Ħarsa ġenerali
Erasmus+ jappoġġja perjodi ta' taħriġ għal persunal li jaħdem f'istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.
B'Erasmus+, int tista' titħarreġ f'istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja f'Pajjiż tal-Programm Erasmus+ jew f'Pajjiż sieħeb jew f'organizzazzjoni barra s-settur f'Pajjiż tal-programm.
Eżempji ta' organizzazzjonijiet bħal dawn jinkludu negozji, korpi pubbliċi, imsieħba soċjali, istituzzjonijiet ta' riċerka u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Tul ta' żmien
Perjodu ta' taħriġ bejn żewġ Pajjiżi tal-programm irid idum minimu ta' jumejn u ma jistax idum iktar minn xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Perjodu ta' taħriġ bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb irid idum minimu ta' 5 ijiem u ma jistax idum iktar minn xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Kundizzjonijiet
Biex titħarreġ barra l-pajjiż ma' Erasmus+, l-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja tiegħek trid jew, fil-każ ta' Pajjiżi tal-programm, ikollha Karta ta' Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja jew, fil-każ ta' Pajjiżi sieħba, tkun iffirmat ftehim interistituzzjonali mal-istituzzjoni riċeventi.
L-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek u l-organizzazzjoni li fiha se titħarreġ iridu jkunu parti minn Konsorzju ta' Mobilità Nazzjonali ta' Erasmus+.
Qabel tibda l-perjodu ta' taħriġ tiegħek, int, l-istituzzjoni tiegħek u l-organizzazzjoni riċeventi tiffirmaw Ftehim ta' Mobilità. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet ta' tagħlim, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u wkoll kif it-taħriġ tiegħek se jiġi formalment rikonoxxut.
Appoġġ finanzjarju
L-għotjiet tal-UE jipprovdu kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż u din tista' tvarja skont:
- il-pajjiż riċeventi
- fil-każ ta' mobilità bejn Pajjiżi tal-programm, il-livell ta domanda mill-persunal minn pajjiżek li għandhom il-ħsieb li jitħarrġu barra l-pajjiż
- id-distanza bejn pajjiżek u l-pajjiż riċeventi
- fil-każ ta' perjodi ta' taħriġ bejn Pajjiżi tal-programm, id-disponibbiltà ta' sorsi finanzjarji oħrajn f'pajjiżek jew ir-reġjun tiegħek
Jekk il-perjodu ta' taħriġ tiegħek barra l-pajjiż hu bejn Pajjiżi tal-programm, l-istituzzjoni li qed tibgħatek se tkun responsabbli mill-ħlas tal-ispejjeż kollha. Jekk hu bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb, l-istituzzjoni li qed tibgħat u dik riċeventi se jiddeċiedu min minnhom se jħallas il-pagamenti tiegħek.
Il-livelli tal-għotjiet għall-mobilità bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb huma ppubblikati fil-Gwida tal-Programm. Iċċekkja s-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali u tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek għar-rati applikabbli għal perjodi ta' taħriġ bejn Pajjiżi tal-programm. Għal aktar informazzjoni dwar il-livelli tal-għotjiet, iċċekkja l-Gwida tal-Programm.
Kif tapplika
Int tapplika għal għotja permezz tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek. L-HEIs jagħżlu l-kandidati għall-perjodi ta' taħriġ barra l-pajjiż mill-persunal tagħhom.
L-għażla tal-persunal għandha tkun ġusta, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.
Sir af aktar
Ikkuntattja lill-uffiċċju internazzjonali jew ta' Erasmus+ tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek biex issir taf jekk dawn l-opportunitajiet humiex disponibbli.
L-Aġenziji Nazzjonali, għall-Pajjiżi tal-programm, u l-Uffiċċji Nazzjonali, għall-Pajjiżi sieħba (fejn huma disponibbli), jistgħu jgħinu bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet, u tista' tikkuntattja lill-Kummissjoni Ewropea permezz ta' EuropeDirect.
Fuq is-sit web IMOTION tista' ssib aktar informazzjoni dwar opportunitajiet ta' taħriġ għall-persunal.