Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Studenti u staff b’kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa

Kull istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, bl-iffirmar tal-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja, timpenja ruħha li tiżgura aċċess u opportunitajiet ugwali għall-parteċipanti minn kull sfond. Għalhekk, l-istudenti u l-istaff b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi ta' appoġġ li toffri l-istituzzjoni li qed tirċievi lill-istudenti u lill-istaff tagħha.

Min hu eliġibbli?

Biex ikun żgurat li persuna, li l-kundizzjonijiet individwali fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa huma tali li l-parteċipazzjoni tagħha fl-Erasmus+ ma tkunx possibbli mingħajr appoġġ finanzjarju addizzjonali, tkun tista' tgawdi l-benefiċċji sħaħ tal-arranġamenti ta' mobbiltà, l-Erasmus+ jagħti attenzjoni partikolari għall-gwida, il-merħba, l-aċċessibilità fiżika, is-servizzi pedagoġiċi u tekniċi, u, b'mod speċjali, il-finanzjament ta' spejjeż addizzjonali.

Diversi studenti u staff Ambaxxaturi tal-edukazzjoni għolja magħżulin biex jippromwovu l-programm Erasmus+ huma persuni b'diżabbiltajiet. Jessica mill-Irlanda offriet ruħha disponibbli biex tipparteċipa fl-Erasmus+ b'dan il-kliem:

"Iddeċidejt li mmur. Jien persuna li ma naqtax qalbi. Xtaqt nilqa' din l-isfida. Ma ħallejtx lid-diżabbiltà tiegħi żżommni lura. Fil-fatt naħseb għamlitni aktar determinata biex l-esperjenza Erasmus tiegħi tirnexxi."

X'għotja hi disponibbli?

Hu disponibbli finanzjament addizzjonali għal parteċipanti b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa permezz tal-appoġġ għall-inklużjoni tal-Erasmus+. Għalhekk, l-għotjiet tal-Erasmus+ jistgħu jkunu ogħla mill-għotjiet regolari għall-istudju, traineeship jew staff biex jagħmlu tajjeb għad-diffikultajiet speċjali ffaċċjati mill-parteċipant (bħal akkomodazzjoni adattata, attendenza medika, tagħmir ta' appoġġ, adattament tal-materjal tat-tagħlim, persuna li takkumpanja lill-istudenti u lill-istaff b'diżabbiltajiet). L-għotja għal appoġġ addizzjonali hu kontribuzzjoni bbażata fuq spejjeż reali.

L-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għandhom jiddeskrivu fuq is-sit web tagħhom kif l-istudenti u l-istaff b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa jistgħu jitolbu għotja ta' appoġġ addizzjonali bħal din.

Jista' jingħata finanzjament addizzjonali għal studenti u staff b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa wkoll minn sorsi oħra fuq livell lokali, reġjonali u/jew nazzjonali.

Kif tapplika?

Bi tħejjija għall-perjodu ta' mobbiltà tal-Erasmus+, parteċipanti b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa għandhom jindikaw il-ħtiġijiet tagħhom u l-ispejjeż addizzjonali biex japplikaw għal għotja ta' appoġġ addizzjonali għall-inklużjoni tal-Erasmus+ bl-appoġġ tal-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja li qed tibgħat.

Staqsi lill-koordinatur tal-Erasmus+ jew lill-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibagħtek dwar il-proċedura ta' applikazzjoni (skadenza tal-applikazzjoni, minn fejn tista' ġġib l-applikazzjoni, fejn trid tissottometti l-formola ta' applikazzjoni tiegħek, eċċ.).

L-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u/jew l-Aġenzija Nazzjonali se jivvalutaw l-applikazzjoni tiegħek u se jiddeċiedu l-ammont addizzjonali li tista' tirċievi.

Fejn tista' tikseb aktar informazzjoni?

B'mod ġenerali, l-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li qed tibagħtek għandha tiżgura li qed isiru l-arranġament meħtieġa fl-istituzzjoni li se tirċevik għall-ħtiġijiet speċjali tiegħek, sakemm int kont żvelajt il-kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa.

Biex tkun taf iktar dwar it-tip ta' faċilitajiet disponibbli fl-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li se tirċevik qabel ma tmur barra l-pajjiż, tista' tikkuntattja direttament lill-persuna li hi responsabbli għal dawn il-kwistjonijiet fl-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja prospettiva li se tirċevik. L-uffiċċju tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-università li qed tibagħtek għandu jkun jista' jgħinek.

Sabiex ikunu identifikati aħjar x'servizzi tista' tagħti kull istituzzjoni lill-parteċipanti mobbli, l-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jistgħu jispeċifikaw jekk għandhomx l-infrastruttura biex jilqgħu studenti u staff b'kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew relatati mas-saħħa fil-Ftehimiet Interistituzzjonali tagħhom mal-istituzzjonijiet sħab, u jiddeskrivu x'tip ta' servizzi ta' appoġġ jingħataw lill-istudenti.

Tista’ ssib informazzjoni utli fis-sit web dwar il-Mobbiltà Inklużiva.

Tista' tistaqsi wkoll lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek biex tagħtik aktar informazzjoni dwar kwistjonijiet speċifiċi li huma ta' tħassib għalik meta qed tippjana l-iskambju tiegħek barra l-pajjiż.

L-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u l-Edukazzjoni Inklużiva tipprovdi lista ta’ links, punti ta’ kuntatt, u informazzjoni għal pajjiżi madwar l-UE/iż-ŻEE li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali.