Skip to main content

Erasmus+

EU programme for education, training, youth and sport
Search the guide

Azzjoni Ewlenija 1: Mobbiltà għall-Apprendiment tal-Individwi

L-Azzjonijiet appoġġati taħt din l-Azzjoni Ewlenija huma mistennija jġibu effetti pożittivi u dejjiema fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti involuti, kif ukoll fuq is-sistemi tal-politika fejn tali attivitajiet ikunu integrati.

Fir-rigward tal-istudenti tal-iskola, l-istudenti, t-trainees, l-apprendisti, l-istudenti adulti u ż-żgħażagħ, l-attivitajiet tal-mobbiltà appoġġati minn din l-Azzjoni Ewlenija għandhom jipproduċu wieħed jew aktar mill-eżiti li ġejjin:

  • titjib fil-prestazzjoni tal-apprendiment;
  • tisħiħ tal-impjegabbiltà u titjib fil-prospetti tal-karriera;
  • sens akbar ta’ inizjattiva u intraprenditorija;
  • emanċipazzjoni u awtostima akbar;
  • titjib fil-kompetenzi tal-lingwa barranija u diġitali;
  • tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni interkulturali;
  • parteċipazzjoni aktar attiva fis-soċjetà;
  • tisħiħ tal-interazzjonijiet pożittivi ma’ persuni minn sfondi differenti;
  • sensibilizzazzjoni aħjar dwar il-proġett Ewropew u l-valuri tal-UE;
  • motivazzjoni akbar biex jieħdu sehem f’taħriġ jew edukazzjoni (formali/mhux formali) fil-ġejjieni wara l-perjodu ta’ mobbiltà barra mill-pajjiż.

Fir-rigward tal-persunal, il-persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ u l-professjonisti involuti fl-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, l-attivitajiet ta’ mobbiltà huma mistennija li jipproduċu wieħed jew aktar mill-eżiti li ġejjin:

  • kompetenzi mtejba, marbuta mal-profili okkupazzjonali tagħhom (tagħlim, taħriġ, ħidma fost iż-żgħażagħ, eċċ.);
  • fehim aħjar tal-prattiki, il-politiki u s-sistemi fl-edukazzjoni, it-taħriġ jew il-ħidma fost iż-żgħażagħ bejn il-pajjiżi;
  • kapaċità akbar biex jiġu skattati bidliet f’termini ta’ modernizzazzjoni u ftuħ internazzjonali fi ħdan l-organizzazzjonijiet edukattivi tagħhom;
  • fehim akbar tal-interkonnessjonijiet bejn l-edukazzjoni formali u dik mhux formali, it-taħriġ vokazzjonali u s-suq tax-xogħol rispettivament;
  • kwalità aħjar tax-xogħol u l-attivitajiet tagħhom favur l-istudenti, it-trainees, l-apprendisti, l-istudenti tal-iskola, l-istudenti, l-istudenti adulti u ż-żgħażagħ;
  • fehim u rispons akbar għat-tipi kollha ta’ diversità, eż. id-diversità soċjali, etnika, lingwistika, tal-ġeneri u kulturali kif ukoll ħiliet diversi;
  • kapaċità akbar biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ persuni b’inqas opportunitajiet;
  • żieda fl-appoġġ u l-promozzjoni ta’ attivitajiet ta’ mobbiltà għall-istudenti;
  • żieda fl-opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u tal-karriera;
  • titjib fil-kompetenzi tal-lingwa barranija u diġitali;
  • żieda fil-motivazzjoni u fis-sodisfazzjon fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom.

L-attivitajiet appoġġati taħt din l-Azzjoni huma mistennija wkoll jipproduċu l-eżiti li ġejjin fuq l-organizzazzjonijiet parteċipanti:

  • żieda fil-kapaċità biex jaħdmu fuq livell tal-UE/internazzjonali: ħiliet ta’ ġestjoni u strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni mtejba; kooperazzjoni msaħħa mas-sħab minn pajjiżi oħrajn; żieda fl-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji (minbarra fondi tal-UE) biex jiġu organizzati proġetti tal-UE/internazzjonali; żieda fil-kwalità fit-tħejjija, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fis-segwitu tal-proġetti tal-UE/internazzjonali;
  • mod innovattiv u mtejjeb ta’ operazzjoni lejn il-gruppi ta’ mira tagħhom, billi jiġu pprovduti pereżempju: programmi aktar attraenti għall-istudenti, it-trainees, l-apprendisti u ż-żgħażagħ f’konformità mal-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom; kwalifiki mtejba tal-persunal ta’ tagħlim u taħriġ; proċessi mtejba ta’ rikonoxximent u validazzjoni ta’ kompetenzi miksuba matul perjodi ta’ tagħlim barra l-pajjiż; attivitajiet aktar effettivi għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali, metodi u prattiki mtejba tal-ħidma fost iż-żgħażagħ sabiex jiġu involuti b’mod attiv iż-żgħażagħ u/jew jiġu indirizzati gruppi żvantaġġati, eċċ;
  • ambjent aktar modern, dinamiku, impenjat u professjonali ġewwa l-organizzazzjonijiet: lest li jintegra prattiki tajba u metodi ġodda fl-attivitajiet ta’ kuljum; miftuħ għal sinerġiji ma’ organizzazzjonijiet attivi f’oqsma soċjali, edukattivi u ta’ impjiegi differenti; l-ippjanar b’mod strateġiku tal-iżvilupp professjonali tal-persunal tagħhom b’rabta mal-ħtiġijiet individwali u l-objettivi organizzattivi; iż-żamma tal-komunikazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u s-sensibilizzazzjoni tat-titjib jekk rilevanti, u l-kapaċità li jiġu attirati studenti u persunal akkademiku eċċellenti minn madwar id-dinja kollha.

Fuq perjodu twil, l-effett ikkombinat tal-bosta eluf ta’ proġetti appoġġati taħt din l-Azzjoni Ewlenija huwa mistenni li jħalli impatt fuq is-sistemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ fil-pajjiżi parteċipanti, biex b’hekk jistimola r-riformi tal-politika u jattira riżorsi ġodda għall-opportunitajiet ta’ mobbiltà fl-Ewropa u lil hinn minnha.

F’dan ir-rigward, fl-2024, il-Programm se jkompli jiġi mobilizzat ukoll biex jimmitiga l-konsegwenzi soċjoekonomiċi u edukattivi tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna billi jappoġġa proġetti tal-mobbiltà li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna.