Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Glossarju tat-termini - Termini komuni

Akkumpanjatur

Persuna li takkumpanja lill-parteċipanti (studenti, persunal, żgħażagħ jew persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ) f’attività tal-mobbiltà biex tiżgura s-sikurezza tagħhom, tipprovdi appoġġ u assistenza, kif ukoll tassisti fl-apprendiment effettiv tal-parteċipant matul l-esperjenza tal-mobbiltà. F’attivitajiet individwali, l-akkumpanjatur jista’ jakkumpanja lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet jew lill-minorenni u liż-żgħażagħ bi ftit esperjenza barra minn pajjiżhom. Fil-każ ta’ attivitajiet ta’ grupp fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, il-persunal tal-edukazzjoni kwalifikat jeħtieġlu jakkumpanja lill-grupp biex jiffaċilita l-proċess tal-apprendiment.

Akkreditazzjoni

Proċess li jiżgura li l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jirċievu finanzjament fil-qafas ta’ Azzjoni tal-Programm Erasmus+ jikkonformaw ma; sett ta’ standards kwalitattivi jew prerekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea għal dik l-Azzjoni.

Entità affiljata

Dawn li ġejjin jistgħu jitqiesu bħala Entitajiet Affiljati (f’konformità mal-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju):

  • l-entitajiet legali li għandhom rabta legali jew kapitali mal-benefiċjarji; din ir-rabta la hija limitata għall-azzjoni u lanqas ma hija stabbilita għall-iskop uniku tal-implimentazzjoni tagħha;
  • diversi entitajiet li jissodisfaw il-kriterji biex jingħataw għotja u flimkien jifformaw entità waħda li tista’ tkun trattata bħala l-benefiċjarju uniku, inkluż fejn l-entità hija speċifikament stabbilita għall-iskopijiet tal-implimentazzjoni tal-azzjoni.

L-Entitajiet Affiljati jridu jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tan-nuqqas ta’ esklużjoni, u fejn applikabbli anke mal-kriterji tal-għażla li japplikaw għall-applikanti iżda ma jgħoddux mal-kriterji minimi ta’ eliġibbiltà għall-kompożizzjoni tal-konsorzju (jekk ikun hemm).

Applikant

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti jew grupp informali ta’ żgħażagħ li jissottometti applikazzjoni għal għotja. L-applikanti jistgħu japplikaw jew individwalment jew f’isem organizzazzjonijiet oħrajn involuti fil-proġett. Fil-każ tal-aħħar, l-applikant huwa ddefinit ukoll bħala koordinatur

Għall-azzjonijiet ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva EACEA, l-applikanti huma dawk il-parteċipanti li se jsiru benefiċjarji u entitajiet affiljati fil-Ftehim ta’ Għotja.

Skadenza tal-applikazzjoni

Id-data finali għas-sottomissjoni tal-formola ta’ applikazzjoni lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva biex tiġi kkunsidrata ammissibbli.

Sħab assoċjati

Dawn huma sħab mis-settur pubbliku jew privat li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ kompiti/attivitajiet speċifiċi tal-proġett jew jappoġġaw il-promozzjoni u s-sostenibbiltà tal-proġett, iżda li għal aspetti ta’ ġestjoni kuntrattwali ma jitqisux bħala benefiċjarji, u ma jirċievu l-ebda finanzjament mill-Programm bħala parti mill-proġett (ma għandhomx id-dritt li jitolbu ħlas għall-kostijiet jew kontribuzzjonijiet.).

Ħiliet bażiċi

Il-litteriżmu, il-matematika, ix-xjenza u t-teknoloġija; dawn il-ħiliet huma inklużi fil-kompetenzi ewlenin.

Benefiċjarju

Meta proġett jiġi approvat għal għotja tal-Erasmus+, l-organizzazzjoni applikanti ssir benefiċjarju billi tiffirma kuntratt mal-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva li tkun għażlet il-proġett. Jekk l-applikazzjoni tkun saret f’isem organizzazzjonijiet oħrajn parteċipanti, is-sħab jistgħu jsiru kobenefiċjarji tal-għotja.

Mobbiltà mħallta

Taħlita ta’ mobbiltà fiżika u komponent virtwali, li tiffaċilita l-apprendiment kollaborattiv online abbażi ta’ skambju u l-ħidma f’tim.

Sejħa għal proposti

Stedina ppubblikata minn jew f’isem il-Kummissjoni biex tiġi ppreżentata, fi żmien skadenza partikolari, proposta għal azzjoni li tikkorrispondi għall-objettivi segwiti u li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. Is-sejħiet għal proposti huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje C) u/jew fuq is-siti web rilevanti tal-Kummissjoni, tal-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva.

Ċertifikat tal-parteċipazzjoni

Fil-kuntest tal-Erasmus+, dokument maħruġ lil kwalunkwe persuna li tkun lestiet attività ta’ apprendiment fil-qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ, fejn applikabbli. Dan jiċċertifika l-attendenza u, fejn applikabbli, l-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipant fl-attività.

Żball klerikali

Żball żgħir jew nuqqas imwettaq b’mod mhux intenzjonat magħmul f’dokument li jbiddel it-tifsira tiegħu, bħal żball tipografiku jew iż-żieda jew l-ommissjoni mhux intenzjonata ta’ kelma, frażi, jew ċifra.

Kofinanzjament

Il-prinċipju li jimplika li parti mill-kostijiet tal-proġett appoġġati mill-UE jridu jitħallsu mill-benefiċjarju, jew jiġu koperti permezz ta’ kontribuzzjonijiet esterni minbarra l-għotja tal-UE.

Kumpanija

Il-persuni ġuridiċi stabbiliti skont id-dritt ċivili jew kummerċjali, inkluż soċjetajiet kooperattivi, u persuni ġuridiċi oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku jew privat, minbarra dawk li ma għandhomx skop ta’ qligħ.

Konsorzju

Żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti jew aktar li jaħdmu flimkien biex iħejju, jimplimentaw u jsegwu proġett jew attività fi ħdan proġett. Il-konsorzju jista’ jkun nazzjonali (jiġifieri jinvolvi organizzazzjonijiet stabbiliti fl-istess pajjiż) jew internazzjonali (jinvolvi organizzazzjonijiet parteċipanti minn pajjiżi differenti).

Koordinatur/Organizzazzjoni li tikkoordina

L-organizzazzjoni parteċipanti li tapplika għal għotja tal-Erasmus+ f’isem konsorzju ta’ organizzazzjonijiet sħab.

Il-koordinatur għandu obbligi speċjali previsti fil-ftehim ta’ għotja.

Kompetenza Diġitali

Tinvolvi l-użu kunfidenti, kritiku u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali u l-involviment tagħhom għall-apprendiment, fuq il-post tax-xogħol, u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà. Din tinkludi l-litteriżmu tal-informazzjoni u tad-data, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni, il-litteriżmu medjatiku, il-ħolqien ta’ kontenut diġitali (inkluż l-ipprogrammar), is-sikurezza (inkluż il-benesseri diġitali u l-kompetenzi relatati maċ-ċibersigurtà), il-mistoqsijiet relatati mal-proprjetà intellettwali, is-soluzzjoni tal-problemi u l-ħsieb kritiku.

Intrapriża

Kwalunkwe impriża involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mid-daqs jew il-forma ġuridika tagħha jew tas-settur ekonomiku li topera fih.

Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK)

Qafas ta’ referenza komuni ta’ tmien livelli ta’ kwalifiki, espressi bħala l-eżiti tal-apprendiment b’livelli dejjem akbar ta’ profiċjenza. Huma jservu bħala mezz ta’ traduzzjoni bejn sistemi ta’ kwalifiki differenti u l-livelli tagħhom. L-iskop tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) għat-tagħlim tul il-ħajja huwa li jtejjeb it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-kwalifiki tan-nies (ĠU 2017/C 189/03)

ESCO (klassifikazzjoni multilingwi Ewropea tal-Ħiliet, il-Kompetenzi, il-Kwalifiki u l-Impjiegi)

Tidentifika u tikkategorizza l-ħiliet u l-kompetenzi, il-kwalifiki u l-okkupazzjonijiet rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f’25 lingwa Ewropea. Is-sistema tipprovdi profili okkupazzjonali li juru r-relazzjonijiet bejn l-okkupazzjonijiet, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki. L-ESCO ġiet żviluppata f’format tal-IT miftuħ u jista’ jintuża minn kulħadd mingħajr ħlas.

Stabbilit

Dan il-kunċett hu marbut ma’ organizzazzjoni jew korp li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet nazzjonali (reġistrazzjoni, dikjarazzjoni, pubblikazzjoni, eċċ.) li jippermettu li tali organizzazzjoni jew korp ikunu rikonoxxuti formalment mill-awtorità nazzjonali tagħhom. F’każ ta’ grupp informali ta’ żgħażagħ, ir-residenza legali tar-rappreżentant legali tiegħu titqies li għandha effetti ekwivalenti għall-iskopijiet tal-eliġibbiltà għal għotja tal-Erasmus+.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

Il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE li stabbilew Aġenzija Nazzjonali li tipparteċipa b’mod sħiħ fil-Programm Erasmus+. Il-lista tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm hija pprovduta fil-Parti A ta’ din il-Gwida, fit-taqsima “Min jista’ jipparteċipa fil-Programm Erasmus+?”.

Europass

 Il-pjattaforma online tal-Europass, azzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, tipprovdi lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet b’għodod ibbażati fuq il-web u informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ apprendiment, l-oqfsa ta’ kwalifiki u l-kwalifiki, il-gwida, l-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-għodod ta’ awtovalutazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki, u l-konnettività ma’ opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ impjieg.

Il-pjattaforma tal-Europass toffri wkoll għodod u software biex tappoġġa kredenzjali ffirmati b’mod diġitali, kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, permezz tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għall-Apprendiment. Il-pjattaforma jkollha interkonnessjoni ma’ sorsi tad-data nazzjonali għal opportunitajiet ta’ apprendiment u bażijiet tad-data jew reġistri nazzjonali tal-kwalifiki.

NGO Ewropea

Għall-iskopijiet ta’ dan il-programm, dawn huma NGOs li joperaw permezz ta’ struttura rikonoxxuta formalment magħmula minn korp/segretarjat Ewropew stabbilit legalment għal mill-inqas sena fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm u ta’ organizzazzjonijiet/fergħat nazzjonali f’mill-inqas disa’ Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Dawn l-organizzazzjonijiet/il-fergħat nazzjonali jridu:

  • ikollhom rabta statutorja pprovata1  mal-korp/is-segretarjat Ewropew;
  • ikunu attivi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew iż-żgħażagħ;

Applikant għall-ewwel darba

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti li preċedentement ma rċevietx appoġġ bħala koordinatur tal-proġett (applikant) taħt tip partikolari ta’ azzjoni appoġġat minn dan il-Programm jew mill-programm predeċessur tiegħu fl-aħħar seba’ snin.

Force majeure

Sitwazzjoni eċċezzjonali li ma setgħetx titbassar qabel jew avveniment lil hinn mill-kontroll tal-parteċipant u mhux attribwibbli għal żball jew negliġenza min-naħa tiegħu.

Ħiliet ekoloġiċi

Ħiliet fundamentali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jistgħu jkunu ġenerali bħall-agrikoltura sostenibbli, il-protezzjoni tal-ħamrija, l-użu tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iskart, jew aktar tekniċi bħall-għarfien dwar l-enerġija rinnovabbli.

Vjaġġar ekoloġiku

Vjaġġ li juża mezzi tat-trasport b’livell baxx ta’ emissjonijiet għall-parti prinċipali tal-vjaġġ, bħal karozza tal-linja, ferrovija jew car-pooling.

Organizzazzjoni ospitanti/riċeventi

L-organizzazzjoni (ewlenija) li tipprovdi kontenut ta’ apprendiment lill-parteċipanti f’attivitajiet ta’ mobbiltà billi tuża r-riżorsi u l-għarfien espert tagħha stess. L-organizzazzjoni ospitanti tikkoopera mal-organizzazzjoni li tibgħat biex tiddefinixxi l-eżiti tal-apprendiment mistennija u l-metodi li se jintużaw biex dawn jinkisbu. Imbagħad din teżegwixxi l-programm ta’ apprendiment u twettaq monitoraġġ u mentoraġġ matul l-attività.

Apprendiment informali

L-apprendiment li jirriżulta minn attivitajiet u esperjenzi ta’ kuljum li ma huwiex organizzat jew strutturat f’termini ta’ objettivi, żmien jew appoġġ għall-apprendiment; jista’ ma jkunx intenzjonat mill-perspettiva tal-istudent.

Internazzjonali

Fil-kuntest tal-Erasmus+, dan il-kunċett huwa relatat ma’ kwalunkwe azzjoni li tinvolvi mill-inqas Stat Membru wieħed tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm u mill-inqas pajjiż terz wieħed mhux assoċjat mal-Programm.

Job shadowing

Soġġorn qasir f’organizzazzjoni sieħba f’pajjiż ieħor bil-għan li jingħata taħriġ billi jiġu segwiti l-prattikanti fil-ħajja tax-xogħol ta’ kuljum tagħhom fl-organizzazzjoni li tilqa’, l-iskambju ta’ prattiki tajba, il-kisba tal-ħiliet u l-għarfien u/jew il-bini ta’ sħubijiet fit-tul permezz ta’ osservazzjoni parteċipattiva.

Kompetenzi ewlenin

Is-sett bażiku ta’ għarfien, ta’ ħiliet u ta’ attitudnijiet li l-individwi kollha jeħtieġu għas-sodisfazzjon u l-iżvilupp personali, l-impjegabilità, l-inklużjoni soċjali, stil ta’ ħajja sostenibbli, ħajja ta’ suċċess f’soċjetajiet paċifiċi, ġestjoni ta’ ħajja konxja dwar is-saħħa, u ċittadinanza attiva, kif deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2018/C 189/01 tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja.

Mobbiltà għall-apprendiment

Li tmur tgħix fiżikament f’pajjiż li mhux il-pajjiż ta’ residenza, biex tistudja, titħarreġ jew għall-apprendiment mhux formali jew informali.

Eżiti tal-apprendiment

Dikjarazzjonijiet dwar dak li parteċipant jaf, jifhem u huwa kapaċi jagħmel wara li jtemm proċess ta’ apprendiment, li huma ddefiniti f’termini ta’ għarfien, ta’ ħiliet u ta’ kompetenzi.

Entità legali

Persuna fiżika jew persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt internazzjonali li jkollha personalità ġuridika u li tista’, filwaqt li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma jkollhiex personalità ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 197(2), il-punt (c) tar-Regolament Finanzjarju.

Rappreżentant Maħtur tal-Entità Legali (LEAR)

Għal azzjoni ġestita mill-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura, b’mod parallel mal-validazzjoni ta’ organizzazzjoni fir-Reġistru tal-Parteċipanti, ir-rappreżentant(i) legali tagħha jeħtieġlu/jeħtiġilhom jinnomina(w) Rappreżentant( Maħtur tal-Entità Legali (LEAR). Ir-rwol tal-LEAR, huwa kruċjali: ladarba jiġi vvalidat mill-Kummissjoni, il-LEAR se jkun awtorizzat li:

  • jiġġestixxi l-informazzjoni legali u finanzjarja dwar l-organizzazzjoni
  • jiġġestixxi d-drittijiet ta’ aċċess tal-persuni fl-organizzazzjoni (iżda mhux fil-livell tal-proġett)
  • jaħtar rappreżentanti tal-organizzazzjoni biex jiffirmaw il-ftehimiet ta’ għotja b’mod elettroniku (“Firmatarji Legali” - LSIGN) jew rapporti finanzjarji (“Firmatarji Finanzjarji” - FSIGN) permezz tal-Portal ta’ Finanzjament u ta’ Offerti.

Il-passi kollha għall-validazzjoni tal-LEAR huma ċċarati fil-Portal ta’ Finanzjament u ta’ Offerti.

Organizzazzjoni b’inqas esperjenza

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti li ma rċevietx appoġġ f’tip partikolari ta’ azzjoni appoġġata minn dan il-Programm jew mill-programm predeċessur tiegħu aktar minn darbtejn fl-aħħar seba’ snin. Din il-kategorija tinkludi l-kategorija ta’ “applikanti għall-ewwel darba”, kif definit hawn fuq.

Apprendiment tul il-ħajja

L-apprendiment fil-forom kollha tiegħu, kemm jekk formali, mhux formali jew informali, li jseħħ fl-istadji kollha tal-ħajja u li jirriżulta f’titjib jew f’aġġornament fl-għarfien, fil-ħiliet, fil-kompetenzi u fl-attitudnijiet jew fil-parteċipazzjoni fis-soċjetà minn perspettiva personali, ċivika, kulturali, soċjali jew relatata mal-impjiegi, inkluż il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ gwida; dan jinkludi l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni tal-adulti, il-ħidma fost iż-żgħażagħ u kuntesti oħrajn ta’ apprendiment barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali u tipikament jippromwovi l-kooperazzjoni transsettorjali u l-perkorsi ta’ apprendiment flessibbli.

Organizzazzjoni ġdida

Kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti li preċedentement ma rċevietx appoġġ f’tip partikolari ta’ azzjoni appoġġata minn dan il-Programm jew mill-programm predeċessur tiegħu bħala koordinatur jew sieħeb.

Mikrokredenzjali

Il-mikrokredenzjali hija prova rikonoxxuta tal-eżiti tal-apprendiment li student ikun kiseb wara esperjenza ta’ apprendiment qasira, skont standards u rekwiżiti trasparenti u wara valutazzjoni.

Il-prova tinsab f’dokument iċċertifikat li jelenka l-isem tad-detentur, l-eżiti tal-apprendiment miksuba, il-metodu ta’ valutazzjoni, il-korp tal-għoti u, fejn applikabbli, il-livell qafas tal-kwalifiki u l-krediti miksuba. Il-mikrokredenzjali huma proprjetà tal-istudent, jistgħu jiġu kondiviżi, huma portabbli u jistgħu jiġu kkombinati fi kredenzjali jew kwalifiki akbar.

Ftehim tal-Mobbiltà/tal-Apprendiment

Il-ftehim bejn l-organizzazzjoni li tibgħat u dik li tilqa’ u l-individwi parteċipanti, li jiddefinixxi l-għanijiet u l-kontenut tal-perjodu ta’ mobbiltà biex jiġu żgurati r-rilevanza u l-kwalità tiegħu. Jista’ jintuża wkoll bħala bażi għar-rikonoxximent tal-perjodu barra mill-pajjiż mill-organizzazzjoni li tilqa’.

Xahar

Fil-kuntest tal-Programm Erasmus+ u għall-iskop tal-kalkolu tal-għotjiet, xahar huwa ugwali għal 30 jum.

MOOC

Abbrevjazzjoni ta’ “Kors Online Miftuħ Massiv,” tip ta’ kors li jitwassal kompletament online, huwa miftuħ biex jiġi aċċessat minn kulħadd mingħajr kost, kwalifiki ta’ dħul jew restrizzjonijiet oħrajn; in-numru ta’ parteċipanti spiss ikun kbir. Dawn il-korsijiet jista’ jkollhom komponenti personali, eż. jinkoraġġixxu laqgħat tal-parteċipanti lokali, u valutazzjoni formali, iżda għandhom it-tendenza li jużaw ir-rieżami bejn il-pari, l-awtovalutazzjoni u l-gradazzjoni awtomatizzata. Hemm bosta varjanti tal-MOOCs, iffokati fuq setturi speċifiċi, gruppi fil-mira (eż. fokus vokazzjonali, għalliema, eċċ.) jew metodi ta’ tagħlim speċifiċi. Il-MOOCs iffinanzjati fil-qafas tal-Erasmus+ iridu jkunu miftuħin għal kulħadd u kemm il-parteċipazzjoni kif ukoll iċ-ċertifikat jew il-badge ta’ tlestija jkunu mingħajr ħlas għall-parteċipanti. Ir-rekwiżit ta’ aċċess miftuħ għar-riżorsi edukattivi japplika wkoll għall-MOOCs u korsijiet sħaħ oħrajn.

Aġenzija Nazzjonali

Korp maħtur inkarigat mill-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Tista’ tkun teżisti Aġenzija Nazzjonali waħda jew aktar f’kull pajjiż.

Awtorità Nazzjonali

Awtorità responsabbli, fil-livell nazzjonali, tal-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-ġestjoni tal-Programm fi Stat Membru jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm. Tista’ tkun teżisti Awtorità Nazzjonali waħda jew aktar f’kull pajjiż.

Apprendiment mhux formali

Apprendiment li jseħħ permezz ta’ attivitajiet tal-apprendiment ippjanati fejn ikun hemm xi forma ta’ appoġġ għall-apprendiment, iżda li ma jkunx jagħmel parti mis-sistema ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ formali.

Profil okkupazzjonali

Is-sett ta’ ħiliet, kompetenzi, għarfien u kwalifiki li normalment huma rilevanti għal okkupazzjoni speċifika.

OID

L-ID tal-Organizzazzjoni (OID) tidentifika l-organizzazzjoni tiegħek b’mod uniku fost l-organizzazzjonijiet kollha li jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali. Tista’ tuża l-OID tal-organizzazzjoni tiegħek meta tapplika għall-akkreditazzjoni jew għotja taħt l-azzjonijiet tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali

Aċċess Miftuħ

Kunċett ġenerali ta’ pubblikazzjoni ta’ materjali ta’ tip speċifiku b’mod miftuħ, jiġifieri mfassal biex ikun aċċessibbli u jista’ jiġi użat mill-akbar grupp ta’ utenti possibbli u għall-akbar numru ta’ każijiet ta’ użu. L-Erasmus+ għandu Rekwiżit ta’ Aċċess Miftuħ għar-riżorsi edukattivi u jħeġġeġ Aċċess Miftuħ għar-riżultati u d-data tar-riċerka.

Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER)

Il-materjali edukattivi ta’ kull xorta (eż. kotba tal-iskola, worksheets, pjanijiet tal-lezzjonijiet, vidjos tat-tagħlim, korsijiet sħaħ online, logħob edukattiv) li jistgħu jintużaw, jiġu adattati u kondiviżi liberament. L-OERs jew ġew rilaxxati taħt liċenzja miftuħa jew huma fl-isfera pubblika (eż. il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tkun skadiet). Il-materjali mingħajr kost li ma jistgħux jiġu adattati u kondiviżi mill-pubbliku ma humiex OERs.

Liċenzja miftuħa

Il-mod għad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur (ħallieqa jew detenturi ta’ drittijiet oħrajn) biex jagħtu lill-pubbliku ġenerali l-permess legali li jużaw xogħolhom liberament. Fil-kuntest tar-Rekwiżit ta’ Aċċess Miftuħ tal-Erasmus+, kwalunkwe liċenzja miftuħa bħal din trid tippermetti tal-inqas l-użu, l-adattament u d-distribuzzjoni. Il-liċenzja miftuħa għandha tkun indikata fuq ix-xogħol innifsu jew kull fejn jiġi ddistribwit ix-xogħol. Il-materjali edukattivi b’liċenzja miftuħa jissejħu Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OERs).

Parteċipant f’attivitajiet tal-proġetti tal-Erasmus+

L-individwu li huwa involut bis-sħiħ fi proġett u li jista’ jirċievi finanzjament mill-Unjoni Ewropea maħsub biex ikopri l-kostijiet ta’ parteċipazzjoni (b’mod partikolari l-ivvjaġġar u s-sussistenza).   

Organizzazzjoni parteċipanti

Organizzazzjoni jew grupp informali ta’ żgħażagħ involuti fi proġett tal-Erasmus+, bħala koordinatur jew sieħeb.

Organizzazzjoni sieħba

F’azzjonijiet ġestiti mill-Aġenziji Nazzjonali, organizzazzjoni sieħba hija organizzazzjoni involuta formalment fil-proġett (benefiċjarju konġunt) iżda li ma jkollhiex ir-rwol ta’ koordinatur.

Sħubija

Ftehim bejn grupp ta’ istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet biex iwettqu attivitajiet u proġetti konġunti.

Parteċipant b’inqas opportunitajiet

Persuni b’inqas opportunitajiet tfisser persuni li, għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ġeografiċi jew ta’ saħħa, sfond ta’ migrazzjoni, jew għal raġunijiet bħad-diżabilità u d-diffikultajiet edukattivi jew għal kwalunkwe raġuni oħra, inklużi dawk li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiffaċċjaw ostakli li jżommuhom milli jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet skont il-programm.

Apprendiment bejn il-Pari

Attività ta’ apprendiment reċiproku, li hija ta’ benefiċċju reċiproku u tinvolvi l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-ideat u l-esperjenza bejn il-parteċipanti. Il-prattiċi tal-apprendiment bejn il-pari jippermettu li jkun hemm interazzjoni ma’ parteċipanti oħrajn, ma’ sħabhom, u li jipparteċipaw f’attivitajiet fejn jistgħu jitgħallmu minn xulxin u jilħqu l-għanijiet edukattivi, professjonali u/jew ta’ żvilupp personali.

Żjara Preparatorja

Żjarat fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tilqa’ qabel il-bidu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà sabiex titħejja u tiġi żgurata l-kwalità għolja ta’ dawk l-attivitajiet. L-eżempji jinkludu kompiti li jiffaċilitaw l-arranġamenti amministrattivi u jibnu l-fiduċja u l-fehim bejn l-organizzazzjonijiet involuti.

Żvilupp professjonali

Il-proċess tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet professjonali tal-parteċipanti (studenti u persunal) billi jiġu żviluppati kompetenzi u għarfien espert u jinkisbu ħiliet ġodda, li normalment jiġu identifikati f’analiżi tal-ħtiġijiet tal-iżvilupp. L-iżvilupp professjonali jinkludi t-tipi kollha ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment, li jvarjaw minn taħriġ strutturat u seminars għal opportunitajiet ta’ apprendiment informali.

Korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva

Kumpanija privata li a) twettaq in-negozju tagħha f’konformità ma’ standards etiċi u/jew b) minbarra l-attivitajiet tan-negozju tagħha, twettaq xi azzjonijiet li għandhom valur soċjali.

Proġett

Sett koerenti ta’ attivitajiet li huma mfassla u organizzati biex jintlaħqu l-objettivi u r-riżultati ddefiniti.

Kwalifika

L-eżitu formali ta’ proċess ta’ valutazzjoni u validazzjoni li jinkiseb meta korp kompetenti jiddetermina li individwu kiseb eżiti tal-apprendiment li jilħqu standards partikolari.

Organizzazzjoni li tilqa’

Organizzazzjoni parteċipanti li tirċievi l-parteċipanti u torganizza l-attivitajiet ta’ proġett tal-Erasmus+.

Skola

Istituzzjoni li tipprovdi edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali jew teknika, fi kwalunkwe livell mill-preprimarja sa dik sekondarja tat-tieni livell, inkluż l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal. Sabiex tivverifika l-eliġibbiltà taħt il-qasam tal-“edukazzjoni skolastika”, jekk jogħġbok ikkonsulta d-definizzjoni ta’ skejjel eliġibbli f’kull pajjiż fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti.

Student tal-iskola

Persuna rreġistrata f’kapaċità ta’ apprendiment f’istituzzjoni li tipprovdi l-edukazzjoni ġenerali fi kwalunkwe livell mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, jew persuna li tkun ħadet edukazzjoni barra minn ambjent istituzzjonali meqjus mill-awtoritajiet kompetenti bħala eliġibbli biex tipparteċipa fil-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom.

Organizzazzjoni li tibgħat

Organizzazzjoni parteċipanti li tibgħat parteċipant wieħed jew aktar f’attività ta’ proġett tal-Erasmus+.

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

L-intrapriżi (ara d-definizzjoni ta’ hawn fuq) li jimpjegaw inqas minn 250 persuna u li għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun, u/jew karta tal-bilanċ annwali li ma taqbiżx it-EUR 43 miljun.

Intrapriża soċjali

Impriża, tkun xi tkun il-forma ġuridika tagħha, li ma hijiex elenkata fuq suq regolat fis-sens tal-Artikolu 4(21) tad-Direttiva 2014/65/UE, u li: 1) f’konformità mal-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatuti jew kwalunkwe dokument statutorju ieħor tagħha li jistabbilixxi n-negozju, għandha bħala l-objettiv primarju tagħha, il-kisba ta’ impatti soċjali pożittivi li jistgħu jitkejlu aktar milli tiġġenera profitt għas-sidien, il-membri u l-partijiet ikkonċernati tagħha, meta l-impriża: a) tipprovdi servizzi jew prodotti innovattivi li jiġġeneraw redditu soċjali u/jew b) tuża metodu innovattiv ta’ produzzjoni ta’ prodotti u servizzi u dak il-metodu ta’ produzzjoni jinkorpora l-objettiv soċjali tagħha; 2) tinvesti mill-ġdid il-profitt l-ewwel u qabel kollox biex tikseb l-objettiv primarju tagħha u għandha fis-seħħ proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza li fiha l-profitti huma distribwiti lill-azzjonisti u lis-sidien, biex jiġi żgurat li d-distribuzzjoni tal-profitti ma timminax l-objettiv primarju; 3) hija ġestita b’mod intraprenditorjali, responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi l-ħaddiema, il-klijenti, u/jew il-partijiet ikkonċernati affettwati mill-attivitajiet tan-negozju tagħha.

Persunal

Persuna li, fuq bażi professjonali jew volontarja, tkun involuta fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fl-apprendiment mhux formali fil-livelli kollha. Jinkludi l-professuri, l-għalliema (inklużi l-għalliema tal-iskola preprimarja), il-ħarrieġa, il-mexxejja tal-iskejjel, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-persunal tal-isport, il-persunal tal-edukazzjoni u tal-kura bikrija tat-tfal, il-persunal mhux edukattiv u prattikanti oħrajn involuti fuq bażi regolari fil-promozzjoni tal-apprendiment.

Rabta statutorja

Din in-nozzjoni timplika li l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet ikkonċernati hija bbażata fuq relazzjoni fformalizzata/dokumentata, li la hija limitata għall-proġett li japplikaw għalih u lanqas ma hija stabbilita għall-iskop uniku tal-implimentazzjoni tiegħu. Din ir-rabta tista’ tkopri diversi forom, minn waħda integrata ħafna (eż. “organizzazzjoni omm” waħda bil-fergħat nazzjonali/bl-entitajiet affiljati tagħha b’entità legali proprja jew mingħajrha) għal waħda aktar laxka (eż network li jiffunzjona permezz ta’ modalità ta’ sħubija definita b’mod ċar li tkun tirrikjedi pereżempju: il-ħlas ta’ tariffa, il-firma ta’ kuntratt/ftehim ta’ sħubija, id-definizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi miż-żewġ partijiet, eċċ.)

Żjarat ta’ studju

Vjaġġ fejn il-parteċipant isir jaf u jistudja organizzazzjoni jew istituzzjoni oħra, il-prattiki u s-sistemi tagħha. Dan jippermetti lill-parteċipant li jkollu esperjenza ta’ apprendiment ibbażata fuq kuntatt dirett u fuq osservazzjoni tal-metodi u l-prattiki tal-organizzazzjoni ospitanti.

Pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm

Pajjiżi li ma jipparteċipawx bis-sħiħ fil-Programm Erasmus+, iżda li jistgħu jieħdu sehem (bħala sħab jew applikanti) f’ċerti Azzjonijiet tal-Programm. Il-lista ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm hija stabbilita fil-Parti A ta’ din il-Gwida, fit-taqsima “Min jista’ jieħu sehem fil-Programm Erasmus+?”.

Traineeship (kollokament ta’ xogħol)

Il-perjodu ta’ żmien li persuna tqatta’ f’intrapriża jew organizzazzjoni f’pajjiż ieħor, bil-għan li tikseb kompetenzi speċifiċi li huma meħtieġa mis-suq tax-xogħol, tikseb esperjenza tax-xogħol u takkwista fehim aħjar tal-kultura ekonomika u soċjali ta’ dak il-pajjiż.

Tranżnazzjonali

Fil-kuntest tal-Erasmus+, huwa relatat, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, ma’ kwalunkwe attività li tinvolvi mill-inqas żewġ Stati Membri tal-UE u pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.

Ħiliet trasversali (mhux intensivi; għall-ħajja)

Jinkludu l-kapaċità li persuna taħseb b’mod kritiku, tkun kurjuża u kreattiva, tieħu inizjattiva, issolvi l-problemi u taħdem b’mod kollaborattiv, tkun kapaċi tikkomunika b’mod effiċjenti f’ambjent multikulturali u interdixxiplinarju, tkun kapaċi għall-kuntest u timmaniġġja l-istress u l-inċertezza. Dawn il-ħiliet jagħmlu parti mill-kompetenzi ewlenin.

Għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni

Strumenti li jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jifhmu, japprezzaw u, fejn ikun xieraq, jirrikonoxxu l-eżiti tal-apprendiment u l-kwalifiki madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali

Proċess ta’ konferma minn korp awtorizzat li individwu kiseb l-eżiti tal-apprendiment imkejla skont standard rilevanti u li jikkonsisti mill-erba’ fażijiet distinti li ġejjin:

  1. Identifikazzjoni permezz ta’ djalogu ta’ esperjenzi partikolari ta’ individwu;
  2. Dokumentazzjoni biex l-esperjenzi tal-individwu jsiru viżibbli;
  3. Valutazzjoni formali ta’ dawn l-esperjenzi; u
  4. Ċertifikazzjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni li tista’ twassal għal kwalifika parzjali jew sħiħa

Post

Il-post fiżiku fejn tkun qed isseħħ attività.

Kooperazzjoni virtwali

Kwalunkwe forma ta’ kooperazzjoni li tuża għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata u appoġġata kwalunkwe azzjoni rilevanti tal-Programm.

Apprendiment virtwali

 L-akkwist tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi permezz tal-użu ta’ għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni li jippermettu lill-parteċipanti jkollhom esperjenza sinifikanti ta’ apprendiment tranżnazzjonali jew internazzjonali.

Pakkett ta’ Ħidma

Komponent tat-tqassim tax-xogħol tal-proġett. Dan jirrappreżenta grupp ta’ attivitajiet ta’ proġett li jimmiraw lejn objettivi speċifiċi komuni.

Żgħażagħ

Fil-kuntest tal-Programm Erasmus+, l-individwi li għandhom bejn it-13-il sena u t-30 sena.

  • 1 Iddefinit taħt it-terminu “rabta statutorja” f’dan il-Glossarju. ↩ back