Ħarsa ġenerali
Erasmus+ jappoġġja perjodi ta' tagħlim f'istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (HEIs) barra l-pajjiż.
Jekk taħdem f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja, tista' tqatta' żmien tgħallem f'istituzzjoni f'Pajjiż tal-programm Erasmus+ jew f'Pajjiż sieħeb.
Huma disponibbli opportunitajiet ta' tagħlim ukoll għal persunal li jaħdem f'organizzazzjonijiet f'Pajjiż tal-programm.
Eżempji ta' organizzazzjonijiet bħal dawn jinkludu negozji, korpi pubbliċi, imsieħba soċjali, istituzzjonijiet ta' riċerka u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Tul ta' żmien
Perjodu ta' tagħlim bejn żewġ Pajjiżi tal-programm irid idum minimu ta' jumejn u massimu ta' xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Perjodu ta' tagħlim bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb irid idum minimu ta' 5 ijiem u massimu ta' xahrejn. Dan jeskludi ż-żmien tal-ivvjaġġar.
Matul iż-żjara tiegħek barra l-pajjiż, l-attività ta' tagħlim trid tinkludi minimu ta' 8 sigħat fil-ġimgħa (jew kwalunkwe perjodu iqsar taż-żjara) ta' ħin attwali ta' tagħlim.
Kundizzjonijiet
Jekk taħdem f'HEI, l-istituzzjoni tiegħek trid jew, fil-każ ta' Pajjiżi tal-programm, ikollha Karta ta' Ersamus għall-Edukazzjoni Għolja jew, fil-każ ta' Pajjiżi sieħba, tkun iffirmat ftehim interistituzzjonali mal-istituzzjoni riċeventi.
HEIs tal-Pajjiżi tal-programm għandhom l-opportunità li jistiednu persunal minn negozji jew organizzazzjonijiet oħrajn li jinsabu f'Pajjiżi tal-programm biex jgħallmu fl-istituzzjoni tagħhom.
Qabel ma tibda l-perjodu ta' tagħlim tiegħek, l-HEI tiegħek u l-istituzzjoni riċeventi jiffirmaw Ftehim ta' Mobilità. Dan id-dokument jistabbilixxi l-għanijiet, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek u wkoll kif se jiġi rikonoxxut il-perijodu ta' tagħlim.
Appoġġ finanzjarju
L-għotjiet tal-UE jipprovdu kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u sussistenza matul iż-żmien li tqatta' barra l-pajjiż u din tista' tvarja skont:
- il-pajjiż riċeventi
- fil-każ ta' mobilità bejn Pajjiżi tal-programm, il-livell ta' domanda mill-persunal minn pajjiżek li għandhom il-ħsieb li jgħallmu barra l-pajjiż
- id-distanza bejn pajjiżek u l-pajjiż riċeventi
- fil-każ ta' mobilità bejn Pajjiżi tal-programm, id-disponibbiltà ta' sorsi finanzjarji oħrajn f'pajjiżek jew ir-reġjun tiegħek.
Jekk il-perjodu ta' tagħlim tiegħek barra l-pajjiż hu bejn Pajjiżi tal-programm bħala persunal tal-edukazzjoni għolja, l-istituzzjoni li qed tibgħatek se tkun responsabbli mill-pagamenti kollha. Jekk int ġej minn negozju jew organizzazzjoni, l-HEI li stednitek biex tgħallem trid tħallas l-ispejjeż kollha. Jekk il-perjodu ta' tagħlim tiegħek barra l-pajjiż hu bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb, l-istituzzjoni li qed tibgħatek u dik riċeventi se jiddeċiedu min minnhom se jħallas il-pagamenti tiegħek.
Il-livelli tal-għotjiet għal perjodi ta' tagħlim barra l-pajjiż bejn Pajjiż tal-programm u Pajjiż sieħeb huma ppubblikati fil-Gwida tal-Programm Erasmus+. Iċċekkja mal-Aġenzija Nazzjonali tiegħek u l-HEI li qed tibgħatek għar-rati applikabbli għal perjodi ta' tagħlim bejn Pajjiżi tal-programm.
Kif tapplika
Int tapplika għal għotja permezz tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek. L-HEIs jagħżlu kandidati għal perjodi ta' tagħlim barra l-pajjiż mill-persunal tagħhom u jistiednu persunal minn negozji jew organizzazzjonijiet oħrajn.
L-għażla tal-persunal biex jgħallem barra l-pajjiż għandha tkun ġusta, trasparenti u ddokumentata kif xieraq.
Kun af aktar
Ikkuntattja lill-uffiċċju internazzjonali tal-istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja tiegħek biex issir taf aktar dwar l-opportunitajiet li huma disponibbli għalik.
Il-Gwida tal-Programm ukoll toffri informazzjoni dettaljata dwar dawn l-opportunitajiet.
L-Aġenziji Nazzjonali, għall-Pajjiżi tal-programm, u l-Uffiċċji Nazzjonali, għall-Pajjiżi sieħba (fejn disponibbli), jistgħu jgħinu bil-mistoqsijiet u l-applikazzjonijiet.