastika billi:
    • jiġi appoġġat l-iżvilupp professjonali tal-għalliema, tal-mexxejja tal-iskejjel u ta’ persunal ieħor tal-iskola
    • jiġi promoss l-użu ta’ teknoloġiji ġodda u ta’ metodi ta’ tagħlim innovattivi
    • jittejbu l-apprendiment tal-lingwi u d-diversità tal-lingwi fl-iskejjel
    • jiġu appoġġati l-kondiviżjoni u t-trasferiment tal-aħjar prattiki fit-tagħlim u fl-iżvilupp tal-iskola
  • Il-kontribut għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni billi:
    • tinbena l-kapaċità tal-iskejjel biex jinvolvu ruħhom fi skambji u kooperazzjoni transfruntiera, u jwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja
    • il-mobbiltà għall-apprendiment issir possibbiltà realistika għal kwalunkwe student fl-edukazzjoni skolastika
    • jitrawwem ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment tal-istudenti u tal-persunal f’perjodi ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż

KIF TAĊĊESSA L-OPPORTUNITAJIET TA’ MOBBILTÀ TA’ ERASMUS+?

L-iskejjel u organizzazzjonijiet oħra attivi fl-edukazzjoni skolastika jistgħu japplikaw għall-finanzjament b’żewġ modi:

  • Il-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal jipprovdu lill-organizzazzjonijiet applikanti b’opportunità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà varji fuq perjodu ta’ bejn sitt xhur u tmintax-il xahar. Il-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir huma l-aħjar għażla għall-organizzazzjonijiet li qed jippruvaw l-Erasmus+ għall-ewwel darba, jew għal dawk li jixtiequ jorganizzaw biss għadd limitat ta’ attivitajiet.
  • Il-proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal huma miftuħa biss għall-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika. Din il-linja ta’ finanzjament speċjali tippermetti lill-organizzazzjonijiet akkreditati biex jirċievu regolarment finanzjament għal attivitajiet ta’ mobbiltà li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni gradwali tal-Pjan Erasmus tagħhom. L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fuq bażi regolari. Ma hemmx bżonn ta’ esperjenza preċedenti fil-Programm biex wieħed japplika. Biex issir taf aktar dwar din l-opportunità, jekk jogħġbok aqra l-kapitolu ta’ din il-gwida dwar l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet jistgħu jingħaqdu mal-Programm mingħajr ma jissottomettu applikazzjoni billi:

  • Jissieħbu ma’ konsorzju eżistenti tal-mobbiltà ta’ Erasmus+ immexxi minn koordinatur ta’ konsorzju akkreditat f’pajjiżhom li qed jaċċetta membri ġodda fil-konsorzju tiegħu.
  • L-ospitar ta’ parteċipanti minn pajjiż ieħor: kwalunkwe organizzazzjoni tista’ tospita studenti jew persunal li jkunu ġejjin minn organizzazzjoni sieħba barra mill-pajjiż. Li ssir organizzazzjoni ospitanti hija esperjenza siewja u mod tajjeb ta’ kif toħloq sħubijiet u titgħallem aktar dwar il-Programm qabel ma tapplika inti stess.

L-iskejjel huma mħeġġa wkoll biex jingħaqdu ma’ eTwinning: Komunità online ospitata fuq pjattaforma sikura aċċessibbli għall-għalliema vverifikati mis-servizz tal-eTwinning f’kull pajjiż. L-eTwinning tippermetti lill-iskejjel biex jistabbilixxu klassijiet virtwali konġunti u jwettqu proġetti ma’ skejjel oħra, tippermetti lill-għalliema jiddiskutu u jiskambjaw ma’ kollegi u jinvolvu ruħhom f’varjetà ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali. L-eTwinning hija wkoll l-ambjent perfett biex jinstabu sħab għal proġetti futuri.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

L-organizzazzjoni applikanti hija l-attur ewlieni fi proġett tal-Azzjoni Ewlenija 1. L-applikant jabbozza u jissottometti l-applikazzjoni, jiffirma l-ftehim tal-għotja, jimplimenta l-attivitajiet tal-mobbiltà, u jirrapporta lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħu. Il-proċess tal-applikazzjoni kemm għall-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tal-organizzazzjoni applikanti.

Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ attivitajiet disponibbli huma attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa. Dan ifisser li l-organizzazzjoni applikanti se taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat: se tagħżel il-parteċipanti u tibgħathom lil organizzazzjoni ospitanti barra l-pajjiż. L-użu ta’ dawn l-opportunitajiet biex jiġu organizzati skambji miż-żewġ naħat jew attivitajiet konġunti ma’ skola sieħba waħda jew aktar huwa mħeġġeġ bil-qawwa. F’dak il-każ, kull skola parteċipanti għandha tapplika għall-finanzjament tal-Erasmus+ jew tista’ tingħaqad ma’ konsorzju eżistenti. Biex il-proċess tas-sejbien tas-sħab ikun aktar faċli, l-Erasmus+ jappoġġa għodod biex isibu sħab barra minn pajjiżhom: School Education Gateway (www.schooleducationgateway.eu) u eTwinning (www.etwinning.net).

Barra minn hekk, hemm tipi speċjali ta’ attivitajiet li jippermettu lill-organizzazzjonijiet applikanti jistiednu esperti jew għalliema li jkunu qed jitħarrġu fl-organizzazzjoni tagħhom. L-għan tal-attivitajiet deħlin mhuwiex li joħolqu skambji miż-żewġ naħat, iżda pjuttost li jinkludu persuni li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni applikanti.

L-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha appoġġati taħt din l-Azzjoni għandha ssegwi l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus. L-istandards tal-kwalità ta’ Erasmus ikopru prattiki konkreti ta’ implimentazzjoni għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. Biex taqra t-test sħiħ tal-istandards tal-kwalità ta’ Erasmus, jekk jogħġbok żur il-link li ġejja fuq is-sit web Europa: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-vet-adults-schools_mt

Inklużjoni u diversità

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jiżguraw li joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà b’mod inklużiv u ġust, lill-parteċipanti minn kull sfond. L-għażla ta’ studenti li se jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-proġett għandha tqis fatturi ewlenin bħall-motivazzjoni, il-mertu, kif ukoll l-iżvilupp personali u l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-parteċipanti. Bl-istess mod, l-għażla tal-parteċipanti tal-persunal għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-iżvilupp professjonali tagħhom ikunu disponibbli għall-istudenti kollha fl-organizzazzjoni.

Matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti għandhom jinvolvu lill-parteċipanti f’deċiżjonijiet ewlenin biex jiġu żgurati benefiċċji u impatt massimi għal kull parteċipant.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ huma mħeġġa joħolqu u jiffaċilitaw b’mod attiv l-opportunitajiet ta’ mobbiltà, pereżempju billi jistabbilixxu twieqi ta’ mobbiltà fil-kalendarju akkademiku tagħhom u jiddefinixxu l-passi standard ta’ riintegrazzjoni għall-parteċipanti li jirritornaw.

Prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli

F’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jippromwovu mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti tagħhom, u jridu jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu riflessi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-Programm, speċjalment permezz ta’ appoġġ speċifiku ta’ finanzjament ipprovdut mill-Programm għall-promozzjoni ta’ mezzi sostenibbli ta’ vjaġġar. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintegraw dawn il-prinċipji fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom, u għandhom jippromwovu b’mod attiv bidla fil-mentalità u fl-imġiba fost l-istudenti u l-persunal tagħhom.

It-tranżizzjoni diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ

F’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus, il-Programm jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u biex itejbu l-kwalità tal-apprendiment u t-tagħlim tagħhom. Barra minn hekk, l-għalliema u l-persunal amministrattiv jistgħu jibbenefikaw ukoll minn programmi ta’ taħriġ tal-ħiliet diġitali biex jiksbu ħiliet diġitali rilevanti biex jagħmlu użu minn teknoloġiji diġitali f’korsijiet u għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni.

ATTIVITAJIET

Din it-taqsima tippreżenta t-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-fondi Erasmus+, kemm bħala parti minn proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll minn proġetti akkreditati.

Għal kwalunkwe attività, jista’ jingħata appoġġ addizzjonali lil akkumpanjaturi ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, ta’ minorenni, jew ta’ adulti żgħażagħ li jeħtieġu superviżjoni. L-akkumpanjaturi jistgħu jiġu appoġġati għall-perjodu sħiħ tal-attività jew għal parti minnha.

Mobbiltà tal-persunal

Attivitajiet eliġibbli

  • Job shadowing (minn jumejn sa 60 jum)
  • Inkarigi ta’ tagħlim (minn jumejn sa 365 jum)
  • Korsijiet u taħriġ (minn jumejn sa 30 jum)

Fil-każ ta’ korsijiet u taħriġ, it-tariffi eliġibbli għall-korsijiet se jkunu limitati għal total ta’ 10 ijiem għal kull parteċipant. L-għażla tal-korsijiet u t-taħriġ hija responsabbiltà tal-applikanti. L-istandards tal-kwalità li ġejjin ġew imfassla biex jiggwidaw lill-applikanti fl-għażla tagħhom tal-fornituri tal-kors: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/quality-standards-courses-under-key-action-1-learning-mobility-individuals_mt

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha tal-mobbiltà tal-persunal jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti eliġibbli jinkludu għalliema, mexxejja tal-iskejjel u l-esperti l-oħrajn kollha li ma jgħallmux u l-persunal li jaħdem fl-edukazzjoni skolastika.

Persunal eliġibbli li ma jgħallimx jinkludi persunal li jaħdem fl-edukazzjoni skolastika, jew fl-iskejjel (assistenti tal-għalliema, konsulenti pedagoġiċi, psikologi, eċċ.) jew f’organizzazzjonijiet oħra attivi fl-edukazzjoni skolastika (eż. spetturi tal-iskejjel, konsulenti, koordinaturi tal-politika inkarigati mill-edukazzjoni skolastika, eċċ.).

Il-parteċipanti jridu jkunu qed jaħdmu fl-organizzazzjoni li tibgħat, jew iridu jkunu qed jaħdmu regolarment mal-organizzazzjoni li tibgħat biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjoni (pereżempju bħala ħarrieġa esterni, esperti, jew voluntiera).

Fil-każijiet kollha, il-kompiti li jorbtu lill-parteċipant mal-organizzazzjoni li tibgħat iridu jkunu ddokumentati b’mod li jippermetti lill-Aġenzija Nazzjonali tivverifika din ir-rabta (pereżempju ma’ kuntratt ta’ xogħol jew volontarjat, deskrizzjoni tal-kompitu, jew dokument simili). L-Aġenziji Nazzjonali għandhom jistabbilixxu prattika trasparenti u konsistenti dwar x’jikkostitwixxi relazzjonijiet ta’ ħidma aċċettabbli u dokumentazzjoni ta’ sostenn fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra mill-pajjiż, f’Pajjiż tal-Programm.

Mobbiltà tal-istudenti

Formati disponibbli

  • Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti tal-iskola (minn jumejn sa 30 jum, mill-inqas żewġ studenti għal kull grupp)
  • Mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-istudenti (minn 10 ijiem sa 29 jum)
  • Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti (minn 30 jum sa 365 jum)

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha tal-mobbiltà tal-istudenti jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Mobbiltà fi gruppi tal-istudenti tal-iskola: grupp ta’ studenti mill-iskola li tibgħat jistgħu jqattgħu ħin jitgħallmu flimkien ma’ sħabhom f’pajjiż ieħor. L-għalliema jew persuni awtorizzati oħrajn mill-iskola li tibgħat iridu jakkumpanjaw lill-istudenti għat-tul kollu tal-attività.

Mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-istudenti tal-iskola: l-istudenti jistgħu jqattgħu perjodu barra minn pajjiżhom biex jistudjaw fi skola sieħba jew biex iwettqu traineeship f’organizzazzjoni rilevanti oħra barra minn pajjiżhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet, il-mobbiltà tista’ tiġi organizzata b’tul ta’ żmien minimu ta’ jumejn, jekk dan ikun iġġustifikat.

Mobbiltà għall-apprendiment fit-tul ta’ studenti tal-iskola: l-istudenti jistgħu jqattgħu perjodu barra minn pajjiżhom biex jistudjaw fi skola sieħba jew biex iwettqu traineeship f’organizzazzjoni rilevanti oħra barra minn pajjiżhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Se jiġi pprovdut taħriġ obbligatorju ta’ qabel it-tluq lill-parteċipanti kollha.

Parteċipanti eliġibbli

L-istudenti parteċipanti jridu jkunu rreġistrati fi programm edukattiv fl-iskola li tibgħat[1].

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra mill-pajjiż, f’Pajjiż tal-Programm.

Il-mobbiltà fi gruppi ta’ studenti tal-iskola trid issir fi skola li tilqa’, sakemm post ieħor ma jkunx iġġustifikat aħjar mill-kontenut u l-kwalità tal-attività. F’dak il-każ, l-attivitajiet jistgħu jsiru b’mod eċċezzjonali f’post ieħor fil-pajjiż tal-iskola ospitanti jew fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea. Irrispettivament mill-post, l-attività għandha tinvolvi studenti minn mill-inqas żewġ Pajjiżi tal-Programm.

Attivitajiet oħrajn appoġġati

Formati disponibbli

  • Esperti mistiedna (minn jumejn sa 60 jum)
  • L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qed jitħarrġu (minn 10 ijiem sa 365 jum)
  • Żjarat preparatorji

Esperti mistiedna: l-iskejjel jistgħu jistiednu ħarrieġa, għalliema, esperti tal-politika jew professjonisti kkwalifikati oħra minn barra l-pajjiż li jistgħu jgħinu fit-titjib tat-tagħlim u tal-apprendiment fl-iskola li tilqa’. Pereżempju, l-esperti mistiedna jistgħu jipprovdu taħriġ lill-persunal tal-iskola, juru metodi ġodda ta’ tagħlim jew jgħinu fit-trasferiment ta’ prattiki tajbin fl-organizzazzjoni u l-ġestjoni.

L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qed jitħarrġu: l-organizzazzjonijiet applikanti jistgħu jospitaw għalliema li jkunu qed jitħarrġu li jkunu jixtiequ jwettqu traineeship barra minn pajjiżhom. L-organizzazzjoni ospitanti se tirċievi appoġġ biex tistabbilixxi l-attività, filwaqt li l-appoġġ għall-ivvjaġġar u dak individwali għall-parteċipant għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjoni tagħhom li tibgħat (li tista’ tapplika għall-finanzjament tal-Erasmus+ għal dan il-għan).

Żjarat preparatorji: l-organizzazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu żjara preparatorja għand is-sieħeb ospitanti tagħhom qabel ma sseħħ il-mobbiltà. Iż-żjarat preparatorji mhumiex attività awtonoma, iżda arranġament ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti. Kull żjara preparatorja jrid ikollha motivazzjoni ċara u trid isservi biex ittejeb l-inklużività, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Pereżempju, jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji biex titħejja aħjar il-mobbiltà tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet, biex jibdew jaħdmu ma’ organizzazzjoni sieħba ġdida, jew biex iħejju attivitajiet ta’ mobbiltà fuq perjodu itwal ta’ żmien. Ma jistgħux jiġu organizzati żjarat preparatorji biex jitħejja kors jew biex titħejja attività ta’ taħriġ għall-persunal.

Parteċipanti eliġibbli

L-esperti mistiedna jistgħu jkunu kwalunkwe persuna minn Pajjiż tal-Programm ieħor b’għarfien espert rilevanti fl-edukazzjoni skolastika.

L-ospitar ta’ għalliema u edukaturi li jkunu qed jitħarrġu huwa disponibbli għall-parteċipanti li jkunu rreġistrati fi programm edukattiv għall-għalliema jew li jkunu gradwaw[2] minnu dan l-aħħar (jew tip simili ta’ programm edukattiv għall-ħarrieġa jew l-edukaturi) f’Pajjiż tal-Programm ieħor.

Iż-żjarat preparatorji jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe persuna eliġibbli għall-attivitajiet ta’ mobbiltà tal-persunal u involuti fl-organizzazzjoni tal-proġett. B’mod eċċezzjonali, l-istudenti li se jieħdu sehem f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul u l-parteċipanti b’inqas opportunitajiet fi kwalunkwe tip ta’ attività jistgħu jieħdu sehem fi żjarat preparatorji għall-attivitajiet tagħhom.

Postijiet eliġibbli

Iż-żjarat preparatorji jistgħu jsiru fil-Pajjiżi tal-Programm.

Il-post għall-esperti u l-għalliema mistiedna li jkunu qed jitħarrġu huwa dejjem l-organizzazzjoni benefiċjarja (inklużi l-membri tal-konsorzju).

PROĠETTI FUQ PERJODU TA’ ŻMIEN QASIR GĦALL-MOBBILTÀ TAL-ISTUDENTI U L-PERSUNAL FL-EDUKAZZJONI SKOLASTIKA

Il-proġetti fuq medda qasira ta’ żmien għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal huma mod dirett u sempliċi kif wieħed jista’ jibbenefika mill-Erasmus+. L-għan tagħhom huwa li jippermettu lill-organizzazzjonijiet jorganizzaw ftit attivitajiet b’mod faċli u jiksbu esperjenza fil-Programm.

Sabiex il-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir jibqgħu sempliċi, dawn jinkludi limitu fuq in-numru ta’ parteċipanti u t-tul ta’ żmien tal-proġett. Il-format huwa miftuħ biss għal organizzazzjonijiet individwali u mhux għall-koordinaturi ta’ konsorzju. L-organizzazzjonijiet akkreditati ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir peress li diġà għandhom aċċess permanenti għall-finanzjament tal-Erasmus+.

L-applikazzjoni għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir tinkludi lista u deskrizzjoni tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni applikanti beħsiebha torganizza.

kriterji ta’ eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli[3] biex japplikaw:

  1. Skejjel li jipprovdu edukazzjoni ġenerali fil-livell preprimarju, primarju jew sekondarju[4]
  2. L-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, il-korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħra bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni fl-iskejjel

Madankollu, l-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni skolastika ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Pajjiżi eliġibbli

L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenzi għall-applikazzjoni

Rawnd 1 għall-Aġenziji Nazzjonali kollha: 11 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Rawnd 2 għall-Aġenziji Nazzjonali li jiddeċiedu li jiftħu t-tieni skadenza: 5 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

L-Aġenziji Nazzjonali se jinfurmaw lill-applikanti dwar il-ftuħ tat-tieni skadenza permezz tas-sit web tagħhom.

Dati tal-bidu tal-proġett

Il-proġetti jistgħu jagħżlu d-dati tal-bidu li ġejjin:

  • Rawnd 1: bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
  • Rawnd 2: bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Durata tal-proġett

Minn 6 xhur sa 18 xahar

Għadd ta’ applikazzjonijiet

Għal kull rawnd ta’ għażla, organizzazzjoni tista’ tapplika għal proġett wieħed biss fuq perjodu ta’ żmien qasir fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika.

L-organizzazzjonijiet li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu ta’ żmien qasir taħt l-ewwel rawnd ta’ applikazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għat-tieni rawnd tal-istess sejħa għall-proposti.

Fi żmien perjodu ta’ kwalunkwe ħames snin ta’ sejħiet konsekuttivi, l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu massimu ta’ tliet għotjiet għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir fl-edukazzjoni skolastika. L-għotjiet riċevuti fil-perjodu 2014-2020 ma jgħoddux ma’ dan il-limitu.

Attivitajiet disponibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni skolastika. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

Applikazzjoni għal proġett fuq perjodu ta’ żmien qasir tista’ tinkludi massimu ta’ 30 parteċipant f’attivitajiet ta’ mobbiltà.

Iż-żjarat preparatorji u l-parteċipazzjoni tal-akkumpanjaturi mhux se jgħoddu ma’ dan il-limitu.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

L-applikazzjonijiet ippreżentati se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-ponderazzjonijiet t’hawn taħt. Biex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti

Rilevanza

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet u l-popolazzjoni fil-mira tal-istudenti tal-applikant huma rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni skolastika
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-għanijiet tal-azzjoni
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:
    • l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza
    • l-appoġġ lill-parteċipanti f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti
    • l-appoġġ lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Il-kwalità tat-tfassil tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Il-punt sa fejn:

  • l-għanijiet proposti tal-proġett jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni applikanti, il-persunal tagħha u l-istudenti b’mod ċar u konkret
  • l-attivitajiet proposti u l-kontenut tagħhom huma xierqa għall-ilħuq tal-għanijiet tal-proġett
  • hemm pjan ċar ta’ ħidma għal kull waħda mill-attivitajiet proposti
  • il-proġett jinkorpora prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali (eTwinning b’mod partikolari) u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u biex itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab

Il-kwalità tal-azzjonijiet ta’ segwitu

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett
  • l-applikant ippropona passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjoni applikanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut b’mod pubbliku l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea

PROĠETTI AKKREDITATI GĦALL-MOBBILTÀ TAL-ISTUDENTI U L-PERSUNAL FL-EDUKAZZJONI SKOLASTIKA

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni skolastika jistgħu japplikaw għall-finanzjament bħala parti minn linja ta’ finanzjament speċjali miftuħa għalihom biss. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan Erasmus li kien approvat qabel, u b’hekk lista u deskrizzjoni dettaljati tal-attivitajiet ippjanati mhumiex meħtieġa. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffukaw fuq l-istima tal-baġit meħtieġ għas-sett ta’ attivitajiet li jmiss.

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus valida fl-edukazzjoni skolastika huma eliġibbli li japplikaw.

Konsorzju ta’ mobbiltà

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi tal-konsorzju tal-mobbiltà jridu japplikaw għall-format tal-konsorzju tal-mobbiltà.

Il-lista tal-membri tal-konsorzju tal-mobbiltà trid tiġi pprovduta bħala parti mill-applikazzjoni u trid tinkludi mill-inqas organizzazzjoni membru waħda flimkien mal-koordinatur.

Kwalunkwe organizzazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal proġett ta’ mobbiltà akkreditat tista’ ssir membru ta’ konsorzju tal-mobbiltà. Il-membri tal-konsorzju mhumiex meħtieġa li jkollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus.

L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem f’konsorzju tal-mobbiltà jistgħu jirċievu finanzjament minn massimu ta’ żewġ ftehimiet ta’ għotja tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam tal-edukazzjoni skolastika taħt l-istess sejħa għall-proposti. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni skolastika li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu ta’ żmien qasir jew għal proġett akkreditat jistgħu jieħdu sehem ukoll f’konsorzju tal-mobbiltà wieħed biss fl-edukazzjoni skolastika bħala organizzazzjonijiet membri. Organizzazzjonijiet oħra jistgħu jieħdu sehem f’massimu ta’ żewġ konsorzji tal-mobbiltà.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenza għall-applikazzjoni

11 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Data tal-bidu tal-proġett

1 ta’ Settembru tal-istess sena

Durata tal-proġett

Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Wara 12-il xahar, il-benefiċjarji kollha se jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar.

Għadd ta’ applikazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu japplikaw darba biss għal kull rawnd ta’ għażla.

Attivitajiet disponibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni skolastika. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

In-numru ta’ parteċipanti li jistgħu jiġu inklużi fi proġetti akkreditati mhuwiex limitat, minbarra kwalunkwe limitazzjoni definita fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit.

ALLOKAZZJONI TAL-BAĠIT

Il-kwalità tal-Pjan Erasmus tal-applikant ġiet ivvalutata fl-istadju tal-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni u għalhekk l-ebda valutazzjoni kwalitattiva mhi se ssir fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit. Kwalunkwe applikazzjoni għal għotja eliġibbli se tirċievi finanzjament.

L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:

  • il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati
  • l-attivitajiet mitluba
  • l-għotja bażika u massima
  • il-kriterji ta’ allokazzjoni li ġejjin: prestazzjoni finanzjarja, prestazzjoni kwalitattiva, prijoritajiet ta’ politika, u bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija Nazzjonali)

Regoli dettaljati dwar l-għotja bażika u massima, punteġġ tal-kriterji tal-allokazzjoni, ponderazzjoni ta’ kull kriterju, il-metodu tal-allokazzjoni, u l-baġit disponibbli għall-proġetti akkreditati se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa.

X’INHUMA R-REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT?

Ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin se japplikaw għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir u għal proġetti akkreditati.

Il-kategorija tal-baġit

L-ispejjeż eliġibbli u r-regoli applikabbli

Ammont

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà li mhumiex koperti minn kategoriji oħra ta’ spejjeż.

Pereżempju: it-tħejjija (pedagoġika, interkulturali u oħrajn), il-mentoraġġ, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti matul il-mobbiltà, is-servizzi, l-għodod u t-tagħmir meħtieġa għall-komponenti virtwali f’attivitajiet imħallta, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati u li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jsir viżibbli għall-pubbliku.

L-appoġġ organizzattiv ikopri l-ispejjeż imġarrba kemm mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu kif ukoll minn dawk ospitanti (ħlief fil-każ tal-mobbiltà tal-persunal għal korsijiet u taħriġ). Id-diviżjoni tal-għotja mogħtija se tiġi miftiehma bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

EUR 100

  • Għal kull student f’mobbiltà fi grupp, b’massimu ta’ EUR 1 000 għal kull grupp
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għall-korsijiet u t-taħriġ
  • Għal kull espert mistieden
  • Għal kull għalliem jew edukatur ospitat li jkun qed jitħarreġ

EUR 350; EUR 200 wara mitt parteċipant fl-istess tip ta’ attività

  • Għal kull parteċipant f’mobbiltà għall-apprendiment fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-istudenti
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għal job shadowing u inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ

EUR 500

  • Għal kull parteċipant f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-vjaġġ bir-ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi, mill-post ta’ oriġini tagħhom sal-post tal-attività.

Barra minn hekk: kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-vjaġġ ta’ ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi mill-post tal-oriġini tagħhom lejn il-post tat-taħriġ ta’ qabel it-tluq għall-istudenti f’mobbiltà fit-tul.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni..

L-applikant irid jindika d-distanza tal-ajru bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività[5] billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea[6].

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar standard

Vjaġġar ekoloġiku

0 – 99 km

EUR 23

 

100 – 499 km

EUR 180

EUR 210

500 – 1999 km

EUR 275

EUR 320

2000 – 2999 km

EUR 360

EUR 410

3000 – 3999 km

EUR 530

EUR 610

4000 – 7999 km

EUR 820

 

8000 km jew aktar

EUR 1500

 

Appoġġ individwali

Spejjeż ta’ sussistenza għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi[7] matul l-attività.

Jekk ikun meħtieġ: l-ispejjeż ta’ sussistenza huma eliġibbli għal ħin ta’ vjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta’ vjaġġar għall-parteċipanti li jirċievu għotja standard għall-ivvjaġġar, u massimu ta’ erbat ijiem addizzjonali għal parteċipanti li jirċievu għotja ta’ vjaġġar ekoloġiku.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ persuni, it-tul taż-żjara u l-pajjiż li jilqa’[8].

Kategorija ta’ parteċipanti

Grupp ta’ pajjiżi 1

Grupp ta’ pajjiżi 2

Grupp ta’ pajjiżi 3

Persunal

EUR 90 - 180

EUR 80 - 160

EUR 70 - 140

Studenti tal-iskola

EUR 40 - 80

EUR 35 - 70

EUR 30 - 60

Dawn t’hawn fuq huma rati bażi għal kull jum ta’ attività. Kull Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi dwar ir-rati bażi eżatti fil-meded permessi.

Ir-rata bażi hija pagabbli sal-14-il jum ta’ attività. Mill-15-il jum ta’ attività, ir-rata pagabbli tkun ugwali għal 70 % tar-rata bażi. Ir-rati pagabbli jiġu aġġustati għall-eqreb Euro sħiħ.

Appoġġ għall-inklużjoni

Spejjeż relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet

EUR 100 għal kull parteċipant

Spejjeż addizzjonali relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi tagħhom (inkluż spejjeż iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Ivvjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

100 % tal-ispejjeż eliġibbli

Żjarat preparatorji

Spejjeż li jkopru l-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipazzjoni fi żjara preparatorja.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

EUR 575 għal kull parteċipant, b’massimu ta’ tliet parteċipanti għal kull żjara

Tariffi tal-kors

Spejjeż li jkopru t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għall-korsijiet u t-taħriġ.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tat-tul ta’ żmien tal-attività.

EUR 80 għal kull parteċipant kuljum; membru individwali tal-persunal jista’ jirċievi massimu ta’ EUR 800 f’tariffi tal-kors fi ħdan ftehim ta’ għotja wieħed.

Appoġġ lingwistiku

L-ispejjeż tal-provvista ta’ materjali għall-apprendiment tal-lingwi u ta’ taħriġ lill-parteċipanti li jeħtieġu jtejbu l-għarfien tal-lingwa li se jkunu qed jużaw biex jistudjaw jew jirċievu taħriġ matul l-attività tagħhom.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

EUR 150 għal kull parteċipant eliġibbli għal Appoġġ Lingwistiku Online li ma jistax jirċevih minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lingwa jew il-livell xieraq, minbarra l-persunal f’mobbiltà iqsar minn 31 jum. L-appoġġ lingwistiku individwali ma jiġix ipprovdut lill-istudenti f’mobbiltà fi grupp.

Barra minn hekk: EUR 150 għal kull parteċipant f’mobbiltà għall-apprendiment fit-tul tal-istudenti

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

L-ispejjeż għalja tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi tagħhom li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-kategorija standard “tal-Ivvjaġġar” minħabba d-distanza ġeografika jew ostakli oħra.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Spejjeż għal garanzija finanzjarja: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-ivvjaġġar

 

  1. Id-definizzjoni ta’ programmi edukattivi eliġibbli f’kull Pajjiż tal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti.

  2. Gradwati reċenti huma eliġibbli biex jipparteċipaw sa 12-il xahar wara li jkunu ggradwaw. F’każ li l-parteċipanti kienu qed iwettqu servizz ċivili jew militari obbligatorju wara li ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà se jiġi estiż bid-durata tas-servizz.

  3. Id-definizzjoni ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli f’kull Pajjiż tal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti flimkien ma’ eżempji rilevanti.

  4. Inklużi l-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfal f’età bikrija

  5. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1 999 km).    

  6. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm

  7. Fil-każ ta’ akkumpanjaturi, japplikaw ir-rati għall-persunal. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-akkumpanjatur ikun jeħtieġ joqgħod barra mill-pajjiż għal aktar minn 60 jum, l-ispejjeż żejda ta’ sussistenza wara s-60 jum se jiġu appoġġati taħt l-intestatura tal-baġit “Appoġġ għall-inklużjoni”.

  8. Gruppi ta’ pajjiżi li jilqgħu:

    Grupp ta’ pajjiżi 1: In-Norveġja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, l-Iżlanda, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Liechtenstein;

    Grupp ta’ pajjiżi 2: In-Netherlands, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Ċipru, il-Greċja, Malta, il-Portugall;

    Grupp ta’ pajjiżi 3: Is-Slovenja, l-Estonja, il-Latvja, il-Kroazja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, it-Turkija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja