Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

X’jiġri meta l-applikazzjoni tiġi approvata?

Ftehim ta’ għotja

Jekk il-proġett jintgħażel għal għotja mill-UE fil-qafas tal-Erasmus+:

  • il-ftehim ta’ għotja jiġi ffirmat bejn l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva u l-applikant. L-applikant se jirċievi l-ftehim ta’ għotja, li jrid jiġi ffirmat u mibgħut lura lill-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva; l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva hija l-aħħar parti li tiffirma. Meta l-għotja tiġi ffirmata miż-żewġ partijiet, l-applikant isir benefiċjarju ta’ għotja mill-UE u jista’ jibda 1
    • 1 l-proġettAra n-nota f’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq..

    Il-ftehimiet ta’ għotja jistgħu jieħdu l-forma ta’ ftehimiet monobenefiċjarji, fejn l-applikant ikun l-uniku benefiċjarju, jew ftehimiet multibenefiċjarji, li fihom is-sħab kollha tal-organizzazzjoni tal-konsorzju jsiru l-benefiċjarji tal-ftehim. Il-ftehim multibenefiċjarju jiġi ffirmat mill-koordinatur li huwa l-uniku punt ta’ kuntatt għall-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva. Madankollu, l-organizzazzjonijiet l-oħrajn kollha li jieħdu sehem fi proġett (kobenefiċjarji) jiffirmaw formola ta’ adeżjoni biex jagħtu lill-koordinatur, ir-responsabbiltà li jaġixxi bħala l-benefiċjarju ewlieni. Bħala regola ġenerali, il-formoli ta’ adeżjoni ta’ kull sieħeb lill-koordinatur għandhom jingħataw fl-istadju tal-applikazzjoni. Jekk dawn il-formoli ta’ adeżjoni jiġu pprovduti fi stadju aktar avvanzat, dawn iridu jsiru disponibbli sa mhux aktar tard minn meta jiġi ffirmat il-ftehim ta’ għotja.

    Nota bene: Ma humiex meħtieġa formoli ta’ adeżjoni għal organizzazzjonijiet sħab f’pajjiżi differenti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni applikanti fil-każ ta’ proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal tal-Edukazzjoni Għolja, proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti u l-persunal fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, proġetti ta’ mobbiltà għall-istudenti tal-iskola u l-persunal fl-edukazzjoni tal-iskola u fi proġetti ta’ mobbiltà għall-persunal fl-edukazzjoni għall-adulti. Madankollu, l-organizzazzjonijiet membri ta’ konsorzji nazzjonali fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, il-VET, l-edukazzjoni skolastika u għall-adulti huma meħtieġa jipprovdu formola ta’ adeżjoni lill-organizzazzjoni applikanti.

    Ammont tal-għotja

    L-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni ma tfissirx impenn biex jingħata finanzjament ugwali għall-ammont mitlub mill-applikant. Il-finanzjament mitlub jista’ jitnaqqas abbażi tar-regoli ta’ finanzjament speċifiċi li japplikaw għal Azzjoni partikolari.

    L-għoti ta’ għotja f’sessjoni partikolari ta’ għażla ma jistabbilixxix intitolament għal sessjonijiet sussegwenti.

    Għandu jiġi nnotat li l-ammont ta’ għotja previst mill-ftehim huwa massimu li ma jistax jiżdied, anke jekk il-benefiċjarju jitlob ammont ogħla.

    Il-fondi ttrasferiti mill-Aġenzija Eżekuttiva jew l-Aġenzija Nazzjonali jridu jiġu identifikati fil-kont jew is-subkont indikat mill-benefiċjarju għall-pagament tal-għotja.

    Proċeduri tal-pagament

    Skont it-tip ta’ Azzjoni, id-durata tal-ftehim ta’ għotja u l-valutazzjoni tar-riskju finanzjarju, il-proġetti appoġġati fil-qafas tal-Programm Erasmus+ se jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ pagament differenti.

    Għajr għall-ewwel pagament ta’ prefinanzjament, il-pagamenti jew l-irkupri l-oħrajn se jsiru abbażi tal-analiżi tar-rapporti jew it-talbiet għall-pagament sottomessi mill-benefiċjarju (il-mudelli ta’ dawn id-dokumenti se jsiru disponibbli matul is-sena fuq is-siti web tal-Aġenziji Nazzjonali jew fil-Portal tal-Finanzjament u l-Offerti għall-Aġenzija Eżekuttiva).

    Il-proċeduri ta’ pagament applikati fil-qafas tal-Erasmus+ huma deskritti hawn taħt.

    Pagament ta’ prefinanzjament

    Il-pagament ta’ prefinanzjament se jiġi ttrasferit lill-benefiċjarju fi żmien 30 jum mid-data minn meta l-aħħar waħda miż-żewġ -partijiet tiffirma l-ftehim ta’ għotja (“dħul fis-seħħ”), u fejn rilevanti, meta tiġi riċevuta kwalunkwe garanzija xierqa (ara t-taqsima “garanzija finanzjarja” hawn taħt). Il-prefinanzjament huwa maħsub biex il-benefiċjarju jkollu xi fondi għad-dispożizzjoni tiegħu fil-bidu. L-Aġenziji Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ewwel pagament ta’ prefinanzjament f’aktar minn pagament wieħed. Huma jistgħu jiddeċiedu wkoll li jnaqqsu l-prefinanzjament jew li ma jħallsu l-ebda prefinanzjament, jekk il-kapaċità finanzjarja tal-benefiċjarju titqies dgħajfa.

    Aktar pagamenti ta’ prefinanzjament

    Għal ċerti Azzjonijiet, se jiġu ttrasferiti pagamenti ta’ prefinanzjament ulterjuri lill-benefiċjarju fi żmien 60 jum kalendarju minn meta l-Aġenzija Nazzjonali jew l-Aġenzija Eżekuttiva, tirċievi t-talbiet għall-pagament ta’ prefinanzjament ulterjuri mressqa mill-benefiċjarju, iżda biss jekk it-talba għall-pagament ta’ prefinanzjament ulterjuri tkun akkumpanjata minn rapport dwar il-prefinanzjament. Dawn il-pagamenti ta’ prefinanzjament ulterjuri jistgħu jintalbu meta jkun intuża tal-inqas 70 % tal-pagament ta’ prefinanzjament preċedenti. Meta d-dikjarazzjoni dwar l-użu tal-pagament(i) ta’ prefinanzjament preċedenti turi li ntużaw inqas minn 70 % tal-pagament(i) ta’ prefinanzjament preċedenti biex jiġu koperti l-kostijiet tal-azzjoni, l-ammont tal-prefinanzjament il-ġdid li jrid jitħallas għandu jitnaqqas mill-ammonti mhux użati tal-prefinanzjament preċedenti.

    Rapporti interim jew ta’ progress/tekniċi

    Il-benefiċjarji jistgħu jintalbu jissottomettu rapport perjodiku jew interim li jakkumpanja t-talba għal pagament interim.

    F’każijiet oħrajn, il-benefiċjarji jistgħu jintalbu wkoll jissottomettu rapport ta’ progress li jagħti informazzjoni dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-proġett. Ir-rapporti ta’ progress ma jagħtux lok għal pagament ulterjuri. Ir-rapporti interim u dawk ta’ progress iridu jiġu sottomessi sad-data tal-għeluq indikata fil-ftehim ta’ għotja.

    Pagament finali jew irkupru tal-bilanċ

    L-ammont tal-pagament finali li jrid isir lill-benefiċjarju se jiġi stabbilit abbażi ta’ rapport finali li għandu jiġi sottomess sad-data tal-għeluq indikata fil-ftehim ta’ għotja. Jekk a) l-avvenimenti li jiġġeneraw l-għotja ma jiġux implimentati jew jiġu implimentati b’mod differenti milli ppjanat; jew b) il-kostijiet eliġibbli li jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju huma inqas minn dawk ippjanati fl-istadju ta’ applikazzjoni, jew c) il-kwalità tal-attivitajiet/outputs realizzati hija ta’ kwalità insuffiċjenti, il-finanzjament jista’ jitnaqqas b’mod proporzjonali jew, fejn ikun applikabbli, il-benefiċjarju jintalab iħallas lura kwalunkwe ammont żejjed li diġà jkun irċieva bħala pagament ta’ prefinanzjament.

    Għal ċerti Azzjonijiet, l-Aġenzija Nazzjonali jew Eżekuttiva tittrasferixxi 100 % tal-għotja mogħtija permezz prefinanzjamenti. F’każijiet bħal dawn, ma huwiex dovut pagament tal-bilanċ. Madankollu, jekk — abbażi ta’ rapport finali li għandu jiġi sottomess mill-benefiċjarju sal-iskadenza indikata fil-ftehim tal-għotja — a) l-avvenimenti li jiġġeneraw l-għotja ma jiġux implimentati jew jiġu implimentati b’mod differenti milli ppjanat; jew b) il-kostijiet eliġibbli li jiġġarrbu effettivament mill-benefiċjarju huma inqas minn dawk ippjanati fl-istadju ta’ applikazzjoni, jew c) il-kwalità tal-attivitajiet/outputs realizzati hija ta’ kwalità insuffiċjenti, il-benefiċjarju jintalab iħallas lura kwalunkwe ammont żejjed li diġà jkun irċieva bħala pagament ta’ prefinanzjament.

    Il-pagamenti ta’ prefinanzjament (jew partijiet minnhom) jistgħu jiġu kkumpensati (mingħajr il-kunsens tal-benefiċjarji) kontra ammonti dovuti minn benefiċjarju lill-awtorità tal-għoti — sal-ammont dovut lil dak il-benefiċjarju.

    Bħala regola ġenerali, il-pagament finali jew it-talba għall-irkupru tal-bilanċ se jinħarġu fi żmien 60 jum kalendarju minn meta jasal ir-rapport finali.

    ↩ back