Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Din il-paġna web għadha ma tirriflettix il-kontenut tal-Gwida tal-Programm Erasmus+ 2022. Madankollu, tista’ tiddawnlowdja l-gwida sħiħa għall-2022 bħala PDF fil-lingwa li għażilt permezz ta’ “Download” li tinsab fuq il-lemin ta’ din il-paġna.

Mobbiltà għall-apprendiment fil-qasam taż-żgħażagħ

Din it-taqsima tal-Gwida tal-Programm tippreżenta l-azzjonijiet ewlenin tal-Azzjoni Ewlenija 1 fil-qasam taż-Żgħażagħ. Dawn l-azzjonijiet jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment mhux formali u informali għaż-żgħażagħ u l-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ.

L-apprendiment mhux formali u informali jippermetti liż-żgħażagħ jiksbu kompetenzi essenzjali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjoedukattiv u personali tagħhom u jrawwem il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà, u b’hekk itejjeb il-prospetti ta’ impjieg tagħhom.

Permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attivitajiet ta’ mobbiltà għall-apprendiment, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ jiżviluppaw ħiliet rilevanti għall-iżvilupp professjonali tagħhom, irawmu prattiki organizzattivi ġodda u jtejbu l-kwalità tal-ħidma maż-żgħażagħ b’mod ġenerali.

L-attivitajiet ta’ apprendiment fil-qasam taż-żgħażagħ għandu jkollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq iż-żgħażagħ kif ukoll fuq l-organizzazzjonijiet involuti, il-komunitajiet fejn isiru dawn l-attivitajiet, fil-qasam taż-żgħażagħ stess u s-setturi Ewropej ekonomiċi u soċejtali b’mod ġenerali. L-Azzjonijiet li ġejjin huma appoġġati:

  • Mobbiltà taż-żgħażagħ - Skambji taż-żgħażagħ
  • Proġetti ta’ mobbiltà għall-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ
  • Attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

KIF TAĊĊESSA DAWN L-OPPORTUNITAJIET?

Hemm żewġ modi ta’ kif wieħed jista’ japplika għall-finanzjament:

  • Il-proġetti standard jipprovdu lill-organizzazzjonijiet applikanti u lill-gruppi informali taż-żgħażagħ b’opportunità li jimplimentaw attività waħda jew aktar taż-żgħażagħ fuq perjodu ta’ bejn tliet xhur u erbgħa u għoxrin xahar. Il-proġetti standard huma l-aħjar għażla għall-organizzazzjonijiet li qed jippruvaw l-Erasmus+ għall-ewwel darba, għal dawk li jixtiequ jorganizzaw proġett ta’ darba u/jew għadd limitat ta’ attivitajiet.
  • Il-proġetti akkreditati huma miftuħa biss għal organizzazzjonijiet li għandhom akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ. Din il-linja ta’ finanzjament speċjali tippermetti lill-organizzazzjonijiet akkreditati biex jirċievu regolarment finanzjament għal attivitajiet ta’ mobbiltà li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni gradwali tal-pjan ta’ akkreditazzjoni tagħhom.

L-organizzazzjonijiet li jridu jorganizzaw attivitajiet ta’ mobbiltà fuq bażi regolari jistgħu japplikaw għal akkreditazzjoni tal-Erasmus. Biex issir taf aktar dwar l-akkreditazzjonijiet, jekk jogħġbok aqra l-kapitolu ta’ din il-gwida dwar l-akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam taż-żgħażagħ.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi informali taż-żgħażagħ jistgħu jissieħbu fil-Programm mingħajr ma jippreżentaw applikazzjoni billi jingħaqdu fi proġett bħala sieħeb.

Tagged in: