Ħarsa ġenerali
Mobbiltà għat-tagħlim tal-istudenti adulti b’inqas opportunitajiet tista’ tiġi organizzata kemm fi grupp kif ukoll individwalment.
Grupp ta’ studenti adulti mill-organizzazzjoni li tibgħat jista’ jqatta’ żmien f’pajjiż ieħor biex jibbenefika minn tagħlim innovattiv organizzat minn organizzazzjoni ospitanti. Il-kontenut tal-attivitajiet tal-mobbiltà tal-grupp għandu jkun iffukat fuq kompetenzi ewlenin għall-istudenti adulti jew fuq id-dimensjonijiet tal-inklużjoni u d-diversità, dik diġitali, tas-sostenibbiltà ambjentali u dik parteċipattiva tal-programm.
L-istudenti adulti jistgħu wkoll iqattgħu perjodu f’pajjiż barrani b’mod individwali f’organizzazzjoni ospitanti biex itejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom. Irid jiġi ddefinit programm ta’ tagħlim individwali għal kull parteċipant u jista’ jinkludi tagħlim fil-klassi, tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, job-shadowing, osservazzjoni u approċċi innovattivi oħra.
Tul ta’ żmien
Mobbiltà ta’ grupp ta’ studenti adulti tista’ ddum minn jumejn sa tletin jum, b’tal-inqas żewġ studenti f’kull grupp. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Mobbiltà individwali għat-tagħlim ta’ studenti adulti tista’ ddum minn jumejn sa xahar. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Kundizzjonijiet
Biex inti tipparteċipa fil-mobbiltà tal-istudenti adulti f’pajjiż barrani mal-Erasmus+, l-organizzazzjoni tiegħek tal-edukazzjoni tal-adulti trid tapplika biex tikseb akkreditazzjoni tal-Erasmus fil-qasam tal-edukazzjoni tal-adulti jew biex tipparteċipa fi proġett ta’ mobbiltà fuq perjodu ta’ żmien qasir. Fiż-żewġ każijiet, l-organizzazzjonijiet għandhom jaderixxu ma’ sett ta’ standards ta’ kwalità għal proġetti ta’ mobbiltà dwar prattiki ta’ ġestjoni tajba, jipprovdu kwalità u appoġġ lill-parteċipanti, u jikkondividu r-riżultati u l-għarfien dwar il-programm.
Fil-każ ta’ mobbiltà individwali tal-istudenti, inti, flimkien mal-istituzzjoni tiegħek u l-organizzazzjoni li se tospitak, tiffirmaw Ftehim ta’ Tagħlim. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet tat-tagħlim, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u wkoll kif se jiġi rikonoxxut b’mod formali l-perjodu ta’ studju barra minn pajjiżek.
Appoġġ finanzjarju
L-għotja tal-UE tappoġġja l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u ta’ sussistenza tiegħek, u hija ġestita mill-organizzazzjoni tiegħek tal-edukazzjoni għall-adulti. Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ jipprovdi mezzi biex tiġi appoġġjata l-inklużjoni ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet.
Kif tapplika
Biex tipparteċipa f’mobbiltà tal-istudenti adulti, ma tistax tapplika direttament għal għotja bħala individwu. L-applikazzjonijiet iridu jsiru mill-organizzazzjoni tal-edukazzjoni għall-adulti, li min-naħa tagħhom jagħżlu l-kandidati għall-perjodi ta’ studju barra l-pajjiż.
L-għażla tal-istudenti adulti għal attivitajiet ta’ mobbiltà għandha tkun ġusta, inklużiva, trasparenti u dokumentata sew.
Skopri aktar
Jekk ikollok bżonn aktar informazzjoni dwar il-possibbiltajiet biex tipparteċipa f’mobbiltà bħala student adult, l-Aġenziji Nazzjonali jistgħu jgħinuk.