Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ

Taħt din l-Azzjoni[1], l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu appoġġ biex iwettqu proġetti li jinkludu attività waħda jew aktar ta’ apprendiment għall-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjoni tagħhom.

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

Din l-Azzjoni tappoġġa l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u b’hekk l-iżvilupp ta’ xogħol taż-żgħażagħ ta’ kwalità fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u internazzjonali, permezz ta’ esperjenzi ta’ apprendiment mhux formali u informali f’attivitajiet ta’ mobbiltà. L-Azzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027, b’mod partikolari għall-Aġenda Ewropea tax-Xogħol għaż-Żgħażagħ[2] għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

B’mod aktar speċifiku, il-Proġetti ta’ Mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ għandhom l-għan li:

  • Tipprovdi opportunitajiet ta’ apprendiment mhux formali u informali għall-iżvilupp edukattiv u professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, filwaqt li tikkontribwixxi għal prattika individwali ta’ kwalità għolja kif ukoll għall-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet u s-sistemi tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • Tibni komunità ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li tista’ tappoġġa l-kwalità tal-proġetti u l-attivitajiet għaż-żgħażagħ fil-programmi tal-UE u lil hinn minnhom.
  • Tiżviluppa prattiki lokali ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u tikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċità għal ħidma ta’ kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ tal-parteċipanti u l-organizzazzjoni tagħhom, filwaqt li jkollha impatt ċar fuq il-ħidma regolari maż-żgħażagħ tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ.

IL-KUNTEST TAL-POLITIKA

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tistabbilixxi Qafas għal Kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, ibbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar “L-Impenn, il-Konnessjoni u l-Għoti tas-Setgħa liż-żgħażagħ”. L-Istrateġija trawwem il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, tappoġġa l-impenn soċjali u ċiviku u għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex jieħdu sehem fis-soċjetà. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ tinkludi wkoll proċess ta’ djalogu maż-Żgħażagħ u f’dak il-kuntest, fl-2018 ġew żviluppati 11-il għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ. Dawn l-għanijiet jidentifikaw oqsma transsettorjali li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ u jindikaw l-isfidi. L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ din il-viżjoni fir-rigward taż-żgħażagħ. Taħt il-qasam ewlieni “Setgħa”, l-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ qed tappoġġa l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ permezz tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ.

https://ec.europa.eu/youth/policy/youth-strategy_en

Strateġiji tematiċi fil-qasam taż-żgħażagħ

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, it-tisħiħ tal-kwalità ta’ proċessi ta’ apprendiment informali u mhux formali u l-iżvilupp ta’ ħidma ta’ kwalità fost iż-żgħażagħ. Aktar appoġġ f’dawn l-oqsma huwa disponibbli permezz ta’ strateġiji tematiċi speċifiċi, bħall-Istrateġija għall-Parteċipazzjoni taż-Żgħażagħ, il-Youthpass u l-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ (ETS)[3].

DESKRIZZJONI TAL-ATTIVITAJIET

Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali (PDAs)

L-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali huma attivitajiet tranżnazzjonali ta’ mobbiltà għall-apprendiment li jappoġġaw l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jieħdu l-forma ta’:

  • Żjarat ta’ studju u tipi differenti ta’ inkarigi, bħal job shadowing, skambji ta’ persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u apprendiment bejn il-pari, f’organizzazzjonijiet ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet attivi fil-qasam taż-żgħażagħ barra mill-pajjiż.
  • Networking u bini tal-komunità fost il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ li jieħdu sehem fl-azzjoni u li jappoġġaw l-għanijiet tagħha.
  • Korsijiet ta’ taħriġ li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ kompetenzi (eż. ibbażati fuq mudelli ta’ kompetenza eżistenti rilevanti), biex jimplimentaw prattiki ta’ kwalità ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ jew jindirizzaw u jittestjaw metodi innovattivi (pereżempju dawk relatati ma’ ħidma diġitali u intelliġenti fil-qasam taż-żgħażagħ[4]).
  • Seminars u workshops li jappoġġaw b’mod partikolari l-bini tal-għarfien u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki marbuta mal-għanijiet, il-valuri u l-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ u tal-programmi tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha.

L-attivitajiet li ġejjin mhumiex eliġibbli għal għotjiet taħt il-Proġetti ta’ Mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ: il-vjaġġi għal studji akkademiċi; l-attivitajiet li għandhom l-għan li jagħmlu profitt finanzjarju; l-attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala turiżmu; festivals; ivvjaġġar għal btala; tours ta’ prestazzjoni, laqgħat statutorji.

Barra minn hekk, il-proġetti jistgħu jinkludu wkoll l-attivitajiet t’hawn taħt.

Attivitajiet ta’ żvilupp u ta’ sensibilizzazzjoni tas-sistema

Il-proġetti ta’ mobbiltà għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ jistgħu jinkludu attivitajiet ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni, li huma attivitajiet komplementari li għandhom l-għan li jsaħħu l-impatt tal-proġett ta’ mobbiltà fuq il-post. Dawn jinkludu dawk l-attivitajiet kollha li jikkontribwixxu għall-Aġenda Ewropea għall-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ[5] għall-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u li jġibu lura t-tagħlimiet meħuda u l-għodod lill-organizzazzjonijiet involuti fil-proġetti u lil hinn. Dawn l-attivitajiet komplementari jirrappreżentaw opportunità għal benefiċjarji b’aktar esperjenza u riżorsi biex jittestjaw metodi u tweġibiet innovattivi għal sfidi kondiviżi, tip ta’ spazju għal “laboratorju Ewropew tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ” li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali implimentati fi ħdan il-proġetti u li jkollhom tifsira lil hinn minnhom.

Il-produzzjoni ta’ għodod u l-kondiviżjoni ta’ prattiki li jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet u s-sistemi tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ bini tal-komunità u l-introduzzjoni ta’ metodi innovattivi li jinkludu l-użu ta’ teknoloġiji diġitali permezz tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ huma xi eżempji. Dawn l-attivitajiet imorru lil hinn mill-attivitajiet ta’ tixrid ta’ segwitu, li huma parti miċ-ċiklu tal-ħajja normali tal-proġett, madankollu, attivitajiet ta’ tixrid aktar immirati u strateġiċi jistgħu wkoll ikunu adattati taħt dawn l-attivitajiet komplementari.

Attività ta’ żvilupp tas-sistema u ta’ sensibilizzazzjoni tista’ titwettaq fil-livell tranżnazzjonali jew nazzjonali.

Żjarat preparatorji

Iż-żjarat preparatorji għandhom l-għan li jiżguraw attivitajiet ta’ kwalità għolja billi jiġu ffaċilitati u jitħejjew arranġamenti amministrattivi, jinbnew il-fiduċja u l-fehim, u tiġi stabbilita sħubija soda bejn l-organizzazzjonijiet u n-nies involuti. Iż-Żjarat Preparatorji jsiru fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu qabel ma tibda l-Attività tal-Iżvilupp Professjonali.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

Proġett appoġġat minn din l-azzjoni jrid jinkludi PDA waħda jew aktar. L-attivitajiet jistgħu jiġu kkombinati b’mod flessibbli, skont l-għanijiet tal-proġett u l-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni(jiet) parteċipanti u l-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ.

Proġett jiġi implimentat minn tal-inqas żewġ organizzazzjonijiet. Kundizzjoni fundamentali għal twassil ta’ proġetti ta’ kwalità għolja hija li l-organizzazzjonijiet kollha involuti jeħtieġ li jiġu identifikati bħala sħubija soda fl-istadju tal-applikazzjoni. L-organizzazzjonijiet involuti jassumu r-rwoli li “jibagħtu” u/jew “li jirċievu” l-parteċipanti jiġifieri li jospitaw l-attività. Waħda mill-organizzazzjonijiet tassumi wkoll ir-rwol ta’ koordinatur u tapplika għall-proġett kollu f’isem is-sħubija.

Proġett jikkonsisti f’erba’ stadji: l-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu.

  • L-ippjanar (id-definizzjoni tal-ħtiġijiet, l-għanijiet, l-eżiti tal-apprendiment, il-formati tal-attività, l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma, l-iskeda tal-attivitajiet, eċċ.)
  • It-tħejjija (arranġamenti prattiċi, l-għażla tal-parteċipanti, it-twaqqif ta’ ftehimiet ma’ sħab, it-tħejjija lingwistika/interkulturali/relatata mal-apprendiment u l-kompiti tal-parteċipanti qabel it-tluq eċċ.);
  • L-implimentazzjoni tal-attivitajiet;
  • Is-segwitu (l-evalwazzjoni tal-attivitajiet, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, kif ukoll it-tixrid u l-użu tal-eżiti tal-proġett).

Proġett ta’ Mobbiltà ta’ kwalità għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ:

  • ikollu impatt ċar fuq il-ħidma regolari maż-żgħażagħ tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ u fuq l-organizzazzjoni tagħhom;
  • jiddependi mill-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, li għandhom jassumu rwol attiv fl-istadji kollha tal-proġett, u b’dan il-mod isaħħu l-esperjenza tagħhom ta’ apprendiment u żvilupp;
  • ikun ibbażat fuq ħtiġijiet identifikati b’mod ċar għall-edukazzjoni u l-iżvilupp professjonali tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ[6] b’mod partikolari dwar il-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent, u jkun akkumpanjat minn miżuri xierqa ta’ għażla, tħejjija u segwitu;
  • jiżgura li l-eżiti tal-apprendiment mhux formali u informali tal-parteċipanti jkunu rikonoxxuti kif xieraq u li l-eżiti tal-proġett, inklużi kwalunkwe metodu, materjal u għodda, ikunu trasferibbli u użati fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti, filwaqt li jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, u jkomplu jinxterdu b’mod wiesa’ fil-qasam taż-żgħażagħ;
  • jinkoraġġixxi lill-parteċipanti biex jirriflettu dwar suġġetti u valuri Ewropej u jipprovdi lill-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ b’għodod u metodi biex jippromwovu r-rispett u jimmaniġġjaw id-diversità fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.
  • jippromwovi l-użu ta’ prattiki u metodi innovattivi bħall-inklużjoni ta’ attivitajiet ta’ ħidma diġitali fil-qasam taż-żgħażagħ bil-ħsieb li jkun strument għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ diżinformazzjoni online u aħbarijiet foloz.

Proċess ta’ Apprendiment

Proġett għall-Mobbiltà tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ jeħtieġ li jipprevedi appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment, b’mod partikolari permezz tal-Youthpass, biex jappoġġa r-rikonoxximent u l-impatt tal-eżiti tal-proġett, il-prattiki tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ, il-metodoloġiji u l-materjali li jirriżultaw fil-qasam taż-żgħażagħ.

Inklużjoni u Diversità

Il-Programm Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. 

  • Il-proġetti għall-Mobbiltà tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ huma partikolarment adattati għall-ħiliet u l-kompetenzi tal-apprendiment għall-inklużjoni ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet fil-prattika tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ. L-involviment tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ fl-istadji kollha tal-proġett irawwem gwida bir-reqqa permezz tal-proċess tal-apprendiment u tal-iżvilupp u jippermetti segwitu aktar mill-qrib;
  • Il-preżenza ta’ ħarrieġa u faċilitaturi f’ħafna mill-attivitajiet tiżgura approċċ aktar mill-qrib u adattat, imfassal apposta għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti;
  • Il-proġett kollu jieħu approċċ konxju lejn l-inklużjoni u d-Diversità. Fl-ippjanar, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu, dawn l-aspetti jittieħdu inkunsiderazzjoni. Partikolarment importanti huwa l-mod ta’ kif dan itejjeb il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet parteċipanti li jindirizzaw kwistjonijiet ta’ inklużjoni u diversità fl-attivitajiet regolari tagħhom.
  • Il-flessibbiltà li l-azzjoni toffri fil-format tal-attivitajiet (eż. it-tul ta’ żmien, it-tip eċċ…) tippermetti li jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-parteċipanti u toffri formati ta’ attività xierqa għall-involviment tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet xierqa.

Il-proġetti għall-Mobbiltà tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ huma adatti wkoll biex jaħdmu fuq l-inklużjoni u d-diversità bħala s-suġġett tal-proġett, pereżempju l-iskambju ta’ prattiki u metodi inklużivi. 

Il-Protezzjoni u s-Sikurezza tal-parteċipanti

Matul l-ippjanar u t-tħejjija ta’ proġett, għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni u s-sikurezza tal-parteċipanti u għandhom jiġu previsti l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni/it-tnaqqis tar-riskji.

Sostenibbiltà Ambjentali

Proġett għandu jippromwovi mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti, filwaqt li jqajjem is-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dan għandu jitfassal u jiġi implimentat b’kuxjenza ambjentali pereżempju billi jiġu integrati prattiki sostenibbli bħall-għażla ta’ materjali li jistgħu jerġgħu jintużaw jew li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tnaqqis tal-iskart u r-riċiklaġġ, mezzi sostenibbli ta’ trasport.

Tranżizzjoni diġitali

Il-Programm Erasmus+ jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u biex itejbu l-kwalità tal-attivitajiet.

Standards ta’ Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ

L-implimentazzjoni tal-proġetti kollha appoġġati taħt din l-Azzjoni trid issegwi l-istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ biex jiġu organizzati attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment ta’ kwalità għolja. L-Istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ ikopru l-prinċipji bażiċi tal-Azzjoni, kif ukoll prattiki ta’ implimentazzjoni konkreti għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġetti, eċċ. L-Istandards ta’ Kwalità tal-Erasmus għaż-Żgħażagħ huma disponibbli hawnhekk https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-youth_en

KRITERJI LI JINTUŻAW BIEX JIĠI VVALUTAT DAN IL-PROĠETT

Kriterji ta’ Eliġibbiltà

Kriterji Ġenerali tal-Eliġibbiltà

Il-kriterji ġenerali t’hawn taħt japplikaw għal proġetti standard ta’ Mobbiltà tal-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ. Għall-akkreditazzjonijiet, jekk jogħġbok irreferi għat-taqsima rilevanti ta’ din il-gwida.

Organizzazzjonijiet parteċipanti eliġibbli

Organizzazzjoni parteċipanti tista’ tkun:

  • organizzazzjoni, assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, NGO; NGO Ewropea taż-Żgħażagħ; korp pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali; intrapriża soċjali; korp bi skop ta’ qligħ attiv fir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva;
  • grupp ta’ żgħażagħ attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ iżda mhux bilfors fil-kuntest ta’ organizzazzjoni taż-żgħażagħ (jiġifieri grupp informali ta’ żgħażagħ) [7]

stabbilita f’Pajjiż tal-Programm jew f’Pajjiż Sieħeb ġar tal-UE (ir-reġjuni minn 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi Eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

Min jista’ japplika?

L-applikant jista’ jkun kwalunkwe organizzazzjoni parteċipanti eliġibbli stabbilita f’Pajjiż tal-Programm. Din l-organizzazzjoni tapplika f’isem l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha involuti fil-proġett[8].

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

Durata tal-proġett

Minn 3 xhur sa 24 xahar

Fejn napplika?

Mal-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti

Meta napplika?

L-applikanti jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sad-dati li ġejjin:

11 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn il-1 ta’ Awwissu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena

5 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) għall-proġetti li jibdew bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Kif napplika?

Jekk jogħġbok ara l-Parti C ta’ din il-Gwida għal dettalji dwar kif wieħed għandu japplika.

Kriterji oħrajn

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa dikjarazzjoni fuq l-unur tar-rappreżentant legali.

Kull proġett irid jinkludi mill-inqas attività waħda ta’ Żvilupp professjonali.

Mal-formola tal-applikazzjoni jrid ikun hemm annessa skeda ta’ żmien għal kull waħda mill-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali, iż-żjarat preparatorji u l-attivitajiet ta’ żvilupp u komunikazzjoni tas-Sistema ppjanatai fil-proġett.

Kriterji ta’ Eliġibbiltà addizzjonali għall-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali

Durata tal-attivitajiet

Minn jumejn sa 60 jum, bl-esklużjoni tal-jiem tal-ivvjaġġar.

Il-minimu ta’ jumejn iridu jkunu konsekuttivi.

Post(ijiet) tal-attivitajiet

L-attivitajiet iridu jsiru fil-pajjiż ta’ waħda (jew diversi, f’każ ta’ attivitajiet itineranti) mill-organizzazzjonijiet parteċipanti fl-attività.

Numru ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti

Iridu jkunu involuti mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet parteċipanti (mill-inqas organizzazzjoni li tibgħat waħda u mill-inqas organizzazzjoni li tilqa’ waħda) minn pajjiżi differenti.

Attivitajiet fil-Pajjiżi tal-Programm: l-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha jridu jkunu minn Pajjiż tal-Programm.

Attivitajiet ma’ Pajjiżi Sħab Ġirien tal-UE: l-attività trid tinvolvi mill-inqas organizzazzjoni parteċipanti waħda minn Pajjiż tal-Programm u organizzazzjoni parteċipanti waħda minn Pajjiż Sieħeb ġar tal-UE.

Parteċipanti eliġibbli

L-ebda limitu ta’ età.

Il-parteċipanti, bl-eċċezzjoni ta’ ħarrieġa u faċilitaturi, iridu jkunu residenti fil-pajjiż tal-organizzazzjoni li tibgħat jew li tilqa’ tagħhom.

Numru ta’ parteċipanti

Numru of parteċipanti: Sa 50 parteċipant (bl-esklużjoni, fejn rilevanti, tal-ħarrieġa u tal-faċilitaturi) f’kull attività pjanata mill-proġett.

F’kull attività jridu jkunu involuti parteċipanti mill-pajjiż tal-organizzazzjoni li tilqa’.

Kriterji oħrajn

Mill-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet li tibgħat jew waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu fl-attività trid tkun mill-pajjiż tal-Aġenzija Nazzjonali li lilha tiġi sottomessa l-applikazzjoni.

Kriterji tal-Eliġibbiltà addizzjonali għaż-Żjarat Preparatorji

Post(ijiet) tal-attività

L-attività trid issir fil-pajjiż ta’ waħda mill-organizzazzjonijiet li jilqgħu.

Parteċipanti eliġibbli

Rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, ħarrieġa u faċilitaturi li jieħdu sehem fl-attività ewlenija.

KRITERJI GĦALL-GĦOTI

Il-proġetti se jiġu vvalutati skont il-kriterji li ġejjin: Biex jiġu kkunsidrati għall-finanzjament, il-proposti għandhom jilħqu punteġġ ta’ mill-inqas 60 punt. Barra minn hekk, irid ikollhom punteġġ ta’ mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn taħt.

Rilevanza, raġunament u impatt

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Ir-rilevanza tal-proġett għal:
    • l-għanijiet tal-Azzjoni;
    • il-ħtiġijiet tal-iżvilupp u l-evoluzzjoni tal-organizzazzjonijiet parteċipanti;
    • il-ħtiġijiet u l-għanijiet tal-persuni parteċipanti li jaħdmu maż-żgħażagħ.
  • Kemm il-proposta hi adattata:
    • għall-produzzjoni ta’ eżiti ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-apprendiment għall-persuni parteċipanti li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ;
    • għat-tisħiħ jew it-trasformazzjoni tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, fir-rigward tal-kwalità, l-innovazzjoni u r-rikonoxximent, kif ukoll il-kapaċitajiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, minn dawk lokali għal dawk globali kif xieraq.
    • għall-involviment tal-parteċipanti attivi fil-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ fl-organizzazzjonijiet parteċipanti,
    • għall-involviment ta’ organizzazzjonijiet li jwettqu ħidma konkreta fil-qasam taż-żgħażagħ u ħidma regolari maż-żgħażagħ fuq livell lokali.
  • L-impatt potenzjali tal-proġett:
    • fuq iż-żgħażagħ parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
    • fuq prattiki konkreti ta’ ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u ħidma ta’ kwalità fil-qasam taż-żgħażagħ;
    • barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li jieħdu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew Ewropew jew globali.
  • Kemm il-proġett jinkorpora miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu r-riżultati tiegħu sostenibbli lil hinn mill-ħajja tal-proġett;
  • Il-punt sa fejn il-proġett huwa adattat biex jikkontribwixxi għall-inklużjoni u d-diversità, id-dimensjonijiet ekoloġiċi, diġitali u parteċipatorji tal-Programm;
  • Il-punt sa fejn il-proġett jintroduċi organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza għall-Azzjoni.
  • Kemm l-attivitajiet proposti ta’ żvilupp u ta’ komunikazzjoni tas-sistema qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ambjent tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, (jekk applikabbli).

Il-kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 40 punt)

  • Il-konsistenza bejn il-ħtiġijiet identifikati, l-għanijiet tal-proġett, il-profili tal-parteċipanti u l-attivitajiet proposti;
  • Kemm il-proġett jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ tal-organizzazzjonijiet parteċipanti
  • Iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-fażijiet kollha tal-proġett: it-tħejjija (inkluża t-tħejjija pprovduta lill-parteċipanti), l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u s-segwitu;
  • L-adegwatezza tal-miżuri għall-għażla tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ (f’konformità mad-definizzjoni tal-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ fil-bażi ġuridika) fl-attivitajiet u kemm il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ ikunu involuti b’mod attiv fl-istadji kollha tal-proġett;
  • Kemm l-attivitajiet huma mfassla b’mod aċċessibbli u inklużiv u huma miftuħa għal parteċipanti b’inqas opportunitajiet. 
  • L-adegwatezza tal-metodi ta’ apprendiment parteċipattiv proposti, inkluż ta’ kwalunkwe komponent virtwali;
  • Il-kwalità tal-arranġamenti u l-appoġġ għall-proċess ta’ riflessjoni, l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment tal-parteċipanti, u l-użu konsistenti tal-għodod Ewropej ta’ trasparenza u ta’ rikonoxximent, b’mod partikolari l-Youthpass;
  • Ir-rappreżentanza bilanċjata tal-parteċipanti f’termini ta’ pajjiżi u ġeneru;
  • Kemm l-attivitajiet jinkorporaw prattiki sostenibbli u favur l-ambjent;
  • Il-kwalità tal-għodod u l-prattiki proposti taħt “attivitajiet ta’ żvilupp u komunikazzjoni tas-sistema” u kemm id-disinn tagħhom jista’ jiġi rreplikat u jispira organizzazzjonijiet oħra (jekk applikabbli)

Il-kwalità tal-ġestjoni tal-proġetti

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

  • Il-kwalità tal-arranġamenti prattiċi, il-ġestjoni u l-modalitajiet ta’ appoġġ;
  • Il-kwalità tal-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati oħra rilevanti;
  • Il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-fażijiet u l-eżiti differenti tal-proġett;
  • L-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn it-tixrid tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u lil hinn minnhom.

REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT

Il-kategorija tal-baġit

L-ispejjeż eliġibbli u r-regoli applikabbli

Ammont

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti, bl-esklużjoni tal-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi.

EUR 100 għal kull parteċipant f’attività ta’ Żvilupp Professjonali.

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti, inkluż l-akkumpanjaturi u l-faċilitaturi, mill-post ta’ oriġini tagħhom sal-post tal-attività u lura.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni..

L-applikant irid jindika d-distanza bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività[9] billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea[10].

Għall-attivitajiet itinerarji, l-applikant għandu jżid id-distanzi bejn il-postijiet individwali u jagħżel il-medda ta’ distanza li tikkorrispondi għat-total[11].

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar standard

Vjaġġar ekoloġiku

0 – 99 km

EUR 23

 

100 – 499 km

EUR 180

EUR 210

500 – 1999 km

EUR 275

EUR 320

2000 – 2999 km

EUR 360

EUR 410

3000 – 3999 km

EUR 530

EUR 610

4000 – 7999 km

EUR 820

 

8000 km jew aktar

EUR 1500

 

Appoġġ individwali

Spejjeż marbuta mas-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tat-tul tas-soġġorn għal kull parteċipant, inklużi l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi (jekk ikun meħtieġ), inkluż ukoll jum ta’ vjaġġar wieħed qabel l-attività u jum ta’ vjaġġar ieħor wara l-attività, u sa erbat ijiem addizzjonali għall-parteċipanti li jirċievu għotja għall-ivvjaġġar ekoloġiku.

Tabella A2.2 għal kull parteċipant għal kull jum.

Massimu ta’ EUR 1 100 għal kull parteċipant (inklużi ħarrieġa, faċilitaturi u akkumpanjaturi)

Appoġġ għall-inklużjoni

Spejjeż relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet, bl-esklużjoni tal-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi.

EUR 100 għal kull parteċipant

Spejjeż addizzjonali relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi, il-ħarrieġa u l-faċilitaturi tagħhom (inkluż spejjeż iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Ivvjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

100 % tal-ispejjeż eliġibbli

Appoġġ għaż-żjara preparatorja

Spejjeż marbuta mal-implimentazzjoni taż-żjara preparatorja li jinkludu l-ivvjaġġar u s-sussistenza.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: esklużi parteċipanti mill-organizzazzjoni li tilqa’. Massimu ta’ parteċipant wieħed għal kull organizzazzjoni parteċipanti jista’ jiġi ffinanzjat għal kull attività. Ma hemm l-ebda limitu għall-faċilitaturi li jieħdu sehem fl-attività prinċipali. Kundizzjonali: il-ħtieġa ta’ Żjara Preparatorja, l-għanijiet u l-parteċipanti jridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali.

EUR 575 għal kull parteċipant għal kull żjara preparatorja.

Attivitajiet ta’ żvilupp u ta’ sensibilizzazzjoni tas-sistema

Spejjeż marbuta mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet komplementari.

Spejjeż indiretti: Ammont b’rata fissa, li ma jaqbiżx 7 % tal-ispejjeż diretti eliġibbli tal-attivitajiet komplementari, huwa eliġibbli taħt spejjeż indiretti, u jirrappreżenta l-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-benefiċjarju li jistgħu jitqiesu debitabbli għall-attivitajiet komplementari (eż. kontijiet tad-dawl jew tal-internet, spejjeż għall-post, spejjeż tal-persunal permanenti, eċċ.).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali.

Regola tal-allokazzjoni: il-ħtieġa u l-għanijiet iridu jkunu ġġustifikati mill-applikant u approvati mill-Aġenzija Nazzjonali. Massimu ta’ 10 % tal-ispejjeż totali tal-proġett jistgħu jiġu allokati għal dawn l-attivitajiet.

Massimu sa 80 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

Spejjeż tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, tilqim, ċertifikati mediċi. Spejjeż tal-ivvjaġġar għaljin tal-parteċipanti, inklużi l-mexxejja tal-gruppi li jakkumpanjaw persuni u faċilitaturi; inkluż l-użu ta’ mezzi tat-trasport aktar nodfa, b’emissjonijiet tal-karbonju aktar baxxi.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Garanzija finanzjarja: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli

Spejjeż tal-viża u dawk relatati mal-viża, permessi ta’ residenza, tilqim, ċertifikati mediċi : 100 % tal-ispejjeż eliġibbli

Tabella A2.2 Appoġġ individwali għall-Attivitajiet ta’ Żvilupp Professjonali

 

Appoġġ Individwali (euro għal kull jum)

 

L-Awstrija

EUR 61

Il-Belġju

EUR 65

Il-Bulgarija

EUR 53

Il-Kroazja

EUR 62

Ċipru

EUR 58

Ir-Repubblika Ċeka

EUR 54

Id-Danimarka

EUR 72

L-Estonja

EUR 56

Il-Finlandja

EUR 71

Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

EUR 45

Franza

EUR 66

Il-Ġermanja

EUR 58

Il-Greċja

EUR 71

L-Ungerija

EUR 55

L-Iżlanda

EUR 71

L-Irlanda

EUR 74

L-Italja

EUR 66

Il-Latvja

EUR 59

Liechtenstein

EUR 74

Il-Litwanja

EUR 58

Il-Lussemburgu

EUR 66

Malta

EUR 65

In-Netherlands

EUR 69

In-Norveġja

EUR 74

Il-Polonja

EUR 59

Il-Portugall

EUR 65

Ir-Rumanija

EUR 54

Is-Serbja

EUR 45

Is-Slovakkja

EUR 60

Is-Slovenja

EUR 60

Spanja

EUR 61

L-Iżvezja

EUR 70

It-Turkija

EUR 54

Pajjiżi Sħab Ġirien

EUR 48

  1. Il-baġit prinċipali ta’ din l-Azzjoni huwa allokat biex jappoġġa attivitajiet tranżnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Pajjiżi tal-Programm. Madankollu, madwar 25 % tal-baġit disponibbli jista’ jiffinanzja attivitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali inklużi organizzazzjonijiet u parteċipanti minn Pajjiżi tal-Programm u Pajjiżi Sħab ġirien tal-UE (reġjuni 1 sa 4; ara t-taqsima “Pajjiżi eliġibbli” fil-Parti A ta’ din il-Gwida).

  2. Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar Il-Qafas għall-istabbiliment ta’ Aġenda Ewropea għall-Ħidma fil-Qasam taż-Żgħażagħ

    http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.ENG

  3. L-istrateġiji jistgħu jinstabu hawn: https://www.salto-youth.net/

  4. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XG1207(01)

  5. http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=uriserv:OJ.C_.2020.415.01.0001.01.ENG

  6. Irreferi għall-“Mudell ta’ Kompetenza tal-Istrateġija Ewropea għat-Taħriġ għall-Persuni li Jaħdmu maż-Żgħażagħ biex jaħdmu internazzjonalment”, https://www.salto-youth.net/rc/training-and-cooperation/trainingstrategy/

  7. Grupp ta’ mill-inqas erba’ żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena. Wieħed mill-membri tal-grupp li għandu mill-inqas 18-il sena jassumi r-rwol ta’ rappreżentant u jieħu r-responsabbiltà f’isem il-grupp. Jekk jogħġbok iċċekkja l-glossarju għad-definizzjoni ta’ grupp informali.

  8. L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jkollhom jiffirmaw mandat lill-organizzazzjoni applikanti. Il-mandati għandhom jiġu pprovduti fl-istadju tal-applikazzjoni u mhux aktar tard miż-żmien tal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.

  9. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1 999 km).    

  10. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm

  11. Pereżempju, jekk parteċipant minn Madrid (Spanja) ikun qed jieħu sehem f’attività itinerarja li sseħħ l-ewwel f’Ruma (l-Italja) u mbagħad f’Ljubljana (is-Slovenja), l-applikant l-ewwel se jikkalkula d-distanza bejn Madrid u Ruma (1365,28 KM), imbagħad bejn Ruma u Ljubljana (489,75 KM) u jżid iż-żewġ distanzi (1855,03 KM) b) jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1 999 KM) u c) jikkalkula l-għotja tal-UE li se tipprovdi l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-parteċipant minn Madrid għal Ljubljana (b’waqfa f’Ruma) u r-ritorn (EUR 275).

Tagged in: