Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus +

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2019 dwar l-iżvilupp ulterjuri taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni1  tistieden lill-Kummissjoni biex “Tiżviluppa mezzi ġodda għat-taħriġ u l-appoġġ ta’ għalliema kompetenti, motivati u bi kwalifiki għolja, ħarrieġa, persunal tal-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC), mexxejja tal-iskejjel u persunal ieħor, u tippromwovi l-iżvilupp professjonali kontinwu tagħhom u l-edukazzjoni tal-għalliema ta’ kwalità għolja u bbażata fuq ir-riċerka”.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Għalliema u l-Ħarrieġa Ewropej għall-Futur ta’ Mejju 20202  itennu r-rwol tal-għalliema bħala l-pedamenti taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u jappellaw għal aktar appoġġ għall-iżvilupp tal-karriera u l-kompetenza tal-għalliema kif ukoll għall-benesseri tagħhom fl-istadji kollha tal-karrieri tagħhom. Il-Konklużjonijiet jenfasizzaw il-benefiċċji tal-mobbiltà tal-għalliema u l-ħtieġa li l-mobbiltà tiddaħħal bħala parti mill-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema. Barra minn hekk, il-Konklużjonijiet jistiednu lill-Kummissjoni tappoġġa kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema fi ħdan il-kontinwazzjoni tal-iżvilupp professjonali tal-għalliema.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2020 dwar il-Kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni3  tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-għalliema u tal-ħarrieġa u tistabbilixxi l-viżjoni li jkun hemm edukaturi kompetenti u motivati ħafna li jistgħu jibbenefikaw minn firxa ta’ opportunitajiet ta’ appoġġ u ta’ żvilupp professjonali matul il-karrieri varjati tagħhom. Din tipproponi għadd ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-isfidi li jiffaċċjaw il-professjonijiet tat-tagħlim illum, inkluż il-pjan biex jitnedew l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027) tal-Kummissjoni4  jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għalliema u l-ħarrieġa kollha jkollhom il-fiduċja u l-kompetenzi biex jużaw it-teknoloġija b’mod effettiv u kreattiv biex jinvolvu ruħhom u jimmotivaw lill-istudenti tagħhom kif ukoll biex jiżguraw li l-istudenti kollha jiżviluppaw il-kompetenzi diġitali tagħhom għall-apprendiment, l-għajxien u x-xogħol f’dinja dejjem aktar diġitalizzata.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha (2021-2030) tirreferi għall-potenzjal tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ fil-faċilitazzjoni ta’ networking, il-kondiviżjoni tal-għarfien, il-mobbiltà u l-forniment għall-għalliema u l-ħarrieġa b’opportunitajiet ta’ apprendiment fil-fażijiet kollha tal-karrieri tal-għalliema u tal-ħarrieġa.

Hemm il-ħtieġa li titjieb l-attraenza tal-professjoni: fil-pajjiżi tal-UE li qed jipparteċipaw fl-istħarriġ TALIS tal-OECD, bħala medja, inqas minn 20 % tal-għalliema tal-iskola sekondarja inferjuri ħassew li l-professjoni tagħhom hija apprezzata mis-soċjetà. It-tixjiħ tal-professjonisti fil-qasam tat-tagħlim huwa ta’ tħassib peress li l-mewġiet ta’ rtirar li ġejjin jistgħu jirriżultaw f’nuqqasijiet potenzjali fil-forza tax-xogħol fil-qasam tat-tagħlim f’pajjiż. Il-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ jindika wkoll li numru ta’ pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw nuqqasijiet serji ta’ għalliema, b’mod ġenerali jew f’xi suġġetti bħax-xjenza, jew fi profili speċifiċi bħat-tagħlim ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali.

Minkejja offerta wiesgħa ta’ żvilupp professjonali kontinwu, l-għalliema għadhom jirrapportaw huma stess nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali skont l-istħarriġ TALIS tal-OECD. Minkejja l-benefiċċji tal-mobbiltà, għadu mhux inkluż b’mod effettiv fl-edukazzjoni tal-għalliema, minħabba ħafna ostakli prattiċi li għandhom jitneħħew b’politiki aktar konsistenti.

L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ se jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet billi jippromwovu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-organizzazzjonijiet attivi fl-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali u kontinwu tal-għalliema, jikkomplementaw xogħol ieħor li jsir fil-kisba taż-Żona tal-Edukazzjoni, u jgħinu fit-trasferiment tar-riżultati għat-tfassil tal-politika nazzjonali u reġjonali u eventwalment għall-edukazzjoni tal-għalliema u l-appoġġ għall-iskejjel. Dawn jibnu fuq l-innovazzjonijiet u l-prattika effettiva li teżisti fi ħdan l-edukazzjoni nazzjonali tal-għalliema u l-kooperazzjoni Ewropea u jiżviluppawhom aktar. Se tingħata attenzjoni speċifika għat-tixrid u l-isfruttament ta’ prattika effettiva fost il-pajjiżi u l-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, u biex jiġu żgurati r-reazzjonijiet u l-impatt ukoll fil-livell ta’ politika.

Objettivi tal-azzjoni

L-objettiv kumplessiv ta’ din l-azzjoni huwa li toħloq sħubijiet Ewropej ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-għalliema5  sabiex jistabbilixxu Akkademji tal-Għalliema li se jiżviluppaw perspettiva Ewropea u internazzjonali fl-edukazzjoni tal-għalliema.

Dawn l-Akkademji se jħaddnu l-multilingwiżmu, is-sensibilizzazzjoni lingwistika u d-diversità kulturali, jiżviluppaw l-edukazzjoni tal-għalliema skont il-prijoritajiet tal-UE fil-politika tal-edukazzjoni u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ se jilħqu l-objettivi li ġejjin:

  • Jikkontribwixxu għat-titjib tal-politiki u l-prattiki tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa billi joħolqu networks u komunitajiet ta’ prattika dwar l-edukazzjoni tal-għalliema li jlaqqgħu flimkien fornituri tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (edukazzjoni ta’ qabel is-servizz għal għalliema futuri) u fornituri ta’ żvilupp professjonali kontinwu (fis-servizz), atturi rilevanti oħrajn bħal assoċjazzjonijiet tal-għalliema, ministeri u partijiet ikkonċernati biex jiżviluppaw u jittestjaw strateġiji u programmi għal apprendiment professjonali li huwa effettiv, aċċessibbli u trasferibbli għal kuntesti oħrajn.
  • Jiżviluppaw u jittestjaw flimkien mudelli differenti ta’ mobbiltà (virtwali, fiżika u mħallta) fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema sabiex itejbu l-kwalità u n-numru ta’ mobbiltà kif ukoll jagħmlu l-mobbiltà parti integrali mill-provvediment tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa.
  • Jiżviluppaw kollaborazzjoni sostenibbli bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema b’impatt fuq il-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa u bil-ħsieb li jinformaw il-politiki tal-edukazzjoni tal-għalliema fil-livelli Ewropej u nazzjonali.
  • Isaħħu d-dimensjoni Ewropea u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni tal-għalliema permezz ta’ kollaborazzjoni innovattiva u prattika mal-edukaturi tal-għalliema u l-għalliema f’pajjiżi Ewropej oħra u permezz tal-kondiviżjoni ta’ esperjenzi għall-iżvilupp ulterjuri tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa.

Din il-kollaborazzjoni se tindirizza waħda jew aktar mill-prijoritajiet orizzontali tal-Programm Erasmus+, bħala tema/i għall-attivitajiet tal-Akkademja tal-Għalliema.

L-Akkademji tal-Għalliema għandhom jidentifikaw u jaħdmu fuq prijorità waħda jew aktar li huma partikolarment rilevanti għas-sħubija tagħhom bil-għan li jtejbu edukazzjoni/żvilupp professjonali ta’ kwalità għolja, u jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti (futuri) tal-għalliema, b’mod partikolari billi joffru korsijiet, moduli u opportunitajiet ta’ apprendiment oħrajn lill-għalliema dwar:

1. L-inklużjoni u d-diversità, b’mod partikolari:

Biex jgħinu lill-għalliema jiksbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-inklużjoni edukattiva tat-tfal/tal-istudenti b’inqas opportunitajiet, inklużi tfal/studenti b’diżabilità jew ħtiġijiet speċjali, bi sfond ta’ migrazzjoni, kif ukoll tfal/studenti li jgħixu f’żoni rurali u remoti bħar-reġjuni ultraperiferiċi, tfal/studenti li jiffaċċjaw inugwaljanzi minħabba l-ġeneru, diffikultajiet soċjoekonomiċi jew kwalunkwe sors potenzjali ieħor ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Dan ifisser ukoll li wieħed jifhem il-kisba baxxa, in-nuqqas ta’ involviment u l-indirizzar tal-benesseri, is-saħħa mentali u l-bullying. Fost l-eżempji nsibu: L-iżvilupp ta’ kompetenzi għat-tagħlim f’ambjenti multilingwi u multikulturali, dwar prattiki sensittivi għall-ġeneru, edukazzjoni inklużiva għat-tfal bi ħtiġijiet speċjali, dwar il-ħolqien ta’ ambjenti ta’ apprendiment ta’ appoġġ u strateġiji li jindirizzaw il-benesseri tal-istudenti u tal-għalliema fl-iskola, dwar kif jużaw varjetà ta’ approċċi ta’ apprendiment u apprendiment imħallat, kif ukoll metodi u għodod ta’ valutazzjoni formattiva.  

Li l-għalliema jiġu mgħammra biex jindirizzaw l-ostakli li jiffaċċjaw dawn il-gruppi fl-aċċess għall-edukazzjoni, kif ukoll li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ klima ta’ apprendiment pożittiva u ambjenti inklużivi li jrawmu l-ekwità u l-ugwaljanza, u li jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-komunità usa’; jibnu relazzjonijiet ta’ fiduċja mal-istudenti, mal-ġenituri, mal-familji u mal-persuni li jieħdu ħsieb; jużaw prattiki kollaborattivi u l-ħidma f’timijiet multidixxiplinari fl-iskejjel.

Referenzi oħrajn:

2. L-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b’mod partikolari:

Li jiġu implimentati u żviluppati aktar approċċi komprensivi u kollaborattivi għat-tagħlim u għall-apprendiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-għalliema kollha, irrispettivament mid-dixxiplina jew mis-settur tal-edukazzjoni tagħhom, huma edukaturi tas-sostenibbiltà li jeħtieġ li jappoġġaw lill-istudenti tagħhom fit-tħejjija għat-tranżizzjoni ekoloġika.

Li joffru lill-għalliema (futuri) taħriġ/edukazzjoni professjonali dwar it-tibdil fil-klima u kif l-aħjar jgħallmuh; jiżviluppaw kompetenzi ta’ sostenibbiltà ta’ għalliema/edukaturi u mexxejja tal-edukazzjoni (futuri); u jiskambjaw u jiżviluppaw l-approċċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti rigward is-sostenibbiltà ambjentali.

Li jiskambjaw dwar kif titqajjem sensibilizzazzjoni dwar it-tranżizzjoni ekoloġika, l-isfidi ambjentali u tat-tibdil fil-klima, li jiżviluppaw kompetenzi, strateġiji u metodoloġiji ta’ ħiliet settorjali ekoloġiċi, kif ukoll kurrikuli orjentati lejn il-futur li jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tal-għalliema.

Li jappoġġaw lill-għalliema fl-adozzjoni tal-pedagoġiji, inkluż billi jittestjaw prattiki innovattivi, li jtejbu t-tagħlim u l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli b’modi interdixxiplinari, inklużi l-aspetti soċjoemozzjonali tal-apprendiment, sabiex l-istudenti kollha jkunu jistgħu jsiru aġenti tal-bidla u jitgħallmu jirriflettu u jieħdu azzjoni, kemm b’mod individwali kif ukoll b’mod kollettiv, lokalment u globalment, favur dinja aktar sostenibbli. 

Referenza ulterjuri: Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur is-sostenibbiltà ambjentali8 .

3. Indirizzar tat-trasformazzjoni diġitali permezz tal-iżvilupp tal-prontezza, ir-reżiljenza u l-kapaċità diġitali, b’mod partikolari:

Li tiġi appoġġata l-ħtieġa li l-għalliema (futuri) jiġu involuti fit-triq lejn it-trasformazzjoni diġitali, bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u għall-apprendiment u li jiġu żviluppati l-ħiliet diġitali għal kulħadd, u tiżdied ukoll il-kapaċità u l-prontezza tal-istituzzjonijiet biex jimmaniġġaw bidla effettiva lejn l-edukazzjoni diġitali.

Li jsir kontribut għall-ewwel prijorità strateġika tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Edukjazzjoni Diġitali, l-iżvilupp ta’ ekosistema tal-edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja, billi jinbnew il-kapaċità u l-fehim kritiku dwar kif jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim u għall-apprendiment fil-livelli kollha u għas-setturi kollha u li jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet ta’ trasformazzjoni diġitali ta’ istituzzjonijiet edukattivi.

Li jiġi appoġġat l-użu bi skop tat-teknoloġiji diġitali għat-tagħlim, għall-apprendiment, għall-valutazzjoni u għall-involviment. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ pedagoġija u għarfien espert diġitali fl-użu ta’ għodod diġitali għall-għalliema, inklużi teknoloġiji aċċessibbli u ta’ assistenza u l-ħolqien u l-użu innovattiv ta’ kontenut ta’ edukazzjoni diġitali.  Se tingħata attenzjoni partikolari lil promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-indirizzar tad-differenzi fir-relazzjoni bejn l-aċċess u l-użu minn gruppi li ma humiex irrappreżentati biżżejjed.

L-użu tal-oqfsa Ewropej dwar il-kompetenzi diġitali tal-edukaturi, taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet huwa mħeġġeġ.

Referenza ulterjuri: Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021-2027)9 .

4. Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni, b’mod partikolari:

It-taħriġ u t-tagħmir tal-għalliema (futuri).

Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva u l-etika fit-tagħlim tagħhom, u t-trawwim tal-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku.

Li joffri opportunitajiet għall-parteċipazzjoni mit-tfal/mill-istudenti fil-ħajja demokratika, fl-involviment soċjali u ċiviku b’mod partikolari permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali.

Li titqajjem sensibilizzazzjoni u fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, il-prinċipji tal-unità u tad-diversità, kif ukoll l-identità kulturali, il-kuxjenza kulturali u l-wirt soċjali u storiku tagħhom.

Referenza ulterjuri: Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim10 .

Kriterji tal-eliġibbiltà

Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus+, il-proposti għal proġetti għal Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin.

Organizzazzjonijiet partecipanti eligibbli (min jista’ japplika?)

Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jeħtiġilhom:

  • ikunu entitajiet ġuridiċi (korpi pubbliċi jew privati);
  • ikunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi eliġibbli, jiġifieri Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm (ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

L-organizzazzjonijiet stabbiliti f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma jistgħux jipparteċipaw fl-azzjoni.

L-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni jeħtiġilha tkun Istituzzjoni tal-Edukazzjoni tal-Għalliema. Din tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett. Ma tistax tkun entità affiljata.

L-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jistgħu jkunu, pereżempju (lista mhux eżawrjenti):

  • Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni tal-Għalliema (kulleġġi, istituti, universitajiet li jipprovdu edukazzjoni inizjali tal-għalliema u/jew żvilupp professjonali kontinwu) għall-għalliema u għall-persunal tal-Edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) fil-livelli 0-3 tal-ISCED, inklużi l-għalliema tal-VET;
  • Ministeri jew korpi pubbliċi simili responsabbli għall-politiki tal-edukazzjoni skolastika;
  • Korpi pubbliċi (lokali, reġjonali jew nazzjonali) u privati responsabbli għall-iżvilupp tal-politiki u tal-offerta għall-edukazzjoni tal-għalliema kif ukoll għad-definizzjoni tal-istandards għall-kwalifiki tal-għalliema;
  • Assoċjazzjonijiet tal-għalliema jew fornituri oħra rikonoxxuti nazzjonalment tal-edukazzjoni tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu;
  • Awtoritajiet responsabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u s-superviżjoni tal-iżvilupp professjonali kontinwu u l-kwalifiki tagħhom;
  • Skejjel li jaħdmu ma’ fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema biex jippermettu taħriġ prattiku bħala parti mill-edukazzjoni tal-għalliema;
  • Skejjel oħra (minn skejjel primarji sal-VET inizjali) jew organizzazzjonijiet oħra (eż. NGOs, assoċjazzjonijiet tal-għalliema) rilevanti għall-proġett.

Entitajiet oħrajn jistgħu jipparteċipaw fi rwoli tal-konsorzju oħrajn, bħal sħab assoċjati. 

Kompozizzjoni tal-konsorzju (numru u profil tal-organizzazzjonijiet partecipanti)

Sitt applikanti (benefiċjarji; entitajiet mhux affiljati), minn minimu ta’ erba’ Stati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm (inklużi minimu ta’ tliet Stati Membri tal-UE), li jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Minimu ta’ erba’ fornituri stabbiliti nazzjonalment tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema minn tliet Stati Membri tal-UE differenti u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, u 
  • mill-inqas fornitur wieħed stabbilit nazzjonalment ta’ żvilupp professjonali kontinwu (taħriġ fis-servizz) għall-għalliema, u
  • mill-inqas skola tal-prattika/tat-taħriġ waħda. 

Il-konsorzju jista’ jinkludi wkoll entitajiet affiljati jew sħab assoċjati, organizzazzjonijiet oħrajn b’għarfien espert rilevanti fl-edukazzjoni tal-għalliema u/jew korpi li jiddefinixxu l-istandards, il-kwalifiki jew l-assigurazzjoni tal-kwalità għall-edukazzjoni tal-għalliema.

Post geografiku (post tal-attivitajiet)

L-attivitajiet iridu jsiru fl-Istati Membri tal-UE jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. L-attivitajiet li jseħħu f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm ma humiex eliġibbli.

Durata tal-progett

Normalment il-proġetti idumu 36 xahar (jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu ġġustifikati kif xieraq u permezz ta’ emenda tal-ftehim ta’ għotja).

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) permezz tal-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

ID tas-Sejħa: ERASMUS-EDU-2024-PEX-TEACH-ACA

Qabel ma tapplika, jekk jogħġbok, ara l-FAQs rilevanti fl-FTOP.

Meta napplika?

L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għall-għotja sas-6 ta’ Ġunju fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).

Kif napplika?

Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

Stabbiliment tal-proġett

Kull Akkademja tal-Għalliema għandha timplimenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet, bħal:

  • Jikkollaboraw u jistabbilixxu networks u komunitajiet ta’ prattika bejn fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, assoċjazzjonijiet tal-għalliema, organizzazzjonijiet pubbliċi involuti fl-edukazzjoni tal-għalliema u atturi rilevanti oħrajn biex joħolqu strateġiji u programmi innovattivi għall-iżvilupp professjonali inizjali u kontinwu għall-għalliema u l-iskejjel.
  • Jiżviluppaw u jwettqu moduli ta’ apprendiment konġunti, innovattivi u effettivi dwar l-edukazzjoni tal-għalliema u għall-kompetenzi tal-għalliema dwar kwistjonijiet pedagoġiċi ta’ tħassib komuni li huma ta’ sfida u/jew ġodda. Huma għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet distinti tal-għalliema studenti (bħala parti mill-edukazzjoni inizjali tagħhom) u tal-għalliema fis-servizz (bħala parti mill-iżvilupp professjonali kontinwu).
  • Jiżviluppaw offerta ta’ apprendiment konġunt b’dimensjoni Ewropea b’saħħitha li tinkludi attivitajiet ta’ mobbiltà fil-forom kollha tagħha, li twaqqaf, pereżempju, skejjel tas-sajf, żjarat ta’ studju għall-istudenti u għall-għalliema kif ukoll forom oħrajn ta’ kollaborazzjoni bejn il-kampusijiet, kemm fiżiċi kif ukoll virtwali.
  • Jidentifikaw modi effettivi biex jitneħħew l-ostakli tal-mobbiltà u jidentifikaw il-kundizzjonijiet, inklużi l-arranġamenti prattiċi u r-rikonoxximent tal-apprendiment, sabiex jiżdiedu l-għadd u l-kwalità tal-mobbiltà u l-inklużjoni tagħha bħala parti integrali mill-offerta ta’ apprendiment inizjali u kontinwu għall-għalliema.
  • Jinvolvu lill-iskejjel u b’mod partikolari lill-iskejjel tat-taħriġ biex jesperimentaw u jikkondividu modi ġodda innovattivi ta’ tagħlim (inkluż għal approċċi mill-bogħod u mħallta għat-tagħlim u għall-apprendiment).
  • Iwettqu, f’konformità mal-objettivi ta’ din is-sejħa, studji, riċerka u/jew stħarriġ jew ġbir ta’ prattiki effettivi biex jipproduċu sommarji, dokumenti ta’ diskussjoni, rakkomandazzjonijiet eċċ. biex jistimulaw diskussjoni u biex jinfurmaw il-politiki dwar l-edukazzjoni tal-għalliema.
  • Jippromwovu u jagħtu preferenza lill-għodod eżistenti tal-Erasmus+, bħal eTwinning bħala parti mill-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika, għall-mobbiltà virtwali, għall-kollaborazzjoni, għall-komunikazzjoni għall-ittestjar u l-kondiviżjoni tar-riżultati.

Kriterji għall-għoti

Il-kriterji li ġejjin japplikaw:

Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 35 punt)

  • Rabta mal-objettivi tas-sejħa: kemm il-proposta tistabbilixxi Akkademja tal-Għalliema bil-ħsieb li ttejjeb l-edukazzjoni inizjali u kontinwa tal-għalliema b’offerta ta’ apprendiment innovattiva lill-għalliema fir-rigward ta’ mill-inqas waħda mill-prijoritajiet tal-Erasmus+:
    • Inklużjoni u diversità;
    • Ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
    • Indirizzar tat-trasformazzjoni diġitali permezz tal-iżvilupp tal-prontezza, tar-reżiljenza u tal-kapaċità diġitali;
    • Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni.
  • Valuri tal-UE: il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni.
  • Konsistenza: kemm il-proposta hija bbażata fuq analiżi adegwata tal-ħtiġijiet, miri ddefiniti b’mod ċar u realistiċi, u kemm tindirizza kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u għall-azzjoni.
  • Approċċ innovattiv: il-proposta tqis metodi u tekniki tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku, u twassal għal riżultati u soluzzjonijiet innovattivi għall-qasam tagħha b’mod ġenerali, jew għall-kuntest ġeografiku li fih jiġi implimentat il-proġett (eż. il-kontenut; l-outputs prodotti, il-metodi ta’ ħidma applikati, l-organizzazzjonijiet u l-persuni involuti jew fil-mira).
  • Valur miżjud Ewropew: il-proposta turi b’mod ċar il-valur miżjud fil-livelli individwali (student u/jew persunal), istituzzjonali u sistemiċi, iġġenerat permezz ta’ riżultati li jkunu diffiċli li jinkisbu mis-sħab li jaġixxu mingħajr il-kooperazzjoni Ewropea; il-proposta tuża u tippromwovi l-għodod eżistenti fil-livell tal-UE bħall-eTwinning u l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel għall-kollaborazzjoni, għall-komunikazzjoni u għall-ittestjar u l-kondiviżjoni tar-riżultati.
  • Internazzjonalizzazzjoni: il-proposta turi l-kontribut tagħha għad-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni tal-għalliema, inkluż l-iżvilupp ta’ mudelli konġunti ta’ mobbiltà (virtwali, fiżika u mħallta) u offerta ta’ apprendiment ieħor fl-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema.
  • Sensittività għall-ġeneru: il-proposta tindirizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tgħin biex jinstabu soluzzjonijiet biex jitrawwem b’mod effettiv tagħlim sensittiv għall-ġeneru fl-iskejjel.

Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 25 punt)

  • Koerenza: it-tfassil kumplessiv tal-proġett jiżgura l-konsistenza bejn l-objettivi, l-attivitajiet u l-baġit propost tal-proġetti. Il-proposta tippreżenta sett koerenti u komprensiv ta’ attivitajiet u servizzi xierqa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet identifikati u jwasslu għar-riżultati mistennija.
  • Metodoloġija: il-kwalità u l-fattibbiltà tal-metodoloġija proposta u l-adegwatezza tagħha għall-produzzjoni tar-riżultati mistennija.
  • Struttura: iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-programm ta’ ħidma, inklużi fażijiet xierqa għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ, għall-isfruttament, għall-evalwazzjoni u għat-tixrid.
  • Ġestjoni: huma previsti arranġamenti sodi ta’ ġestjoni. L-iskedi ta’ żmien, l-organizzazzjoni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet huma ddefiniti sew u realistiċi. Il-proposta talloka riżorsi xierqa għal kull attività.
  • Baġit: il-baġit jipprevedi r-riżorsi xierqa meħtieġa għas-suċċess, la huwa sopravalutat u lanqas sottovalutat.
  • Ġestjoni tar-riskji: l-isfidi/ir-riskji tal-proġett huma identifikati b’mod ċar u l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni huma indirizzati kif xieraq.
  • Assigurazzjoni tal-Kwalità: miżuri ta’ kontroll (evalwazzjoni kontinwa tal-kwalità, rieżamijiet bejn il-pari, attivitajiet ta’ valutazzjoni komparattiva, eċċ.) jiġu stabbiliti b’mod adegwat.
  • Għodda ta’ monitoraġġ: l-indikaturi huma stabbiliti biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja u kosteffiċjenti.

Kwalità tal-arranġamenti ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Konfigurazzjoni: il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplimentari bil-profil, il-kompetenzi, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett.
  • Kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati: is-sħubija tistabbilixxi networks u komunitajiet ta’ prattika b’saħħithom u kontinwi kemm fil-livell lokali, nazzjonali kif ukoll f’dak tranżnazzjonali ma’ fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema ta’ qabel u ta’ waqt is-servizz, awtoritajiet pubbliċi involuti fl-edukazzjoni tal-għalliema u atturi rilevanti oħrajn, u tippermetti skambju effettiv ta’ għarfien espert u għarfien fost dawk il-partijiet ikkonċernati.
  • Bilanċ ġeografiku: is-sħubija tinkludi sħab rilevanti minn żoni ġeografiċi differenti, bi rwoli attivi fil-proġett; l-applikant ikun iġġustifika l-kompożizzjoni ġeografika tas-sħubija u wera r-rilevanza tagħha għall-kisba tal-objettivi tal-Akkademji tal-Għalliema; is-sħubija tinkludi firxa wiesgħa u xierqa ta’ atturi rilevanti fil-livell lokali u reġjonali.
  • Kollaborazzjoni virtwali u mobbiltà: il-kooperazzjoni hija marbuta mal-għodod eżistenti tal-Erasmus+, bħall-eTwinning u l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni Skolastika.
  • Impenn: id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u tal-kompiti hija ċara, xierqa u turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fir-rigward tal-għarfien espert u l-kapaċità speċifika tagħhom.
  • Kompiti: il-koordinatur juri ġestjoni ta’ kwalità għolja, il-kapaċità li jikkoordina n-networks tranżnazzjonali u t-tmexxija f’ambjent kumpless; il-kompiti individwali huma allokati abbażi tal-għarfien prattiku speċifiku ta’ kull sieħeb.
  • Kollaborazzjoni: huwa propost mekkaniżmu effettiv biex jiġu żgurati koordinazzjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet u komunikazzjoni tajbin bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, il-parteċipanti u kwalunkwe parti kkonċernata rilevanti oħra.

Impatt (punteġġ massimu ta’ 20 punt)

  • Sfruttament: il-proposta turi kif l-eżiti tal-proġett se jintużaw mis-sħab u minn partijiet ikkonċernati oħrajn. Din tipprovdi mezzi biex jitkejjel l-isfruttament matul il-ħajja tal-proġett u wara.
  • Tixrid: il-proposta tipprovdi pjan ċar, matul il-ħajja tal-proġett u wara t-terminazzjoni tal-proġett, għat-tixrid tar-riżultati, u tinkludi miri, attivitajiet, żmien rilevanti, għodod u mezzi xierqa biex ikun żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji se jinfirxu b’mod effettiv għall-partijiet ikkonċernati, dawk li jfasslu l-politika, il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, l-awtoritajiet pubbliċi eċċ. matul u wara l-ħajja tal-proġett; il-proposta tindika wkoll liema sħab se jkunu responsabbli għat-tixrid u turi l-esperjenza rilevanti li għandhom fl-attivitajiet ta’ tixrid; il-proposta tistabbilixxi l-mezzi użati għat-tixrid, bi preferenza għall-għodod tal-Erasmus + bħall-eTwinning u l-Pjattaforma Ewropea għall-Edukazzjoni fl-Iskejjel.
  • Impatt: il-proposta turi l-impatt potenzjali tal-proġett:
    • Fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • Barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li ħadu sehem direttament fil-proġett, fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew.

Il-proposta tinkludi miżuri kif ukoll miri u indikaturi biex timmonitorja l-progress u tivvaluta l-impatt mistenni (fuq terminu qasir u twil).

  • Sostenibbiltà: il-proposta tispjega kif l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ se jiġu implimentati u żviluppati aktar. Il-proposta tinkludi t-tfassil ta’ pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-introduzzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett wara li jkun intemm il-proġett. Dan il-pjan għandu jkun ibbażat fuq sħubijiet sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (ta’ qabel is-servizz għall-għalliema futuri) u l-fornituri tal-iżvilupp professjonali kontinwu (fis-servizz). Għandu jinkludi l-identifikazzjoni ta’ strutturi ta’ governanza xierqa, kif ukoll pjanijiet għall-iskalabbiltà u s-sostenibbiltà finanzjarja, inkluża l-identifikazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (Ewropej, nazzjonali u privati) biex jiġi żgurat li r-riżultati u l-benefiċċji miksuba jkollhom sostenibbiltà fit-tul.

Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, l-applikazzjonijiet iridu jiksbu tal-inqas 70 punt (minn total ta’ 100 punt), filwaqt li jitqies ukoll il-punteġġ minimu meħtieġ għal kull wieħed mill-erba’ kriterji għall-għoti: minimu ta’ 18-il punt għall-kategorija “Rilevanza tal-proġett”; minimu ta’ 13-il punt għall-“Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett” u 11-il punt għall-kategoriji tal-“Kwalità tas-sħubija u l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni” u tal-“Impatt”.

Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.

Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord. 

Impatt mistenni

L-iżvilupp tal-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ huwa mistenni li jtejjeb l-attrazzjoni tal-professjoni tal-għalliema u li jiżgura edukazzjoni inizjali ta’ kwalità għolja u żvilupp professjonali kontinwu għall-għalliema, għall-edukaturi u għall-mexxejja tal-iskejjel.

L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ huma mistennija li jtejbu d-dimensjoni Ewropea u l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni tal-għalliema billi joħolqu sħubijiet Ewropej ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema. Il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-atturi rilevanti bejn il-fruntieri Ewropej, tipprevedi kooperazzjoni Ewropea innovattiva u żvilupp sostanzjali tal-politiki u l-prattiki tal-edukazzjoni tal-għalliema, filwaqt li tibni fuq l-innovazzjonijiet eżistenti u l-prattiki effettivi fi ħdan is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni tal-għalliema u fuq l-offerta tal-apprendiment konġunt organizzat għall-għalliema parteċipanti. Dan l-approċċ huwa mistenni li jwitti t-triq biex il-mobbiltà ssir parti integrali mill-forniment tal-edukazzjoni tal-għalliema fl-Ewropa, billi jitneħħew l-ostakli attwali għall-mobbiltà u billi jiġu identifikati l-kundizzjonijiet għal strateġiji u programmi ta’ mobbiltà li jirnexxu.

B’ħidma fil-livell nazzjonali u Ewropew, l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ se jiffurmaw sħubijiet b’saħħithom u sostnuti bejn il-fornituri tal-edukazzjoni inizjali tal-għalliema u l-iżvilupp professjonali kontinwu. Dawn se jipprovdu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-fornituri tal-edukazzjoni tal-għalliema, filwaqt li jwittu t-triq lejn sħubijiet strutturali u programmi konġunti bejn l-istituzzjonijiet. L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ b’hekk se jiżguraw żvilupp professjonali inizjali u kontinwu ta’ kwalità għolja u effettiv u se jiżguraw li jiksbu riżultati li jkunu diffiċli li jinkisbu mingħajr il-kondiviżjoni tal-għarfien u kooperazzjoni effettiva.

Permezz tal-użu ta’ diversi mezzi ta’ tixrid fil-livelli tranżnazzjonali, nazzjonali u/jew reġjonali kif ukoll l-użu ta’ pjan ta’ azzjoni fit-tul għall-introduzzjoni progressiva tar-riżultati tanġibbli tal-proġett, il-proġetti huma mistennija li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati rilevanti fi ħdan u barra l-organizzazzjonijiet parteċipanti u jiżguraw impatt dejjiemi wkoll wara l-ħajja tal-proġett.

X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?

Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma unika f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-ammont se jiġi stabbilit mill-awtorità tal-għoti abbażi tal-baġit stmat tal-proġett, ir-riżultat tal-evalwazzjoni u rata ta’ finanzjament ta’ 80%.

L-għotja massima tal-UE għal kull proġett hija ta’ EUR 1,500,000

Appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi fil-forma ta’ għotjiet jew premjijiet ma huwiex permess.

Il-kostijiet tal-voluntiera huma permessi. Il-kostijiet unitarji indikati jridu jiġu allinjati ma’ dawk fid-Deċiżjoni dwar il-kostijiet unitarji għall-voluntiera11 .

Il-kostijiet unitarji tal-SMEs għas-sidien tal-SMEs huma permessi. Il-kostijiet unitarji indikati jridu jiġu allinjati ma’ dawk fid-Deċiżjoni dwar il-kostijiet unitarji għas-sidien tal-SMEs12 .

Il-pakkett ta’ ħidma rilevanti għandu jinkludi l-kostijiet għal mill-inqas laqgħa annwali waħda (rappreżentant wieħed minn kull sieħeb sħiħ tal-proġett) organizzata mill-Kummissjoni Ewropea/mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura jew fuq l-inizjattiva tagħha għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u għall-apprendiment reċiproku bejn l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+.

Kif tigi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-progett?

L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:

  • Il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
  • Il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma; Fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juru s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
  • Il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).

Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, mistenni, il-kwalità u l-effiċjenza tal-azzjoni.

Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa.

Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, ir-rata ta’ finanzjament, il-kostijiet totali eliġibbli, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja. Jekk jogħġbok irreferi għall-Parti C ta’ din il-Gwida tal-Programm, it-taqsima “Kostijiet diretti eliġibbli”.

Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. Din l-iskema ta’ finanzjament se tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba ta’ objettivi li jistgħu jitkejlu.

Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal tal-Opportunitajiet ta’ Finanzjament u ta’ Offerti (FTOP).

Tagged in:  Persunal tal-edukazzjoni skolastika