Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Il -mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal fl-edukazzjoni għall-adulti

Din l-azzjoni tappoġġa lill-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment għall-istudenti adulti u għall-persunal tal-edukazzjoni.

Huma appoġġati firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, inklużi job shadowing u korsijiet ta’ żvilupp professjonali għall-persunal, mobbiltà individwali u ta’ gruppi ta’ studenti adulti b’inqas opportunitajiet (b’mod partikolari studenti adulti b’livell baxx ta’ ħiliet), l-esperti mistiedna, u attivitajiet oħra kif spjegat hawn taħt.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jippromwovu b’mod attiv l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà ambjentali u l-edukazzjoni diġitali permezz tal-attivitajiet tagħhom. Għandhom jagħmlu dan billi jużaw l-opportunitajiet speċifiċi ta’ finanzjament ipprovduti mill-Programm għal dawn l-għanijiet, billi jqajmu sensibilizzazzjoni fost il-parteċipanti tagħhom, billi jaqsmu l-aħjar prattiki, u billi jagħżlu disinn xieraq għall-attivitajiet tagħhom.

GĦANIJIET TAL-AZZJONI

L-għan tal-attivitajiet ta’ mobbiltà ffinanzjati minn Erasmus+ huwa li jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment lill-individwi u li jappoġġaw l-internazzjonalizzazzjoni u l-iżvilupp istituzzjonali tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. L-azzjoni se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet u għall-ħolqien tal-Edukazzjoni Ewropea. B’mod speċifiku, l-għanijiet ta’ din l-azzjoni huma:

  • It-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim u tal-apprendiment
  • il-promozzjoni tal-valuri tal-inklużjoni u tad-diversità, tat-tolleranza u tal-parteċipazzjoni demokratika
  • il-promozzjoni tal-għarfien dwar il-wirt u d-diversità komuni Ewropej
  • l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ networks professjonali madwar l-Ewropa
  • It-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-adulti fl-Ewropa għal kompetenzi ewlenin kif iddefiniti mill-qafas tal-UE (2018), inklużi ħiliet bażiċi (litteriżmu, numeriżmu, ħiliet diġitali) u ħiliet oħra fil-ħajja
  • l-estensjoni u d-diversifikazzjoni tal-offerta tal-edukazzjoni għall-adulti permezz tal-professjonalizzazzjoni tal-edukaturi u l-bini tal-kapaċità tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti
  • is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-aċċessibbiltà ta’ programmi ta’ tagħlim u ta’ apprendiment ta’ kwalità għolja f’kull forma ta’ edukazzjoni għall-adulti, u l-fatt li din issir rilevanti għall-ħtiġijiet tal-individwi u tas-soċjetà inġenerali
  • il-bini tal-kapaċità tal-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti biex iwettqu proġetti ta’ mobbiltà ta’ kwalità għolja
  • iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-adulti ta’ kull età u sfond soċjoekonomiku fl-edukazzjoni għall-adulti, speċjalment billi titrawwem il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet li jaħdmu ma’ studenti żvantaġġati, fornituri żgħar tal-edukazzjoni għall-adulti, parteċipanti ġodda fil-Programm u organizzazzjonijiet b’inqas esperjenza, kif ukoll organizzazzjonijiet lokali bbażati fil-komunità

KIF TAĊĊESSA L-OPPORTUNITAJIET TA’ MOBBILTÀ TA’ ERASMUS+?

Il-fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti u organizzazzjonijiet oħra attivi fl-edukazzjoni għall-adulti jistgħu japplikaw għall-finanzjament b’żewġ modi:

  • Proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal jipprovdu lill-organizzazzjonijiet applikanti b’opportunità li jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà varji fuq perjodu ta’ bejn sitt xhur u tmintax-il xahar. Il-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir huma l-aħjar għażla għall-organizzazzjonijiet li qed jippruvaw l-Erasmus+ għall-ewwel darba, jew għal dawk li jixtiequ jorganizzaw biss għadd limitat ta’ attivitajiet.
  • Il-proġetti akkreditati għall-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal huma miftuħa biss għall-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. Din il-linja ta’ finanzjament speċjali tippermetti lill-organizzazzjonijiet akkreditati biex jirċievu regolarment finanzjament għal attivitajiet ta’ mobbiltà li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni gradwali tal-Pjan Erasmus tagħhom.

L-akkreditazzjonijiet tal-Erasmus huma miftuħa għall-organizzazzjonijiet kollha li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fuq bażi regolari. Ma hemmx bżonn ta’ esperjenza preċedenti fil-Programm biex wieħed japplika. Biex issir taf aktar dwar din l-opportunità, jekk jogħġbok aqra l-kapitolu ta’ din il-gwida dwar l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-oqsma tal-edukazzjoni għall-adulti, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u l-edukazzjoni skolastika.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet jistgħu jingħaqdu mal-Programm mingħajr ma jissottomettu applikazzjoni billi:

  • Jingħaqdu ma’ konsorzju tal-mobbiltà eżistenti ta’ Erasmus immexxi minn koordinatur akkreditat tal-konsorzju f’pajjiżhom li jkun qed jaċċetta membri ġodda fil-konsorzju tiegħu.
  • L-ospitar ta’ parteċipanti minn pajjiż ieħor: kwalunkwe organizzazzjoni tista’ tospita parteċipanti li jkunu ġejjin minn organizzazzjoni sieħba barra l-pajjiż. Li ssir organizzazzjoni ospitanti hija esperjenza siewja u mod tajjeb ta’ kif toħloq sħubijiet u titgħallem aktar dwar il-Programm qabel ma tapplika inti stess.

L-ISTABBILIMENT TA’ PROĠETT

L-organizzazzjoni applikanti hija l-attur ewlieni fi proġett tal-Azzjoni Ewlenija 1. L-applikant jabbozza u jissottometti l-applikazzjoni, jiffirma l-ftehim tal-għotja, jimplimenta l-attivitajiet tal-mobbiltà, u jirrapporta lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħu. Il-proċess tal-applikazzjoni kemm għall-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll għall-akkreditazzjoni tal-Erasmus jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-pjanijiet tal-organizzazzjoni applikanti.

Il-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ attivitajiet disponibbli huma attivitajiet ta’ mobbiltà ħierġa. Dan ifisser li l-organizzazzjoni applikanti se taġixxi bħala organizzazzjoni li tibgħat: se tagħżel il-parteċipanti u tibgħathom lil organizzazzjoni ospitanti barra l-pajjiż. Barra minn hekk, hemm tipi speċjali ta’ attivitajiet li jippermettu lill-organizzazzjonijiet applikanti jistiednu esperti, għalliema u edukaturi fit-taħriġ fl-organizzazzjoni tagħhom. L-għan tal-attivitajiet deħlin mhuwiex li joħolqu skambji miż-żewġ naħat, iżda pjuttost li jinkludu persuni li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni tal-organizzazzjoni applikanti. Biex il-proċess tas-sejbien tas-sħab ikun aktar faċli, l-Erasmus+ jappoġġa għodod biex isibu sħab barra minn pajjiżhom: EPALE

L-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha appoġġati taħt din l-Azzjoni għandha ssegwi l-istandards tal-kwalità tal-Erasmus. L-istandards tal-kwalità ta’ Erasmus ikopru prattiki konkreti ta’ implimentazzjoni għal kompiti ta’ proġetti bħall-għażla u t-tħejjija tal-parteċipanti, id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati tal-proġett, eċċ. Biex taqra t-test sħiħ tal-istandards tal-kwalità ta’ Erasmus, jekk jogħġbok żur il-link li ġejja fuq is-sit web Europa: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/documents/erasmus-quality-standards-mobility-projects-vet-adults-schools_mt

It-taqsima ta’ hawn taħt tipprovdi informazzjoni dwar kif il-formati u l-kontenut tal-mobbiltà huma relatati ma’ xulxin biex jiġu żgurati attivitajiet ta’ mobbiltà ta’ kwalità tajba.

Inklużjoni u diversità

F’konformità mal-istandards tal-kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jiżguraw li joffru opportunitajiet ta’ mobbiltà b’mod inklużiv u ġust, lill-parteċipanti minn kull sfond. L-għażla ta’ studenti li se jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-proġett għandha tqis fatturi ewlenin bħall-motivazzjoni, il-mertu, kif ukoll l-iżvilupp personali u l-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-parteċipanti. Bl-istess mod, l-għażla tal-parteċipanti tal-persunal għandha tiżgura li l-benefiċċji tal-iżvilupp professjonali tagħhom ikunu disponibbli għall-istudenti kollha fl-organizzazzjoni.

Matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni u s-segwitu tal-attivitajiet ta’ mobbiltà, l-organizzazzjonijiet li jibagħtu u dawk ospitanti għandhom jinvolvu lill-parteċipanti f’deċiżjonijiet ewlenin biex jiġu żgurati benefiċċji u impatt massimi għal kull parteċipant.

L-organizzazzjonijiet parteċipanti li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ huma mħeġġa joħolqu u jiffaċilitaw b’mod attiv l-opportunitajiet ta’ mobbiltà, pereżempju billi jistabbilixxu twieqi ta’ mobbiltà fil-kalendarju akkademiku tagħhom u jiddefinixxu l-passi standard ta’ riintegrazzjoni għall-parteċipanti li jirritornaw.

Prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli

F’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus, l-organizzazzjonijiet li jirċievu appoġġ mill-Programm iridu jippromwovu mġiba ambjentalment sostenibbli u responsabbli fost il-parteċipanti tagħhom, u jridu jżidu s-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titnaqqas jew tiġi kkumpensata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu riflessi fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-Programm, speċjalment permezz ta’ appoġġ speċifiku ta’ finanzjament ipprovdut mill-Programm għall-promozzjoni ta’ mezzi sostenibbli ta’ vjaġġar. L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jintegraw dawn il-prinċipji fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom, u għandhom jippromwovu b’mod attiv bidla fil-mentalità u fl-imġiba fost l-istudenti u l-persunal tagħhom.

It-tranżizzjoni diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ

F’konformità mal-istandards ta’ kwalità tal-Erasmus, il-Programm jappoġġa lill-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha fl-inkorporazzjoni tal-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet fiżiċi tagħhom, biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sħab, u biex itejbu l-kwalità tal-apprendiment u t-tagħlim tagħhom. Barra minn hekk, l-għalliema u l-persunal amministrattiv jistgħu jibbenefikaw ukoll minn programmi ta’ taħriġ tal-ħiliet diġitali biex jiksbu ħiliet diġitali rilevanti biex jagħmlu użu minn teknoloġiji diġitali f’korsijiet u għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni.

Parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika

Il-programm għandu l-għan li jgħin lill-parteċipanti jiskopru l-benefiċċji taċ-ċittadinanza attiva u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika. L-opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ taħriġ appoġġati għandhom isaħħu l-ħiliet parteċipatorji f’oqsma differenti tas-soċjetà ċivika. Għalhekk, il-programm se jrawwem l-iżvilupp tal-kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu fil-media. Il-proġetti għandhom joffru opportunitajiet għall-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika, l-impenn soċjali u ċiviku permezz ta’ attivitajiet ta’ apprendiment formali jew mhux formali. Proġetti bħal dawn għandhom jiżviluppaw jew itejbu l-għarfien dwar u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri komuni tal-UE, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, id-dinjità tal-bniedem, u l-prinċipji tal-unità u d-diversità, id-djalogu interkulturali, kif ukoll il-wirt soċjali, kulturali u storiku Ewropew.

L-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin

Il-programm jappoġġa l-iżvilupp tul il-ħajja u t-tisħiħ tal-kompetenzi ewlenin[1] meħtieġa għall-iżvilupp u s-sodisfazzjon personali, l-impjegabbiltà, iċ-ċittadinanza attiva u l-inklużjoni soċjali. L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom joffru attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ apprendiment adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istudenti, jgħinuhom jiksbu indipendenza ekonomika u jneħħu l-ostakli li jiffaċċjaw fl-edukazzjoni u fil-kuntatti soċjali.

ATTIVITAJIET

Din it-taqsima tippreżenta t-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-fondi Erasmus+, kemm bħala parti minn proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll minn proġetti akkreditati.

Għal kwalunkwe attività, jista’ jingħata appoġġ addizzjonali lill-akkumpanjaturi tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet. L-akkumpanjaturi jistgħu jiġu appoġġati għall-perjodu sħiħ tal-attività jew għal parti minnha.

Mobbiltà tal-persunal

Formati disponibbli

  • Job shadowing (minn jumejn sa 60 jum)
  • Inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ (minn jumejn sa 365 jum)
  • Korsijiet u taħriġ (minn jumejn sa 30 jum)

Fil-każ ta’ korsijiet u taħriġ, it-tariffi eliġibbli għall-korsijiet se jkunu limitati għal total ta’ 10 ijiem għal kull parteċipant. L-għażla tal-korsijiet u t-taħriġ hija responsabbiltà tal-applikanti. L-istandards tal-kwalità li ġejjin ġew imfassla biex jiggwidaw lill-applikanti fl-għażla tagħhom tal-fornituri tal-kors: https://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/resources/quality-standards-courses-under-key-action-1-learning-mobility-individuals_mt

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha tal-mobbiltà tal-persunal jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti eliġibbli jinkludu għalliema, ħarrieġa, u l-esperti u l-persunal l-oħra kollha li ma jgħallmux fl-edukazzjoni għall-adulti.

Persunal eliġibbli li ma jgħallimx jinkludi persunal li jaħdem fl-edukazzjoni għall-adulti, jew f’fornituri tal-edukazzjoni għall-adulti (eż. persunal amministrattiv) jew f’organizzazzjonijiet oħra attivi fl-edukazzjoni għall-adulti (eż. voluntiera, konsulenti, koordinaturi tal-politika responsabbli għall-edukazzjoni għall-adulti, eċċ.).

Il-parteċipanti jridu jkunu qed jaħdmu fl-organizzazzjoni li tibgħat, jew iridu jkunu qed jaħdmu regolarment mal-organizzazzjoni li tibgħat biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjoni (pereżempju bħala ħarrieġa esterni, esperti, jew voluntiera).

Fil-każijiet kollha, il-kompiti li jorbtu lill-parteċipant mal-organizzazzjoni li tibgħat iridu jkunu ddokumentati b’mod li jippermetti lill-Aġenzija Nazzjonali tivverifika din ir-rabta (pereżempju ma’ kuntratt ta’ xogħol jew volontarjat, deskrizzjoni tal-kompitu, jew dokument simili). L-Aġenziji Nazzjonali għandhom jistabbilixxu prattika trasparenti u konsistenti dwar x’jikkostitwixxi relazzjonijiet ta’ ħidma aċċettabbli u dokumentazzjoni ta’ sostenn fil-kuntest nazzjonali tagħhom.

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra mill-pajjiż, fil-Pajjiżi tal-Programm.

Mobbiltà tal-istudenti

Formati disponibbli

  • Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti adulti (minn jumejn sa 30 jum, mill-inqas żewġ studenti għal kull grupp)
  • Mobbiltà għall-apprendiment individwali tal-istudenti adulti (minn jumejn sa 30 jum)

Minbarra l-mobbiltà fiżika, l-attivitajiet kollha ta’ mobbiltà tal-istudenti jistgħu jitħalltu ma’ attivitajiet virtwali. Id-durati minimi u massimi speċifikati hawn fuq japplikaw għall-komponent tal-mobbiltà fiżika.

Mobbiltà fi gruppi ta’ studenti adulti: grupp ta ’ studenti adulti mill-organizzazzjoni li tibgħat jista’ jqatta’ ħin f’pajjiż ieħor biex jibbenefika minn apprendiment innovattiv organizzat minn organizzazzjoni ospitanti. L-attivitajiet jistgħu jinkludu taħlita ta’ diversi metodi ta’ apprendiment formali, informali u mhux formali, bħall-apprendiment bejn il-pari, l-apprendiment ibbażat fuq ix-xogħol, il-volontarjat, u approċċi innovattivi oħra. Il-ħarrieġa kwalifikati mill-organizzazzjoni li tibgħat iridu jakkumpanjaw lill-istudenti għat-tul kollu tal-attività. Il-kontenut tal-attivitajiet ta’ mobilità fi gruppi għandu jiffoka fuq il-kompetenzi ewlenin tal-istudenti adulti jew l-inklużjoni u d-diversità, is-sostenibbiltà diġitali, ambjentali u d-dimensjonijiet parteċipatorji tal-programm.

Mobbiltà individwali tal-apprendiment ta’ studenti adulti: l-istudenti adulti jistgħu jqattgħu perjodu barra minn pajjiżhom f’organizzazzjoni ospitanti biex itejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ apprendiment individwali għal kull parteċipant. Il-programm ta’ apprendiment jista’ jinkludi taħlita ta’ diversi metodi ta’ apprendiment formali, informali u mhux formali, inkluż apprendiment fil-klassi, tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, job shadowing, osservazzjoni u approċċi innovattivi oħra.

Parteċipanti eliġibbli

Il-parteċipanti eliġibbli huma studenti adulti b’inqas opportunitajiet, b’mod partikolari studenti adulti b’livell baxx ta’ ħiliet. L-istudenti parteċipanti jridu jkunu rreġistrati fi programm ta’ edukazzjoni għall-adulti fl-organizzazzjoni li tibgħat[2].

Postijiet eliġibbli

L-attivitajiet iridu jsiru barra mill-pajjiż, f’Pajjiż tal-Programm.

Attivitajiet oħrajn appoġġati

Formati disponibbli

  • Esperti mistiedna (minn jumejn sa 60 jum)
  • L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qed jitħarrġu (minn 10 ijiem sa 365 jum)
  • Żjarat preparatorji

Esperti mistiedna: l-organizzazzjonijiet jistgħu jistiednu ħarrieġa, għalliema, esperti fil-politika jew professjonisti oħra kkwalifikati minn barra l-pajjiż li jistgħu jgħinuhom itejbu t-tagħlim, it-taħriġ u l-apprendiment fl-organizzazzjoni li tilqa’. Pereżempju, l-esperti mistiedna jistgħu jipprovdu taħriġ lill-persunal tal-organizzazzjoni li tilqa’, juru metodi ġodda ta’ tagħlim jew jgħinu fit-trasferiment ta’ prattiki tajba fl-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni.

L-ospitar tal-għalliema u l-edukaturi li jkunu qed jitħarrġu: l-organizzazzjonijiet applikanti jistgħu jospitaw għalliema li jkunu qed jitħarrġu li jkunu jixtiequ jwettqu traineeship barra minn pajjiżhom. L-organizzazzjoni ospitanti se tirċievi appoġġ biex tistabbilixxi l-attività, filwaqt li l-appoġġ għall-ivvjaġġar u dak individwali għall-parteċipant għandu jiġi pprovdut mill-istituzzjoni tagħhom li tibgħat (li tista’ tapplika għall-finanzjament tal-Erasmus+ għal dan il-għan).

Żjarat preparatorji: l-organizzazzjonijiet jistgħu jistabbilixxu żjara preparatorja għand is-sieħeb ospitanti tagħhom qabel ma sseħħ il-mobbiltà. Iż-żjarat preparatorji mhumiex attività awtonoma, iżda arranġament ta’ appoġġ għall-mobbiltà tal-persunal jew tal-istudenti. Kull żjara preparatorja jrid ikollha motivazzjoni ċara u trid isservi biex ittejeb il-kamp ta’ applikazzjoni u l-kwalità tal-attivitajiet ta’ mobbiltà. Pereżempju, jistgħu jiġu organizzati żjarat preparatorji biex tibda ssir ħidma ma’ organizzazzjoni sieħba ġdida, jew biex jitħejjew attivitajiet ta’ mobbiltà itwal. Ma jistgħux jiġu organizzati żjarat preparatorji biex jitħejja kors jew biex titħejja attività ta’ taħriġ għall-persunal.

Parteċipanti eliġibbli

L-esperti mistiedna jistgħu jkunu kwalunkwe persuna minn Pajjiż tal-Programm ieħor b’għarfien espert rilevanti.

L-ospitar ta’ għalliema u edukaturi li jkunu qed jitħarrġu huwa disponibbli għall-parteċipanti li jkunu rreġistrati fi programm edukattiv għall-għalliema jew li jkunu gradwaw[3] minnu dan l-aħħar (jew tip simili ta’ programm edukattiv għall-ħarrieġa jew l-edukaturi) f’Pajjiż tal-Programm ieħor.

Iż-żjarat preparatorji jistgħu jitwettqu minn persunal involut direttament fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ proġett li jkun f’relazzjoni ta’ ħidma mal-organizzazzjoni li tibgħat jew il-koordinatur ta’ konsorzju tal-mobbiltà. Eċċezzjonalment, parteċipanti potenzjali b’inqas opportunitajiet jistgħu jieħdu sehem fi żjarat preparatorji għall-attivitajiet tagħhom.

Postijiet eliġibbli

Iż-żjarat preparatorji jistgħu jsiru fil-Pajjiżi tal-Programm.

Il-post għall-esperti u l-għalliema mistiedna li jkunu qed jitħarrġu huwa dejjem l-organizzazzjoni benefiċjarja (inklużi l-membri tal-konsorzju).

PROĠETTI FUQ PERJODU TA’ ŻMIEN QASIR GĦALL-MOBBILTÀ TAL-ISTUDENTI U L-PERSUNAL FL-EDUKAZZJONI GĦALL-ADULTI

Il-proġetti fuq medda qasira ta’ żmien għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal huma mod dirett u sempliċi kif wieħed jista’ jibbenefika mill-Erasmus+. L-għan tagħhom huwa li jippermettu lill-organizzazzjonijiet jorganizzaw ftit attivitajiet b’mod faċli u jiksbu esperjenza fil-Programm.

Sabiex il-proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir jibqgħu sempliċi, dawn jinkludi limitu fuq in-numru ta’ parteċipanti u t-tul ta’ żmien tal-proġett. Il-format huwa miftuħ biss għal organizzazzjonijiet individwali u mhux għall-koordinaturi ta’ konsorzju. L-organizzazzjonijiet akkreditati ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir peress li diġà għandhom aċċess permanenti għall-finanzjament tal-Erasmus+.

L-applikazzjoni għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir tinkludi lista u deskrizzjoni tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni applikanti beħsiebha torganizza.

kriterji ta’ eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li ġejjin huma eliġibbli[4] biex japplikaw:

  1. Organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni formali, informali u mhux formali għall-adulti[5]
  2. L-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali, il-korpi ta’ koordinazzjoni u organizzazzjonijiet oħra bi rwol fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti

Madankollu, l-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni għall-adulti ma jistgħux japplikaw għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Pajjiżi eliġibbli

L-organizzazzjonijiet applikanti jridu jkunu stabbiliti f’Pajjiż tal-Programm.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenzi għall-applikazzjoni

Rawnd 1 għall-Aġenziji Nazzjonali kollha: 11 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Rawnd 2 għall-Aġenziji Nazzjonali li jiddeċiedu li jiftħu t-tieni skadenza: 5 ta’ Ottubru f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

L-Aġenziji Nazzjonali se jinfurmaw lill-applikanti dwar il-ftuħ tat-tieni skadenza permezz tas-sit web tagħhom.

Dati tal-bidu tal-proġett

Il-proġetti jistgħu jagħżlu d-dati tal-bidu li ġejjin:

  • Rawnd 1: bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena
  • Rawnd 2: bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ wara

Durata tal-proġett

Minn 6 xhur sa 18 xahar

Għadd ta’ applikazzjonijiet

Għal kull rawnd ta’ għażla, organizzazzjoni tista’ tapplika għal proġett wieħed biss fuq perjodu ta’ żmien qasir fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti.

L-organizzazzjonijiet li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu ta’ żmien qasir taħt l-ewwel rawnd ta’ applikazzjonijiet ma jistgħux japplikaw għat-tieni rawnd tal-istess sejħa għall-proposti.

Fi żmien perjodu ta’ kwalunkwe ħames snin ta’ sejħiet konsekuttivi, l-organizzazzjonijiet jistgħu jirċievu massimu ta’ tliet għotjiet għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. L-għotjiet riċevuti fil-perjodu 2014-2020 ma jgħoddux ma’ dan il-limitu.

Attivitajiet disponibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni għall-adulti. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

Applikazzjoni għal proġett fuq perjodu ta’ żmien qasir tista’ tinkludi massimu ta’ 30 parteċipant f’attivitajiet ta’ mobbiltà.

Iż-żjarat preparatorji u l-parteċipazzjoni tal-akkumpanjaturi mhux se jgħoddu ma’ dan il-limitu.

kriterji għall-għoti

L-applikazzjonijiet ippreżentati se jiġu vvalutati billi jiġu assenjati punti minn total ta’ 100, abbażi tal-kriterji u l-ponderazzjonijiet t’hawn taħt. Biex ikunu kkunsidrati għall-għoti, l-applikazzjonijiet iridu jissodisfaw il-limiti li ġejjin:

  • Mill-inqas 60 mit-total ta’ 100 punt, u
  • Mill-inqas nofs il-punti massimi f’kull waħda mit-tliet kategoriji tal-kriterji għall-għoti

Rilevanza

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • il-profil, l-esperjenza, l-attivitajiet u l-popolazzjoni fil-mira ta’ studenti tal-applikant huma rilevanti għall-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-għanijiet tal-azzjoni
  • il-proposta tal-proġett hija rilevanti għall-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:
    • l-appoġġ ta’ organizzazzjonijiet ġodda u b’inqas esperjenza
    • l-appoġġ lill-parteċipanti b’inqas opportunitajiet

Il-kwalità tat-tfassil tal-proġett

(punteġġ massimu ta’ 40 punt)

Il-punt sa fejn:

  • l-għanijiet proposti tal-proġett jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-organizzazzjoni applikanti, il-persunal tagħha u l-istudenti b’mod ċar u konkret
  • l-attivitajiet proposti u l-kontenut tagħhom huma xierqa għall-ilħuq tal-għanijiet tal-proġett
  • hemm pjan ċar ta’ ħidma għal kull waħda mill-attivitajiet proposti
  • il-proġett jinkorpora prattiki ambjentalment sostenibbli u responsabbli
  • il-proġett jinkorpora l-użu ta’ għodod diġitali u metodi ta’ apprendiment biex jikkomplementaw l-attivitajiet ta’ mobbiltà fiżika tagħhom, u biex itejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet sħab

Il-kwalità tal-azzjonijiet ta’ segwitu

(punteġġ massimu ta’ 30 punt)

Il-punt sa fejn:

  • l-applikant ippropona passi konkreti u loġiċi biex jintegra r-riżultati tal-attivitajiet ta’ mobbiltà fil-ħidma regolari tal-organizzazzjoni
  • l-applikant ippropona mod xieraq ta’ kif jiġu evalwati l-eżiti tal-proġett
  • l-applikant ippropona passi konkreti u effettivi biex ir-riżultati tal-proġett isiru magħrufa fi ħdan l-organizzazzjoni applikanti, biex ir-riżultati jiġu kondiviżi ma’ organizzazzjonijiet oħrajn u mal-pubbliku, u biex jiġi rikonoxxut b’mod pubbliku l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea

PROĠETTI AKKREDITATI GĦALL-MOBBILTÀ TAL-ISTUDENTI U L-PERSUNAL FL-EDUKAZZJONI GĦALL-ADULTI

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fl-edukazzjoni għall-adulti jistgħu japplikaw għall-finanzjament bħala parti minn linja ta’ finanzjament speċjali miftuħa għalihom biss. L-applikazzjonijiet huma bbażati fuq il-Pjan Erasmus li kien approvat qabel, u b’hekk lista u deskrizzjoni dettaljati tal-attivitajiet ippjanati mhumiex meħtieġa. Minflok, l-applikazzjonijiet jiffukaw fuq l-istima tal-baġit meħtieġ għas-sett ta’ attivitajiet li jmiss.

Kriterji ta’ eliġibbiltà

Organizzazzjonijiet eliġibbli: min jista’ japplika?

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus valida fl-edukazzjoni għall-adulti huma eliġibbli biex japplikaw.

Konsorzju ta’ mobbiltà

L-organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus għall-koordinaturi tal-konsorzju tal-mobbiltà jridu japplikaw għall-format tal-konsorzju tal-mobbiltà.

Il-lista tal-membri tal-konsorzju tal-mobbiltà trid tiġi pprovduta bħala parti mill-applikazzjoni u trid tinkludi mill-inqas organizzazzjoni membru waħda flimkien mal-koordinatur.

Kwalunkwe organizzazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal proġett ta’ mobbiltà akkreditat tista’ ssir membru ta’ konsorzju tal-mobbiltà. Il-membri tal-konsorzju mhumiex meħtieġa li jkollhom akkreditazzjoni tal-Erasmus.

L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem f’konsorzju tal-mobbiltà jistgħu jirċievu finanzjament minn massimu ta’ żewġ ftehimiet ta’ għotja tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti taħt l-istess Sejħa għall-proposti. Għalhekk, l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni għall-adulti li jirċievu għotja għal proġett fuq perjodu ta’ żmien qasir jew proġett akkreditat jistgħu jieħdu sehem ukoll f’konsorzju tal-mobbiltà wieħed biss tal-edukazzjoni għall-adulti bħala organizzazzjonijiet membri. Organizzazzjonijiet oħra jistgħu jieħdu sehem f’massimu ta’ żewġ konsorzji tal-mobbiltà.

Fejn tissottometti applikazzjoni?

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun stabbilita l-organizzazzjoni applikanti.

Skadenza għall-applikazzjoni

11 ta’ Mejju f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell)

Data tal-bidu tal-proġett

1 ta’ Settembru tal-istess sena

Durata tal-proġett

Il-proġetti akkreditati kollha se jkollhom durata inizjali ta’ 15-il xahar. Wara 12-il xahar, il-benefiċjarji kollha se jkollhom il-possibbiltà li jestendu l-proġett tagħhom għal durata totali ta’ 24 xahar.

Għadd ta’ applikazzjonijiet

L-organizzazzjonijiet akkreditati jistgħu japplikaw darba biss għal kull rawnd ta’ għażla.

Attivitajiet disponibbli

It-tipi kollha ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni għall-adulti. Għal lista dettaljata u għar-regoli, ara t-taqsima “Attivitajiet”.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett

In-numru ta’ parteċipanti li jistgħu jiġu inklużi fi proġetti akkreditati mhuwiex limitat, minbarra kwalunkwe limitazzjoni definita fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit.

Allokazzjoni tal-baġit

Il-kwalità tal-Pjan Erasmus tal-applikant ġiet ivvalutata fl-istadju tal-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni u għalhekk l-ebda valutazzjoni kwalitattiva mhi se ssir fl-istadju tal-allokazzjoni tal-baġit. Kwalunkwe applikazzjoni għal għotja eliġibbli se tirċievi finanzjament.

L-ammont tal-għotja mogħti se jiddependi fuq għadd ta’ elementi:

  • il-baġit totali disponibbli għall-allokazzjoni lil applikanti akkreditati
  • l-attivitajiet mitluba
  • l-għotja bażika u massima
  • il-kriterji ta’ allokazzjoni li ġejjin: prestazzjoni finanzjarja, prestazzjoni kwalitattiva, prijoritajiet ta’ politika, u bilanċ ġeografiku (jekk applikati mill-Aġenzija Nazzjonali)

Regoli dettaljati dwar l-għotja bażika u massima, punteġġ tal-kriterji tal-allokazzjoni, ponderazzjoni ta’ kull kriterju, il-metodu tal-allokazzjoni, u l-baġit disponibbli għall-proġetti akkreditati se jiġu ppubblikati mill-Aġenzija Nazzjonali qabel l-iskadenza tas-sejħa.

REGOLI DWAR IL-FINANZJAMENT

Ir-regoli dwar il-finanzjament li ġejjin se japplikaw għal proġetti fuq perjodu ta’ żmien qasir u għal proġetti akkreditati.

Il-kategorija tal-baġit

L-ispejjeż eliġibbli u r-regoli applikabbli

Ammont

Appoġġ Organizzazzjonali

Spejjeż marbuta direttament mal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mobbiltà li mhumiex koperti minn kategoriji oħra ta’ spejjeż.

Pereżempju: it-tħejjija (pedagoġika, interkulturali u oħrajn), il-mentoraġġ, il-monitoraġġ u l-appoġġ tal-parteċipanti matul il-mobbiltà, is-servizzi, l-għodod u t-tagħmir meħtieġa għall-komponenti virtwali f’attivitajiet imħallta, ir-rikonoxximent tal-eżiti tal-apprendiment, il-kondiviżjoni tar-riżultati u li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea jsir viżibbli għall-pubbliku.

L-appoġġ organizzattiv ikopri l-ispejjeż imġarrba kemm mill-organizzazzjonijiet li jibagħtu kif ukoll minn dawk ospitanti (ħlief fil-każ tal-mobbiltà tal-persunal għal korsijiet u taħriġ). Id-diviżjoni tal-għotja mogħtija se tiġi miftiehma bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

EUR 100

  • Għal kull student fil-mobbiltà tal-grupp.
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għall-korsijiet u t-taħriġ
  • Għal kull espert mistieden
  • Għal kull għalliem jew edukatur ospitat li jkun qed jitħarreġ

EUR 350; EUR 200 wara mitt parteċipant fl-istess tip ta’ attività

  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà individwali tal-apprendiment tal-istudenti adulti
  • Għal kull parteċipant fil-mobbiltà tal-persunal għal job shadowing u inkarigi ta’ tagħlim jew taħriġ

Ivvjaġġar

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-vjaġġ bir-ritorn tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi, mill-post ta’ oriġini tagħhom sal-post tal-attività.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tad-distanza tal-ivvjaġġar u n-numru ta’ persuni..

L-applikant irid jindika d-distanza tal-ajru bejn il-post tal-oriġini u l-post tal-attività[6] billi juża l-kalkulatur tad-distanza appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea[7].

Distanza tal-ivvjaġġar

Vjaġġar standard

Vjaġġar ekoloġiku

0 – 99 km

EUR 23

 

100 – 499 km

EUR 180

EUR 210

500 – 1999 km

EUR 275

EUR 320

2000 – 2999 km

EUR 360

EUR 410

3000 – 3999 km

EUR 530

EUR 610

4000 – 7999 km

EUR 820

 

8000 km jew aktar

EUR 1500

 

Appoġġ individwali

Spejjeż ta’ sussistenza għall-parteċipanti u l-akkumpanjaturi[8] matul l-attività.

Jekk ikun meħtieġ: l-ispejjeż ta’ sussistenza huma eliġibbli għal ħin ta’ vjaġġar qabel u wara l-attività, b’massimu ta’ jumejn ta’ vjaġġar għall-parteċipanti li jirċievu għotja standard għall-ivvjaġġar, u massimu ta’ erbat ijiem addizzjonali għal parteċipanti li jirċievu għotja ta’ vjaġġar ekoloġiku.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ persuni, it-tul taż-żjara u l-pajjiż li jilqa’[9].

Kategorija ta’ parteċipanti

Grupp ta’ pajjiżi 1

Grupp ta’ pajjiżi 2

Grupp ta’ pajjiżi 3

Persunal

EUR 90 - 180

EUR 80 - 160

EUR 70 - 140

Studenti

EUR 35 - 120

EUR 30 - 104

EUR 25 - 88

Dawn t’hawn fuq huma rati bażi għal kull jum ta’ attività. Kull Aġenzija Nazzjonali se tiddeċiedi dwar ir-rati bażi eżatti fil-meded permessi.

Ir-rata bażi hija pagabbli sal-14-il jum ta’ attività. Mill-15-il jum ta’ attività, ir-rata pagabbli tkun ugwali għal 70 % tar-rata bażi. Ir-rati pagabbli jiġu aġġustati għall-eqreb Euro sħiħ.

Appoġġ għall-inklużjoni

Spejjeż relatati mal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.

EUR 100 għal kull parteċipant

Spejjeż addizzjonali relatati direttament ma’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet u l-akkumpanjaturi tagħhom (inkluż spejjeż iġġustifikati relatati mal-ivvjaġġar u s-sussistenza jekk ma tintalabx għotja għal dawn il-parteċipanti permezz tal-kategoriji tal-baġit “Ivvjaġġar” u “Appoġġ individwali”).

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali.

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

100 % tal-ispejjeż eliġibbli

Żjarat preparatorji

Spejjeż li jkopru l-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipazzjoni fi żjara preparatorja.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

EUR 575 għal kull parteċipant, b’massimu ta’ tliet parteċipanti għal kull żjara

Tariffi tal-kors

Spejjeż li jkopru t-tariffi ta’ reġistrazzjoni għall-korsijiet u t-taħriġ.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tat-tul ta’ żmien tal-attività.

EUR 80 għal kull parteċipant kuljum; membru individwali tal-persunal jista’ jirċievi massimu ta’ EUR 800 f’tariffi tal-kors fi ħdan ftehim ta’ għotja wieħed.

Appoġġ lingwistiku

L-ispejjeż tal-provvista ta’ materjali għall-apprendiment tal-lingwi u ta’ taħriġ lill-parteċipanti li jeħtieġu jtejbu l-għarfien tal-lingwa li se jkunu qed jużaw biex jistudjaw jew jirċievu taħriġ matul l-attività tagħhom.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: kontribuzzjoni għall-ispejjeż unitarji.

Regola tal-allokazzjoni: abbażi tan-numru ta’ parteċipanti.

EUR 150 għal kull parteċipant eliġibbli għal Appoġġ Lingwistiku Online li ma jistax jirċevih minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-lingwa jew il-livell xieraq, minbarra l-persunal f’mobbiltà iqsar minn 31 jum. L-appoġġ lingwistiku individwali ma jiġix ipprovdut lill-istudenti adulti f’mobbiltà fi grupp.

Spejjeż eċċezzjonali

Spejjeż għall-għoti ta’ garanzija finanzjarja, jekk l-Aġenzija Nazzjonali titlob dan.

L-ispejjeż għalja tal-ivvjaġġar tal-parteċipanti u l-akkumpanjaturi tagħhom li ma jistgħux jiġu appoġġati mill-għotja standard “tal-Ivvjaġġar” minħabba d-distanza ġeografika jew ostakli oħra.

Mekkaniżmu ta’ finanzjament: spejjeż reali

Regola tal-allokazzjoni: it-talba trid tkun iġġustifikata mill-applikant u approvata mill-Aġenzija Nazzjonali.

Spejjeż għal garanzija finanzjarja: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli

Spejjeż kbar tal-ivvjaġġar: 80 % tal-ispejjeż eliġibbli tal-ivvjaġġar

  1. Kompetenzi ewlenin - https://ec.europa.eu/education/policies/school/key-competences-and-basic-skills_mt

  2. Id-definizzjoni ta’ programmi ta’ edukazzjoni għall-adulti u studenti adulti b’livell baxx ta’ ħiliet eliġibbli f’kull Pajjiż tal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti. Fil-prinċipju, il-persuni li ma lestewx mill-inqas programm ta’ edukazzjoni sekondarja għolja se jitqiesu bħala studenti adulti b’livell baxx ta’ ħiliet.

  3. Gradwati reċenti huma eliġibbli biex jipparteċipaw sa 12-il xahar wara li jkunu ggradwaw. F’każ li l-parteċipanti kienu qed iwettqu servizz ċivili jew militari obbligatorju wara li ggradwaw, il-perjodu ta’ eliġibbiltà se jiġi estiż bid-durata tas-servizz.

  4. Id-definizzjoni ta’ organizzazzjonijiet eliġibbli f’kull Pajjiż tal-Programm se tiġi ddefinita mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti u ppubblikata fuq is-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti flimkien ma’ eżempji rilevanti.

  5. Mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità Nazzjonali kompetenti, jekk jogħġbok innota li l-organizzazzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali lil studenti adulti ġeneralment jitqiesu li huma fornituri ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u mhux fornituri ta’ edukazzjoni għall-adulti. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkonsulta d-definizzjonijiet applikabbli fis-sit web tal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek.

  6. Pereżempju, jekk persuna minn Madrid (Spanja) qed tieħu sehem f’attività li qed issir f’Ruma (l-Italja), l-applikant se jikkalkula d-distanza minn Madrid sa Ruma (1365,28 KM) u mbagħad jagħżel il-medda tad-distanza tal-ivvjaġġar applikabbli (jiġifieri bejn 500 u 1 999 km).    

  7. http://ec.europa.eu/programmes/erasmus-plus/tools/distance_mt.htm

  8. Fil-każ ta’ akkumpanjaturi, japplikaw ir-rati għall-persunal. F’każijiet eċċezzjonali, fejn l-akkumpanjatur ikun jeħtieġ joqgħod barra mill-pajjiż għal aktar minn 60 jum, l-ispejjeż żejda ta’ sussistenza wara s-60 jum se jiġu appoġġati taħt l-intestatura tal-baġit “Appoġġ għall-inklużjoni”.

  9. Gruppi ta’ pajjiżi li jilqgħu:

    Grupp ta’ pajjiżi 1: In-Norveġja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, l-Iżlanda, l-Iżvezja, l-Irlanda, il-Finlandja, il-Liechtenstein;

    Grupp ta’ pajjiżi 2: In-Netherlands, l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, Ċipru, il-Greċja, Malta, il-Portugall;

    Grupp ta’ pajjiżi 3: Is-Slovenja, l-Estonja, il-Latvja, il-Kroazja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, it-Turkija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija, il-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja