Ħarsa ġenerali
L-Erasmus+ jappoġġja t-traineeships (kollokamenti f'impjieg, internships, eċċ.) barra l-pajjiż fi kwalunkwe post tax-xogħol għal studenti rreġistrati bħalissa f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f'Pajjiżi tal-Programm fil-livell ta' ċiklu qasir Baċċelerat jew Masters kif ukoll għal kandidati tad-dottorat. Dawn l-opportunitajiet huma miftuħin ukoll għall-gradwati reċenti.
Meta tagħmel traineeship barra minn pajjiżek, tista’ ttejjeb ħafna l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tiegħek li huma mfittxija mill-impjegaturi. Barra minn hekk, wieħed minn kull għaxar trainees tal-Erasmus+ ħolqu l-kumpanija tagħhom stess!
Il-Portal Erasmus Intern Traineeship żviluppat min-Network tal-Istudenti tal-Erasmus, jista' jgħinek issib traineeship tal-Erasmus+.
L-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Online tal-Erasmus+ se jgħinek titgħallem il-lingwa użata fil-post tax-xogħol tiegħek.
Benefiċċji għall-istudenti u l-gradwati reċenti
- żvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali u kreattivi apprezzati ħafna minn impjegaturi futuri
- titjib tal-ħiliet fil-lingwi barranin, ħiliet interpersonali u interkulturali ta’ ħidma f’tim
- ksib ta’ fehim aktar profond ta’ pajjiż ieħor u kultura oħra
Benefiċċji għall-kumpaniji
- trainee jista’ jipprovdi perspettiva internazzjonali ġdida, ideat innovattivi u appoġġ attiv
- trainee jġib miegħu entużjażmu ġdid u żieda fil-kompetittività u l-innovazzjoni
- il-kisba tal-għarfien tat-trainee dwar il-kultura ta’ pajjiżhom tista’ tiftaħ bibien għal swieq ġodda u tespandi n-negozju
- tisħiħ tal-kompetenzi fil-kumpanija: it-trainee jitgħallem mill-impjegati, iżda l-impjegati jistgħu jitgħallmu wkoll mingħand trainee internazzjonali permezz ta’ interazzjoni ma’ lingwi differenti u ħiliet aġġornati tal-IT
Il-kumpaniji jistgħu jippowstjaw l-offerti ta’ traineeships tagħhom fuq il-Portal Erasmus Intern Traineeship.
Tul ta’ żmien
It-traineeships barra l-pajjiż jistgħu jirċievu appoġġ mill-Erasmus+ minn xahrejn sa 12-il xahar.
L-istudenti u l-gradwati reċenti jistgħu jwettqu wkoll mobbiltà mħallta, li jfisser li jikkombinaw soġġorn fiżiku qasir barra l-pajjiż (bejn 5 ijiem u 30 jum) ma’ perjodu virtwali.
It-trainees jistgħu wkoll jikkombinaw traineeship tal-Erasmus+ ma' perjodu ta' studju barra l-pajjiż.
Kundizzjonijiet
It-traineeships tal-Erasmus+ huma miftuħin għal studenti rreġistrati f'istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li għandha Karta tal-Erasmus+ għall-Edukazzjoni Għolja.
It-traineeship trid tkun rilevanti għat-tagħlim relatat mal-lawrja u l-ħtiġijiet ta' żvilupp personali u, fejn possibbli, tkun integrata mal-programm ta' studju.
Traineeship tista’ ssir fi kwalunkwe organizzazzjoni li tinsab fi kwalunkwe post fid-dinja (bl-eċċezzjoni tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE).
Appoġġ finanzjarju
Il-livelli tal-għotjiet tal-Erasmus+ huma ppubblikati fil-Gwida tal-Programm Erasmus+.
Kif tapplika
Int tista' tapplika permezz tal-uffiċċju internazzjonali jew tal-Erasmus+ tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek.
Skopri aktar
Ara li tkun taf id-drittijiet u l-obbligi tiegħek meta tistudja jew tmur fuq traineeship barra l-pajjiż.
L-istudenti li jkollhom aktar mistoqsijiet dwar kif jieħdu sehem fl-Erasmus+ għandhom jiċċekkjaw il-mistoqsijiet frekwenti qabel ma jikkuntattjaw l-istituzzjoni tagħhom jew l-Aġenziji Nazzjonali għall-Pajjiżi tal-programm Erasmus+.
Tista’ wkoll tniżżel gwida dwar il-mobbiltà mħallta, li tagħti dettalji dwar kif l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu jorganizzaw opportunitajiet ta’ mobbiltà mħallta għall-istudenti u l-istaff.