Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport

Il-Karta Tal-Istudenti Tal-Erasmus

Il-programm Erasmus+ għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tal-istudenti u tal-gradwati parteċipanti.

Slide

Il-programm Erasmus+ għandu l-għan li jappoġġa l-iżvilupp edukattiv, professjonali u personali tal-istudenti u tal-gradwati parteċipanti. Il-programm ifittex ukoll li jippromwovi opportunitajiet u aċċess indaqs, l-inklużjoni, id-diversità u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu.

Fl-aħħar nett, il-programm jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE relatati mat-trasformazzjoni diġitali, l-iżvilupp sostenibbli u ċ-ċittadinanza attiva.

Il-Karta tal-Istudenti tal-Erasmus tirrifletti l-valuri u l-prijoritajiet imsemmija hawn fuq, bl-għan li tinforma b’mod adegwat lill-parteċipanti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u tiżgura l-implimentazzjoni b’suċċess tal-mobilità tagħhom.

Ikseb verżjoni li tista’ tiġi pprintjata ta’ din il-karta

Niżżel din il-karta bħala pdf (bil-lingwi kollha tal-UE, bl-Iżlandiż, bil-Maċedonjan, bin-Norveġiż, bis-Serb u bit-Tork)

Niżżel il-karta mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet  

Id-drittijiet tiegħek; L-obbligi u d-dmirijiet tiegħek

Qabel il-perjodu ta’ mobilità

Id-drittijiet tiegħek

Int għandek id-dritt li tirċievi gwida dwar il-proċess tal-applikazzjoni u informazzjoni dwar l-istituzzjoni/l-organizzazzjoni li qed tilqgħek, kif ukoll dwar l-attivitajiet disponibbli għall-perjodu ta’ mobilità barra mill-pajjiż.

Int għandek id-dritt li tirċievi pagament ta’ prefinanzjament

  • fi żmien 30 jum kalendarju wara l-iffirmar tal-ftehim miż-żewġ partijiet jew
  • mal-konferma tal-wasla, u mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-perjodu ta’ mobilità.

Jekk qed tieħu sehem fil-mobilità tal-istudenti għall-istudji, jenħtieġ li tkun tista’ tiffirma ftehim diġitali ta’ apprendiment online li jistabbilixxi d-dettalji tal-attivitajiet barra mill-pajjiż. Jekk jintlaħaq ftehim mal-istituzzjoni tiegħek, tista’ tiffirma l-ftehim ta’ apprendiment online permezz tal-Applikazzjoni Mobbli tal-Erasmus+.
Int għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ rikonoxximent awtomatiku u dwar is-sistema ta’ klassifikazzjoni użata mill-istituzzjoni li qed tilqgħek.

Int għandek id-dritt li tirċievi informazzjoni dwar il-kisba ta’ assigurazzjoni, is-sejba ta’ akkomodazzjoni, il-ksib ta’ viża (jekk meħtieġ), u faċilitajiet/appoġġ disponibbli għal dawk bi bżonnijiet speċjali.

L-obbligi u d-dmirijiet tiegħek

Trid tiffirma ftehim ta’ għotja mal-istituzzjoni li tibagħtek u ftehim ta’ apprendiment mal-istituzzjoni li tibagħtek u ma’ dik li qed tilqgħek, li jistabbilixxi d-dettalji tal-attivitajiet barra mill-pajjiż, u dan huwa l-bażi biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent awtomatiku tal-perjodu ta’ mobilità tiegħek barra mill-pajjiż (billi jingħataw b'mod ċar il-krediti li inti mistenni(ja) tiggwadanja u li jgħoddu għal-lawrja li tkun qed tagħmel f’pajjiżek).

Jeħtieġ li tgħaddi minn valutazzjoni tal-lingwa online mingħajr ħlas permezz tal-Appoġġ tal-Lingwa Online wara li tintgħażel (sakemm dan ikun disponibbli fil-lingwa ewlenija tal-istruzzjoni/tax-xogħol barra mill-pajjiż), sabiex jiġi evalwat il-livell tiegħek u tikseb opportunitajiet biex taċċessa karatteristiċi speċifiċi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-apprendiment tal-lingwa tiegħek biex tagħmel l-aħjar użu mill-perjodu ta’ apprendiment tiegħek barra mill-pajjiż.

Meta tirċievi l-informazzjoni u l-gwida tikseb l-assigurazzjoni mill-Istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Għolja tiegħek, għandek tiżgura li jkollok kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa għas-soġġorn tiegħek barra mill-pajjiż. Fil-każ ta’ mobilità tal-istudenti għal traineeships, għandek tiżgura, flimkien mal-ospitant tat-traineeship tiegħek, li inti jkollok ukoll kopertura tal-assigurazzjoni ta’ responsabbiltà u tal-inċidenti.

Matul il-perjodu ta’ mobilità

Id-drittijiet tiegħek

Int għandek id-dritt li tiġi ttrattat(a) bl-istess mod bħall-istudenti/impjegati taal-pajjiż ospitanti u ma tkunx diskriminat(a) fuq il-bażi tal-età tiegħek, l-oriġini etnika, ir-razza, in-nazzjonalità, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-kultura, il-lingwa, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, ir-responsabbiltajiet ta’ kura jew ta’ ġenituri, il-mard, il-kapaċità jew id-diżabilità, l-istat ta’ saħħa mentali, il-kundizzjoni medika, id-dehra fiżika, l-isfond soċjoekonomiku, il-fidi jew l-affiljazzjoni reliġjuża jew in-nuqqas tagħha, l-affiljazzjoni politika jew l-opinjonijiet jew in-nuqqas tagħhom tiegħek, jew kwalunkwe distinzjoni oħra irrilevanti.

Int għandek id-dritt għal-libertà akkademika fil-komunikazzjoni jew fil-kondiviżjoni ta’ ideat u ta’ fatti, kif ukoll fi kwalunkwe riċerka potenzjali li tista’ twettaq matul il-perjodu ta’ mobilità tiegħek.

Int għandek id-dritt li tibbenefika minn networks ta’ mentors u ta’ buddies meta dawn ikunu disponibbli fl-istituzzjoni/fl-organizzazzjoni li qed tilqgħek.

Int għandek id-dritt li tinstema’ minn u li tiġi infurmat(a) dwar organizzazzjonijiet tal-istudenti fuq il-kampus, is-sistemi ta’ governanza u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tal-istituzzjoni li qed tilqgħek, kif ukoll kwalunkwe servizz rilevanti ta’ appoġġ għall-istudenti (eż. għaqdiet tal-istudenti u rappreżentanti tal-istudenti, ombudspersons).

Int għandek id-dritt li tkompli tirċievi l-istess għotjiet jew self għall-istudenti mill-pajjiż li qed jibagħtek waqt li tkun barra mill-pajjiż.

Int għandek id-dritt għal appoġġ finanzjarju addizzjonali, fil-forma ta’ żidiet, jekk int parteċipant b’inqas opportunitajiet jew jekk tagħżel li tivvjaġġa b’mezzi tat-trasport ekoloġiċi.

Ma għandekx tintalab tħallas tariffi għat-tagħlim, għar-reġistrazzjoni, għall-eżamijiet jew għall-aċċess ta’ faċilitajiet tal-laboratorju u tal-librerija matul il-perjodu ta’ mobilità.

Int għandek id-dritt li titlob bidliet għall-ftehim ta’ apprendiment sal-iskadenza deċiża mill-istituzzjonijiet li jibagħtu u li jilqgħu. Int għandek id-dritt li tippreżenta talba għall-estensjoni tat-tul tal-perjodu ta’ mobilità lill-istituzzjoni li qed tibagħtek.

L-obbligi u d-dmirijiet tiegħek

Trid tirrispetta r-regoli u r-regolamenti tal-istituzzjoni/organizzazzjoni li qed tilqgħek u tal-pajjiż ospitanti, inklużi, fost l-oħrajn, ir-regolamenti dwar l-imġiba, is-saħħa u s-sikurezza.

Trid tirrispetta l-kodiċi ta’ kondotta tal-istituzzjoni li qed tilqgħek, billi tirrikonoxxi d-diversità tal-komunità u ma tiddiskriminax kontra oħrajn fuq il-bażi tal-età, l-oriġini etnika, ir-razza, in-nazzjonalità, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-kultura, il-lingwa, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, ir-responsabbiltajiet ta’ kura jew ta’ ġenituri, il-mard, il-kapaċità jew id-diżabilità, l-istat ta’ saħħa mentali, il-kundizzjoni medika, id-dehra fiżika, l-isfond soċjoekonomiku, il-fidi jew l-affiljazzjoni reliġjuża jew in-nuqqas tagħha, l-affiljazzjoni politika jew l-opinjonijiet jew in-nuqqas tagħhom, jew kwalunkwe distinzjoni oħra irrilevanti.

Trid taġixxi b’mod responsabbli u b’rispett lejn il-komunità lokali u akkademika tiegħek. Li taġixxi b’mod rispettuż lejn l-oħrajn jimplika li tirrispetta l-liġi u, fost l-oħrajn, li ma tagħtix fastidju jew tibbulija lil ħaddieħor.

Trid tinvolvi ruħek f’imġiba li ma toħloq l-ebda riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tiegħek jew tal-oħrajn. Trid tirrispetta l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza tal-istituzzjonijiet/tal-organizzazzjonijiet tiegħek u tal-pajjiż ospitanti.

Trid tirrispetta l-prinċipju tal-integrità akkademika u trid tagħmel ħiltek biex tmur tajjeb kemm jista' jkun fl-eżamijiet rilevanti kollha jew f’forom oħra ta’ valutazzjoni.

Inti mħeġġeġ/mħeġġa li tieħu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kollha ta’ apprendiment disponibbli fl-istituzzjoni/organizzazzjoni li qed tilqgħek, kif ukoll li timmassimizza l-benefiċċji taż-żmien tiegħek barra minn pajjiżek billi tieħu sehem attiv fis-soċjetà lokali permezz ta’ attivitajiet/proġetti ta’ involviment interkulturali jew ċiviku.

Tista’ tintalab tariffa żgħira (fuq l-istess bażi bħall-istudenti lokali) għal spejjeż bħalma huma dawk tal-assigurazzjoni, is-sħubija fl-għaqdiet tal-istudenti jew l-użu ta’ materjali u tagħmir relatati mal-istudju.
Trid tissottometti kwalunkwe talba biex testendi t-tul tal-perjodu ta’ mobilità mill-inqas xahar qabel it-tmiem tal-perjodu ppjanat oriġinarjament.

Flimkien mal-istituzzjonijiet li jibagħtu u dawk li jilqgħu, trid tiżgura li l-bidliet għall-ftehim ta’ apprendiment jiġu vvalidati wara li tkun ġiet ippreżentata t-talba.

Wara l-perjodu ta’ mobilità

Id-drittijiet tiegħek

Int għandek id-dritt li tirċievi rikonoxximent akkademiku awtomatiku sħiħ mill-istituzzjoni li qed tibagħtek għall-attivitajiet li tlestew b’mod sodisfaċenti matul il-perjodu ta’ mobilità tiegħek, f’konformità mal-ftehim ta’ apprendiment.

Int għandek id-dritt u mħeġġeġ/mħeġġa titlob id-dokument ta’ Mobilità tal-Europass jekk int iggradwajt reċentement minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja li tinsab f’Pajjiż tal-Programm.

Int għandek id-dritt li tirċievi traskrizzjoni ta’ rekords, jekk possibbli f’format diġitali, mill-istituzzjoni li qed tilqgħek fi żmien ħames ġimgħat mill-pubblikazzjoni tar-riżultati tiegħek, li turi l-krediti u l-gradi li ġibt. Malli tirċievi t-traskrizzjoni ta’ rekords, l-istituzzjoni li bagħtitek se tagħtik informazzjoni kompluta dwar ir-rikonoxximent tal-kisbiet tiegħek.

Jekk inti rreġistrat(a) f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li tinsab f’Pajjiż tal-Programm, inti għandek id-dritt li jkollok il-komponenti rikonoxxuti inklużi fis-Suppliment tad-Diploma. Int għandek id-dritt li tirċievi s-Suppliment għad-Diploma, jekk possibbli, f’format diġitali u fil-verżjoni tal-lingwa oriġinali tiegħu.

Meta tagħmel traineeship, int għandek id-dritt li tirċievi ċertifikat tat-traineeship, jekk possibbli, f’format diġitali, mill-organizzazzjoni/istituzzjoni li qed tilqgħek, li jagħti fil-qosor il-kompiti mwettqa u li jipprovdi evalwazzjoni. L-istituzzjoni li qed tibagħtek se tagħtik ukoll traskrizzjoni tar-rekords, jekk speċifikat fil-ftehim ta’ apprendiment. Jekk it-traineeship ma kienx parti mill-kurrikulu, inti tista’ titlob li dan jiġi rreġistrat fid-dokument tal-mobilità tal-Europass u jekk inti rreġistrat(a) f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li tinsab f’pajjiż membru tal-proċess ta’ Bolonja, il-perjodu ta’ mobilità għandu jiġi rreġistrat ukoll fis-Suppliment tad-Diploma tiegħek.

L-obbligi u d-dmirijiet tiegħek

Trid timla rapport tal-parteċipant biex tipprovdi feedback dwar il-perjodu ta’ mobilità tal-Erasmus+ tiegħek lill-istituzzjoni li bagħtitek u lil dik li laqgħatek, lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Erasmus+ rilevanti u lill-Kummissjoni Ewropea.

Abbażi tal-esperjenzi tiegħek, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ imbagħad jistgħu jivvalutaw kif itejbu u jarrikkixxu l-Programm Erasmus+ għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Inti mħeġġeġ/mħeġġa taqsam l-esperjenza tal-mobilità tiegħek mal-ħbieb, ma’ studenti, ma’ persunal fl-istituzzjoni ta’ pajjiżek, ma’ ġurnalisti eċċ. sabiex tinforma lill-oħrajn dwar l-esperjenza u b'hekk jibbenefikaw minnha.
Għal dan il-għan, inti mħeġġeġ/mħeġġa tuża l-Applikazzjoni Mobbli tal-Erasmus+ u tikkondividi s-suġġerimenti tiegħek ma’ studenti futuri.

Inti mħeġġeġ/imħeġġa tingħaqad mal-komunitajiet lokali u nazzjonali tal-ex studenti u mal-Assoċjazzjonijiet tal-ex-studenti tal-Erasmus+, mal-organizzazzjonijiet tal-istudenti u ma’ proġetti li jippromwovu l-Erasmus+ u l-valuri tiegħu, kif ukoll mal-fehim reċiproku bejn in-nies, il-kulturi u l-pajjiżi u l-internazzjonalizzazzjoni f’pajjiżek.

Matul il-perjodu ta’ mobilità

Id-drittijiet tiegħek

Int għandek id-dritt għal aċċess u opportunitajiet ugwali u ekwi taħt il-programm Erasmus+, kif ukoll għal proċeduri ġusti, inklużivi u trasparenti fl-istadji kollha tal-mobilità tiegħek.

F’każ li tiltaqa’ ma’ problema jew temmen li d-drittijiet tiegħek ma humiex qegħdin jiġu rrispettati, l-ewwel tista’ tikkuntattja lill-istituzzjoni/organizzazzjoni li qed tibagħtek jew li qed tilqgħek u tfittex soluzzjoni magħhom. Għandek tidentifika l-problema b’mod ċar u tikkuntattja lill-persuna responsabbli rilevanti, skont in-natura tal-problema. L-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom għandhom jissemmew fil-ftehim ta’ apprendiment. Jekk ikun meħtieġ, għandek tgħaddi mill-proċeduri formali ta’ appelli stabbiliti fl-istituzzjoni/organizzazzjoni li qed tibagħtek jew li qed tilqgħek. Jekk l-istituzzjoni/organizzazzjoni li qed tibagħtek jew dik li qed tilqgħek tonqos milli tissodisfa l-obbligi deskritti fil-Karta Erasmus għall-Edukazzjoni Għolja jew fil-ftehim ta’ għotja tiegħek, inti tista’ tikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tal-Erasmus+ ikkonċernata.

L-għaqdiet tal-istudenti u r-rappreżentanti tal-istudenti, kemm tal-istituzzjonijiet li qed jibagħtuk kif ukoll ta’ dawk li qed jilqgħuk, jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalik. L-istituzzjonijiet li qed jibagħtuk u dawk li jilqgħuk jistgħu jindikawlek fejn għandek issib il-kuntatti tal-għaqdiet u tar-rappreżentanti tal-istudenti lokali.

L-obbligi u d-dmirijiet tiegħek

Biex tappoġġak f’kull pass tal-mobilità tiegħek, inti mħeġġeġ/mħeġġa tniżżel l-Applikazzjoni Mobbli tal-Erasmus+, li huwa l-ewwel punt ta’ dħul tiegħek għas-servizzi, pariri u opportunitajiet rilevanti għall-perjodu ta’ mobilità tiegħek barra mill-pajjiż.

Inti mistieden/mistiedna wkoll tagħmel użu mill-Appoġġ tal-Lingwa Online mfassal għall-parteċipanti tal-programm Erasmus+, sabiex tikseb aċċess għal għodod speċifiċi tal-apprendiment tal-lingwi li se jgħinuk tifhem il-lingwi li tixtieq titkellem fil-ħajja ta’ kuljum jew fl-attivitajiet ta’ mobilità tiegħek.

Inti mħeġġeġ/mħeġġa toqgħod attent(a) għall-impatt tal-mobilità tiegħek fuq l-ambjent, pereżempju billi tieħu azzjonijiet li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju tal-vjaġġi tiegħek.

Jekk jogħġbok ikkuntattja lill-istituzzjoni/lill-organizzazzjoni li qed tibagħtek u dik li qed tilqgħek dwar x’inhuma l-għażliet disponibbli għalik biex tagħmel l-esperjenza tal-Erasmus+ tiegħek aktar ekoloġika.

X’jiġri jekk ma tirrispettax din il-Karta?

L-istituzzjoni li qed tibagħtek u/jew dik li tilqgħek tista’ tiddeċiedi li ttemm il-perjodu ta’ mobilità tiegħek barra mill-pajjiż.